Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0538

Kawża T-538/13: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Ottubru 2013 — Verein Natura Havel vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 344, 23.11.2013, pp. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/66


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2013 — Verein Natura Havel vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-538/13)

2013/C 344/122

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Verein Natura Havel eV (Berlin, il-Ġermanja) u H.-P. Vierhaus (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: O. Austilat, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea — Direttorat Ġenerali Ambjent — tal-24 ta’ Ġunju 2013 u — Segretarjat Ġenerali — tat-3 ta’ Settembru 2013 li tirrifjuta l-aċċess għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2013 bil-għan tal-introduzzjoni tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2013/4000 kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv: ksur tad-dritt tar-rikorrenti għall-aċċess għall-informazzjoni

Ir-rikorrenti jsostnu qabelxejn li d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tikser id-dritt tagħhom għall-informazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 15(3) TFUE, mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1). Ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet iċċitati kienu intiżi li joħolqu l-ikbar trasparenza possibbli u li interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet hija neċessarja. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti għolja fir-rigward tal-prova ta’ ksur serju għall-investigazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax dan ir-rekwiżit.

(2)

It-tieni motiv: evalwazzjoni żbaljata tad-dritt għall-aċċess parzjali

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni li kien jirrifjuta aċċess sempliċement parzjali huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Il-kunsiderazzjonijiet dwar dan is-suġġett invokati fid-deċiżjoni huma skorretti u jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ksur tad-dritt tagħhom, li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jirċievu informazzjoni mingħajr interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 1, Vol. 3, p. 331).


Top