EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0019

Kawża T-19/17: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2017 – Fastweb vs Il-Kummissjoni

ĠU C 70, 6.3.2017, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/26


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2017 – Fastweb vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-19/17)

(2017/C 070/36)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Fastweb SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Merola, L. Armati, A. Guarino u E. Cerchi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fastweb S.p.A titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Settembru 2016, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea awtorizzat il-konċentrazzjoni fil-Każ M.7758 Hutchinson 3G Italy/WIND/JV, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“Regolament Komunitarju dwar il-konċentrazzjonijiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern it-tranżazzjoni li permezz tagħha Hutchison Europe Telecommunications (HET) u VimpelCom Luxembourg Holdings (VIP) jakkwistaw il-kontroll konġunt ta’ impriża ta’ kostituzzjoni ġdida (joint venture jew JV) billi jikkonferixxu fuq tali JV l-attivitajiet rispettivi tagħhom fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fl-Italja, liema kompatibbiltà hija suġġetta għal kundizzjonijiet u obbligi intiżi għad-dħul fis-suq intern ta’ operatur ta’ netwerk ġdid (MNO).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza kif ukoll tal-Artikolu 8 tar-regolament.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’nuqqasijiet serji u manifesti, fuq kollox ta’ natura proċedurali, b’mod partikolari: (A) nuqqasijiet li twettqu qabel ma ġew sottomessi l-impenji finali, li jinkludu nuqqas, fil-preżenza ta’ diversi kandidati interessati fil-pakkett ta’ miżuri, ta’ proċedura trasparenti u nondiskriminatorja li tiggarantixxi l-għażla tal-aħjar kandidat, kif ukoll l-aċċettazzjoni żbaljata ta’ rimedju preventiv “fix-it-first” li ġie propost tard wisq fil-proċedura; u (B) nuqqasijiet fl-investigazzjoni li twettqu wara li ġew sottomessi l-impenji finali, b’mod partikolari, in-nuqqas li jiġu evalwati ċerti aspetti ta’ dawn l-impenji (pereżempju fir-rigward tal-ftehim dwar ir-roaming) u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni suffiċjenti dwar in-natura adatta tal-kandidat akkwirenti, liema nuqqasijiet saru iktar manifesti minħabba l-assenza ta’ “market test”.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqasijiet fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul ta’ MNO ġdid kien fih innifsu suffiċjenti sabiex jeskludi l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni, mingħajr kunsiderazzjoni tal-fatturi li kienu ddeterminaw is-suċċess tad-dħul ta’ H3G, sussidjarja li hija l-proprjetà esklużiva ta’ Hutchinson li permezz tagħha topera din tal-aħħar.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma vverifikatx jekk l-MNO l-ġdid kellux għad-dispożizzjoni tiegħu (kemm fis-suq tal-imnut kif ukoll fis-suq tal-ingrossa) kapaċità operazzjonali, kundizzjonijiet ekonomiċi u inċentivi li minn tal-inqas kienu ekwivalenti, fl-intier tagħhom, għal dawk ta’ H3G, li matul l-ewwel snin kienet topera f’suq li kien qiegħed jespandi malajr. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effett fuq id-dinamika kompetittiva tal-asimetrija tar-rata ta’ terminazzjoni li bbenefikat minnha H3G, li għalhekk kellha vantaġġ kunsiderevoli meta mqabbla ma’ MNO oħra.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-pakkett ta’ impenji.

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-paragun mal-allokazzjoni relatata mal-frekwenza ta’ H3G qabel l-amalgamazzjoni tqajjem dubji serji dwar in-natura adatta tal-allokazzjoni prevista fl-impenji finali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq avvenimenti futuri u inċerti, bħall-parteċipazzjoni tal-MNO l-ġdid f’seħjiet għal offerti futuri, mingħajr madankollu ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż għolja marbuta mat-tiġdid imminenti u mar-“refarming” tal-frekwenzi ttrasferiti. Il-Kummissjoni aċċettat it-trasferiment ta’ numru inadegwat ta’ siti, billi bbażat ruħha fuq ftehimiet inċerti mat-Tower Companies. Fl-aħħar nett, il-ftehim tranżitorju konkluż mal-partijiet notifikanti, li għandu struttura bbażata fuq il-kapaċità, inaqqas sostanzjalment l-inċentiv għall-investiment.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni sa fejn l-analiżi tal-konċentrazzjoni u tal-impenji hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-prezz huwa l-uniku fattur kompetittiv sinjifikanti fis-suq rilevanti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kwalità u l-kopertura tan-netwerk għandhom sinjifikat paragunabbli, u ma kellhiex tillimita ruħha għal analiżi statika tal-preferenzi ta’ kampjun parzjali ħafna ta’ utenti, li jappartjenu għall-kategorija ta’ “infiq minimu”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza prospettiva tal-agglomerazzjoni, li hija deċiżiva għal parteċipant ġdid fis-suq, li jeħtieġ inċentiv addizzjonali meta mqabbel ma’ operatur stabbilit (bħal H3G). L-għażla ta’ akkwirent li kapaċi jindirizza d-domanda konverġenti kienet tiżgura effikaċja u sostenibbiltà ta’ impenji fiż-żmien.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura adatta tal-impenji li jeskludu t-tħassib dwar l-effetti koordinati fis-suq tal-imnut.

Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex ikun jista’ jaġixxi b’mod aggressiv u “jikser” il-bilanċ kollużiv, il-parteċipant ġdid fis-suq għandu jkun jista’ jaġixxi indipendentement minn MNOs oħra. Madankollu, il-formola magħżula għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi (ftehimiet ta’ roaming u MOCN nazzjonali) toħloq dipendenza mill-qrib bejn l-MNO l-ġdid u l-JV għal perijodu estiż. Id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll vvizzjata b’nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni xierqa dwar il-kompatibbiltà ta’ kuntratti ta’ roaming/MOCN nazzjonali mal-Artikolu 101 TFUE.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-natura inadatta tal-impenji li jindirizzaw it-tħassib kompetittiv dwar is-suq tal-ingrossa.

Ir-rikorrenti ssostni li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball fir-rikostruzzjoni tax-xenarju kontrofattwali u meta ma eżiġiet ebda miżura speċifika, billi bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatt li Iliad ser ikollu inċentiv li joffri tali servizzi minkejja n-nuqqas ta’ miżuri f’dan is-sens u l-esperjenza ta’ dan l-operatur fi Franza. Kuntrarjament, l-impenji jinċentivaw lill-MNO l-ġdid jidentifika u jakkwista speċifikament u unikament il-klijentela ta’ ORVM.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aċċettat lil Iliad bħala akkwirent adatt mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-effikaċja tal-impenji inerenti għad-dħul ta’ parteċipant ġdid fis-suq bil-karatteristiċi tiegħu u mingħajr ma pprevediet garanziji adatti fl-impenji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità/kopertura tan-netwerk.


Top