Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR8053

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Linji Gwida ġodda għall-Għajnuna mill-Istat fil-Qasam tal-Enerġija

    ĠU C 174, 7.6.2014, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 174/19


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Linji Gwida ġodda għall-Għajnuna mill-Istat fil-Qasam tal-Enerġija

    2014/C 174/05

    Relatur

    is-Sur Gusty Graas (LU/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg

    Dokument ta' referenza

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali dwar il-qasam Ewropew tal-enerġija

    1.

    ifakkar li skont it-tbassir tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, il-konsum tal-enerġija fuq livell globali ser jikber b'terz sal-2035, prinċipalment minħabba żieda fid-domanda tal-pajjiżi industrijalizzati l-ġodda;

    2.

    jenfasizza li s-suq tal-enerġija għaddej minn bidla importanti, fejn produtturi ġodda tal-gass naturali qegħdin jidħlu fis-suq u l-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli qed tiżviluppa ħafna f'bosta Stati Membri. Għalhekk hemm bżonn li l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat jiġu adattati sabiex l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-2014 ikollhom regoli preċiżi dwar il-politika tagħhom tas-sussidji fil-qasam tal-enerġija. Din iċ-ċarezza hija essenzjali sabiex l-investituri jkunu jistgħu jipproċedu bil-proġetti tagħhom.

    3.

    jindika li fl-Unjoni Ewropea l-għanijiet proposti mill-Kummissjoni fil-“Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” għandhom ikunu f'sinerġija mar-riżorsi differenti u l-interessi li xi kultant ikunu diverġenti skont l-Istati Membri;

    4.

    ifakkar li l-kompetizzjoni u l-eżistenza ta' suq ħieles f'rabta mal-enerġija mhumiex għanijiet fihom infushom iżda mezzi biex jinkisbu l-għanijiet superjuri tal-Unjoni Ewropea kif definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

    5.

    jissuġġerixxi fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tat-28 ta' Jannar 2014 fil-Kawża C-573/12 Ålands Vindkraft li l-Kummissjoni Ewropea tipposponi l-preżentazzjoni tal-linji gwida ġodda tagħha għal wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, l-Avukat Ġenerali jipproponi li l-Qorti tiddikjara invalidu l-Artikolu 3§ 3 tad-Direttiva 2009/28 li, fil-kuntest ta' sistema nazzjonali ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, tippermetti li tirriżerva l-għoti ta' ċertifikati tal-elettriku lill-produtturi tal-elettriku nadif stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, l-invalidazzjoni ta' dan il-mezz ikun iqiegħed f'dubju b'mod fundamentali l-arkitettura tal-iskemi ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli f'ħafna Stati Membri u jkunu linji gwida probabbilment deċidwi jekk dawn kienu ppreżentati qabel ma ngħatat is-sentenza u tinħoloq inċertezza legali;

    6.

    jaqbel mal-għanijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE, kif stabbiliti, pereżempju, fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali żviluppaw regolamenti u miżuri biex iwettqu dawn l-għanijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija sal-2020. Il-linji gwida l-ġodda għall-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija m'għandhomx jostakolaw dawn l-għanijiet ferm stabbiliti u r-regolamenti u l-miżuri adottati għat-twettiq tagħhom;

    7.

    jisħaq, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-diversità ta' sorsi tal-enerġija u mekkaniżmi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u, min-naħa l-oħra, ir-regoli komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi evitat tfixkil tas-suq; għaldaqstant jinsab imħasseb għall-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fid-dokument ta' konsultazzjoni jistgħu jkunu qed jillimitaw wisq il-possibiltajiet ta' divrenzjar, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-possibiltà ta' appoġġ għall-produzzjoni sostenibbli ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli;

    Kummenti dwar l-orjentazzjoni tal-politiki Ewropej li jeżistu fil-qasam tal-enerġija

    8.

    jirrikonoxxi d-dokument ta' konsultazzjoni dwar l-abbozz ta' linji gwida ġodda ta' Diċembru 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija għall-perjodu 2014-2020; jiddispjaċih ħafna li dan id-dokument jinsab biss f'lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u li ż-żmien allokat għat-tweġibiet għall-konsultazzjoni fil-fatt tnaqqas għal sitt ġimgħat minflok it-tmien ġimgħat regolari. Għalhekk jibża' li f'dawn il-kundizzjonijiet, id-diversità ta' tweġibiet għall-konsultazzjoni ser tkun baxxa;

    9.

    jiddispjaċih li d-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni fl-ebda ħin ma jirreferi għall-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija;

    10.

    jenfasizza li għandu jiġi adottat aproċċ integrat tal-politiki tal-enerġija u tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

    11.

    iqis li t-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija ma jistgħux jiġu indirizzati separatament;

    12.

    jenfasizza li l-iskema tal-Unjoni Ewropea għan-negozjar ta' emissjonijiet twaqqfet fid-Direttiva 2003/87/CE tat-13 ta' Ottubru 2003 sabiex tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'kundizzjonijiet ekonomiċi effiċjenti u effettivi. Il-tielet fażi (2013-2020) hija maħsuba biex issaħħaħ is-sistema sabiex jinkiseb tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2020 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990); iżda jinnota li l-eċċess tal-kwoti ta' emissjonijiet allokati jtellef milli l-mekkaniżmu jkun effikaċi;

    13.

    jixtieq li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat relatati mal-enerġija jikkunsidraw ukoll l-għanijiet stabbiliti għall-2030 u l-għan li jintlaħaq sehem ta' maġġoranza fl-enerġiji rinnovabbli sal-2050;

    14.

    jinsab konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u fil-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis tal-impronta ambjentali jikkostitwixxu fihom innifishom għanijiet li għandhom interess komuni;

    15.

    huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli joffri opportunitajiet reali sabiex jiġi mħeġġeġ it-tkabbir ekoloġiku u jinħolqu impjiegi stabbli ġodda;

    16.

    huwa sodisfatt li l-fondi strutturali u l-investimenti Ewropej qegħdin iqisu iktar l-enerġija, il-klima u l-għanijiet ambjentali;

    17.

    ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea trid li 20 % tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-reġjuni żviluppati u 6 % fir-reġjuni inqas żviluppati jkunu investiti fl-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli;

    18.

    jappoġġja l-isforzi li qed tagħmel l-UE fil-livell internazzjonali sabiex iżżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    Kummenti dwar l-opportunità ta' għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-politiki tal-enerġija

    19.

    japprova l-prinċipju li skontu l-għajnuna mill-Istat tkun ġustifikata jekk is-suq waħdu ma jkunx kapaċi jwettaq titjib sostanzjali fil-livell tal-protezzjoni tal-ambjent; huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna mill-Istat tista' tkun strument adegwat li bih jitwettqu għanijiet ambizzjużi bħat-tnaqqis tas-CO2;

    20.

    billi l-ispiża għalja tal-produzzjoni ta' ċerti tipi ta' enerġija rinnovabbli ma tippermettix lill-impriżi li jżommu prezzijiet kompetittivi fis-suq, iqis li f'dawn il-każijiet għajnuna mill-Istat hija ġustifikata, jekk jista' jiġi previst jekk it-teknoloġija użata u s-suq jistgħu jilħqu l-maturità tagħhom. Madankollu, din għandha tiġi koordinata, jekk huwa possibbli, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u bejn l-Istati Membri u tirrifletti l-ispeċifitajiet tar-reġjuni differenti;

    21.

    jappoġġja fil-prinċipju lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tintroduċi iktar mekkaniżmi tas-suq fl-allokazzjoni tal-għajnuna u f'dan ir-rigward jirrakkomanda li jiġu involuti l-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija;

    22.

    għandu jitqies ukoll li l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali wkoll fil-livelli reġjonali u lokali. Kemm jista' jkun, ir-riperkussjonijiet, pożittivi u negattivi, fuq perjodu medju u fit-tul għandhom jiġu internalizzati fl-ispiża reali tal-enerġija sabiex tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

    23.

    ifakkar li sabiex tkun garantita kapaċità innovattiva aġġornata, l-UE għandha tiffaċilita l-istabbiliment ta' sistema fejn teknoloġiji differenti jikkompetu fis-suq tal-enerġija;

    24.

    iqis neċessarju li ż-żieda fl-għajnuna mill-Istat issir trasparenti sabiex l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-atturi ekonomiċi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja;

    Proposti konkreti: l-orjentazzjoni ġenerali tal-politiki Ewropej fil-qasam tal-enerġija

    25.

    josserva li s-sussidji li jiffavorixxu l-karburanti fossili għandhom jinqatgħu fuq perjodu qasir billi dawn ifixklu l-kompetizzjoni u jirriżultaw fi spejjeż ambjentali konsiderevoli;

    26.

    billi l-estrazzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale bil-fratturazzjoni idrawlika hija teknika kontroversjali iżda li dis-sena ċerti pajjiżi ser jibdew l-ewwel estrazzjoni kummerċjali tagħhom, iqis li ma tistax tiġi evitata riflessjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fuq dan il-livell;

    27.

    huwa tal-fehma li l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija m'għandhomx jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu l-għajnuna mill-Istat għall-enerġija nukleari; fl-istess waqt il-prinċipji tas-suq għandhom japplikaw għal din it-teknoloġija wkoll;

    28.

    jiġbed l-attenzjoni għas-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ, ix-xemx, ġeotermika, idroelettrika, il-bijomassa, il-gass mill-miżbliet, l-ilma tal-iskart u l-bijogass li jużaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li dawn jirrikjedu attenzjoni partikolari. Il-produzzjoni tal-bijokarburanti tista' tiġi appoġġjata sakemm dawn jirrispettaw il-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali hekk kif inhuma previsti fid-dispożizzjonijiet komunitarji;

    29.

    jenfasizza li l-elettriku prodott minn impjanti idrawliċi jista' jikkontribwixxi għall-ħżin u l-bilanċ tan-netwerks u sakemm jiġi żgurat ir-rispett tal-kriterji relatati tas-'sostenibbiltà';

    30.

    jistaqsi jekk ir-referenza speċifika għat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju hijiex tassew kompatibbli mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika li titkellem dwaru fuq kollox il-Kummissjoni;

    31.

    huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi qafas legali komuni għal użu iktar razzjonali tal-enerġiji u appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli;

    32.

    fil-livell tal-UE jitlob għal iktar effiċjenza fil-qasam tal-enerġija, sehem akbar mill-enerġiji rinnovabbli; taħlita aħjar tal-enerġiji kif ukoll qafas regolamentari li jippermetti li l-atturi jkollhom kundizzjonijiet iktar ekwi;

    33.

    jirreferi għad-diffikultà biex ikun hemm koerenza bejn, minn naħa, il-qafas legali tal-kompetittività fil-livell tal-UE, fejn l-UE għandha kompetenza esklużiva, u min-naħa l-oħra, il-prinċipji fundamentali tal-politika tal-enerġija tal-UE, definiti b'mod partikolari fl-Artikolu 194 tat-TFUE u li jipprevedu responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment tal-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija;

    34.

    huwa konxju li r-riskji li jinqata' d-dawl għadhom jeżistu. Għalhekk il-KtR ma jistax jinjora l-fatt li biex tiġi garantita l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku għandha tiġi permessa ċerta għajnuna pubblika, l-ewwel nett għall-implimentazzjoni ta' netwerks tal-enerġija intelliġenti li jippromovu l-flessibbiltà tal-produzzjoni u tal-konsum tal-enerġija deċentralizzata, it-tieni nett għall-implimentazzjoni ta' ħżin li huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fl-aħħar nett għall-bini ta' impjanti flessibbli ddedikati għall-funzjonijiet ta' bbilanċjar li jirrispettaw il-ħtiġiet ambjentali u tal-klima. Madanakollu dawn l-impjanti hekk imsejħa ''ta' riżerva'', li jistgħu jirrikjedu kumpens fil-forma ta' għajnuna mill-Istat, ma jistgħux jikkompetu mal-enerġiji rinnovabbli u għandhom jiddisponu mill-iktar teknoloġiji moderni sabiex il-produzzjoni tas-CO2 tagħhom titnaqqas kemm jista' jkun possibbli. Il-KtR iqis li l-bini ta' impjanti ġodda tal-karbonju m'għandux jibbenefika minn għajnuna mill-Istat. Qabel ma jitqiesu l-kapaċitajiet ta' riżerva, il-KtR jirrakkomanda li l-konsumaturi jingħataw iktar inċentivi biex jużaw l-elettriku f'ħinijiet ta' inqas domanda. Il-Kummissjoni tqis li hemm marġni ta' flessibbiltà ta' 10 %;

    35.

    bl-użu tal-arloġġi intelliġenti u t-tagħmir terminali marbut mal-internet tista' tkompli tavvanza s-sinkronizzazzjoni tad-domanda u l-provvista tas-suq tal-elettriku. L-iffrankar li jsir f'termini ta' spejjeż ta' ħżin min-naħa tal-provvedituri tas-servizz jista' jkompli jnaqqas l-ispejjeż tal-elettriku għall-konsumatur aħħari;

    Proposti konkreti: mezzi ta' appoġġ fil-qasam tal-enerġija

    36.

    iqis li fil-prinċipju, it-taxxi ekoloġiċi jistgħu jkunu strument adatt għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; madanakollu, huwa tal-fehma li f'ċerti ċirkustanzi, it-taxxi ekoloġiċi jirriskjaw li jolqtu lill-kompetittività tal-intrapriżi u għalhekk l-eżenzjoni minn taxxi bħal dawn tista' ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu evitati eżenzjonijiet li jistgħu jolqtu l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'mod partikolari jekk min-naħa l-oħra jwasslu għal taxxa ogħla għal ċerti gruppi ta' utenti jew għas-soċjetà kollha. Alternattivi għat-taxxi, jew eżenzjonijiet mit-taxxa għalhekk jeħtieġu regoli u restrizzjonijiet li japplikaw għall-parteċipanti kollha tas-suq, li jipproteġu l-ambjent li jkunu kemm kapaċi joħolqu aktar sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ambjentali kif ukoll inaqqsu l-impatt negattiv fit-tul tal-impronta ekoloġika;

    37.

    jammetti li l-introduzzjoni ta' taxxi ambjentali fuq prodotti partikolari hija possibbli l-iktar jekk is-suq ikollu l-possibbiltà ta' prodotti alternattivi b'inqas konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent b'mod li l-konsumatur ikollu ċertu għażla;

    38.

    jitlob li fl-għoti tal-għajnuna l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu iktar il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni tagħhom inklużi karatteristiċi ta' natura klimatika, demografika u kulturali, speċjalment fil-każ tar-reġjuni l-inqas żviluppati sabiex ma jiqafx l-iżvilupp tagħhom fil-qasam tal-enerġija. Huwa indispensabbli li jiġi garantit ħarsien iktar komprensiv minn dak preżenti tal-proġetti li jkunu diġà twettqu. Fis-sejħiet għall-offerti u l-kummerċjalizzazzjoni diretta għandhom jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kooperattivi tal-enerġija taċ-ċittadini u tal-investituri privati ż-żgħar. F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà adatta;

    39.

    għal din ir-raġuni jinsab imħasseb li l-proposti tal-Kummissjoni ser jillimitaw is-sistema ta' tariffi fissi għall-enerġija rinnovabbli għall-impjanti żgħar ħafna jew għal kwantitajiet minimi ta' enerġija li, f'ħafna Stati Membri jintużaw biex jippromovu l-enerġija rinnovabbli għat-twettiq tal-għanijiet tal-klima, u li tiġi applikata definizzjoni riġida tat-teknoloġiji ''lesti għas-suq'' f'termini tas-sehem tagħhom fis-suq Ewropew. Din id-definizzjoni ma tirriflettix is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u thedded l-iżvilupp tal-potenzjal għall-enerġija sostenibbli;

    Proposti konkreti: orjentazzjoni futura għall-opportunitajiet ta' għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija

    —   Mekkaniżmi tas-suq

    40.

    jinnota li sabiex nibnu suq li jaħdem tajjeb, hemm bżonn li tiġi garantita varjetà ta' provvedituri tal-enerġija, peress li d-diversifikazzjoni mhux biss ser tiżgura l-kontinwità tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija, iżda ser tiffacilita wkoll, permezz tal-kompetizzjoni bbażata fuq is-suq, l-użu tat-teknoloġiji ġodda;

    41.

    jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li jitlob li qabel ma jitfassal mekkaniżmu ta' għajnuna pubblika, il-gvernijiet għandhom l-ewwel janalizzaw il-kawżi tal-inadegwatezza tal-produzzjoni tal-enerġija u fil-każijiet fejn jeżistu, jeliminaw id-distorsjonijiet li jfixklu lis-suq milli joffri inċentivi għal investiment fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni;

    42.

    iqis li jkun xi jkun il-metodu li jintgħażel, il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika m'għandu qatt ifixkel il-ksib tal-għanijiet tal-ambjent u l-enerġija;

    —   Inizjattivi reġjonali u lokali

    43.

    iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jużaw ċertu ammont ta' diskrezzjoni biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw proġetti fejn fil-perjodu qasir, il-kummerċjalizzazzjoni mhix faċli iżda li jiddisponu minn teknoloġija interessanti li tista' twassal għal użu iktar effiċjenti tal-enerġija u anki għal livell iktar għoli tal-protezzjoni tal-ambjent;

    44.

    huwa tal-fehma li l-kooperattivi li jiffurmaw iċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali sabiex jippromovu aktar l-enerġiji rinnovabbli għandhom jingħataw attenzjoni partikolari, l-ewwelnett billi dawn jipprovdu enerġija addizzjonali u t-tieni nett billi huma sors ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu razzjonali tal-enerġija, jiġifieri għandhom effett edukattiv konsiderevoli. Dan huwa inċentiv li għandu jgħodd bħala aspett estern pożittiv u għandu jitqies mis-suq; il-linji gwida ġodda għall-għajnuna mill-Istat għandhom għalhekk iħallu lok għal perspettivi ta' żvilupp għall-impjanti tal-enerġija tal-kooperattivi;

    45.

    jipproponi li jiġu rispettati l-karatteristiċi soċjoekonomiċi speċifiċi tan-netwerks iż-żgħar li l-metodu tas-sejħa għall-offerti li jużaw l-Istati Membri mhuwiex adegwat għalihom billi ma jiggarantixxix kundizzjonijiet tad-dħul ugwali għall-parteċipanti;

    46.

    jieħu nota b'sodisfazzjoni tal-estensjoni proposta għall-eżenzjonijiet (GBER) fejn tidħol għajnuna għall-inizjattivi tat-tisħin urban u titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini;

    47.

    fil-qasam tal-għajnuna, jappella għal kundizzjonijiet partikolari li jippermettu t-taħriġ tal-persunal billi jingħata appoġġ tekniku u pariri lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    48.

    iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mhux biss fid-dibattitu dwar l-ambjent u l-enerġija iżda anki f'inizjattivi konkreti ta' produzzjoni, b'mod partikolari permezz ta' kooperattivi;

    49.

    għandu r-riservi tiegħu fir-rigward tal-għan tal-Kummissjoni li minflok is-sistema tat-tariffa feed-in tal-elettriku mill-enerġiji rinnovabbli fejn il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku jirċievu prezz fiss għal kull kwH, ikun hemm primjums feed-in. Il-kunfidenza leġittima tal-investituri fir-rigward tal-profitt mill-investimenti li jeżistu għandha tiġi rispettata sabiex jiġi garantit l-impenn tagħhom fuq perjodu twil. Għalhekk jitlob li fid-19-il Stat Membru li għandhom din l-għażla, ikun jista' jinżamm il-mudell ta' tariffa garantita;

    50.

    jitlob li l-limiti ta' eliġibbiltà għall-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-enerġiji alternattivi li ser jidħlu fis-suq għall-ewwel darba u għall-installazzjonijiet iż-żgħar, jiżdiedu għal 5MW u għall-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ jiżdiedu għal 15 MW;

    51.

    proċess amministrattiv kumpless għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna mill-Istat jista' jinvolvi spejjeż addizzjonali b'mod partikolari għall-inizjattivi fuq livell żgħir;

    52.

    jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li fil-futur tappoġġja wkoll l-użu tal-bijomassa iktar u iktar billi bosta awtoritajiet lokali u reġjonali jiddisponu minn impjanti bħal dawn u dan iwassal għall-impjiegi għal kull MW installat. Barra minn hekk jissuġġerixxi li jiġi previst appoġġ legali u finanzjarju għall-inizjattivi intraprenditorjali pubbliċi u privati għall-użu sostenibbli tal-foresti bil-għan li jkun hemm bijomassa ta' kwalità;

    —   Infrastruttura

    53.

    huwa favur il-fehma tas-CEDEC (European Federation of Local Energy Companies) li jiġu faċilitati l-investimenti fit-teknoloġiji intelliġenti ta' distribuzzjoni fil-livell tan-netwerks tal-elettriku billi dawn jiffavorixxu użu effiċjenti tal-enerġija mill-konsumatur finali. Fl-istess waqt dawn l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija jiżguraw is-sigurtà tal-provvista;

    54.

    iqis li l-Istati Membri, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni għandhom jiżviluppaw jew itejbu sistema li għandha l-għan li tiffaċilita l-investiment biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, pereżempju permezz ta' sussidji għall-iżolazzjoni tal-ħitan esterni ta' post, l-iżolazzjoni termali bejn ħajt u l-art jew żona mhux imsaħħna ta' dar, l-iżolazzjoni termali ta' saqaf immejjel jew ċatt ta' post, l-iżolazzjoni termali tal-kamra li tmiss mal-kamra ta' fuq nett li mhix imsaħħna, l-istallazzjoni ta' twieqi u bibien ġodda ta' post u ta' kolletturi solari termali u fotovoltajċi, l-installazzjoni ta' sistema ta' tisħin ċentrali li taħdem bil-laqx tal-injam (pellets) jew biċċiet kbar tal-injam, l-installazzjoni ta' ventilazzjoni kkontrollata bl-irkupru tas-sħana, l-installazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija bbażati fuq ix-xjenza ġeotermali u l-installazzjoni ta' pompa tas-sħana;

    55.

    ifakkar li l-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku hija l-iktar mezz effiċjenti għall-produzzjoni simultanja tal-elettriku u tas-sħana. Għalhekk il-KtR jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvestu fil-koġenerazzjoni. L-awtoritajiet lokali li jinvestu f'impjant ta' koġenerazzjoni b'livell għoli ta' effiċjenża għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna;

    56.

    jilqa' l-idea li l-linji gwida minn issa 'l quddiem ser jippromovu l-użu tas-sussidji pubbliċi għall-infrastrutturi transkonfinali tal-enerġija jew l-implimentazzjoni ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni reġjonali;

    —   Riċerka u żvilupp

    57.

    iqis li għandha tingħata għajnuna wkoll għall-istudji ambjentali li jwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn l-oqsma: il-qbiż tal-istandards komunitarji u żieda fil-livell tal-protezzjoni ambjentali fl-assenza ta' dawn in-normi; jitlob li fil-każ ta' għajnuna għal studji mhux relatati direttament mal-investimenti bħal studji dwar għajnuna għall-bini ekoloġiku jew id-disinn ekoloġiku, tista' tingħata għajnuna fil-qafas tal-iskema de minimis. Bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea għandha timplimenta programmi speċifiċi li jippromovu r-riċerka applikata u l-iżvilupp teknoloġiku li fihom jipparteċipaw b'mod konġunt l-intrapriżi tas-settur enerġetiku, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka;

    58.

    jemmen li l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka iċ-ċentri teknoloġiċi u l-aġenziji tal-enerġija għandhom jaqdu rwol konsiderevoli fir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-enerġija. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jkun hemm il-fondi adegwati;

    59.

    iqis li minħabba l-ispejjeż kbar tar-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u t-teknoloġiji għall-effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, li għadhom relattivament reċenti, u n-nuqqas ta' internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-produzzjoni tal-enerġija mill-karburanti fossili li tirriżulta mill-prezzijiet attwali taċ-ċertifikat tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, hemm bżonn ta' sistema ta' qsim tal-ispejjeż li tippromovi l-investiment f'dawn it-teknoloġiji;

    Proposti konkreti: proċedura ta' attribuzzjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija

    60.

    jitlob li l-benefiċjarji lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil tal-forom ta' għajnuna;

    61.

    huwa favur semplifikazzjoni amministrattiva mil-lat tal-għoti ta' sussidji mill-Istat;

    62.

    jitlob garanzija ta' trasparenza fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat dwar l-enerġija u li jiġu evalwati l-vantaġġi differenti li jistgħu jinkisbu mill-użu tal-miżuri definiti għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi verifikat li ma jkunx hemm azzjonijiet doppji li jiġu finanzjati taħt sistemi differenti.

    Brussell, 2 ta' April 2014

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCARCEL SISO


    Top