Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0668

    Kawża T-668/15: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2015 – Jema Energy vs empresa común Fusion for Energy

    ĠU C 27, 25.1.2016, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/71


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2015 – Jema Energy vs empresa común Fusion for Energy

    (Kawża T-668/15)

    (2016/C 027/90)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Jema Energy, S.A. (Lasarte-Oria, Spanja) (rappreżentant: N. Rey Rey, avukat)

    Konvenuta: Empresa Común Europea para el ITER y el Desarrollo de la Energía de Fusión

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, Jema energy, u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-kjarezza tad-dispożizzjonijiet applikati għall-proċeduri u l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza

    F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt f’din il-kawża jinkludu kunċetti vagi u impreċiżi, u għaldaqstant ir-rikorrenti hija obbligata titlob diversi kjarifiki mingħand il-konvenuta. Ir-rikorrenti tagħmel domandi ċari ħafna, mingħajr ma tħalli lok għal interpretazzjonijiet oħra. Sa mill-ewwel mument, F4E kienet ambigwa ħafna u mhux iffokata fir-risposti tagħha.

    Fid-dawl tal-ambigwità tal-kriterji ta’ għażla f’din il-proċedura u tal-aġir ta’ F4E fir-rigward tad-domandi u l-azzjonijiet tar-rikorrenti, din tal-aħħar tqis li nkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn il-kandidati matul il-proċedura

    Huwa sostnut f’dan ir-rigward li wieħed mid-dokumenti li l-konvenuta bagħtet lir-rikorrenti fil-bidu tal-proċedura jgħid letteralment li jekk l-eżemplari ppreżentati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi, l-offerent jkun awtorizzat jippreżenta eżempji ġodda bil-għan li jissodisfa kompletament dawn ir-rekwiżiti. Fl-ebda mument ir-rikorrenti ma kienet mgħarrfa li ma kinitx tissodisfa dan ir-rekwiżit, u għalhekk qatt ma kellha l-opportunità li tippreżenta eżemplari oħra. Fil-fatt, preċiżament ir-raġunijiet li l-konvenuta użat sabiex tiskwalifika lil JEMA mis-sejħa għal offerti kienu preċiżament li l-eżemplari tagħha ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalita u r-restrizzjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni

    Huwa sostnut f’dan ir-rigward li l-kriterji ta’ għażla huma stretti ħafna. F4E titlob referenza li tissodisfa kombinazzjoni ta’ tliet rekwiżiti (saħħa, tensjoni u kurrent) li ma hijiex neċessarja u hija sproporzjonata għat-twettiq tal-proġett. Barra minn hekk, titlob bħala referenza proġett ta’ sors ta’ alimentazzjoni ta’ mhux iktar minn ħames snin ilu, li huwa kriterju ieħor sproporzjonat ħafna, peress li l-impriżi li jistgħu jipprovdu referenza li jissodisfaw dawn il-kriterji huma produtturi ta’ strumenti ta’ frekwenza varjabbli għal muturi ta’ saħħa kbira. Dawn huma, tipikament, impriżi kbar, li jiskoraġġixxi b’dan il-mod il-parteċipazzjoni ta’ impriżi żgħar u medji.


    Top