EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5382

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali” (COM(2016) 593 final — 2016/0280 (COD)) u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju” (COM(2016) 594 final — 2016/0284 (COD)) u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni” (COM(2016) 596 final — 2016/0278 (COD))

ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali”

(COM(2016) 593 final — 2016/0280 (COD))

u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju”

(COM(2016) 594 final — 2016/0284 (COD))

u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni”

(COM(2016) 596 final — 2016/0278 (COD))

(2017/C 125/03)

Relatur:

Juan MENDOZA CASTRO

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 6.10.2016

 

Kunsill, 26.10.2016 u 24.10.2016

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-“Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum”

Adottata fis-sezzjoni

13.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

144/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ miżuri biex id-drittijiet tal-awtur jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-ekonomija diġitali.

1.2

L-UE hija nieqsa minn sistema integrata ta’ drittijiet tal-awtur. Biex tistabbilixxi sistema bħal din, l-objettiv prinċipali huwa li titneħħa l-frammentazzjoni filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-protezzjoni tal-awturi anke quddiem il-ġganti teknoloġiċi li jiddominaw is-suq.

1.3

Il-qasam tad-drittijiet tal-awtur huwa kkumplikat ħafna minħabba li jeżistu diversi partijiet interessati b’interessi differenti, iżda li xorta huma bżonn xulxin. Ir-regolamentazzjoni għandha tistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet tal-partijiet kollha, waqt li jiġu evitati l-burokrazija u r-rekwiżiti bla bżonn.

1.4

Fid-dawl tal-approċċ “progressiv” tal-Kummissjoni, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi riveduta u kkonsolidata l-liġi eżistenti inklużi t-tibdiliet li saru f’Direttivi oħra, tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġu proposti miżuri dwar il-każijiet tal-magni tat-tiftix fuq l-internet u trasferiment b’xejn ta’ kontenut permezz tan-netwerks tal-Wi-Fi u jiġu regolati ċerti aspetti permezz ta’ regolament.

1.5

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza u l-bżonn li l-UE tirratifika immedjatament it-Trattat ta’ Marrakexx dwar id-drittijiet tal-awtur għall-persuni neqsin mid-dawl hija importanti u neċessarja.

1.6

Trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u trażmissjoni mill-ġdid diġitali tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju: il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija adegwata u ser tippromovi d-distribuzzjoni ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi Ewropej. Il-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini” mhuwiex kontradittorju mat-territorjalità tad-dritt u l-libertà kuntrattwali.

1.7

Adattament tal-eċċezzjonijiet għall-ambjent diġitali u transkonfinali: għalkemm il-proposti tal-Kummissjoni jidentifikaw il-problemi b’mod korrett, il-KESE jipproponi numru ta’ emendi għalihom biex id-drittijiet tal-awtur jiġu adattati aħjar għar-rekwiżiti attwali. Dawn huma:

jiġi inkluż il-prinċipju ta’ nullità ipso jure ta’ kwalunkwe ftehim li jmur kontra l-eċċezzjonijiet u l-limiti tad-drittijiet tal-awtur (1);

l-estrazzjoni ta’ testi u ta’ data:

bil-għan li jiġu promossi l-intrapriżi innovattivi, il-kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 2 tal-proposta) għandu jinkludi riċerkaturi u intrapriżi li joperaw għall-profitt;

ikun għaqli li l-prinċipju li s-sempliċi fatti u d-data m’għandhomx ikunu soġetti għad-drittijiet tal-awtur (imsemmija fil-premessa 8) jiġi inkluż fit-test;

kopja ta’ xogħlijiet għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali  (2): l-eċċezzjoni għandha tiġi ċċarata u estiża sabiex ix-xogħlijiet li mhumiex disponibbli minn kanali kummerċjali jew li mhumiex fornuti b’mod attiv mid-detenturi tad-drittijiet jistgħu jsiru aċċessibbli online għal skopijiet mhux ta’ profitt;

jitneħħa r-rekwiżit li jintużaw “terminali għal tapposta fuq il-post tal-istabbilimenti (3), biex l-aċċess għal xogħlijiet u materja oħra jsir teknoloġikament newtrali;

tiġi inkluża eċċezzjoni ġdida fir-rigward tal-provvediment transkonfinali mhux kummerċjali ta’ dokumenti mil-libreriji u arkivji Ewropej;

tiġi emendata l-eċċezzjoni għar-riċerka xjentifika b’għan mhux kummerċjali fid-Direttiva InfoSoc, peress li hija partikolarment diffiċli biex tiġi applikata f’ċerti każijiet (4);

1.8

Is-sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddikjarat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-self ta’ kotba elettroniċi jista’ jkun assimilat għal dak ta’ ktieb tradizzjonali (5), tissodisfa domanda ripetuta minn dawk li jużaw il-libreriji u l-istituzzjonijiet edukattivi.

1.9

Il-proposta għad-diġitizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu transkonfinali tax-xogħlijiet li ma jkunux fis-suq (Titolu III, Kapitolu 1) titqies b’mod pożittiv.

1.10

Ikun utli li l-eċċezzjoni ta’ “libertà tal-panorama” tiġi armonizzata permezz ta’ regoli Ewropej.

1.11

Il-KESE jappoġġja d-dritt esklussiv tal-pubblikaturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu għal għoxrin sena l-użu diġitali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa.

1.12

Il-KESE jaqbel mal-obbligu li l-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li jaħżnu u li jagħtu aċċess lill-pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materji oħra mtellgħa mill-utenti tagħhom, għandhom jadottaw miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw il-funzjonament tal-ftehimiet mad-detenturi ta’ drittijiet u jiġi evitat l-aċċess għal xogħol bħal dan (value gap).

1.13

Il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass ’il quddiem fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, peress li l-awturi huma intitolati għal remunerazzjoni ġusta għall-isforzi kreattivi tagħhom, għandhom ikunu assoċjati mas-suċċess kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom u jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni u finanzjament tax-xogħlijiet.

1.14

Għandu jiġi nnutat il-bżonn li l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu sabiex jiżdied l-għarfien tal-utenti dwar il-konformità mal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-piraterija u kwalunkwe forma ta’ użu ħażin ta’ kontenut protett mil-liġi.

2.   Il-proposti tal-Kummissjoni

2.1

L-evoluzzjoni tat-teknoloġiji diġitali biddlet il-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u użati. Ħarġu fid-dieher użi ġodda, kif ukoll atturi ġodda u mudelli ġodda ta’ negozju. Fl-ambjent diġitali, ġew intensifikati wkoll l-użi transkonfinali u mmaterjalizzaw possibbiltajiet ġodda sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur.

2.2

Għalkemm l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur għadhom sodi, hemm bżonn li din il-leġislazzjoni tiġi adatta għal dawn ir-realtajiet ġodda. Hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-UE anke sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern.

2.3

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (6), adottata f’Mejju 2015, innotat il-ħtieġa li “jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-reġimi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u li jkun hemm aċċess online usa’ għal xogħlijiet minn utenti madwar l-UE”, filwaqt li enfasizzat l-importanza li jitjib l-aċċess transkonfinali għas-servizzi ta’ kontenut protetti minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u ċċarat ukoll il-funzjoni tas-servizzi online fid-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor.

2.4

F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni (7), li tispjega l-azzjonijiet speċifiċi u viżjoni fit-tul u tirrifletti l-ħtieġa li s-suq uniku jagħmel progress f’dan il-qasam, li jiġu aġġornati r-regoli skont ir-realtajiet diġitali, jiġi żgurat li l-industriji kreattivi tal-Ewropa jibqgħu kompetittivi u jinżamm bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-awtur u objettivi oħra ta’ politika pubblika.

2.5

Wara l-proposta riċenti dwar il-portabilità transkonfinali (8), il-Kummissjoni issa qed tipproponi sett ta’ miżuri leġislattivi bi tliet għanijiet:

(i)

jiġi żgurat aċċess aktar wiesa’ għall-kontenut fl-UE u jintlaħqu udjenzi ġodda,

(ii)

jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet għall-ambjent diġitali u transkonfinali, u

(iii)

jiġi promoss suq tad-drittijiet tal-awtur ġust u li jiffunzjona tajjeb.

2.6

L-ewwel nett, hemm proposta għal Regolament (9) li għandha l-għan li tħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-forom ġodda ta’ distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju online u diġitali, simili għal dawk li japplikaw għal trasmissjonijiet tradizzjonali bis-satellita u bil-cable. Ir-regoli l-ġodda, ibbażati fuq dawk fis-seħħ fid-Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable (10), ser jiffaċilitaw u jħaffu l-akkwist tad-drittijiet li huma meħtieġa għal ċerti servizzi online ipprovduti mill-organizzazzjonijiet tax-xandir, kif ukoll għal ċerti servizzi tat-trasmissjoni mill-ġdid. Dawn ir-regoli huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq u jkun hemm tixrid usa’ tal-produzzjonijiet Ewropej tar-radju u t-televiżjoni. Dan, min-naħa tiegħu, ser jirriżulta f’għażla akbar għall-konsumaturi u aktar diversità kulturali.

2.7

B’mod parallel, il-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (11) toħloq mekkaniżmu ġdid ta’ negozjar li ser jiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar għad-disseminazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi fuq il-pjattaformi li joffru video-on-demand. Hija parti minn sforz politiku usa’ biex jiġu indirizzati d-diversi fatturi li jwasslu għal disponibilità skarsa ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, b’mod partikulari tal-films, fl-UE.

2.7.1

Il-problemi tal-liċenzjar u d-diffikultajiet legali u kuntrattwali relatati għall-użu tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fis-servizzi tal-VOD ser jiġu indirizzati wkoll fi djalogu strutturat mal-partijiet interessati bil-għan li jiġu razzjonalizzati l-prattika dwar l-għoti ta’ liċenzji u jiġu ffaċilitati ftehimiet settorjali li jwasslu għal użu aktar sostenibbli u disponibbiltà akbar ta’ xogħlijiet Ewropej. Il-Kummissjoni ser tagħti rapport tar-riżultati tad-djalogu fi tmiem l-2018.

2.7.2

Fl-aħħar nett, din il-proposta għal Direttiva fiha wkoll soluzzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ liċenzji dwar id-drittijiet min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, meħtieġa għad-diġitizzazzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet li ma jkunux fis-suq kummerċjali, iżda li huma ta’ valur kulturali sinjifikattiv. L-aċċess għal xogħlijiet f’ambjenti mhux kummerċjali, bħal pereżempju l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, il-libreriji pubbliċi jew lokali mhux teatral, huwa wkoll importanti ħafna sabiex titħeġġeġ id-diversità kulturali, għal skopijiet edukattivi u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed teżamina, flimkien mal-Diretturi tal-Aġenziji Ewropej tal-Films (EFAD) u s-settur awdjoviżiv, il-ħolqien u l-finanzjament fl-2017 ta’ katalgu ta’ films Ewropej bi skopijiet edukattivi.

2.8

B’mod parallel ġew adottati żewġ proposti leġislattivi (12) għall-infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE dwar it-Trattat ta’ Marrakexx, li jesiġi lill-partijiet joħolqu eċċezzjonijiet biex jappoġġjaw lill-persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat bil-għan li dawn jistgħu jaċċessaw il-kotba u materjal ieħor stampat f’formati li jkunu aċċessibbli. Il-proposta għal Direttiva ser tistabbilixxi eċċezzjoni mandatarja u ser tiżgura li tiġi infurzata b’mod li dawn il-kopji f’format aċċessibbli jkunu magħmula u mibjugħa fis-suq uniku. Il-proposta għal Regolament ser jippermetti l-iskambju transkonfinali ta’ dawn il-kopji bejn l-UE u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ miżuri biex id-drittijiet tal-awtur jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-ekonomija diġitali.

3.2

L-arti Ewropea tokkupa pożizzjoni ewlenija globali, iżda l-produzzjoni tal-films, l-industrijali tal-pubblikazzjonijiet u l-kreazzjoni mużikali u artistika jeħtieġ li jiffaċċjaw l-frammentazzjoni tas-suq, ir-rikezza kbira li għandha d-diversità kulturali u lingwistika, it-tranżizzjoni diġitali u r-restrizzjonijiet finanzjarji.

3.3

Is-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għandha tikkontribwixxi biex tonqos il-frammentazzjoni, tiffaċilita l-aċċess transkonfinali għall-kontenut onlinen u biex jinħoloq bilanċ aħjar fil-protezzjoni tal-awturi, speċjalment fil-konfront tal-ġganti korporattivi li jikkontrollaw is-swieq diġitali.

3.4

Il-qasam tad-drittijiet tal-awtur huwa kkumplikat ħafna minħabba li jeżistu diversi partijiet interessati b’interessi differenti, iżda li xorta huma bżonn xulxin. Ir-regolamentazzjoni għandha tistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet tal-partijiet kollha.

3.5

Il-Kummissjoni qed tadotta kunċett “progressiv” (13) u ma tipproponix reviżjoni komprensiva, iżda żidiet importanti għar-regoli eżistenti. Il-KESE jissuġġerixxi li jitqiesu:

ir-reviżjoni u l-konsolidazzjoni tal-liġi eżistenti, inklużi tibdiliet li saru f’direttivi oħra, bħal dik dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur (14) u dik dwar l-użu permess ta’ xogħlijiet orfni (15);

ir-Regolament bħala strument adegwat sabiex jiġi stabbilit is-suq uniku diġitali (16);

huwa meħtieġ jew adegwat li jitqiesu l-kwistjonijiet tal-għodod għat-tiftix fuq l-internet u x-xandir liberu ta’ kontenut permezz tan-netwerks tal-Wi-Fi (17).

4.   Miżuri sabiex jiġi żgurat aċċess usa’ għall-kontenut fl-UE kollha

4.1    Trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u trażmissjoni mill-ġdid diġitali tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju  (18)

4.1.1

Fl-UE, is-settur tal-ipprogrammar u t-trażmizzjoni tar-radju u t-televiżjoni jinkludi kważi 12 000 intrapriża, jimpjega 255 000 persuna u għandu fatturat ta’ EUR 665 000 miljun (19). Ir-riforma hija ġustifikata minħabba li l-mekkaniżmi eżistenti biex jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma jkoprux it-trasmissjoni online u lanqas ċerti t-trażmissjonijiet diġitali.

4.1.2

Il-KESE jappoġġja li jiġi inkluż il-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini”, bħalma diġà huwa l-każ għat-trażmizzjoni bis-satellita u bil-kejbil (20), u li ma jmurx kontra t-territorjalità tad-dritt u l-libertà kuntrattwali.

4.1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li emenda teknoloġikament newtrali tal-leġislazzjoni dwar ix-xandir diġitali għandha tissemplifika l-proċess ta’ akkwist ta’ drittijiet għall-fornituri ġodda u b’hekk jitjieb ukoll l-aċċess għall-kontenut importanti għall-konsumaturi.

4.1.4

Ir-riforma tistabbilixxi b’mod opportun li, meta jkun hemm diffikultajiet marbuta mal-għoti ta’ liċenzji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “korp imparzjali” jiffaċilita l-ftehimiet dwar l-aċċess u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi tal-VOD.

5.   Adattament tal-eċċezzjonijiet għall-ambjent diġitali u transkonfinali  (21)

5.1

Il-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji fl-Ewropa huma spazju kulturali għaċ-ċittadini Ewropej u huma essenzjali għat-trażmissjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u r-riċerka. Fl-istess ħin, jagħtu kontribut ekonomiku importanti f’termini ta’ drittijiet tal-awtur (22).

5.2

Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni leġislazzjonijiet kumpless, ostakli ġeografiċi u differenzi lingwistiċi, r-riċerkaturi Ewropej jinsabu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk ta’ nazzjonijiet mexxejja, bħal pereżempju l-Istati Uniti. Għalhekk, ir-riforma għandha tikseb tliet għanijiet: estensjoni u adattament għar-realtajiet teknoloġiċi ġodda, il-ħolqien ta’ forma armonizzata u obbligatorja u sigurtà legali fir-regolamentazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet (23).

5.3

Id-dikjarazzjoni tal-Aja (2014) tenfasizza l-potenzjal enormi għall-innovazzjoni u r-riċerka tal-estrazzjoni ta’ testi u ta’ data. Għar-riċerkaturi, l-SMEs u l-kumpaniji teknoloġiċi kbar, l-estrazzjoni ta’ testi u ta’ data hija għodda fundamentali li fl-UE ma tintużax biżżejjed minħabba restrizzjonijiet legali, teknoloġiċi u kuntrattwali.

5.4

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi eċċezzjonijiet obbligatorji għal oqsma differenti:

L-estrazzjoni ta’ testi u ta’ data b’għanijiet ta’ riċerka xjentifika fil-każ tar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet imwettqa minn korpi ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ,

użu diġitali ta’ xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim, sa fejn ikun ġustifikat bil-għan mhux kummerċjali li jrid jintlaħaq, u

kopja ta’ xogħlijiet għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

5.5

Minkejja li l-KESE jqis li l-proposti tal-Kummissjoni jidentifikaw il-problemi b’mod korrett, huwa jipproponi bidliet sabiex il-leġislazzjoni tiġi aġġustata aħjar għall-ħtiġijiet attwali (ara l-konklużjonijiet). Fost affarijiet oħra, huwa importanti li l-eċċezzjonijiet stabbiliti għad-drittijiet tal-awtur ma jiġux annulati minn ftehimiet kuntrattwali jew għodod teknoloġiċi. Min-naħa l-oħra, huwa xieraq li ssir reviżjoni tal-eċċezzjoni għad-drittijiet tal-awtur relatati mar-riċerka xjentifika b’għan mhux kummerċjali (Artikolu 5(3)(a) minħabba li huwa diffiċli wisq biex tiġi implimentata (24).

5.6

Il-KESE jappella wkoll għall-armonizzazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ “libertà tal-panorama”, li tgħid li l-individwi jistgħu jieħdu u jikkondividu online ritratti ta’ xogħlijiet bħal binjiet jew skulturi li jinsabu f’żoni pubbliċi. Minkejja li tikkonferma li din l-eċċezzjoni hija rilevanti, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-possibbiltà li tiġi implimentat, fuq bażi fakultattiva, fl-Istati Membri.

5.7    Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultajiet oħra

5.7.1

Il-Kumitat ifakkar fl-importanza u fil-ħtieġa li l-UE tirratifika minnufih it-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għax-xogħlijiet ippubblikati għall-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Settembru 2016. It-Trattat ser jippermetti lil ħafna ċittadini Ewropej għomja jew b’diżabbiltà fil-vista jkollhom aċċess għal numru akbar ta’ xogħlijiet aċċessibbli, u għalhekk, ser jinfetħilhom il-bieb għall-kultura, l-edukazzjoni, l-impjiegi, u fl-aħħar mill-aħħar, għal inklużjoni soċjali ġenwina.

5.7.2

Il-proposti għal Regolament (25) u għal Direttiva (26) ser jippermettu lill-Unjoni tissodisfa obbligu internazzjonali meħud fil-qafas tat-Trattat ta’ Marrakexx. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-obbligi tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

5.8

L-għoti ta’ liċenzji u aktar aċċess għall-kontenut. B’mod opportunt ser ikun possibbli li jiġu diġitalizzati u distribwiti xogħlijiet li m’għadhomx fis-suq ippubblikati għall-ewwel darba fl-UE (Artikolu 7) u liċenzja mogħtija fi Stat Membru ser tkun tapplika fl-UE kollha (Artikolu 8).

5.9    Dritt ġdid konness għall-pubblikaturi tal-istampa

5.9.1

Skont l-Artikoli 11(1) u 11(4) tal-proposta għal Direttiva (27), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawn il-pubblikaturi bid-dritt esklużiv — għal għoxrin sena — li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-użu diġitali tal-pubblikazzjonijiet tagħhom tal-istampa.

5.9.2

Il-KESE jappoġġja din il-miżura sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-valur bejn il-pubblikaturi tal-istampa li jiġġeneraw informazzjoni bħal din u l-pjattaformi online li jużawha.

5.9.3

Il-KESE jfakkar li filwaqt li ħafna pubblikaturi ta’ gazzetti – essenzjali għad-demokrazija – qegħdin jesperjenzaw kriżi finanzjarja minħabba l-għeluq ta’ pubblikazzjonijiet u telf kbir ta’ impjiegi, id-dħul finanzjarju ta’ dawk li jużaw l-informazzjoni tagħhom qiegħed jiżdied (28).

5.10    Użu ta’ kontenut protett online

5.10.1

Fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu u jipprovdu aċċess pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet jew materji oħra mtella’ mill-utenti tagħhom u protetti mid-drittijiet tal-awtur għandhom, b’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, jieħdu miżuri biex jiżguraw il-funzjonament korrett tal-ftehimiet konklużi mad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materji oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz. Minn naħa, għandu jkun hemm miżuri bħal “teknoloġiji effettivi għar-rikonoxximent tal-kontenut; min-naħa l-oħra, fornituri bħal dawn għandhom jipprovdu “informazzjoni adegwata” lid-detenturi tad-drittijiet u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment u rimedju. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati (29).

5.10.2

Il-miżura, li l-KESE jqis li hija adegwata, għandha l-għan li tnaqqas id-distakk fil-valur (value gap) li jeżisti attwalment bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u b’hekk dawn id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l-użu tal-prodotti tagħhom. Jeżistu eżempji ta’ servizzi bbażati fuq ir-reklamar li ma jikkumpensawx biżżejjed għall-użu ta’ materjal protett mid-dritt tal-awtur, bid-differenza tas-servizzi online bbażati fuq reġistrazzjoni, li jagħmlu dan (30).

6.   Funzjonament aħjar tas-suq għad-drittijiet tal-awtur

6.1

Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-ksur tad-dritt tal-awtur fuq skala kummerċjali, ikkaratterizzat mill-parassitiżmu fix-xogħol u l-investiment ta’ ħaddieħor, issa jirrappreżenta theddida serja għall-kreaturi Ewropej. Mingħajr sistema effettiva u bbilanċjata ta’ infurzar, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra ta’ proprjetà intelletwali ma jkunux protetti u l-investiment kreattiv u l-innovazzjoni jeħlu (31).

6.2

L-awturi huma intitolati għal remunerazzjoni ġusta għall-isforzi kreattivi tagħhom, għandhom ikunu assoċjati mas-suċċess kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom u jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni u finanzjament tax-xogħlijiet (32).

6.3

Fil-proposta, li l-KESE jqis xieraqa, jiġu stabbiliti miżuri bil-għan li jissaħħu l-fakultajiet ta’ negozjar tal-awturi. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-obbligu tat-trasparenza, kif ukoll mekkaniżmi ta’ adattament tal-kuntratti u mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim, ir-riforma ssaħħaħ il-kapaċità ta’ negozjar tal-awturi u l-artisti (33).

6.4

Ta’ min jenfasizza l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu, fl-oqsma rilevanti, sabiex iżidu l-għarfien tal-utenti għall-fatt li l-awturi jridu jiġu kkompensati għal xogħolhom fi ħdan il-qafas legali.

Brussell, il-25 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Kif previst fid-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16-22, artikolu 5) u fid-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996 (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20-28, artikolu 15).

(2)  Artikolu 5 fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2016) 593 final.

(3)  Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva InfoSoc (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(4)  http://libereurope.eu/blog/2016/10/14/basic-guide-eu-copyright-limitations-exceptions-libraries-educational-research-establishments/

(5)  Il-kawża C-174/15 Vereniging Openbare Bibliotheken/Stichting Leenrecht (ĠU C 14, 16.1.2017, p. 6).

(6)  COM(2015) 192 final.

(7)  COM(2015) 626 final.

(8)  COM(2015) 627 final.

(9)  COM(2016) 594 final.

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(11)  COM(2016) 593 final.

(12)  COM(2016) 596 final, COM(2016) 595 final.

(13)  Komunikazzjoni COM(2016) 592 final.

(14)  Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (verżjoni konsolidata) (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12-18).

(15)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5-12).

(16)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 51).

(17)  Ara s-sentenza tal-QĠUE fil-każ C-484/14 Tobias Mc Fadden vs Sony Music Entertainment Germany GmbH (ĠU C 419, 14.11.2016, p. 4-5).

(18)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

(19)  Eurostat: Programming and broadcasting statistics (2015).

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

(21)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

(22)  Annwalment ix-xiri tagħhom jiswa EUR 4 800 miljun: Outsell report, “Library Market Size, Share, Performance and Trends”.

(23)  Ara Towards a modern, more European Copyright Framework. EBLIDA (European Bureau of Library, Information and Documentation Associations); Europeana; Association of European Research Libraries (LIBER); Public Libraries 2020; International Federation of Library Associations and Institutions (IFLA).

(24)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(25)  COM(2016) 595 final.

(26)  COM(2016) 596 final.

(27)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

(28)  Fl-2015, il-pjattaformi tal-internet kellhom dħul ta’ USD 153 650 miljun, u huwa stmat li d-dħul ser jilħaq USD 260 360 miljun fl-2020. Ara https://www.statista.com/statistics/237800/global-internet-advertising-revenue/

(29)  Ara l-Artikolu 13.

(30)  Skont Jan Hückmann & Dora Grunwald, YouTube, b’biljun utent, fl-2015 ħallas USD 630 miljun fi drittijiet tal-awtur; Spotify, bi ftit aktar minn 10 miljun utent, ħallas USD 2 biljun. Ara l-argument ta’ Google li jmur kontra din il-miżura fuq https://europe.googleblog.com/2016/09/european-copyright-theres-better-way.html

(31)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

(32)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

(33)  Attwalment koperti mid-Direttiva 2014/26/UE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).


Top