This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE5518
Opinion of the European Economic and Social Committee on the proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulations (EU) No 1316/2013 and (EU) 2015/1017 as regards the extension of the duration of the European Fund for Strategic Investments as well as the introduction of technical enhancements for that Fund and the European Investment Advisory Hub (COM(2016) 597 final — 2016/0276 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti” [COM(2016) 597 final – 2016/0276 (COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti” [COM(2016) 597 final – 2016/0276 (COD)]
ĠU C 75, 10.3.2017, p. 57–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti”
[COM(2016) 597 final – 2016/0276 (COD)]
(2017/C 075/11)
Relatur: |
is-Sur Alberto MAZZOLA |
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea 26.9.2016 u Parlament Ewropew 3.10.2016. |
Bażi legali |
Artikoli 172, 173, 175 u 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
Sezzjoni responsabbli |
Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottat fis-sezzjoni |
29.11.2016 |
Adottat fis-sessjoni plenarja |
15.12.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
172/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b’mod qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi d-durata u żżid il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jaqbel mal-għan tagħha u l-importanza tagħha għall-iżgurar tal-istabilità u ċ-ċertezza għall-investituri u l-promoturi tal-proġetti. Il-Kumitat huwa wkoll favur l-estensjoni tal-għażla taż-żmien u l-finanzjament tal-FEIS biex tiġi inkluża perspettiva li tkun saħansitra għal żmien itwal, biex ikun żgurat li l-intervent huwa sistematiku u mhux interrott. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ r-riżultati pożittivi tal-ewwel sena tal-FEIS fl-immobilizzar immedjat tal-valur tal-investiment previst u jikkunsidra b’mod partikolari t-“tieqa ta’ investiment” tal-SME bħala suċċess. L-Osservatorju tas-Suq Uniku tal-Kumitat għandu jwettaq monitoraġġ kostanti tal-użu tal-FEIS għall-SMEs permezz ta’ indikaturi tal-impatt. |
1.3. |
Fil-fehma tal-Kumitat, l-FEIS 2.0 għandu jimmira lejn involviment dejjem akbar tal-kapital privat, u jaqbeż it-62 % miksub fl-ewwel sena. F’dak ir-rigward il-Kumitat jipproponi li jikkunsidra b’attenzjoni l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal fergħat oħra ta’ finanzi minbarra l-banek: is-suq tal-bonds u l-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet. Il-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet Ewropej u internazzjonali jista’ jkollhom parti kruċjali fl-investimenti. |
1.4. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm enfasi mmexxi mis-suq, li jiġi kkunsidrat b’mod serju l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-FEIS, filwaqt li tiġi msaħħa l-addizzjonalità tal-FEIS fil-konfront ta’ strumenti oħra tal-UE u negozju normali tal-BEI. Il-KESE jiddispjaċih li l-FEIS ma jiżgurax li l-fondi ser jiġu investiti f’pajjiżi li l-aktar jeħtiġuhom. Jitlob biex l-FEIS jiżgura kopertura bilanċjata mill-aspett ġeografiku fl-UE kollha, filwaqt li jikkunsidra l-attività ekonomika globali ta’ kull pajjiż, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-karattru mmexxi mis-suq u mid-domanda tal-inizjattiva, mingħajr ma jistabbilixxi kwoti bil-quddiem u jżomm biżżejjed flessibilità fost is-setturi li fih jintuża. |
1.5. |
Il-fehma tal-Kumitat hija li l-FEIS 2.0 għandu jiffoka l-interventi tiegħu stess fuq setturi tal-futur bħall-Industrija 4.0, in-netwerks intelliġenti tal-enerġija, diġitali u tal-infrastruttura tat-trasport u l-protezzjoni ambjentali, proġetti transfruntiera, inklużi proġetti Ewropej fuq skala kbira f’setturi bl-ogħla multiplikaturi ekonomiċi tal-PDG, abbażi tal-ammont tal-potenzjal tal-investiment, filwaqt li ma tiġix ittraskurata l-agrikoltura, sabiex jiġi massimizzat l-impatt tat-tkabbir u tal-impjiegi – inkluża l-possibilità li jinfetħu fondi oħra tal-UE, inklużi t-teknoloġiji b’użu doppju marbuta mal-industriji tas-sigurtà u tad-difiża u għandu jemenda l-lista tas-setturi esklużi mill-BEI. |
1.6. |
Il-KESE jirrakkomanda l-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), li għandu jżid l-operazzjonijiet tiegħu fid-diversi pajjiżi u jassumi rwol proattiv fir-reġjuni li huma l-anqas favoriti b’mod partikolari, isaħħaħ ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali kif ukoll il-ħolqien ta’ pjattaformi territorjali ta’ assistenza. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibilità li l-fondi strutturali u ta’ investiment jintużaw biex proġetti tal-FEIS jiġu kofinanzjati bla xkiel u mingħajr ostakoli burokratiċi u biex jiġi żgurat djalogu aħjar mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. |
1.7. |
Il-KESE jitlob li tiġi rinforzata d-dimensjoni soċjali tal-użu tal-FEIS bħal fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp ta’ industriji kreattivi u kulturali, l-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-mediċina, u l-infrastruttura tas-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, tat-turiżmu u tal-protezzjoni ambjentali. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu jappoġġja b’mod ċar l-impenji tal-COP21. |
1.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li tiżdied il-viżibilità tal-finanzjament tal-FEIS permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni kbira fil-prattika madwar l-Unjoni, li jitnieda logo tal-FEIS biex jidher fuq l-inizjattivi finanzjati – b’mod speċjali dawk għall-SMEs – u li jissaħaħ id-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. |
1.9. |
Minħabba l-importanza tas-suċċess tal-FEIS għas-soċjetà ċivili u l-marka Ewropea, il-Kumitat jitlob li jiġi kkonsultat b’mod regolari biex jipprovdi rapporti ta’ informazzjoni dwar operazzjonijiet finanzjarji u ta’ investiment u l-funzjonament tal-fond ta’ garanzija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-impatt ambjentali kif ukoll lill-evalwazzjoni minn esperti indipendenti tal-applikazzjoni tar-regolament u t-tibdil tal-FEIS permezz ta’ indikaturi soċjoekonomiċi u ambjentali ċari u billi tiġi ċċarata l-addizzjonalità ta’ din l-inizjattiva. |
1.10. |
Fid-dawl tad-diversi effetti pożittivi tal-investiment soċjali, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi, il-KESE jemmen li għandu jiġi kkunsidrat aktar kif il-Pjan Junker 2 jista’ jintrabat mal-objettivi tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali. |
2. Il-kuntest tal-iżvilupp tal-FEIS: il-qagħda preżenti
2.1. |
Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “[i]l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), diġà ta riżultati konkreti u huwa pass importanti fil-mobilizzazzjoni ta’ investiment privat filwaqt li jsir użu għaqli tar-riżorsi baġitarji skarsi”. |
2.2. |
Minn meta ġie ppreżentat il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa f’Novembru 2014, bdiet terġa’ tinkiseb ċerta fiduċja fl-ekonomija u t-tkabbir. Madankollu, għad hemm 22 miljun persuna qiegħda, l-investiment għadu 15 % taħt dak irreġistrat qabel il-kriżi fl-2008 u jinħtieġu EUR 300 biljun aktar ta’ investiment kull sena biex jerġgħu jiġu rkuprati l-livelli ta’ qabel il-kriżi. Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-UE qiegħda tirreġistra rkupru moderat, bi tkabbir ta’ PDG ta’ 2 % fl-2015: għalkemm proġetti akbar ta’ investiment ma jistgħux jipproduċu effetti makroekonomiċi mill-ewwel, l-impenn imħaddan bis-sħiħ mal-pjan ta’ investiment diġà qiegħed jagħti riżultati tanġibbli. |
2.3. |
Fl-ewwel sena tal-operazzjonijiet tiegħu, il-FEIS wera s-solidità tal-pjan inizjali: implimentat u kosponsorjat mill-Grupp tal-BEI, jinsab fit-triq it-tajba biex iwassal l-objettiv tal-immobilizzar ta’ mill-anqas EUR 315 biljun f’investimenti addizzjonali fl-ekonomija reali sa nofs l-2018. Operazzjonijiet approvati f’dik l-ewwel sena kienu jiswew aktar minn EUR 115 biljun, 62 % minnhom iffinanzjati minn investituri privati – fil-15 ta’ Novembru 2016, EUR 154 biljun u 49 % tat-total mistenni (1). |
2.4. |
It-teħid mis-suq kien partikolarment rapidu fir-rigward tat-tieqa tal-SME, fejn ir-riżultati tal-FEIS qabżu sew l-aspettattivi: għal din ir-raġuni, it-tieqa żdiedet f’Lulju 2016 b’EUR 500 miljun fi ħdan il-parametri eżistenti tar-Regolament (UE) 2015/1017. Fl-aħħar tal-ewwel sena, l-operazzjonijiet li jibbenefikaw lill-SMEs kienu ġew approvati bl-ammont ta’ aktar minn EUR 47 biljun – 64 % ta’ dak li kien mistenni għat-tul kollu tat-tliet snin. |
2.5. |
Inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, iżda bil-governanza tiegħu stess, il-FEIS qiegħed jgħin ukoll biex jiffinanzja l-proġetti ta’ innovazzjoni u infrastruttura f’numru ta’ setturi: attwalment, fil-15 ta’ Novembru 2016, ir-riċerka u l-iżvilupp (20 %), l-enerġija (22 %), id-diġitalizzazzjoni (12 %), it-trasport (7 %), l-użu ambjentali u effiċjenti ta’ riżorsi (4 %), u l-infrastruttura soċjali (4 %). |
2.6. |
Il-Kumitat laqa’ t-tnedija ta’ Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u apprezza “il-bidla fit-ton lil hinn mill-awsterità u l-konsolidazzjoni fiskali”. Huwa enfasizza li “Il-Pjan ta’ Investiment huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda hemm għadd ta’ mistoqsijiet serji dwar id-daqs tiegħu meta mqabbel mal-bżonnijiet ta’ investiment enormi tal-Ewropa, il-livell għoli ta’ ingranaġġ mistenni, il-fluss potenzjali ta’ proġetti ta’ investiment adatti, l-involviment tal-SMEs – b’attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar – u l-għażla taż-żmien tal-Pjan” (2). Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-FEIS ma żgurax li l-fondi kienu investiti f’pajjiżi fejn l-iktar li kien hemm bżonn. L-Istati Membri li għaddejjin minn proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv skont il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbilità ma jistgħux jibbenefikaw minn xi flessibbiltà (ECOFIN 2012 u ECOFIN 2014). |
2.7. |
Il-Kumitat ibbenefika mill-esperjenza u l-opinjonijiet, fil-biċċa l-kbira pożittivi dwar il-FEIS, ta’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fis-seduta ta’ smigħ li saret fl-10 ta’ Novembru 2016. |
3. Il-proposti tal-Kummissjoni
3.1. |
Il-Kummissjoni tipproponi li testendi d-durata tal-FEIS b’sentejn oħra – sal-2020 – u żżid il-garanzija tal-UE minn EUR 16 sa 26 biljun u l-kontribuzzjoni tal-BEI minn EUR 5 sa 7,5 biljun – l-għan huwa li jiġi xprunat l-investiment għal madwar EUR 500 biljun matul dan it-tul ta’ żmien. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li l-fond ta’ garanzija jiżdied b’EUR 1,1 biljun, sa EUR 9,1 biljun. Din iż-żieda se tiġi ffinanzjata l-aktar b’fondi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u d-dħul minn operazzjonijiet tal-BEI relatati mal-FEIS. |
3.2. |
Ġew imfassla objettivi strateġiċi pluriennali tal-FEIS 2.0 għall-appoġġ ta’ investiment għal tkabbir f’konformità mal-prijoritajiet baġitarji tal-UE għas-setturi prijoritarji li ġejjin:
|
3.3. |
Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-inizjattiva għandha tippermetti lill-BEI u lill-FEIS iwettqu operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ta’ volum akbar f’dawn l-oqsma, u fil-każ tal-BEI, fi proġetti aktar riskjużi iżda ekonomikament sostenibbli bis-saħħa tal-garanzija tal-UE li jirċievi. L-effett multiplikatur involut huwa kapaċi jiġġenera investiment ta’ EUR 15 fi proġetti għal kull euro ta’ garanzija – b’total ta’ mhux anqas minn EUR 500 biljun bejn issa u l-aħħar tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. |
3.4. |
It-tibdil ewlieni li l-Kummissjoni tipproponi għar-Regolament 2015/1017 jikkonċerna:
|
4. Kummenti ġenerali
4.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b’mod qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi kemm id-durata u kif ukoll il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), filwaqt li jaqbel mal-għan u l-importanza tagħha fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-investiment fl-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat itenni l-pożizzjoni li ħa qabel (3) dwar il-ħtieġa għal pjan Ewropew għat-tkabbir u l-impjiegi li jinkorpora FEIS aktar ambizzjuż flimkien ma’ programmi ta’ tkabbir Komunitarji oħra, b’mod speċjali l-Orizzont 2020, is-CEF u l-Fondi Strutturali. Il-KESE jappoġġja l-ftuħ ta’ Fondi oħra tal-UE biex tiġi appoġġjata finanzjarjament il-garanzija ta’ investiment fis-setturi speċifiċi tagħhom. |
4.2. |
Dawn il-programmi ta’ għotja kif ukoll l-investimenti pubbliċi jridu jinżammu u ma jiġux imminati fl-ispeċifiċità tagħhom għall-importanza tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi. |
4.3. |
Il-KESE jilqa’ r-riżultat pożittiv tal-ewwel sena tal-FEIS fl-immobilizzar immedjat tal-valur tal-previżjoni tal-investiment – filwaqt li għadu jistenna analiżi kwalitattiva u kwantitattiva aktar preċiża tar-riżultati – u jikkunsidra t-“tieqa ta’ investiment” tal-SME bħala suċċess. Iwassal dak li qal il-Kumitat dwar ir-rwol tal-FEIS fir-rigward tal-kapital ta’ riskju u l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat it-tkabbir tal-ħolqien tal-impjiegi u tan-negozju, b’mod speċjali l-SMEs (4). |
4.4. |
Il-fehma tal-Kumitat hija li s-suċċess tal-FEIS għall-SMEs huwa parzjalment riżultat ta’ problemi persistenti fil-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ fondi mill-banek għall-kumpaniji, kif muri mid-depożiti li baqgħu ma ntmessux fil-BĊE; f’dan ir-rigward, l-Osservatorju tas-Suq Uniku tal-KESE għandu jimmonitorja b’mod kostanti l-użu tal-FEIS għall-SMEs permezz ta’ indikaturi tal-impatt. |
4.5. |
Fil-fehma tal-Kumitat, l-FEIS 2.0 għandu jimmira lejn involviment dejjem akbar tal-kapital privat, li, jekk ikun possibbli, jaqbeż it-62 % miksuba fl-ewwel sena. F’dak ir-rigward il-Kumitat jipproponi li jikkunsidra b’attenzjoni l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal fergħat oħra ta’ finanzi minbarra l-banek: is-setturi finanzjarji, is-suq tal-bonds u l-fondi tal-assigurazzjoni u tal-investimenti (5). Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa ta’ fond addizzjonali mmirat primarjament lejn l-immobilizzar tal-investiment privat. Fil-livell Ewropew, investituri istituzzjonali jimmaniġġjaw assi bl-ammont ta’ EUR 13 500 biljun (6), li minnhom anqas minn 1 % huma investiti fl-infrastruttura. |
4.6. |
Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jirriflettu dwar il-possibbiltà li tiġi permessa aktar flessibbiltà għall-Istati Membri f’sitwazzjonijiet diffiċli biex iżidu l-investimenti pubbliċi, biex jiffinanzjaw permezz tal-infrastruttura tal-FEIS u r-riċerka, l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, il-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali. |
4.6.1. |
Biex jiżdiedu dawn il-fondi hemm bżonn ta’ bidla fir-regoli tas-suq uniku għall-kapital, bħad-Direttiva Solvibbiltà II, li jfixklu l-investiment fl-intrastruttura mill-fondi Ewropej tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet. Fil-Kanada, pereżempju, is-sehem ta’ dawn il-fondi fl-investiment fl-infrastruttura – inkluża l-infrastruttura Ewropea – jilħaq1il-15 % tal-assi mmaniġġjati. Pjattaforma ffinanzjata mis-CEF, il-BEI u l-fondi tal-assigurazzjoni tista’ ttaffi dawn il-problemi u tiggarantixxi l-użu proprju ta’ dawn il-fondi. |
4.7. |
Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti għas-suċċess tal-FEIS 2.0 li jinżamm il-karattru mmexxi mis-suq tiegħu u li tissaħħaħ l-addizzjonalità tal-FEIS fil-konfront ta’ strumenti oħra tal-UE u l-attività ewlenija tal-BEI: kull proġett individwali ewlieni m’għandux biss ikun konsistenti mal-politiki tal-UE, iżda għandu jiġi ġġudikat ukoll fuq il-merti tiegħu stess u r-riżultati ekonomiċi mistennija. |
4.8. |
Il-KESE jaqbel dwar in-neċessità li tiġi appoġġjata l-addizzjonalità tal-proġetti appoġġjati mill-FEIS biex b’hekk jiżdiedu l-bankabilità/finanzjabilità ta’ proġetti aktar riskjużi. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ ammissibilità jridu jinkludu r-rekwiżit li proġetti appoġġjati jindirizzaw fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment mhux ottimali, u li l-proġetti transfruntiera u servizzi oħrajn relatati huma speċifikament identifikati bħala proġetti li jissodisfaw intrinsikament ir-rekwiżit ta’ addizzjonalità, biex b’hekk jiġi żgurat li l-pjan ta’ investiment jerġa’ jagħti spinta b’mod effettiv lill-ekonomija tal-Ewropa u jippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. |
4.9. |
Il-KESE jitlob bis-saħħa biex il-FEIS jintuża b’mod aktar intensiv fl-edukazzjoni, it-taħriġ, u-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u tul il-ħajja, fl-iżvilupp tal-industriji kreattivi u kulturali, il-kura tas-saħħa u l-infrastruttura soċjali u tat-turiżmu. |
4.10. |
Il-Kumitat isostni li l-FEIS irid jimxi lejn kopertura bilanċjata ġeografikament fl-UE kollha li tikkunsidra l-attività ekonomika globali ta’ kull pajjiż u l-etos immexxi mis-suq u mid-domanda tal-inizjattiva, mingħajr ma jistabbilixxi kwoti bil-quddiem u filwaqt li jżomm biżżejjed flessibilità fl-allokazzjoni tal-fondi bejn is-setturi. Il-KESE jaqbel li jkun loġiku li jissaħħaħ iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) sabiex iżid l-operazzjonijiet tiegħu stess fid-diversi pajjiżi. Japprova wkoll il-possibilità li l-fondi strutturali u ta’ investiment jintużaw biex proġetti tal-FEIS jiġu kofinanzjati mingħajr xkiel u mingħajr ostakoli burokratiċi. |
4.10.1. |
Ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) u dak tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali għandu jiġi estiż mhux biss biex jipprovdi servizzi ta’ assistenza teknika aktar immirati fil-livell lokali fl-UE kollha, iżda anke biex tiġi żgurata komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-FEIS 2.0. |
4.10.2. |
Ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali, fis-suċċess tal-FEIS huwa essenzjali wkoll. L-UE u l-gvernijiet nazzjonali, permezz tal-FEIS, għenu u jeħtieġ li jibqgħu jagħtu dejjem aktar appoġġ għall-proġetti kemm f’żona ġdida kif ukoll f’siti abbanduanti li kieku ma jkunux vijabbli finanzjarjament. Dan huwa partikolarment minnu għal proġetti b’riskju ta’ domanda/użu mhux kwantifikabbli. Dan ir-riskju jista’ jiġi mmitigat permezz tal-użu parzjali ta’ garanziji provduti mill-banek promozzjonali nazzjonali, li f’ħafna każijiet jistgħu ibiddlu tranżazzjoni mhux kummerċjabbli għal waħda kummerċjabbli għall-investituri istituzzjonali. |
4.11. |
Il-KESE jaqbel mal-idea li: “il-kontribuzzjonijiet għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) mill-Istati Membri ma jiġux inklużi fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit” u jixtieq jara dan il-prinċipju estiż għall-programmi ta’ investiment, pereżempju fil-forma ta’ regola tad-deheb proprja għall-investiment pubbliku strateġiku. |
4.12. |
Fil-fehma tal-Kumitat, kemm biex jiġi xkattat l-investiment Ewropew kif ukoll biex jiġi attirat l-investiment barrani (7) – li għandu jiġi previst fir-Regolament fuq bażi reċiproka – u biex jinkiseb b’mod effettiv ingranaġġ ta’ 1 għal 15 bejn il-garanzija u l-investiment, mhux biss iridu jerġgħu jingħataw spinta l-ekonomija u t-tkabbir tal-Ewropea, iżda trid tiġi aċċellerata wkoll l-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pilastru tal-pjan ta’ investiment billi jsiru riformi strutturali, jitneħħew l-ostakoli għall-investiment, u tiġi inkorporata l-kontribuzzjoni tal-FEIS. |
4.13. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament tal-FEIS għandu jsir aktar viżibbli permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni kbira fil-prattika u li l-logo tal-FEIS, b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs, jitqiegħed fuq kull kuntratt ta’ finanzjament li jinkludi l-appoġġ tal-FEIS. Il-Kumitat jikkunsidra l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment u tat-tmexxija u l-ħidma tal-fondi ta’ garanzija bħala importanti għas-soċjetà ċivili kollha li jirrappreżenta u għall-awtoritajiet lokali u reġjonali – kif inhi importanti wkoll l-evalwazzjoni minn espert indipendenti tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-FEIS u l-emendi għalih. Il-KESE għalhekk jitlob li rapporti ta’ dan it-tip jiġu ppreżentati mhux biss lill-Parlament u lill-Kunsill, iżda anke lill-KESE u l-KtR. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1. |
F’termini ta’ setturi prijoritarji, l-FEIS 2.0 għandu jipprovdi finanzjament bilanċjat u flessibbli, abbażi tal-volum tal-investiment potenzjali, lid-diversi setturi tal-ekonomija u b’mod speċjali lill-enerġija u d-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari u l-għanijiet tas-COP 21, in-netwerks tat-trasport u transfruntiera sostenibbli, kif ukoll setturi bħall-agrikoltura, il-bijoekonomija, il-manifattura u servizzi f’reġjuni li jkunu għadhom lura u ta’ tranżizzjoni sabiex isir l-aħjar impatt possibbli fuq l-impjiegi, inklużi teknoloġiji b’użu doppju relatati mal-industriji tas-sigurtà u d-difiża li jappoġġjaw il-varar ta’ bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) unika b’saħħitha u definita b’mod aktar ċar b’ “koordinazzjoni akbar u ppjanar komuni, bil-ħsieb li nimxu lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża” (8). |
5.1.1. |
Il-Kumitat jirrakkomanda b’mod speċjali l-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-manifattura (Industrija 4.0), l-iżvilupp sikur u uniformi tal-cloud networks u ċ-ċentri tad-data. |
5.2. |
Sa fejn hija kkonċernata l-governanza tal-FEIS, il-KESE jemmen li jkun loġiku li ssir rotazzjoni tar-rappreżentanza mill-Kummissjoni Ewropea, minbarra d-DĠ ECFIN, u l-BEI fil-kumitat ta’ tmexxija sabiex jiddaħħlu rappreżentanti ta’ DĠs f’setturi bħat-trasport, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent, sabiex jiġi promoss il-finanzjament ibbilanċjat fis-setturi kollha. Il-kumitat għall-investiment li jiddeċiedi liema proġetti se jiġu appoġġjati mill-garanzija tal-UE jrid ikun ukoll indipendenti għalkollox u jieħu deċiżjonijiet trasparenti mingħajr indħil mill-BEI, il-Kummissjoni Ewropea jew kontributuri pubbliċi jew privati oħra. Għandu jiġi estiżukoll biex jinkludi esperti speċifiċi għas-settur li jistgħu jipprovdu għarfien speċjalizzat dwar is-sitwazzjoni tas-swieq ġeografiċi għal intervent. |
5.3. |
Il-FEIS għandu ħafna aktar finanzjament minn inizjattivi Komunitarji oħra u bħala tali jippermetti investiment fi proġetti Ewropej fuq skala kbira li jiswew aktar minn EUR 10 biljun, appoġġjati prinċipalment minn kapital privat (9). Biex jiġu implimentati dawn il-proġetti, il-Kumitat huwa tal-fehma li r-rwol proattiv tal-Kummissjoni jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex ikun jista’ jappoġġja t-tnedija konġunta ta’ diversi programmi Ewropej u jiġi determinat il-qafas regolatorju xieraq, b’mod speċjali fis-settur tat-trasport, l-enerġija u n-netwerks tal-ITC, li għandhom l-ogħla multiplikaturi ekonomiċi tal-PDG. |
5.4. |
Fil-fehma tal-KESE, il-FEIS għandu jiffoka aktar fuq l-konomija diġitali kollaborattiva fl-Ewropa, bil-promozzjoni tal-Pjattaformi ta’ Investiment Ewropew biex jitrawwem it-tkabbir ta’ negozji li jkunu għadhom kemm fetħu f’dan is-settur biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità. Ser jiġu garantiti d-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur. |
Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ċifri tal-Grupp tal-BEI. 12 ta’ Ottubru 2016.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27).
(3) Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10).
(5) Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.
(6) Pjan ta’ Azzjoni tal-UE nagħmlu l-aħjar użu minn skemi finanzjarji ġodda.
(7) Ara, pereżempju, il-programm Ċiniż One Belt One Road (Ċintorin Wieħed Triq Waħda).
(8) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 1).
(9) Pereżempju: is-sistema Ewropea ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-Sistema ta’ Tmexxija tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (ERTMS), is-Sewqan Konness u Awtomatiku, il-grilja interkonnessa lil hinn mill-Kosta tal-Baħar tat-Tramuntana għall-parks oleiċi,, Komputazzjoni ta’ Prestazzjoni Għolja Gigabyte industrijali, u l-implimentazzjoni tal-broadband madwar l-Ewropa.