Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE4461

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi”

    ĠU C 268, 14.8.2015, p. 19–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 268/19


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi”

    (2015/C 268/04)

    Relatur:

    is-Sur PEEL

    Fis-sessjoni plenarja tal-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2015.

    Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar it-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    F’dawn l-aħħar snin, l-UE nnegozjat b’suċċess għadd ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTA), kull wieħed fih kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli, flimkien ma’ mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. F’kull każ il-Kumitat għandu rwol importanti x’jaqdi. L-UE qiegħda twettaq żewġ negozjati separati għal Ftehimiet awtonomi ta’ Investiment, u jista’ jkun hemm iktar fil-futur. Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li dawn il-ftehimiet għandhom jinkludu wkoll kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli b’mekkaniżmu adatt li jippermetti l-involviment tas-soċjetà ċivili.

    1.2.

    Ftehimiet awtonomi ta’ Investiment separati, aktar milli FTA sħiħ, ser jiġu nnegozjati għal raġunijiet differenti kif iċ-ċirkostanzi jeħtieġu, iżda jeħtieġ li l-ambitu tagħhom ikun aktar limitat. Ir-rekwiżit li jiġi inkluż kapitolu separat dwar l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-ftehimiet jibqa’ konvinċenti, iżda l-inklużjoni formali tal-involiment tas-soċjetà ċivili se teħtieġ sforz ikbar. Fi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, bħal dak mal-Korea, ħafna Kumitati konġunti jiġu mwaqqfa, iżda Ftehim ta’ Investiment se jkollu ftit ħafna.

    1.2.1.

    Għalhekk, hija meħtieġa iktar inġenwità biex jiġi involut b’mod dirett il-kontribut tas-soċjetà ċivili. Dan għandu jiġi żviluppat permezz tal-użu ta’ mekkaniżmu ta’ djalogu eżistenti, bħal dak offrut mir-Round Table UE-Ċina, jew inkella billi jiġi inkoraġġut id-djalogu intersettorjali, inkluż użu akbar tal-imsieħba soċjali. F’kull każ, il-Kumitat għandu jiġi inkluż fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet possibbli.

    1.3.

    Parti mill-enfasi tal-UE fuq l-iżvilupp sostenibbli naturalment tirriżulta minn xewqa globali tagħha li tippromovi u ssaħħaħ il-qawwa tat-twemmin komuni tagħha fid-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza u l-prevedibbiltà, mhux l-inqas f’oqsma prinċipali bħall-IPR.

    1.3.1.

    Fil-qalba ta’ dan hemm il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet indirizzati kemm mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO kif ukoll mill-konvenzjonijiet ambjentali ewlenin. Il-Kumitat jemmen li issa wasal iż-żmien li tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni reali ta’ dawn il-ftehimiet permezz ta’ sforzi kollaborattivi li jinvolvu l-bini tal-kapaċitajiet kemm fir-riżorsi umani kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija.

    1.3.2.

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-27 laqgħa bejn l-AKP u l-UE f’Ottubru 2014 (1) tistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipji sottostanti u t-tħassib tal-Kumitat, hawnhekk kondiviż mas-soċjetà ċivili minn barra l-UE. Is-sommarju eżekuttiv tagħha jenfasizza l-importanza kemm tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll tal-finalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) din is-sena, flimkien mal-ħtieġa li tiġi involuta s-soċjetà ċivili (jew dawk il-partijiet interessati mhux statali) matul dawn in-negozjati. Għalkemm dan huwa stabbilit hawnhekk għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs), huwa applikabbli bl-istess mod għal ftehimiet ta’ investiment.

    1.4.

    Il-Kumitat jenfasizza wkoll li kwalunkwe Ftehim ta’ Investiment milħuq mill-UE irid ikollu sinerġija sħiħa mal-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ biex tiġi finalizzata s-sensiela komprensiva ta’ 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll iwassal sal-Konferenza ta’ Pariġi tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP 15) u bl-istess mod man-negozjati plurilaterali attwali biex jitnaqqsu t-tariffi fuq prodotti ambjentali (ekoloġiċi).

    1.4.1.

    Il-Kumitat iddikjara fil-passat li huwa meħtieġ fehim aħjar dwar kif it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli jinteraġixxu “biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti, sobrji u effettivi” (2). Madankollu, is-sostenibbiltà trid taqdi rwol ewlieni fin-negozjati ta’ investiment attwali tal-UE maċ-Ċina, mhux l-inqas minħabba li nifhmu li talba fundamentali fiċ-Ċina hija għall-investiment ekoloġiku u sostenibbli, permezz tal-importazzjoni ta’ kompetenza esperta u teknoloġija tal-UE.

    1.5.

    Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li l-livelli ta’ investiment globali naqsu talanqas b’5 % mill-2000 ‘l hawn.

    1.6.

    Ninnotaw ukoll li, speċjalment minħabba l-UNCTAD (3) jikkalkolaw li madwar US $7 triljun se jkun meħtieġ għal investiment matul il-ħajja tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u li mill-inqas terz ta’ dan se jkollu jiġi mis-settur privat, ir-rwol tas-settur privat se jkun fattur ewlieni fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment. Il-protezzjoni tal-investiment hija kwistjoni ewlenija, iżda qed tiġi indirizzata f’Opinjoni oħra konkurrenti tal-Kumitat. Madankollu l-Kumitat itenni li d-dritt tal-UE u ta’ stati oħra li jirregolaw u li jsegwu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika (inklużi s-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent) huwa ta’ importanza kbira.

    1.6.1.

    Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-appoġġ tal-SMEs u aktar kumpaniji speċjalizzati fi kwistjonijiet ta’ investiment, bħalma jiġri f’postijiet oħra. Dawn il-kumpaniji huma instigaturi ewlenin fl-innovazzjoni, li hija partikolarment importanti sabiex tinżamm u tiġi żviluppata s-sostenibbiltà; jagħmlu 99 % tan-nisġa ekonomika fl-UE kif ukoll joħolqu 70-80 % tal-impjiegi.

    1.6.2.

    L-akkwist pubbliku mill-gvern se jkollu jiġi kopert minn kwalunkwe ftehim ta’ investiment, flimkien mas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), fejn il-gvernijiet jaħdmu flimkien mas-settur privat. Il-politika tal-KESE dwar il-PPPs kienet is-suġġett tal-Opinjoni ECO/272 tal-21 ta’ Ottubru 2010. Għalkemm l-Opinjoni appoġġjat b’mod ġenerali l-PPPs, indikat ukoll ċerti punti ta’ tħassib, li għadhom rilevanti ħafna. Barra minn hekk, il-Kumitat kien stqarr preċedentement li l-PPPs “jistgħu jsiru strument essenzjali għat-twettiq tal-istrateġiji ta’ żvilupp, sakemm jiġi żgurat minn qabel li l-ammont ikun korrett u li jkun hemm komunikazzjoni tajba mal-partijiet interessati” (4). Kwalunkwe ftehim ta’ investiment għalhekk għandu jippermetti l-possibbiltà ta’ investimenti pubbliċi u PPPs. It-tnejn li huma għandhom jiggarantixxu l-ksib tal-miri dwar is-sostenibbiltà.

    1.6.3.

    Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li fil-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment ir-rwol tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jrid jiġi kopert ukoll, inkluż referenza għall-investiment soċjalment responsabbli, bħall-Prinċipji dwar Investiment Responsabbli appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti (UNPRI) (5). Għal dan il-għan, dawn il-ftehimiet għandhom iħeġġu l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati biex jiddikjaraw b’mod volontarju li d-data ta’ impatt ambjentali, soċjali u fuq il-governanza, magħrufa bħala l-kriterji “ESG”, ġiet inkluża fl-analiżi tagħhom u fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar investiment responsabbli. Ninnotaw li Komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar is-CSR hija mistennija kmieni fl-2015, iżda l-għarfien sħiħ u reċiproku ta’ linji gwida internazzjonali usa’ miż-żewġ partijiet fin-negozjati huwa essenzjali. Dawn jinkludu l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali (6) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), li jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat jenfasizza li kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE jew dak internazzjonali m’għandhomx imorru kontru jew ifixxklu dawn.

    2.   Kuntest

    2.1.

    L-investiment sar kompetenza tal-UE taħt it-Trattat ta’ Lisbona bħala parti mill-politika komuni kummerċjali (CCP) tagħha, filwaqt li l-UE ngħatat ir-rwol li taħdem lejn “l-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett” (7). It-Trattat esiġa wkoll li l-aspetti rilevanti kollha tal-kummerċ, l-investiment u t-tkabbir, jiġu integrati iktar mill-qrib u jinfurmaw wieħed lill-ieħor – sabiex fost affarijiet oħra jkun hemm koordinazzjoni ikbar.

    2.2.

    Dak iż-żmien il-Kummissjoni kienet ippubblikat il-Komunikazzjoni tagħha “Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew” (8). Il-Komunikazzjoni, b’referenza għal Sentenzi tal-ECJ, iddeskriviet l-Investiment Dirett Barrani (IDB) bħala li “hu ġeneralment ikkunsidrat li jinkludi kwalunkwe investiment barrani li jservi biex jistabbilixxi konnessjonijiet fit-tul u diretti mal-impriża li għaliha l-kapital hu disponibbli sabiex twettaq attività ekonomika” jew “kapital li ġej minn investitur ibbażat f’pajjiż u li jmur f’intrapriża bbażata f’pajjiż ieħor”.

    2.2.1.

    L-Opinjoni tal-Kumitat (9) wieġbet b’dan il-mod: “Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-assigurazzjoni ... li l-politika tal-kummerċ u l-investiment tal-UE għandha tikkonforma u tkun konsistenti mal-politika ekonomika u politiki oħrajn tal-Unjoni inkluż ‘il-ħarsien tal-ambjent, dwar xogħol deċenti, dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol’ u l-iżvilupp”.

    2.3.

    Madankollu, il-mixja lejn integrazzjoni aktar mill-qrib ta’ kull aspett ta’ politika esterna tal-UE ma oriġinatx dak iż-żmien. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006 “Ewropa Globali”, maħruġa meta l-progress tan-negozjati tad-WTO ta’ Doha (DDA) kienu effettivament wieqfa, il-Kummissjoni kienet stqarret li kien essenzjali li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ “jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f’pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja” (10). Fir-risposta tiegħu għal din il-Komunikazzjoni, il-Kumitat min-naħa tiegħu appella għall-inklużjoni ta’ kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’kull FTA sussegwenti, flimkien ma’ rwol attiv ta’ monitoraġġ għas-soċjetà ċivili (11).

    2.4.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm għadd notevoli ta’ ftehimiet ta’ kummerċ tal-UE li fihom deher b’mod prominenti kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli. Mill-bidu, bil-Ftehim UE-Korea tal-2010, l-ewwel FTA tal-UE konkluż għal diversi snin, ftehimiet bħal dawn inkludew ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, u dawn il-mekkaniżmi issa qed jibdew jidħlu fis-seħħ. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Korea ltaqa’ regolarment filwaqt li l-korpi konsultattivi li jkopru l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Amerika Ċentrali, il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Kolombja/Peru, u dak għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-Cariforum, ukoll bdew iwettqu l-ħidma tagħhom.

    2.5.

    Fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi mal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova, li ġew iffirmati reċentement, iżda għadhom mhux operazzjonali, jeżistu mekkaniżmi simili, bħalma jeżistu fil-Ftehimiet UE-Kanada (CETA) u UE-Singapore, u jistgħu faċilment jiġu antiċipati f’negozjati kummerċjali oħra tal-UE li għadhom għaddejjin.

    2.6.

    L-investiment min-naħa tiegħu ifforma parti prinċipali tal-mandat ta’ negozjar f’dawk in-negozjati wara li l-investiment sar kompetenza tal-UE, inkluż CETA u saħansitra aktar notevolment fin-negozjati tat-TTIP mal-Istati Uniti, fejn l-“I” jirrappreżenta Investiment. Il-mandat miftiehem għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Korea u oħrajn msemmija fil-punt 2.4 iktar ‘il fuq madankollu kien preċedenti għall-kompetenza tal-UE, iżda l-investiment ġie miżjud aktar tard mal-mandat għas-Singapore, u wara ġie konkluż b’mod separat.

    2.7.

    In-negozjati għal Ftehim ta’ Investiment separati u awtonomu, tnedew formalment fis-Samit UE-Ċina f’Novembru 2013, u f’Marzu 2014 ġew segwiti bit-tnedija ta’ negozjati għal ftehim simili ma’ Mjanmar. Dawn huma l-ewwel negozjati dwar investiment awtonomu tal-UE, peress li mhumiex parti minn negozjar usa’ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (12). Dan jista’ joffri wkoll triq alternattiva attraenti fejn negozjati ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE li ilhom għaddejjin jidhru li tilfu l-momentum kollha, filwaqt li qabel il-kriżi tal-Ukraina kienu ġew diskussi wkoll negozjati ta’ investiment separati tal-UE mar-Russja.

    2.8.

    Għalhekk, din l-Opinjoni tagħti ħarsa lejn ir-rwol possibbli għal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-ftehimiet ta’ investiment awtonomi, flimkien mal-ambitu għal involviment attiv u formali tas-soċjetà ċivili.

    3.   In-natura tinbidel tal-investiment

    3.1.

    L-investiment (bħala waħda mill-“kwistjonijiet ta’ Singapor” miftiehem fl-1996) kien oriġinarjament maħsub biex jagħmel parti min-negozjati kummerċjali multilaterali tad-WTO mnedija f’Doha, iżda ġie sussegwentement abbandunat fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Cancun fl-2003. Kien falla l-isforz tal-OECD biex tniedi Ftehim Multilaterali dwar l-Investiment fl-1998. Il-Ftehim dwar Miżuri ta’ Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs) tar-Round ta’ Uruguay tad-WTO, 20 sena ilu, japplika biss għall-miżuri li jaffetwaw il-kummerċ tal-prodotti, iżda ma jinkludix servizzi oħra jew oqsma prinċipali oħra li żviluppaw fil-frattemp.

    3.2.

    Is-separazzjoni tal-kummerċ u l-investiment qiegħda ssir dejjem iżjed kumplessa, u teħtieġ approċċ integrat. L-Investiment Dirett Barrani (IDB) jaqdi rwol ewlieni u li qed jikber fl-istrateġija globali tan-negozju tal-UE. Ħafna jemmnu li, skont l-ispejjeż komparattivi tal-produzzjoni, il-punt ideali tal-produzzjoni huwa dak li jinsab l-eqreb tas-suq aħħari. Hekk kif qed ikomplu jiftħu swieq ġodda, dan punt partikolarment importanti għall-ekonomiji emerġenti prinċipali u ekonomija oħra li qed jiżviluppaw. Għal oħrajn, il-kapaċità li wieħed ikun jibdel il-provvista u l-produzzjoni minn pajjiż għal ieħor hija importanti, kif diġà ġie muri minħabba gradi differenti ta’ aċċettabilità fl-użu tal-bijoteknoloġija.

    3.2.1.

    Il-varjazzjonijiet ta’ valur tal-muniti u spejjeż li dejjem jinbidlu jaffettwaw ukoll il-katini tal-provvista, li twassal għal volatilità u movimenti għal tul ta’ żmien qasir fil-produzzjoni. Ostakli kbar għall-importazzjoni – li darba kienu pożittivi għall-investiment – issa huma wkoll aktar probabbli li jiskoraġġixxu l-IDB.

    3.2.2.

    Il-ktajjen globali tal-provvista u l-produzzjoni jistgħu jimirħu f’bosta pajjiżi, pereżempju ċellulari magħmul għall-Ewropa jista’ jinħadem fiċ-Ċina filwaqt li jinkorpora teknoloġija avvanzata importata minn x’imkien ieħor fix-Xlokk tal-Asja. Qabel maċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, dawn is-soltu kienu jiġu importati fl-UE direttament. Fil-fatt, madwar nofs l-esportazzjoni taċ-Ċina tiġi minn kumpaniji li għandhom sjieda barranija u li investew fiċ-Ċina – fl-industrija tal-elettronika dan kien jammontaw saħanstira għal 65 %.

    3.2.3.

    Il-Komunikazzjoni tal-2010 stqarret li riċerka attwali dwar l-IDB u l-impjiegi turi li ebda impatt negattiv li jista’ jitkejjel fuq impjieg globali għadu ma ġie identifikat b’relazzjoni mal-investiment barrani (13), minkejja li tammetti li filwaqt li l-bilanċ globali huwa pożittiv, jista’ jkun hemm effetti negattivi fuq bażi ta’ settur speċifiku, ġeografika u/jew individwali. Dan iktar jista’ jolqot lil dawk li għandhom livell ta’ kwalifiki baxx.

    3.3.

    Prattiki kummerċjali u ta’ investiment qed jiżviluppaw malajr ħafna. Pereżempju, l-Internet qed iġib bidla radikali bit-tkabbir esponenzjali fix-xiri ta’ prodotti internazzjonalment onlajn, il-ħlas għalihom onlajn u mbagħad li jsir “tracking” tat-trasport sabiex jiġi żgurat li l-merkanzija tasal. Il-bidliet li rriżultaw minħabba l-użu dejjem jikber ta’ eBay/PayPal u ekwivalenti tagħhom (bħal Alibaba) se jirrivoluzzjonaw il-kummerċ u l-investiment. L-ICT diġà hija fattur ewlieni fl-IDB.

    3.3.1.

    Dan għandu potenzjal enormi għal SMEs u kumpaniji oħra iktar speċjalizzati, peress li se jippermettilhom u lin-negozji lokali biex jidħlu fis-swieq s’issa inaċċessibbli, speċjalment għall-SMEs ibbażati f’żoni remoti. Dan jista’ jagħti spinta sinifikanti għall-SMEs li jinvestu barra minn pajjiżhom – u fil-ħolqien tal-impjiegi lokali. Billi 99 % tan-nisġa ekonomika fl-UE hija magħmula mill-SMEs, li huma xprunaturi ewlenin tal-innovazzjoni, huma element kruċjali għaż-żamma u l-iżvilupp tas-sostenibbiltà, u joħolqu 70-80 % tal-impjiegi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lilll-appoġġ ta’ dawn l-intrapriżi fi kwistjonijiet ta’ investiment, kif tagħmel bnadi oħra.

    4.   Ftehimiet ta’ investiment awtonomi

    4.1.

    Iż-żewġ negozjati ta’ investiment “awtonomi” attwali tal-UE, maċ-Ċina u mal-Mjanmar, se jkunu differenti ħafna, għalkemm nifhmu li l-mandati bażiċi huma simili. L-Istati Membri kollha tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) għandhom Trattati ta’ Investiment Bilaterali (BiTs) individwali maċ-Ċina; mal-Mjanmar l-ebda stat m’għandu trattat simili. Għaċ-Ċina, kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq ukoll jifformaw parti essenzjali tan-negozjati; mal-Mjanmar, dawn huma biss dwar il-protezzjoni tal-investitur. Wara perjodu twil ta’ iżolament, il-gvern tal-Mjanmar issa jrid jattira u jħeġġeġ investiment barrani.

    4.2.

    Iċ-Ċina u l-Mjanmar huma fuq estermi opposti f’termini ta’ żvilupp. Wieħed huwa superpotenza maġġuri, issa inkorporata fis-sistema kummerċjali dinjija, l-oħra bil-mod qed toħroġ minn għexieren ta’ snin ta’ iżolament impost u awtoimpost. Il-Mjanmar se jeħtieġ il-bini tal-kapaċità; iċ-Ċina le. Il-kummerċ totali tal-UE fi prodotti mal-Mjanmar fl-2013 kien ta’ EUR 533 miljun, maċ-Ċina kien ta’ EUR 428 biljun (u s-servizzi EUR 49,9 biljun oħra fl-2012) (14).

    4.2.1.

    Madankollu, fl-2012, l-investiment tal-UE dirett lejn iċ-Ċina ammonta biss għal EUR 15,5 biljun (EUR 5,3 biljun fl-2009), filwaqt li l-investiment taċ-Ċina fl-UE kien biss EUR 7,6 biljun (EUR 0,3 biljun fl-2009) (15) – jew madwar 2,6 % biss tal-investiment intern fl-UE dik is-sena. Dawn iċ-ċifri huma baxxi ħafna, u dan huwa enfasizzat mill-fatt li, meta mqabbel ma’ kważi 30 % fl-Istati Uniti, inqas minn 2 % tal-IDB tal-UE jmur lejn iċ-Ċina (għalkemm dan huwa madwar 20 % tal-ammont kollu ta’ IDB lejn iċ-Ċina). Min-naħa tagħha, iċ-Ċina tirrappreżenta inqas minn 0,7 % tal-IDB globali fl-UE (jista’ jkun hemm ukoll investiment indirett permezz ta’ Ħong Kong jew x’imkien ieħor), filwaqt li l-Istati Uniti tirrappreżenta sehem ta’ 21 %.

    4.2.2.

    Kull proċess ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Investiment se jkollu l-karatteristiċi partikolari tiegħu. Għall-Mjanmar, dawn se jkunu l-istabbiliment ta’ prinċipji u standards biex jinbena u jiġi mħeġġeġ l-investiment barrani; fir-rigward taċ-Ċina l-għan huwa li jintlaħaq ftehim iżjed ambizzjuż. F’kull każ, madankollu, proporzjon kbir tal-investiment li ġej wara se joriġina mis-settur privat, jew f’kollaborazzjoni mas-settur privat.

    4.3.

    Qasam ewlieni ta’ kompetenza għal dawk il-partijiet għal ftehim ta’ investiment ser ikun li jiġi faċilitat l-investiment permezz tal-provvediment ta’ infrastruttura meħtieġa u sostenibbli. Il-gvernijiet huma responsabbli biex jipprovdu bażi regolatorja soda għall-infrastruttura, kemm f’livell reġjonali, jew biex tkun żgurata distribuzzjoni effettiva u effiċjenti għall-enerġija, l-ilma u t-trasport, permezz ta’ ħidma effettiva u sistematika fil-prattika u fil-post. In-netwerks u l-grilji tal-enerġija u tal-ilma jeħtieġu disinn kumpless u jistgħu jeħtieġu xi għaxar snin jew iktar biex jidħlu kompletament fis-seħħ. L-ambjent regolatorju wkoll jeħtieġ li jiġi ppjanat fuq medda twila ta’ żmien. L-UNCTAD (16) tqis li mis-US $7 triljun meħtieġa għall-investiment matul il-ħajja tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, tal-inqas terz ser minnhom ser jiġu mis-settur privat – inkluż il-ħolqien ta’ bliet ġodda, u l-provvista ta’ skejjel, sptarijiet u toroq.

    4.4.

    Hawnhekk, l-iffaċilitar tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) se jkun essenzjali. Kwalunkwe ftehim ta’ investiment għandu jiżgura li l-ambjent regolatorju jippermetti investiment intern tal-akkwist tal-gvern u fis-sħubijiet, bl-appoġġ ta’ prevedibilità u sostenibilità fit-tul. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-kumpaniji jippjanaw fit-tul, speċjalment jekk l-investimenti tagħhom se jirnexxu. Nuqqas fuq kull naħa m’huwa tajjeb għal ħadd. Atturi b’saħħithom tal-gvern u tas-settur privat iridu jiżviluppaw sinerġiji ġodda u jitgħallmu forom ġodda ta’ involviment. Hawnhekk ukoll għandu jaqdi rwol ewlieni l-kontribut tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-livell tal-imsieħba soċjali.

    4.5.

    Benefiċċju ewlieni għaċ-Ċina minn Trattat bħal dan huwa li se jieħu post u jaġġorna l-BiTs kollha tas-27 Stat Membru fi ftehim wieħed. Aktar milli sempliċiment tikkonsolida dawn, l-UE (kie għamlet mal-Kanada) għandha timmira li tikseb ftehim ta’ standard għoli u ta’ ġenerazzjoni ġdida. Barra mill-aċċess għas-suq, dawn in-negozjati jkopru wkoll għadd ta’ kwistjonijiet usa’, inklużi l-akkwist pubbliku, il-politika tal-kompetizzjoni, ir-rwol tal-intrapriżi tal-istat (SOEs) u l-aċċess għal setturi li s’issa kienu magħluqa kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

    4.5.1.

    Huwa essenzjali li Ftehim ta’ Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina jġib valur miżjud. Għandu joħloq djalogu politiku akbar, kif ukoll livell ogħla ta’ integrazzjoni u skambji teknoloġiċi.

    4.5.2.

    Il-Kumitat jinnota s-sensiela wiesgħa ta’ prinċipji ta’ investiment miftiehma bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2012 (17). Dawn il-prinċipji jenfasizzaw l-importanza kritika tal-ħolqien u ż-żamma ta’ klimi u politiki ta’ investiment miftuħa u stabbli, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjieg, iżjed produttività, l-innovazzjoni teknoloġika u l-kompetittività.

    4.6.

    Madankollu, huwa ċar il-bżonn globali għal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’kull ftehim ta’ investiment maċ-Ċina, speċjalment minħabba li domanda ewlenija fiċ-Ċina hija għal investiment ekoloġiku u sostenibbli. Ħafna mill-osservaturi jaraw bħala raġuni ewlenija wara l-interess taċ-Ċina fi ftehim bħal dan il-bżonn tagħhom għall-investiment u l-kompetenza teknika tal-UE sabiex jgħinu jespandu l-bliet eżistenti filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà massima u biex jinbnew bliet sostenibbli ġodda fiċ-Ċina. Iċ-Ċina rat l-iżbalji jsiru mhux biss fid-dinja żviluppata, fejn l-“inner cities” saru jfissru telqa u traskuraġni, iżda wkoll minħabba l-espansjoni li nħolqot mit-tkabbir mgħaġġel ħafna, mhux ippjanat u mhux ikkontrollat tal-bliet, partikolarment f’ekonomiji li qed jiżviluppaw rapidament. It-tkabbir tal-urbanizzazzjoni fiċ-Ċina huwa esponenzjali: diġà aktar minn 50 % tal-popolazzjoni taċ-Ċina jgħixu fil-bliet – dan huwa livell li ħadd ma kien jobsor li jintlaħaq sa ftit snin ilu. Pereżempju, Shenzhen, belt li ma kinitx teżisti 40 sena ilu, żiedet b’erba’ darbiet il-popolazzjoni tagħha għal aktar minn 10 miljun ruħ fl-għaxar snin sal-2010. Iċ-Ċiniżi huma determinati li jevitaw kemm jista’ jkun l-iżvantaġġi li ħarġu fid-dieher f’postijiet oħra.

    5.   Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli fin-negozjati tal-investiment

    5.1.

    Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni lejn l-element ta’ “żvilupp sostenibbli” fil-ftehimiet ta’ investiment. Kwalunkwe kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli ser ikun imsejjes fuq il-prinċipji stipulati fl-ewwel kapitolu li sar bħal dan, jiġifieri Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea tal-2010 (18), u kif ġie żviluppat sussegwentement fil-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika reċenti u fil-Ftehimiet mas-Singapor u mal-Kanada (għad iridu jiġu ratifikati). Se jkun meħtieġ ukoll adattament speċifiku għall-investiment, mhux l-inqas biex jinkludi enfasi fuq l-investiment responsabbli, aktar trasparenza, effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni ta’ servizzi ambjentali u fatturi rilevanti oħra.

    5.1.1.

    Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir ukoll l-impenji meħuda kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Kunsill sabiex jiżguraw li l-politika ta’ investiment ma tipprekludix kwalunkwe aspett speċifiku tal-iżvilupp sostentibbli.

    5.2.

    L-Anness 13 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Korea jagħmilha ċara li, sabiex jintlaħqu l-għanjiet tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-partijiet għandhom jikkooperaw kemm fuq skambju ta’ fehmiet dwar “l-impatti pożittivi u negattivi” tal-ftehim kif ukoll jikkooperaw “fil-fora internazzjonali responsabbli għall-aspetti soċjali u ambjentali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli”, inklużi d-WTO, l-ILO, l-UNEP u l-ftehimiet ambjentali multilaterali. Kwalunkwe aġġornament ta’ dan għandu jinkludi wkoll inizjattivi rilevanti riċenti tal-Bank Dinji, tal-FAO u oħrajn.

    5.2.1.

    L-Artikolu 13(4) ta’ dak il-Ftehim jagħmilha ċara li l-konvenzjonijiet soċjali ewlenin kollha (standards u ftehimiet multilaterali dwar ix-xogħol) huma koperti, u 13(5), il-ftehimiet ambjentali multilaterali. L-Artikolu 13(6) jirreferi speċifikament għall-IDB fi prodotti u servizzi ambjentali, fosthom teknoloġiji ambjentali, l-enerġija rinnovabbli sostenibbli, il-prodotti u s-servizzi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti u prodotti bl-ekotikketta.

    5.2.2.

    Ta’ importanza kbira wkoll huma l-Artikoli 13(7), li jipprevjeni kwalunkwe dgħufija jew tnaqqis f’liġijiet biex jitħeġġeġ l-investiment, u l-Artikolu 13(9), li jindirizza t-trasparenza.

    5.2.3.

    Minkejja li kull ftehim innegozjat se jkollu l-marka speċifika tiegħu, huwa essenzjali approċċ konsistenti b’format faċilment rikonoxxibbli u aċċettabbli.

    5.2.4.

    Mekkaniżmu ta’ djalogu formali dwar l-iżvilupp sostenibbli, simili għal dak ipprovdut fil-Kapitolu 13/Anness 13 tal-Ftehim mal-Korea se jkun daqstant importanti bħal fi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles sħiħ. Fil-każ tal-Mjanmar, il-kapaċità li tiġi diskussal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO se tkun kritika: bejn l-1997 u l-2013 il-Mjanmar ġiet sospiża mill-iskema GSP/EBA minħabba ksur tal-prinċipji tal-konvenzjoni tal-ILO dwar ix-xogħol furzat.

    5.2.5.

    Fil-każ taċ-Ċina, kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli u forum ta’ diskussjoni speċifiku għandhom ifittxu li jibnu kemm fuq id-djalogu eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-impjiegi u l-politika soċjali, kif ukoll id-Djalogu dwar il-Politika Ambjentali tal-UE u ċ-Ċina, li ilu jiżviluppa mill-2005, iżda l-aktar reċentement permezz tal-Istqarrija konġunta tal-2012 dwar id-Djalogu dwar il-Politika Ambjentali u t-Tkabbir Ekoloġiku. Dan għandu jkopri t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-forestrija.

    5.2.6.

    Kwalunkwe kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jħares mill-qrib lejn ir-rwol imsaħħaħ li jaqdi s-settur privat fl-investiment. L-obbligu tal-investitur se jkun fundamentali, ibbilanċjat minn forma kompletament adegwata ta’ protezzjoni tal-investitur. L-obbligi tal-investituri lejn ir-rekwiżiti ta’ żvilupp sostenibbli, inkluż l-investiment soċjalment responsabbli, jridu jitqiesu b’mod sħiħ hekk kif ikunu qed ifittxu li jibnu u jżommu l-kompetittività globali tagħhom. Xi wħud minnhom se jkollhom l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju ta’ investiment tagħhom, iżda għal oħrajn din se tkun tanġenzjali. Il-partijiet tan-negozjati jeħtieġ li jiffaċilitaw l-investiment, iżda ma jistgħux jiddettaw x’tip ta’ investiment isir. Madankollu, strateġija tal-investiment effettiva tal-UE għandha rwol importanti x’taqdi fiż-żamma tal-kompetittività tal-UE fi żmien ta’ tibdil ekonomiku mgħaġġel u ċaqliq kbir fis-setgħa ekonomika relattiva madwar id-dinja, speċjalment l-investiment minn aktar kumpaniji speċjalisti u SMEs, li huma sorsi ewlenin ta’ innovazzjoni.

    5.2.7.

    L-Artikolu 13(6)(2) tal-Ftehim mal-Korea jirreferi għal kummerċ ġust u etiku fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti, kif ukoll għal skemi li jinvolvu r-responsabilità u l-kontabilità soċjali korporattiva. L-Anness 13 jipprovdi wkoll għal skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fuq dawn il-punti, inkluż l-implimentazzjoni effikaċi u s-segwitu ta’ linji gwida miftiehma fuq livell internazzjonali. Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li dan l-approċċ jiġi estiż għal ftehimiet ta’ investiment. Ir-rwol tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment se jkun ta’ importanza kritika.

    5.2.8.

    Mekkaniżmu bħal dan ikun ta’ valur kbir fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ CSR flimkien mal-imsieħba ta’ investiment tagħna. Huwa għandu jagħmel enfasi fuq is-sensittività kulturali, il-promozzjoni tat-trasparenza u approċċ etiku, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-inkorporazzjoni tal-preferenzi tal-konsumatur se ġġib benefiċċju ekonomiku kif ukoll, pereżempju, tippromovi enerġija iktar effiċjenti u iktar nadifa. Huma kruċjali s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta’ prattika tajba u kollaborazzjoni kostruttiva bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati, flimkien mal-bini tal-kapaċità għall-SMEs, li fuqhom l-ispejjeż joħolqu piż sproporzjonat. L-investimenti Ċiniżi barra mill-pajjiż jistgħu jfallu wisq faċilment minħabba nuqqas ta’ fehim sħiħ ta’ dak li huwa meħtieġ minnhom. L-iffaċilitar ta’ rabta aktar mill-qrib bejn l-investituri, il-ħtiġijiet tas-soċjetà u għalhekk il-preferenzi tal-konsumatur ikun servizz utli għall-partijiet kollha.

    5.2.9.

    Il-Kummissjoni tiddefinixxi s-CSR bħala “ir-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà”. Is-CSR hija immotivata min-negozju, li tikkonsisti minn inizjattivi volontarji lil hinn mir-rekwiżiti legali. Hija dwar il-ħolqien ta’ valur ġdid permezz tal-innovazzjoni. Is-CSR tkopri konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, billi tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti kollha, iżda fuq kollox kwalunkwe approċċ għandu jkun flessibbli u diversifikat. Ma tistax tidħol f’oqfsa ta’ daqs wieħed: kull negozju għandu l-identità partikolari tiegħu. Il-prattiki tas-CSR għalhekk ivarjaw ħafna iżda meta jintużaw b’mod korrett huma għodda ta’ valur biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju u biex jitjiebu l-kompetittività ta’ intrapriża.

    5.2.10.

    Hija mistennija dalwaqt Komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar is-CSR; il-linji gwida internazzjonali msemmija jinkludu l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali (19) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), li jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Huwa importanti li kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE jew dak internazzjonali ma tmurx kontra jew tfixxkel dawn. Huwa importanti wkoll li wieħed jiftakar li filwaqt li l-istati għandhom id-dmir li jipproteġu u jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità tal-kumpaniji hija li jirrispettawhom.

    6.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

    6.1.

    Is-soċjetà ċivili għandha rwol biex tressaq il-gvern u s-settur privat lejn xulxin, u li teżerċita kemm involviment kontinwu kif ukoll rwol ta’ monitoraġġ. Madankollu, il-kwistjoni tal-involviment dirett tas-soċjetà ċivili, inkluż il-monitoraġġ dirett ta’ kwalunkwe ftehim ta’ investiment, biż-żewġ partijiet interessati tal-istat u mhux tal-istat jipparteċipaw b’mod attiv, ser teħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi differenti bbażati fuq il-livelli eżistenti ta’ djalogu intersoċjali u l-fehim bejn il-gruppi soċjali differenti.

    6.2.

    Fil-Ftehim bejn l-UE u l-Korea hemm diversi mekkaniżmi għal djalogu bejn iż-żewġ partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jirrapporta lill-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jinvolvi lill-gvernijiet taż-żewġ partijiet. Għal ftehimiet ta’ investiment huwa previst Kumitat wieħed biss bħal dan – jista’ ma jkunx dejjem adatt li jitqajmu kwistjonijiet ta’ investiment f’dan il-livell, speċjalment fejn parti waħda forsi ma tridx li din issir kwistjoni politika jew diplomatika. Jista’ jkun li jkollu jinstab mekkaniżmu ġdid għal Forum tas-Soċjetà Ċivili.

    6.3.

    F’pajjiżi bħaċ-Ċina jew il-Mjanmar, jeżistu perċezzjonijiet differenti ħafna u aktar magħluqa dwar is-soċjetà ċivili, u b’hekk il-prinċipju li jkunu involuti l-entitajiet tas-soċjetà ċivili fi kwalunkwe korp ta’ monitoraġġ se jeħtieġ ukoll iktar persważjoni. Iċ-Ċina adottat sħubijiet f’diversi pajjiżi Afrikani li jikkonċentraw fuq l-investiment biss bħala negozju, minflok bħala għajnuna għall-iżvilupp. Dawn il-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni li jeżistu mhumiex faċilment interskambjabbli ma’ dawk tal-UE, iżda kull tisħiħ tad-djalogu bejn kwalunkwe korp adatt għandu jkun żieda importanti ħafna għal ftehim. Min-naħa tagħha, l-UE għamlet id-djalogu soċjali u ċivili l-pedament tal-mudell soċjali tagħha billi tipprovdiha b’qafas istituzzjonali.

    6.3.1.

    Il-Kumitat għandu jiġi inkluż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet. Għalhekk nirrakkomandaw li għandha toffri l-aħjar alternattiva għall-ġejjieni estensjoni tal-prinċipju tar-Round Table UE-Ċina, li l-Kumitat u tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ċiniż huma rappreżentati b’mod ugwali fiha, jew għandu joffri l-aħjar triq ‘il quddiem mekkaniżmu ta’ djalogu ieħor imfassal apposta għaċ-ċirkostanzi soċjali rilevanti skont il-pajjiż.

    6.3.2.

    Alternattivament, triq ‘il quddiem tista’ tinsab bis-saħħa tal-esperjenza konsiderevoli tal-Kummissjoni fil-programmi ta’ bini ta’ kapaċità f’kwistjonijiet ta’ kummerċ u relatati mal-kummerċ. Pereżempju, programmi mal-ministeri ta’ pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tar-regoli tad-WTO kellhom komponent li jittratta s-soċjetà ċivika, inklużi Federazzjonijiet ta’ Min Iħaddem u Trejdjunjins, u dawn ħadmu flimkien mal-korpi tan-NU (pereżempju l-ILO, l-UNCTAD, l-UNIDO) fit-twassil ta’ programmi bħal dawn. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali ukoll se jkun importanti, mhux l-inqas minħabba l-proporzjon kbir ta’ investiment globali li jinvolvi negozji u kumpaniji.

    Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Laqgħa AKP UE_Ottubru 2014_Dikjarazzjoni Finali-MT (2).

    (2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 144.

    (3)  UNCTAD WIF Stqarrija għall-Istampa, Ġinevra, 14 ta’ Ottubru 2014.

    (4)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 1.

    (5)  Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu koperti b’mod aktar sħiħ permezz ta’ Rapport ta’ Informazzjoni tal-Kumitat fil-futur.

    (6)  Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, 2011.

    (7)  Artikolu 206, TFUE.

    (8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew COM(2010) 343.

    (9)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150.

    (10)  COM(2006) 567 final, 4 ta’ Ottubru 2006, punt 3.1.iii.

    (11)  ĠU C 211, 19.8.2008 p. 82.

    (12)  Xi wħud jixtiequ jaraw negozjati sħaħ tal-FTA tal-UE maċ-Ċina.

    (13)  2010 Impact of EU outward FDI, Copenhagen Economics.

    (14)  Statistika tad-DĠ Kummerċ.

    (15)  Ċifri tal-Kummissjoni.

    (16)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

    (17)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/149331.htm

    (18)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 62.

    (19)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6.


    Top