EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52016AR1411

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ

ĠU C 88, 21.3.2017, s. 91–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/91


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ

(2017/C 088/17)

Relatur:

Daiva Matonienė (LT/KRE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Šiauliai

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill- Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar- Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ

COM(2016) 51 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li t-tisħin u t-tkessiħ jitqiesu bħala parti mis-sistema tal-enerġija komuni, u jinnota li din hija l-ewwel darba li s-settur tat-tisħin ġie enfasizzat bħala qasam importanti fis-settur tal-enerġija li jinsab f’qagħda tajba biex jagħti kontribut biex tiżdied l-indipendenza tal-enerġija, jiżgura s-sigurtà tal-enerġija, jinkiseb l-objettivi tal-bidla fil-klima u jonqos l-infiq tal-konsumatur;

2.

iqis li, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, m’hemmx approċċ wieħed li jgħodd għal kulħadd, u jenfasizza l-ħtieġa għal firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet differenti, jiġifieri teknoloġiji u soluzzjonijiet differenti, applikati kemm fuq bażi individwali kif ukoll għall-industrija kollha biex jinkisbu riżultati effettivi;

3.

jinnota madankollu li l-istrateġija hija ġenerali ħafna, mhix ċara u ma tispeċifikax b’mod konkret kif u f’liema direzzjoni s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ jeħtieġ jiġi żviluppat, x’miżuri prattiċi għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, l-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi u konsumaturi (l-unitajiet domestiċi), jew x’appoġġ finanzjarju u regoli ta’ inċentivi għandhom japplikaw fid-dawl tal-objettivi fir-rigward tal-provvista ta’ enerġija sostenibbli;

4.

jenfasizza li l-UE għadha dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. It-tisħin u t-tkessiħ attwalment jammontaw għal 50 % tal-konsum annwali tal-enerġija tal-UE. Dan jirrappreżenta 59 % tal-konsum kollu tal-gass u 13 % tal-konsum totali taż-żejt fl-Ewropa (1). Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija. Sabiex jintlaħaq dan il-potenzjal, huwa neċessarju li jittieħdu miżuri biex jiġi ristrutturat is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ u jiġi garantit tisħin u tkessiħ effiċjenti;

5.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jkun inkorporat fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima tal-Istati Membri, li huma parti ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

6.

jenfasizza li l-leġislazzjoni tal-UE — bħalma huma d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli — li tipprovdi għal miżuri speċifiċi fil-qasam tal-produzzjoni jew tal-konsum tal-enerġija, hija importanti għall-iżvilupp tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jenfasizza, għalhekk, li reviżjonijiet futuri ta’ din il-leġislazzjoni jridu jqisu r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan is-settur, u b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni inkluża f’din l-opinjoni;

7.

jinnota li x-xejra dinjija ta’ nuqqas ta’ riżorsi ta’ enerġija li ma tiġġeddidx, il-bidla fil-klima globali u żieda fl-enfasi fuq il-kwalità ambjentali u s-saħħa tal-bniedem kollha isaħħu l-linji gwida għall-kunċetti ta’ kostruzzjoni moderna u l-punt fokali ewlieni tagħhom: l-iffrankar tal-enerġija u l-użu effiċjenti, u l-impatt fuq l-ambjent u saħħa tal-bniedem;

8.

jemmen li l-istrateġija se tippermetti lill-Istati Membri jevalwaw b’mod oġġettiv id-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi tagħhom meħuda s’issa fis-settur tat-tisħin distrettwali, kif ukoll tinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-settur permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin, ir-rinnovazzjoni tal-bini, il-qlib mill-gass naturali għal tipi ta’ fjuwil prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew fjuwils prodotti minn sorsi ta’ enerġija nadifa u l-faċilitazzjoni tal-konnessjoni ta’ utenti ġodda; dan jagħmel dan is-servizz inqas għali, inaqqas l-infiq tal-konsumatur u jiżgura arja iktar tajba għas-saħħa fil-bliet;

9.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-politiki tal-UE sabiex tiżviluppa settur sostenibbli u effiċjenti tat-tisħin u t-tkessiħ. Eżempju wieħed li juri n-nuqqas ta’ koerenza bejn elementi differenti tal-leġislazzjoni tal-UE, huwa r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 (2), li jissupplimenta l-EPBD. Ir-Regolament Delegat jippermetti li jitnaqqsu mill-effiċjenza tal-enerġija tal-bini l-enerġija termali u elettrika rinnovabbli, jekk prodotti fuq il-post, iżda mhux jekk ikunu ipprovduti permezz tal-produzzjoni ċentralizzata tal-enerġija. Hemm ir-riskju li din l-inkonsistenza ddgħajjef is-sistemi għat-tisħin distrettwali, it-tkessiħ distrettwali u s-CHP u hija kontroproduttiva għall-għan li tippromovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, minn skart għal tisħin u t-tnaqqis ta’ CO2; huwa tal-fehma li l-konċentrazzjoni primarja tal-effiċjenza tal-enerġija tal-bini għandha tkun fuq l-użu tal-enerġija/id-domanda tal-bini;

10.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti pariri lill-Istati Membri, filwaqt li jitqies il-potenzjal tagħhom, biex jiżviluppaw b’mod sostenibbli s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ bl-attwazzjoni ta’ teknoloġiji, u b’hekk jippromovu l-innovazzjoni u jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi;

11.

jiddispjaċih li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ġie definit b’mod fqir b’din l-istrateġija u jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-istituzzjonijiet ewlenin responsabbli għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ. L-awtoritajiet lokali mhux biss huma involuti fl-iżvilupp u l-ġestjoni tal-infrastruttura, iżda wkoll huma fost l-ikbar utenti tal-enerġija;

12.

jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm jista’ jkun, iħabirku biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-enerġija sostenibbli. Ħafna bliet madwar l-UE diġà kellhom pjani ta’ azzjoni fil-qasam tal-klima u tal-enerġija sostenibbli għal bosta snin, li jinkorporaw il-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika;

13.

jenfasizza li, bħala l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti lokali u reġjonali, il-Kumitat tar-Reġjuni jagħti importanza kbira lill-kwistjonijiet tal-enerġija f’ħidmietu u tfasslu rakkomandazzjonijiet f’diversi opinjonijiet fil-kuntest tal-proposti tal-Unjoni tal-Enerġija (3): dwar l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija, riferimenti speċifiċi għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-miri tal-politika dwar l-enerġija sostenibbli, u suġġerimenti għal aktar kooperazzjoni attiva bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom f’termini tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u r-rappreżentanza tal-interessi tal-konsumaturi;

14.

ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà, f’diversi okkażjonijiet, enfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Tali teknoloġija, li tħallat il-produzzjoni tal-enerġija mis-sħana u l-elettriku tippermetti li jinħareġ kważi 90 % tal-kontenut tal-enerġija primarja mill-karburant. L-Unjoni Ewropea għandha toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-appoġġ għal dawn il-faċilitajiet effiċjenti ħafna biex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom (4);

15.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-prezz tal-enerġija jibqa’ jista’ jintlaħaq minn but l-ifqar ċittadini tagħna, li spiss jonfqu biċċa kbira mid-dħul tagħhom fuq it-tisħin, it-tkessiħ, id-dawl u t-tagħmir differenti, u li l-programmi tal-effiċjenza enerġetika jibdew b’dawk li huma l-iktar fil-bżonn (5);

Sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, provvista tal-enerġija tas-sħana individwali

16.

Iqis is-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali bħala mod eċċellenti li jgħaqqad id-diversi sorsi tal-enerġija ma’ produtturi (l-industrija) u konsumaturi tal-enerġija. It-tisħin distrettwali jista’ jkun wieħed mill-aktar modi ta’ forniment ta’ enerġija termali nadif, u jista’ jaqdi rwol ewlieni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 — kif ukoll jgħin biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija. Għalhekk, kull meta l-kondizzjonijiet jkunu favorevoli u l-benefiċċji ambjentali ġenerali ta’ sistemi bħal dawn jistgħu jintwerew, l-iżvilupp tagħhom għandhom jingħataw prijorità;

17.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li f’postijiet b’densità tal-popolazzjoni għolja, it-tkessiħ u t-tisħin distrettwali jistgħu ikunu mod eċċellenti ta’ tisħin u tkessiħ u li, f’każ bħal dan, il-miżuri kollha dwar l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-enerġija għandhom ikunu orjentati lejn il-konsumaturi u li għandu jkollhom il-possibblità li jużaw it-tisħin u l-elettriku, prodotti minn sorsi ta’ enerġija newtrali f’termini ta’ CO2. Għandu jkun innotat li l-istrutturi tal-enerġija fl-Istati Membri huma differenti sew u li ma jeżistix mudell universali uniku adatt għall-pajjiżi kollha. Huwa importanti li l-inċentivi għal forom ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija jkunu mibnija b’tali mod li ma jipperikolawx sistemi komuni f’oqsma xierqa għal sistemi komuni u viċi versa;

18.

jemmen li netwerks ta’ tisħin distrettwali għandhom potenzjal reali ta’ provvista effiċjenti tal-enerġija għad-djar u jappella li l-livelli nazzjonali u tal-UE jipprovdu appoġġ rigward il-ħtiġijiet potenzjali għall-espansjoni u t-titjib tan-netwerks eżistenti. Dan jikkonċerna wkoll in-netwerks lokali (separati min-netwerk ġenerali) għall-bijogass maħluqa biex jipprovdu karburant lill-utenti privati uniċi taż-żona;

19.

jinnota wkoll li hemm bosta partijiet fit-territorju tal-UE fejn it-tisħin individwali huwa l-aktar effiċjenti jew anke l-unika għażla ekonomikament jew teknikament fattibbli minħabba d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni; jenfasizza li f’dawn iż-żoni għandha tingħata aktar attenzjoni lejn l-inkoraġġiment tal-provvista ta’ bini b’tisħin u elettriku prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u jiġi promoss it-tibdil tal-bojlers il-qodma ma’ dawk ġodda, aktar effiċjenti, li jniġġsu anqas, anke biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità tal-arja meta wieħed iqis li f’ċerti pajjiżi Ewropej sa tliet kwarti tat-tniġġis tal-arja minn materja partikolata ġej mill-użu ta’ fjuwils solidi għat-tisħin tad-djar;

20.

jinnota li l-iżvilupp effiċjenti ta’ sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ jinvolvi l-konnessjoni ta’ sorsi tal-enerġija mal-industrija u mal-konsumaturi. Pereżempju, l-integrazzjoni tan-netwerks tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-elettriku tista’ tnaqqas l-ispejjeż globali tas-sistemi tal-enerġija u tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. B’hekk, din twassal għall-ġenerazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi ġodda u innovattivi;

Inżidu l-effiċjenza enerġetika fil-bini

21.

jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika hija definittivament l-aktar assoċjata mal-bini, peress li dan jirrappreżenta potenzjal enormi għall-iffrankar tal-enerġija. Fl-Unjoni Ewropea, 45 % tal-enerġija użata fis-settur tad-djar tmur għat-tisħin u t-tkessiħ (6). It-titjib tal-effiċjenza enerġetika f’dan il-qasam għandu għalhekk jibqa’ prijorità;

22.

jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika fil-bini tirriżulta mill-applikazzjoni magħquda ta’ diversi miżuri u tirrappreżenta l-abbiltà li jinkiseb benefiċċju massimu minn kull unità tal-enerġija: l-użu razzjonali tal-enerġija, l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija u l-użu tar-riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll billi titħeġġeġ imġiba fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija mill-konsumaturi. Għandu jiġi osservat li l-għażla tal-materjali u t-teknoloġiji ta’ kostruzzjoni għandhom ikunu ggwidati minn approċċ olistiku u l-applikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ kostruzzjoni sostenibbli;

23.

jirrimarka li l-iffrankar tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini jiddependi sa ċertu punt fuq id-deċiżjonijiet meħuda matul id-disinn ta’ bini ġdid jew it-tfassil ta’ pjan ta’ restawr ta’ bini eżistenti. Għalhekk il-Kumitat jissuġġerixxi li wieħed jiffoka fuq ġestjoni sostenibbli tal-proċess sa minn stadju bikri, bl-użu ta’ strumenti innovattivi bħall-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) (7);

24.

jissuġġerixxi li jiġu riveduti l-mudelli eżistenti ta’ rinnovazzjoni, li janalizzaw il-punti tajbin u l-punti dgħajfin u l-evalwazzjoni tal-esperjenzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ mudelli ta’ finanzjament li huma attraenti għall-konsumaturi. Huwa wkoll meħtieġ li jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi għar-rinnovazzjoni. Madwar 70 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’binjiet residenzjali privati. Is-sidien ħafna drabi ma jirnexxilhomx iwettqu rinnovazzjonijiet kosteffettivi minħabba li ma jkollhomx biżżejjed għarfien dwar il-benefiċċji tagħhom, ma jkunux ingħataw parir imparzjali dwar l-għażliet tekniċi u jkollhom jiffaċċjaw diversi interessi (eż. f’bini b’għadd ta’ appartamenti) u restrizzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u dawk lokali u reġjonali jeħtieġ li jiffokaw fuq il-ħidma mal-pubbliku sabiex iqajmu kuxjenza dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u biex jippromovu l-iffrankar tal-enerġija;

25.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkunsidraw modi biex jinvolvu s-settur privat u l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika billi joħolqu kundizzjonijiet favorevoli u jneħħu l-ostakli amministrattivi;

26.

jipproponi li jsir użu akbar ta’ teknoloġiji avvanzati fil-bini, li, mingħajr ma tiġi kompromessal-kumdità tal-konsumaturi, jgħinu biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, id-dawl, l-ilma sħun u bżonnijiet oħra għall-ispazju intern. Pereżempju, hemm teknoloġiji ta’ ritorn tas-sħana li jiġbdu s-sħana b’mod effiċjenti mill-arja ta’ skart ta’ bini u jittrasferixxu din is-sħana għall-provvista tal-arja — dan jista’ jiffranka ammont sostanzjali ta’ enerġija użat għat-tisħin tal-ispazju intern;

27.

jinnota li wieħed mill-approċċi tal-Kummissjoni, biex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija ta’ bini, tibbaża fuq sistemi intelliġenti li jipprovdu għodod ta’ kejl, kontroll u awtomazzjoni, u billi trid li l-konsumaturi jingħataw aktar possibbiltajiet biex ikunu jistgħu jinfluwenzaw il-ġestjoni mil-lat tad-domanda. Fil-prinċipju, dawn il-miżuri jiġu milqugħa. Madankollu, hemm xi tħassib fir-rigward tal-impatt ekonomiku u tal-privatezza tagħhom li għandhom ikomplu jiġu investigati u li minħabba dan il-kejl intelliġenti għandu jibqa’ volontarju;

28.

jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ djar passivi li għandhom konsum baxx ħafna tal-enerġija, kif ukoll jappoġġja u jinkoraġġixxi aktar l-użu prattiku tal-kunċett ta’ djar attivi li jużaw sorsi ta’ enerġija alternattivi;

29.

jenfasizza li huwa importanti ħafna li s-settur tal-kostruzzjoni jieħu approċċ responsabbli; jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti standards rakkomandati aktar stretti għall-apparat u l-bini ġdid u jiġu imposti kriterji ta’ disinn u ta’ kostruzzjoni rakkomandati aktar stretti li jinkoraġġixxu lill-periti, il-proġettaturi u d-disinjaturi jiżviluppaw djar li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-bini intelliġenti;

30.

jirrimarka li sabiex jinkisbu l-għanijiet strateġiċi ta’ tkessiħ u ta’ tisħin tal-UE, huwa importanti li jiġi segwit approċċ integrat u titħeġġeġ ir-rinovazzjoni distrettwali: jiġifieri, apparti li l-bini jiġi rinnovat, jagħmel sens li ssir riġenerazzjoni ambjentali integrata tad-distrett kollu, tittejjeb l-infrastruttura, jiġu stabbiliti żoni favur l-ambjent, tinħoloq infrastruttura faċli għar-roti eċċ.;

L-industrija, il-koġenerazzjoni u s-sorsi rinnovabbli

31.

jirrimarka li hemm potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija fl-industrija bbażat fuq l-idea ta’ simbjożi industrijali li huwa element importanti tal-kunċett tal-mixja lejn ekonomija ċirkolari; jinnota li f’ħafna postijiet jiġu ġġenerati flussi żejda ta’ tisħin u tkessiħ li huma sempliċiment mormija fl-ambjent u jaqbel li l-użu tas-sħana u l-kesħa residwa fin-netwerks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja u jkun ta’ benefiċċju kemm għall-ekonomija kif ukoll għall-ambjent. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward, billi huma responsabbli għall-ippjanar tas-sistemi ta’ tisħin;

32.

jinnota li l-industrija għandha tiġi mħeġġa tagħmel aktar enfasi fuq l-użu aktar effiċjenti tat-teknoloġiji eżistenti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija. L-industrija kienet responsabbli għal kwart mill-konsum totali finali tal-enerġija fl-UE fl-2012. 73 % ta’ dan jintuża għat-tisħin u t-tkessiħ (8);

33.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffoka aktar fuq l-innovazzjoni fl-industrija u tappoġġja l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, inkluż il-qbid u l-ħażna ġeoloġika tal-karbonju (CCS), li jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jemmen li skema tal-ETS riveduta hija għodda importanti b’mod kruċjali f’dan ir-rigward;

34.

jaqbel li attwalment mhux qed jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku (CHP). Għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni konkret li jiddettalja l-miżuri rakkomandati għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni;

35.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonsultaw il-livell lokali u reġjonali dwar id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Barra minn hekk, l-ostakli regolatorji u amministrattivi li jxekklu l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni għandhom jitneħħew wara li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet lokali, kif ukoll il-benefiċċji ekonomiċi għall-espansjoni tal-koġenerazzjoni li jinkludu titjib tal-kompetittività tal-industrija permezz tal-użu tas-sħana residwa tagħha;

36.

Jemmen li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ jista’ jkun wieħed mill-modi biex ikun żgurat l-iżvilupp effiċjenti tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ. Is-sistemi ta’ tisħin distrettwali jistgħu jagħmlu użu minn diversi riżorsi lokali u rinnovabbli, inkluż l-iskart tal-enerġija, l-iskart muniċipali, il-bijokarburanti, l-enerġija solari u ġeotermali, eċċ. Għalhekk, għandu jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi billi tkun permessal-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

Il-ħtieġa u l-possibilitajiet għal finanzjament tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ

37.

jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ teħtieġ riżorsi finanzjarji sinifikanti, u, konsegwentement, li huwa ta’ importanza kbira li jiġi żviluppat approċċ komuni u jitfittex qbil aħjar bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament;

38.

jissuġġerixxi rieżami ta’ skemi eżistenti ta’ appoġġ finanzjarju f’livelli differenti li jistgħu jiġu użati biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali, l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli; it-tieni nett, jitlob li jsiru sforzi biex jiġi promoss il-ħolqien ta’ skemi ta’ finanzjament attraenti sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati miżuri iktar effikaċi għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

39.

jissuġġerixxi li jiġi promoss l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi biex jiffinanzjaw l-iżvilupp tas-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ, jinkoraġġixxu l-investiment f’teknoloġiji nodfa u jiffaċilitaw l-involviment tas-settur privat. Huwa importanti li jkun hemm tħabrik għal sinerġija bejn metodi ġodda ta’ finanzjament u opportunitajiet u għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ inġinerija finanzjarja, bħal self b’interess baxx, garanziji, sussidji fuq l-imgħax, investimenti kapitali, titolizzazzjoni, eċċ.;

40.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ u l-finanzjament ta’ proġetti kbar jibbenefikaw mill-għażla li jgħaqqdu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) (9) mal-istrumenti finanzjarji tal-FEIS. Għalhekk jitlob taħlita ta’ miżuri li għandhom jiġu applikati bl-aktar mod wiesa’ possibbli fl-Istati Membri tal-UE u jitlob biex il-proċess jitħaffef u jiġi simplifikati;

41.

jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jitħeġġeġ l-użu tal-mudell ESCO għal proġetti tal-enerġija u li jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi li jipprevjenu l-użu tiegħu fit-tisħin u t-tkessiħ. Jinnota wkoll l-importanza li jitkomplew ir-riformi strutturali fl-Istati Membri tal-UE sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-investiment fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ u tiġi eliminata l-burokrazija;

42.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati biex isibu sorsi ta’ finanzjament addizzjonali u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ effiċjenza enerġetika. Pereżempju, permezz tal-għajnuna tal-BEI, il-Litwanja ħolqot il-fond innovattiv JESSICA, attirat sorsi addizzjonali ta’ finanzjament u kisbet effett multiplikatur;

43.

jilqa’ l-appoġġ mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) (10), b’enfasi partikolari fuq l-għoti ta’ responsabbiltà tal-ewwel telf, b’investiment fi proġetti ta’ effiċjenza enerġetika fuq skala akbar u riskju ogħla. Jinnota wkoll li sal-lum l-FEIS kien partikolarment siewi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Għalhekk, sabiex jinkoraġġixxi l-involviment akbar tal-FEIS f’dawk l-Istati Membri fejn l-attivitajiet tal-Fond sa issa għadu limitat, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell lokali;

44.

jilqa’ l-portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (PEPI) (11), pjattaforma bbażata fuq l-Internet li tgħaqqad lill-promoturi u l-investituri ta’ proġetti Ewropej. Jissuġġerixxi li l-pjattaforma tiġi supplementata b’deskrizzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji billi jitlaqqgħu flimkien eżempji ta’ prattika tajba fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ finanzjament għal proġetti tal-enerġija fl-Istati Membri tal-UE;

45.

huwa tal-fehma li jkun utli għall-UE li tħejji linji gwida dwar l-immaniġġjar effiċjenti u l-finanzjament tas-settur tal-enerġija u li tipprovdi eżempji ta’ mudelli possibbli ta’ ġestjoni effiċjenti, li jistgħu jkunu applikati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

46.

jinnota r-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ:

l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà diretta għas-settur: huma jimmaniġjaw il-forniment tas-servizzi, huma responsabbli għall-ippjanar tas-sistema, u jittrattaw kwistjonijiet ta’ finanzjament relatati mal-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tas-sistemi;

l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-linja li tgħaqqad l-atturi kollha fis-settur — konsumaturi, fornituri, produtturi, investituri u operaturi tas-sistema — u jikkontribwixxu fost l-oħrajn għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin u l-inizjattivi prinċipali joħorġu fil-prattika. Il-livell lokali huwa l-post fejn it-teorija tiġi implimentata fil-prattika u r-rekwiżiti legali jiġu ttrasformati f’riżultati tanġibbli u viżibbli;

jinformaw u jikkonsultaw il-konsumaturi;

47.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, billi huma responsabbli mill-ippjanar muniċipali, jistgħu jikkontribwixxu lejn il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-livell lokali u reġjonali, pereżempju billi jiġu stabbiliti miri ambizzjużi u pjani ta’ azzjoni, semplifikazzjoni tal-proċeduri u r-regoli amministrattivi jew l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju;

48.

jinnota b’dispjaċir li l-istrateġija ma ssemmix l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala partijiet interessati ewlenin tat-tisħin u t-tkessiħ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tittratta l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fuq livell ugwali bħall-gvern ċentrali rigward l-implimentazzjoni ta’ aktar miżuri f’dan il-qasam;

49.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati fir-rigward tal-miżuri speċifiċi futuri minħabba r-rwol li jaqdu fl-ippjanar u l-bini tal-infrastruttura, billi jattiraw investituri u billi jinfurmaw u jikkonsultaw il-konsumaturi;

50.

jinnota li, f’bosta pajjiżi, it-tisħin u t-tkessiħ huma r-responsabbiltà ta’ muniċipalitajiet (jiġifieri servizzi tal-utilità), u għalhekk f’dan ir-rigward, il-livell lokali huwa essenzjali biex jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha fis-settur (id-djar, l-industrija) jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp tas-settur, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jonqsu l-ispejjeż tat-tisħin;

L-importanza tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika

51.

jirrimarka li l-promozzjoni ta’ użu ġenerali ta’ teknoloġiji moderni u sistemi ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ effiċjenti u sostenibbli, li jippermettu l-użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi ser tikkontribwixxi biex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-arja ambjentali u l-benesseri individwali u soċjali;

52.

jinnota l-fatt li l r-rinnovazzjoni jew il-bdil tal-fjuwil jew miżuri oħra waħedhom mhumiex se jġibu riżultati sinifikanti; informazzjoni xierqa hija tal-akbar importanza. Is-sidien tal-bini spiss għandhom nuqqas ta’ għarfien dwar il-benefiċċji tar-rinnovazzjoni. It-tisħin u t-tkessiħ jirrappreżentaw bħala medja 6 % tal-ispejjeż tal-konsum tal-Ewropej. 11 % tal-popolazzjoni ma jistgħux isaħħnu d-djar tagħhom biżżejjed fix-xitwa (12). L-għażliet tal-konsumaturi huma limitati minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-konsum u l-ispejjeż reali tal-enerġija, u spiss minħabba nuqqas ta’ riżorsi biex jinvestu f’teknoloġiji ta’ effiċjenza għolja. Huwa diffiċli li wieħed iqabbel teknoloġiji u soluzzjonijiet f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji, kwalità u affidabilità tul il-ħajja. Għalhekk jissuġġerixxi li l-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkooperaw biex jissensibilizzaw lill-pubbliku u jedukaw lill-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika u t-teknika tal-iffrankar tal-enerġija;

53.

jinnota li, b’kunsiderazzjoni tal-progress xjentifiku u l-iżvilupp teknoloġiku, is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ (bħal ħafna setturi oħrajn) huwa nieqes minn speċjalisti b’għarfien xieraq fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, huwa importanti li l-partijiet interessati kollha fis-settur jikkooperaw dwar it-taħriġ ta’ professjonisti kwalifikati, it-twettiq ta’ konsultazzjonijiet, u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni u edukattivi;

54.

jilqa’ l-istabbiliment ta’ Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment (EIAH) (13), li jipprovdi lill-iżviluppaturi ta’ proġetti privati u pubbliċi b’appoġġ tekniku u pariri mfassla apposta. Madankollu, jinnota li l-provvista ta’ aktar servizzi konsultattivi fuq il-post, eqreb lejn l-intrapriżi li għandhom bżonnhom, tkun xierqa. Huwa importanti li jiżdied l-għarfien tal-partijiet interessati tal-pubbliku u dwar l-iffrankar tal-enerġija;

55.

jilqa’ l-Patt tas-Sindki, li hu bbażat fuq inizjattiva mill-Kummissjoni u li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, u b’hekk isir kontribut lejn l-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-enerġija sostenibbli, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi inċentivi għall-parteċipazzjoni f’inizjattivi simili.

Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/1_EN_ACT_part1_v14.pdf

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta’ Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 18).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd (ĠU C 174, 7.6.2014, p. 15). Ittra mingħand il-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2013.

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (ĠU C 62, 2.3.2013, p. 51).

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Effiċjenza Enerġetika (ĠU C 54, 23.2.2012, p. 49).

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija 2011–2020 tal-UE (Opinjoni ta’ Prospettiva) (ĠU C 42, 10.2.2011, p. 6).

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-enerġija: analiżi strateġika u prestazzjoni tal-bini (ĠU C 200, 25.8.2009, p. 41).

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU C 325, 19.12.2008, p. 12).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” .

(5)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija 2011–2020 tal-UE (Opinjoni ta’ Prospettiva).

(6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(7)  https://en.wikipedia.org/wiki/Building_information_modeling

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(9)  https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/european-structural-and-investment-funds_mt

(10)  http://www.eib.org/efsi/index.htm

(11)  https://ec.europa.eu/eipp/desktop/mt/index.html

(12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(13)  http://www.eib.org/eiah/index.htm


Op