Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XG1210(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

    ĠU C 461, 10.12.2016, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 461/2


    KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL

    dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (*1)

    (2016/C 461/02)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.

    JIKKONFERMA l-impenn prijoritarju tiegħu li jkompli l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u kontra l-ħasil tal-flus li jwasslu għal erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri;

    2.

    HUWA TAL- FEHMA li l-isforzi ta’ politika kkoordinati f’dan il-qasam fil-livell tal-UE u dak globali, bħad-determinazzjoni ta’ kriterji oġġettivi sabiex jiġu identifikati ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, huma parti minn miżuri effettivi li ser jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u ċ-ċertezza fiskali;

    3.

    IFAKKAR fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija esterna għat-tassazzjoni u miżuri kontra l-abbuż tat-trattat dwar it-taxxa tal-25 ta’ Mejju 2016 u b’mod partikolari l-punti 6 sa 10 ta’ dawk il-Konklużjonijiet;

    4.

    JIDDEĊIEDI li l-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, ser tkun determinata mill-Kunsill fl-2017;

    5.

    JILQA’, f’dan il-kuntest, il-ħidma preparatorja mill-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) u l-Kummissjoni Ewropea li saret s’issa;

    6.

    JAPPROVA l-Anness għal dawn il-Konklużjonijiet u JINNOTA li l-ħidma futura f’dan il-qasam għandha tiġi kkoordinata mal-iżviluppi, u tibni fuqhom, fil-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Finijiet ta’ Taxxa u l-Qafas Inklużiv tal-OECD għall-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti;

    7.

    JAPPELLA għal standards internazzjonali għoljin dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, it-tassazzjoni ġusta u l-miżuri kontra l-BEPS, u b’mod partikolari; fir-rigward tat-trasparenza fiskali;

    8.

    JIEĦU NOTA, fir-rigward tat-trasparenza fiskali, tal-impenn ta’ aktar minn 100 ġurisdizzjoni li jimplimentaw l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS), u jieħu kont tal-monitoraġġ li għaddej mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Finijiet ta’ Taxxa u l-valutazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar l-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni u l-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba;

    9.

    JIEĦU NOTA, fir-rigward tat-tassazzjoni ġusta u l-miżuri kontra l-BEPS, tal-ħidma li għaddejja bħalissa fil-Qafas Inklużiv tal-OECD għall-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti, inkluż il-ħidma tal-Forum dwar il-Prattiki ta’ Taxxa Dannużi bħala parti minnu;

    10.

    JITLOB lill-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) u s-sottogrupp rilevanti tiegħu biex sa Jannar 2017 jiffinalizzaw il-ħidma tagħhom dwar l-għażla tal-ġurisdizzjonijiet għall-iskrinjar abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u biex ikomplu jesploraw miżuri difensivi fil-livell tal-UE biex jiġu approvati mill-Kunsill, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2016.


    (*1)  Il-Kunsill qabel li jippubblika dawn il-konklużjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali għal finijiet ta’ informazzjoni.


    ANNESS

    I.   KRITERJI GĦALL-ISKRINJAR TA’ ĠURISDIZZJONIJIET BL-GĦAN LI TIĠI STABBILITA LISTA TAL-UE TA’ ĠURISDIZZJONIJIET LI MA JIKKOOPERAWX

    Il-kriterji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa li ġejjin għandhom jintużaw għall-iskrinjar ta’ ġurisdizzjonijiet, bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, f’konformità mal-linji gwida għall-iskrinjar. Il-konformità ta’ ġurisdizzjonijiet fir-rigward tat-trasparenza fiskali, it-tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni ta’ miżuri rigward l-BEPS ser tiġi vvalutata b’mod kumulattiv fil-proċess ta’ skrinjar.

    Fir-rigward ta’ skrinjar futur, dawn il-kriterji ser jiġu aġġustati mill-Kunsill, skont il-ħtieġa, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni fl-istandards internazzjonali, klassifikazzjonijiet futuri ta’ dawk l-istandards u l-importanza ta’ progress kontinwu u rapidu mill-ġurisdizzjonijiet kollha f’dawn l-oqsma.

    1.   Kriterji dwar it-trasparenza fiskali

    Il-kriterji li ġurisdizzjoni għandha tissodisfa sabiex titqies bħala konformi fir-rigward tat-trasparenza fiskali:

    1.1.

    Il-kriterju inizjali fir-rigward tal-istandard (l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar – CRS) tal-OECD dwar l-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni (AEOI): il-ġurisdizzjoni għandha tkun impenjat ruħha lejn u bdiet il-proċess leġislattiv biex timplimenta b’mod effettiv is-CRS, bl-ewwel skambji jsiru mhux aktar tard mill-2018 (fir-rigward tas-sena 2017), u jkollha arranġamenti fis-seħħ biex ikun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha, sa tmiem l-2017, jew bil-firma tal-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti nkella permezz ta’ ftehim bilaterali;

    Kriterju futur fir-rigward tas-CRS sa mill-2018: il-ġurisdizzjoni għandu jkollha tal-anqas klassifikazzjoni “Fil-Biċċa Kbira Konformi” mill-Forum Globali fir-rigward tas-CRS dwar l-AEOI, u

    1.2.

    il-ġurisdizzjoni għandu jkollha tal-anqas klassifikazzjoni “Fil-Biċċa l-Kbira Konformi” mill-Forum Globali fir-rigward tal-istandard tal-OECD dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba (EOIR), b’kunsiderazzjoni dovuta għall-proċedura rapida, u

    1.3.

    (għal stati sovrani) jenħtieġ li l-ġurisdizzjoni jew:

    (i)

    tkun irratifikat, qablet li tirratifika jew tkun fil-proċess li tirratifika f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka (MCMAA) fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa, kif emendata, jew

    (ii)

    ikollha netwerk ta’ arranġamenti ta’ skambju fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2018 li jkun wiesa’ biżżejjed biex ikopri l-Istati Membri kollha, li effettivament jippermetti kemm l-EOIR kif ukoll l-AEOI;

    (għal ġurisdizzjonijiet mhux sovrani) jenħtieġ li l-ġurisdizzjoni jew:

    (i)

    tkun qed tipparteċipa fl-MCMAA, kif emendata, li jew tkun diġà fis-seħħ jew tkun mistennija tidħol fis-seħħ għaliha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, inkella

    (ii)

    ikollha netwerk ta’ arranġamenti ta’ skambju fis-seħħ, jew tkun ħadet il-passi meħtieġa biex iddaħħal fis-seħħ tali ftehimiet ta’ skambju fi żmien raġonevoli, li jkun wiesa’ biżżejjed biex ikopri l-Istati Membri kollha, li jippermetti kemm l-EOIR kif ukoll l-AEOI.

    1.4.

    Kriterju futur: bil-ħsieb tal-inizjattiva għall-iskambju globali futur ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, l-aspett tas-sjieda benefiċjarja ser jiġi inkorporat fi stadju aktar tard bħala r-raba’ kriterju ta’ trasparenza għall-iskrinjar.

    [Sat-30 ta’ Ġunju 2019, għandha tapplika l-eċċezzjoni li ġejja:

    Ġurisdizzjoni tista’ titqies bħala konformi fir-rigward tat-trasparenza fiskali, jekk tissodisfa mill-inqas tnejn mill-kriterji 1.1, 1.2 jew 1.3.

    Din l-eċċezzjoni ma tapplikax għall-ġurisdizzjonijiet ikklassifikati bħala “Mhux Konformi” dwar il-kriterju 1.2 jew li ma jkunux kisbu mill-inqas klassifikazzjoni “Fil-biċċa l-Kbira Konformi” dwar dak il-kriterju sat-30 ta’ Ġunju 2018.

    Pajjiżi u ġurisdizzjonijiet li ser jidhru fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx li bħalissa qed tiġi ppreparata mill-OECD u l-membri tal-G20 ser jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-lista tal-UE, irrispettivament minn jekk ikunux ġew magħżula għall-eżerċizzju tal-iskrinjar.

    2.   Tassazzjoni ġusta

    Il-kriterji li ġurisdizzjoni għandha tissodisfa sabiex titqies konformi fir-rigward tat-tassazzjoni ġusta:

    2.1.

    il-ġurisdizzjoni ma għandu jkollha l-ebda miżura ta’ taxxa preferenzjali li tista’ titqies bħala dannuża skont il-kriterji stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (1), u

    2.2.

    Il-ġurisdizzjoni ma għandhiex tiffaċilita strutturi jew arranġamenti offshore bl-għan li jattiraw profitti li ma jirriflettux attività ekonomika reali fil-ġurisdizzjoni.

    3.   L-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-BEPS

    3.1.

    Kriterju inizjali li ġurisdizzjoni għandha tissodisfa sabiex titqies bħala konformi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-BEPS:

    Il-ġurisdizzjoni, sa tmiem l-2017, għandha timpenja ruħha lejn standards minimi miftiehma tal-OECD kontra l-BEPS u l-implimentazzjoni konsistenti tagħhom.

    3.2.

    Kriterju futur li ġurisdizzjoni għandha tissodisfa sabiex titqies bħala konformi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-BEPS (li għandhom jiġu applikati ladarba jitlestew ir-rieżamijiet mill-Qafas Inklużiv tal-istandards minimi miftiehma):

    il-ġurisdizzjoni għandha tirċievi valutazzjoni pożittiva (2) għall-implimentazzjoni effettiva tal-istandards minimi miftiehma tal-OECD kontra l-BEPS.

    II.   LINJI GWIDA GĦALL-PROĊESS TA’ SKRINJAR TA’ ĠURISDIZZJONIJIET BL-GĦAN LI TIĠI STABBILITA LISTA TAL-UE TA’ ĠURISDIZZJONIJIET LI MA JIKKOOPERAWX GĦAL FINIJIET TA’ TAXXA

    1.

    L-iskrinjar tal-ġurisdizzjonijiet rilevanti mill-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) abbażi tal-kriterji li jinsabu fil-Parti I ta’ dan l-Anness għandu jibda malajr, bil-ħsieb li l-Kunsill japprova l-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx qabel tmiem l-2017.

    2.

    Il-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi), appoġġat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser imexxi u jissorvelja l-proċess ta’ skrinjar. Is-servizzi tal-Kummissjoni ser jgħinu l-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) billi jwettqu l-ħidma ta’ tħejjija meħtieġa għall-proċess ta’ analiżi skont ir-rwoli kif definiti bħalissa fil-proċess tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, b’referenza partikolari għal djalogi li saru qabel u dawk li għaddejjin ma’ pajjiżi terzi.

    3.

    Fil-proċess ta’ analiżi, għandu jittieħed kont tal-ħidma mwettqa mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Finijiet ta’ Taxxa u l-Qafas Inklużiv tal-OECD għall-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment ta’ Profitti.

    4.

    Sa Jannar 2017, għandhom jintbagħtu ittri lill-ġurisdizzjonijiet magħżula għall-iskrinjar, li jistiednu lil dawn il-ġurisdizzjonijiet biex ikunu involuti fil-proċess, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza xierqa ta’ dan il-proċess.

    5.

    Sa Frar 2017, il-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) għandu jinnomina, fejn rilevanti, l-Istati Membri u/jew l-esperti tagħhom, jew gruppi tagħhom, biex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fuq l-iskrinjar tal-ġurisdizzjonijiet rilevanti.

    6.

    Sas-sajf 2017 għandhom isiru kuntatti bil-miktub u, fejn meħtieġ, diskussjonijiet bilaterali ma’ ġurisdizzjonijiet kkonċernati, sabiex ikun hemm aktar involviment fid-djalogu u jiġu esplorati soluzzjonijiet, għal punti ta’ tħassib, mas-sistemi fiskali ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet, kif ukoll biex jinkisbu l-impenji neċessarji. Il-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) għandu jinżamm infurmat u jkun involut b’mod attiv f’dan il-proċess.

    7.

    Sa Settembru 2017, l-eżitu tad-diskussjonijiet bilaterali u l-istat attwali tagħhom għandhom jiġu ppreżentati lill-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi).

    8.

    Sa tmiem l-2017, skont il-passi preparatorji neċessarji fil-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi), b’koordinazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa, il-Kunsill għandu japprova l-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx.

    9.

    Il-ħidma dwar l-esplorazzjoni ta’ miżuri difensivi fil-livell tal-UE skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2016 għandha titlesta fi żmien debitu. Kwalunkwe miżura difensiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-isferi rispettivi ta’ kompetenza tal-Istati Membri, bħal dawk li japplikaw miżuri addizzjonali jew iżommu listi, fil-livell nazzjonali, ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, ta’ ambitu usa’.

    10.

    Hekk kif jitlesta l-proċess ta’ elenkar, jenħtieġ li jintbagħtu ittri, mingħajr dewmien, lill-ġurisdizzjonijiet elenkati li ma jikkooperawx, bi spjegazzjoni ċara għal tali elenkar u liema passi huma mistennija minn ġurisdizzjoni kkonċernata, sabiex dik il-ġurisdizzjoni titneħħa minn fuq il-lista.

    11.

    Billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaf ma jkollhomx il-kapaċità li jimplimentaw l-istandards ta’ trasparenza fiskali u l-istandards minimi kontra l-BEPS skont l-istess skeda ta’ żmien tal-pajjiżi żviluppati, jenħtieġ li jittieħed kont ta’ din is-sitwazzjoni matul il-proċess ta’ skrinjar, dment li dawn il-ġurisdizzjonijiet ma jkunux ikklassifikati f’livell għoli f’termini ta’ attività finanzjarja u ma jkollhomx ċentri finanzjarji.

    12.

    Il-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) għandu jiżviluppa ulterjorment l-arranġamenti xierqa dwar il-metodi prattiċi u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, bil-ħsieb li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tal-proċess ta’ skrinjar ta’ ġurisdizzjonijiet bil-ħsieb li l-Kunsill jistabbilixxi lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.

    13.

    Fost ħwejjeġ oħra, jenħtieġ li l-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) jiddefinixxi, sa Jannar 2017, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, it-tul ta’ żmien raġonevoli, imsemmi fil-kriterju 1.3, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju 2.2. Fil-kuntest tal-kriterju 2.2, il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) għandu jevalwa n-nuqqas ta’ sistema tat-taxxa korporattiva jew l-applikazzjoni ta’ rata nominali tat-taxxa korporattiva ta’ żero jew kważi żero bħala indikatur possibbli.

    14.

    Il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għandha tiġi aġġornata regolarment mill-Kunsill, kif meħtieġ, skont dawn il-linji gwida, abbażi ta’ informazzjoni li ser issir disponibbli għall-Kummissjoni u/jew il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi).


    (1)  ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.

    (2)  Ladarba tiġi miftiehma l-metodoloġija, il-formulazzjoni tal-kriterju ser tiġi riveduta mill-Kunsill skont dan.


    Top