Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0320

Kawża T-320/15: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2015 – Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro vs Il-Kummissjoni

ĠU C 254, 3.8.2015, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 254/22


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2015 – Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-320/15)

(2015/C 254/25)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro SpA (Vicenza, l-Italja) (rappreżentanti: M. Merola, M. Santacroce, M. Toniolo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni eskludiet lil Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. milli tieħu sehem fil-proċedimenti kollha għall-għoti ta’ kuntratti u għall-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerai tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-proċediment Nru JRC/IPR/2014/C.5/0003 RC, ippubblikata fil-ĠU 2014/s 034-054569 u r-rettifiki suċċessivi, għal sentejn u għaxar xhur;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-proċeduri ta’ esklużjoni nfetħu fl-okkażjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi proċedura ristretta mibdija miċ-Centro Comune di Ricerca fit-18 ta’ Frar 2014 għall-kostruzzjoni ta’ binja ġdida fis-sit ta’ Ispra. Fil-fatt, il-Kummissjoni saret taf b’ċertu irregolaritajiet li twettqu mill-kumpannija rikorrenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni, żnaturament tal-fatti u konsegwentement żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament finanzjarju.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni, żnaturament tal-fatti u konsegwentement żball ta’ liġi inkwantu ma applikatx għall-każ inkwistjoni l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament Nru 996/2012. B’mod partikolari l-Kummissjoni wettqet żball billi ma rrikonoxxietx li fil-każ inkwistjoni ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(1)(b) tar-Regolament Nru 966/2012; u billi ma kkunsidratx adegwatament il-provi dokumentarji prodotti minn Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. matul l-investigazzjoni sabiex turi li kienet użat “miżuri xierqa” fil-konfront ta’ E. Maltauro.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament finanzjarju.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minħabba żnaturament tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu hija imputat lill-impriża r-responsabbiltà għal żball professjonali serju fis-sens tal-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament Nru 966/2012. Mid-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri li kienu jimplikaw lil E. Maltauro la kien jirriżulta li Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. naqset mill-obbligi tagħha ta’ viġilanza u ta’ lealtà kuntrattwali, u lanqas li hija siltet vantaġġi mill-aġir illegali attribwit lill-ex kap eżekuttiv tagħha. Għaldaqstant ma kinux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. tiġi akkużata bi żball professjonali ta’ serjetà tali li tiġi applikata l-imsemmija raġuni ta’ esklużjoni

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut, dejjem sussidjarjament, li r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minħabba ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, sa fejn hija bbażata fuq elementi li ma kinux issemmew mill-Kummissjoni fl-ittra li tat lok għall-ftuħ tal-proċeduri u li fir-rigward tagħhom Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. qatt ma tqiegħdet f’kundizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Dan ma ppermettilhiex li tiddefendi lilha nnifisha b’mod xieraq b’riferiment għal elementi li sussegwentement irriżultaw li kienu determinanti għall-finijiet tal-esklużjoni tagħha minn kull proċedimenti għall-għoti ta’ kuntratti u għall-għodi ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ esklużjoni.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut, b’mod ulterjorment sussidjarju, li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari fil-parti fejn tistabbilixxi l-perijodu ta’ esklużjoni għal sentejn u għaxar xhur. Dan it-tul ta’ żmien huwa għal kollox mhux ġustifikat, kuntrarju għall-ispirtu u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 966/2012 u tar-Regolament Nru 1268/2012, li jirregolaw il-każijiet ta’ esklużjoni, u manifestament sproporzjonat, inkwantu l-elementi li setgħu qiegħdu f’dawl ikrah il-moralità professjonali ta’ Impresa Costruzioni Giuseppe Maltauro S.p.A. ġew ikkonfutati minn din tal-aħħar u ma kien hemm ebda raġuni ta’ biża’ minn danni finanzjarji jew għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni.


Top