This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2014/051/08
Call for proposals — EACEA/10/14 — Erasmus+ programme — Key action 3: Support for policy reform — Prospective initiatives — European policy experimentations in the fields of education and training and youth: transnational cooperation for the implementation of innovative policies under the leadership of high-level public authorities
Sejħa għall-proposti – EACEA/10/14 – Taħt il-programm Erasmus+ – Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika – Inizjattivi prospettivi – Proċessi ta’ esperimenti fl-oqsma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u ż-Żgħażagħ: kooperazzjoni transnazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ politiki innovattivi taħt it-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli
Sejħa għall-proposti – EACEA/10/14 – Taħt il-programm Erasmus+ – Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika – Inizjattivi prospettivi – Proċessi ta’ esperimenti fl-oqsma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u ż-Żgħażagħ: kooperazzjoni transnazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ politiki innovattivi taħt it-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli
ĠU C 51, 22.2.2014, p. 17–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/17 |
SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EACEA/10/14
Taħt il-programm Erasmus+
Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika – Inizjattivi prospettivi
Proċessi ta’ esperimenti fl-oqsma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u ż-Żgħażagħ: kooperazzjoni transnazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ politiki innovattivi taħt it-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli
(2014/C 51/08)
1. Id-Deskrizzjoni, l-Għanijiet u t-Temi Prijoritarji
L-għan ġenerali tas-sejħa għall-proposti huwa li titħeġġeġ il-valutazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ miżuri ta’ politiki innovattivi permezz ta’ provi fuq il-post sabiex jitjiebu l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki taż-żgħażagħ. Din is-sejħa għandha l-għan li tinvolvi awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli tal-pajjiżi eliġibbli fil-ġbir u l-evalwazzjoni tal-evidenza rilevanti biex tappoġġa u timmonitorja riforma politika bl-użu ta’ metodi ta’ evalwazzjoni sodi u rikonoxxuti b’mod wiesa’ bbażati fuq provi fuq il-post fuq skala kbira.
L-għanjiet speċifiċi ta’ din is-sejħa huma:
— |
Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali u t-tagħlim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-ogħla livell sabiex jittestjaw u jtejbu s-sistemi, l-istrutturi u l-proċessi tal-implimentazzjoni tal-politiki, b’impatt potenzjalment sinifikanti, |
— |
Il-faċilitazzjoni tal-ġbir u l-analiżi ta’ evidenza sustantiva li tippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli jivvalutaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ politiki innovattivi, |
— |
L-identifikazzjoni ta’ kriterji u kundizzjonijiet ewlenin għal implimentazzjoni u monitoraġġ effettivi tal-politika, |
— |
Il-faċilitazzjoni tat-trasferibbiltà u r-rappreżentanza fuq skala. |
It-temi prijoritarji għal din is-sejħa huma:
— |
Valutazzjoni tal-ħiliet trasversali fl-edukazzjoni bażika u sekondarja |
— |
Esperjenza intraprenditorjali prattika fl-iskola |
— |
Kooperazzjoni dwar metodi innovattivi għal rikonoxximent akkademiku transkonfinali mgħaġġel u bla xkiel fl-edukazzjoni għolja |
— |
Tnaqqis tan-numru ta’ adulti bi ftit ħiliet professjonali |
— |
Tħeġġiġ tal-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-volontarjat fost iż-żgħażagħ |
2. Il-pajjiżi eliġibbli
Huma eliġibbli proposti minn entitajiet legali stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi tal-programm li ġejjin:
— |
it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, |
— |
il-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE: l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja (1), |
— |
il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2); |
— |
il-Konfederazzjoni Svizzera (3). |
3. L-applikanti eliġibbli
It-terminu “applikanti” jirreferi għall-organizzazzjoni u l-istituzzjonijiet kollha li jipparteċipaw fi proposta irrispettivament mir-rwol tagħhom fil-proġett.
L-applikanti meqjusa eliġibbli biex iwieġbu għal din is-sejħa huma:
(a) |
Awtoritajiet pubbliċi (Ministeru jew ekwivalenti) responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ fl-ogħla livell fil-kuntest nazzjonali jew reġjonali rilevanti (referenza għall-ogħla livell tqis il-kodiċi 1 jew 2 tan-NUTS; għall-pajjiżi fejn il-kodiċi 1 u 2 tan-NUTS mhumiex disponibbli, jekk jogħġbok applika l-ogħla kodiċi tan-NUTS disponibbli (4)). L-awtoritajiet pubbliċi fl-ogħla livell responsabbli għas-setturi li mhumiex tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ (eż. l-impjiegi, il-finanzi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa, eċċ.) jitqiesu eliġibbli sakemm juru li għandhom kompetenza speċifika fil-qasam li fih se jitwettaq il-proċess ta’ esperimenti. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddelegaw li jkunu rappreżentati minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħra, kif ukoll netwerks jew assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment, bil-kundizzjoni li d-delega tkun bil-miktub u tagħmel referenza espliċita għall-proposta li qed titressaq |
(b) |
Organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet pubbliċi jew privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ |
(c) |
Organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet pubbliċi jew privati li jwettqu attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew iż-żgħażagħ f’setturi soċjoekonomiċi oħra (eż. ċentri ta’ rikonoxximent, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet kulturali, entitajiet tal-evalwazzjoni, entitajiet tar-riċerka, eċċ.) |
4. Il-kompożizzjoni minima tas-sħubija
Ir-rekwiżit minimu tas-sħubija għal din is-sejħa huwa ta’ 4 entitajiet li jirrappreżentaw 3 pajjiżi eliġibbli. B’mod speċifiku:
(a) |
Tal-inqas awtorità pubblika waħda (Ministeru jew ekwivalenti) jew korp delegat – kif deskritt fi 3.a) – minn 3 pajjiżi eliġibbli differenti, jew netwerk/assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment li jirrappreżentaw tal-inqas tliet pajjiżi eliġibbli differenti. In-netwerk jew l-assoċjazzjoni għandu jkollhom mandat ta’ mill-inqas minn 3 awtoritajiet pubbliċi rilevanti kif deskritt taħt 3.a) biex joperaw f’isimhom għall-proposta speċifika. Il-proposti għandhom jinkludu tal-inqas awtorità pubblika waħda kif indikat taħt il-punt 3.a) minn Stat Membru. L-awtoritajiet pubbliċi li jipparteċipaw jew li huma rappreżentati fil-proposta għandhom ikunu responsabbli għat-tmexxija strateġika tal-proġett u biex imexxu l-proċess ta’ esperimenti fil-ġurisdizzjoni proprja tagħhom. |
(b) |
Tal-inqas entità pubblika jew privata waħda b’għarfien espert fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-politika. Tali entità għandha tkun responsabbli għall-aspetti metodoloġiċi u l-protokolli tal-evalwazzjoni. Il-proposta tista’ tinvolvi aktar minn entità tal-evalwazzjoni waħda, sakemm ix-xogħol ikun ikkoordinat u konsistenti. |
5. Il-koordinazzjoni
Proposta tista’ tkun ikkoordinata u mressqa biss f’isem l-applikanti kollha – minn waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
Awtorità pubblika kif deskritt taħt 3.a) |
(b) |
Netwerk jew assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment indikati taħt il-punt 3.a) |
(c) |
Entità pubblika jew privata ddelegata minn awtoritajiet pubbliċi indikata taħt il-punt 3.a) biex twieġeb għas-sejħa. L-entitajiet iddelegati għandu jkollhom approvazzjoni espliċita bil-miktub minn awtorità pubblika kif deskritt taħt 3.a), biex iressqu u jikkoordinaw il-proposta f’isimhom |
Il-proposti għandhom jitressqu mir-rappreżentant legali tal-awtorità ta’ koordinazzjoni f’isem l-applikanti kollha. Persuni fiżiċi ma jistgħux japplikaw għal għotja.
6. L-attivitajiet Eliġibbli
L-attivitajiet għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Diċembru 2014 u l-1 ta’ Marzu 2015.
It-tul tal-proġett għandu jkun ta’ bejn 24 u 36 xahar.
L-attivitajiet li se jiġu ffinanzjati taħt din is-sejħa jinkludu tal-inqas:
— |
Żvilupp ta’ provi fuq il-post dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri innovattivi. Għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-iżvilupp ta’ bażi ta’ evidenza soda u li tinvolvi proċeduri affidabbli ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar ibbażati fuq approċċi metodoloġiċi rikonoxxuti, żviluppati minn evalwatur tal-impatt tal-politika kompetenti u ta’ esperjenza b’konsultazzjoni mas-sħab rilevanti tal-proġett. Dan għandu jinkludi (il-lista mhix eżawrjenti): l-identifikazzjoni u l-għażla tal-miżuri li se jiġu ttestjati, il-kampjuni u s-sett ta’ azzjonijiet previsti; id-definizzjoni tal-impatt mistenni tal-miżura f’termini li jitkejlu u l-valutazzjoni tar-rilevanza tiegħu fir-rigward tar-riżultati mistennija, inkluż permezz ta’ tfittxija bir-reqqa għal eżempji ta’ interventi ta’ politika simili li twettqu lokalment jew barra mill-pajjiż; id-definizzjoni ta’ metodoloġija u indikaturi sodi biex jitkejjel l-impatt tal-miżura ttestjata fil-livell nazzjonali u Ewropew. |
— |
Implimentazzjoni parallela tal-provi fuq il-post f’diversi pajjiżi li jipparteċipaw fil-proġett taħt it-tmexxija tal-awtoritajiet rispettivi (Ministeru jew ekwivalenti). Numru rappreżentattiv biżżejjed ta’ entitajiet/stabbilimenti parteċipanti għandu jkun involut biex tintlaħaq massa kritika raġonevoli u rappreżentattiva u tiġi pprovduta bażi ta’ evidenza sinifikanti. |
— |
Analiżi u evalwazzjoni: effettività, effiċjenza u impatt tal-miżura ttestjata, iżda wkoll il-metodoloġija tal-proċessi ta’ esperimenti, tal-kundizzjonijiet għar-rappreżentanza fuq skala u t-trasferiment transnazzjonali tat-tagħlimiet meħuda u l-prattika tajba (tagħlim bejn il-pari). |
— |
Sensibilizzazzjoni, disseminazzjoni u sfruttament tal-kunċett tal-proġett u r-riżultati tiegħu fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew matul il-proġett u fuq terminu itwal, u biex titrawwem trasferibbiltà bejn setturi, sistemi u politiki differenti. |
Huwa rrakkomandat pjan ta’ sfruttament tar-riżultati tal-proċessi ta’ esperimenti permezz ta’ Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ, b’rabta mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.
7. Il-Kriterji tal-Għoti
Il-kriterji tal-għoti (ara t-Taqsima 8 tal-Gwida għall-Applikanti) għall-finanzjament ta’ proposta huma:
(1) |
Ir-rilevanza (20 %) |
(2) |
Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (30 %) |
(3) |
Il-kwalità tas-sħubija (20 %) |
(4) |
L-Impatt, id-Disseminazzjoni u l-Isfruttament (30 %) |
Din is-sejħa hija maqsuma f’żewġ stadji ta’ sottomissjoni/evalwazzjoni: (1) l-istadju ta’ qabel il-proposta, u (2) l-istadju sħiħ tal-proposta. Dan l-approċċ għandu l-ħsieb li jissimplifika l-proċess billi fl-ewwel fażi jitlob biss informazzjoni bażika dwar il-proposta. L-informazzjoni ta’ qabel il-proposta li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u li tilħaq il-limitu minimu ta’ 60 % tal-punteġġ għall-kriterju tal-għoti Ir-rilevanza biss se taċċessa t-tieni fażi li għaliha l-applikanti se jkunu mitluba jressqu pakkett sħiħ ta’ applikazzjoni.
L-informazzjoni ta’ qabel il-proposta eliġibbli se tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-kriterju tal-għoti Ir-rilevanza. Il-proposti sħaħ se jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-esklużjoni, l-għażla u t-tliet kriterji tal-għoti li jifdal: Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett; Il-kwalità tas-sħubija; u L-impatt, id-disseminazzjoni, u s-sostenibbiltà.
Il-punteġġ finali għal proposta se jkun il-punteġġ totali miksub fl-istadju ta’ qabel il-proposta u l-istadju tal-proposta sħiħa (billi jiġi applikat l-ippeżar indikat).
8. Il-baġit
Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament ta’ proġetti taħt din is-sejħa huwa ta’ EUR 10 000 000, u huwa maqsum bil-mod li ġej bejn iż-żewġ oqsma ta’ operat:
— |
L-Edukazzjoni u t-Taħriġ: EUR 8 000 000 |
— |
Iż-Żgħażagħ: EUR 2 000 000 |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż il-75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.
L-għotja massima għal kull proġett se tkun ta’ EUR 2 000 000.
L-Aġenżija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.
9. Il-Proċedura għas-Sottomissjoni u l-Iskadenzi
Qabel titressaq applikazzjoni, l-applikanti se jkollhom jirreġistraw l-organizzazzjoni tagħhom fil-Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika (URF) u jirċievu Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipant (PIC). Il-PIC se jkun mitlub fil-formola tal-applikazzjoni.
Il-Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika hija l-għodda li permezz tagħha se tiġi ġestita l-informazzjoni legali u finanzjarja kollha marbuta mal-organizzazzjonijiet. Din hija aċċessibbli permezz tal-Portal tal-Parteċipant għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv, il-Kultura, iċ-Ċittadinanza u l-Volontarjat. L-informazzjoni dwar kif tirreġistra tista’ tinsab fil-portal fl-indirizz li ġej:
http://ec.europa.eu/education/participants/portal
L-applikazzjonijiet għall-għoti għandhom jitfasslu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u bl-użu tal-Pakkett tal-Applikazzjoni uffiċjali. Jekk jogħġbok kun żgur li tuża l-formola tal-applikazzjoni korretta għall-istadju ta’ qabel il-proposta u l-istadju tal-proposta sħiħa rispettivament.
Il-Pakkett tal-Applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:
https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/prospective-initiatives-eacea-102014_en
Se jiġu aċċettati biss l-applikazzjonijiet imressqa fil-formola korretta, mimlija kif suppost, bid-data u ffirmati mill-persuna awtorizzata li tidħol f’impenji legalment vinkolanti f’isem il-koordinatur.
L-iskadenzi:
— |
L-informazzjoni ta’ qabel il-proposti: l-20 ta’ Mejju 2014 skont it-timbru tal-posta |
— |
Il-proposti sħaħ: it-2 ta’ Ottubru 2014 skont it-timbru tal-posta |
Il-forom tal-applikazzjoni se jitressqu bħala pakkett bil-posta. Kull pakkett se jkun fih biss verżjoni waħda sħiħa stampata ffirmata mir-rappreżentant legali tal-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni. Barra minn hekk, verżjoni sħiħa skenjata tal-applikazzjoni ffirmata se tintbagħat bil-posta elettronika fl-indirizz ta’ hawn taħt immedjatament wara l-impustar tal-verżjoni stampata. Iż-żewġ verżjonijiet għandu jkun fihom l-annessi u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti u applikabbli.
Il-pakkett se jintbagħat permezz ta’ servizz ta’ kurjer express (l-irċevuta tal-kunsinna rreġistrata tas-servizz tal-posta sservi bħala prova) fl-indirizz li ġej:
Education, Audiovisual and Culture Executive Agency |
Unit A.1 — Erasmus+: Schools, Prospective initiatives, Programme coordination |
Call for Proposals EACEA/10/14 |
BOU2 02/109 |
Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
u bil-posta elettronika lil: EACEA-Policy-Support@ec.europa.eu
L-applikazzjonijiet li ma jinkludux id-dokumenti stipulati kollha u li ma jitressqux qabel l-iskadenza mhumiex se jitqiesu.
Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għal-Linji Gwida għall-applikanti.
10. Aktar informazzjoni
Il-Linji Gwida dettaljati għall-applikanti u l-Pakkett tal-Applikazzjoni sħiħ huma disponibbli fis-sit elettroniku li ġej:
https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/prospective-initiatives-eacea-102014_en
(1) Il-parteċipazzjoni tal-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja hi soġġetta għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Jekk meta tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar l-għotjiet, ir-Regolament tal-Erasmus+ ma jkunx ġie inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE, il-parteċipanti minn dawn il-pajjiżi ma jiħdux finanzjament u ma jitqisux fir-rigward tad-daqs minimu tal-konsorzji/sħubiji.
(2) Il-parteċipazzjoni tat-Turkija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f’din is-sejħa għall-proposti hi soġġetta għall-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Fehim bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi rispettivament. Jekk meta tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar l-għotjiet, il-Memorandum ta’ Fehim ma jkunx ġie ffirmat, il-parteċipanti minn dan il-pajjiż ma jiħdux finanzjament u ma jitqisux fir-rigward tad-daqs minimu tal-konsorzji/sħubiji.
(3) Il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera hi soġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż ma’ dan il-pajjiż. Jekk meta tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar l-għotjiet, il-ftehim bilaterali ma jkunx ġie ffirmat, il-parteċipanti mill-Konfederazzjoni Svizzera ma jiħdux finanzjament u ma jitqisux fir-rigward tad-daqs minimu tal-konsorzji/sħubiji.
(4) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/nuts_nomenclature/correspondence_tables/national_structures_eu