EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE2417

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” COM(2013) 92 final

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 144–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”

COM(2013) 92 final

2013/C 271/28

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli

COM(2013) 92 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’103 voti favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-konverġenza fil-qafas għal wara l-2015: żewġ proċessi paralleli MDG/SDG

1.1.1

Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, il-bniedem għandu aċċess għal għarfien, riżorsi ekonomiċi u mezzi tekniċi biex jeqred il-faqar fil-livell dinji sal-2030. Din hija ta’ tama kbira għal iktar minn biljun persuna li għadhom vittmi tal-faqar estrem. Għall-ewwel darba wkoll, l-Istati Membri huma marbuta biex sal-2050 flimkien jiġġestixxu aħjar il-kapital naturali tal-pjaneta li huwa magħruf li hu riżorsa limitata, biex jipproteġiha u jaqsamha mal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.1.2

Il-qalba tan-negozjar intergovernattiv li ser jitnieda f’Settembru 2013 fin-NU tikkonsisti f’li tinstab definizzjoni tal-Għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (SDG) biex fil-perjodu fit-tul jinstab bilanċ bejn il-ġlieda kontra l-faqar, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Dan il-proċess għandu jkun inklużiv u konverġenti biex tiġi integrata r-reviżjoni prevista għall-2015 tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG). L-atturi tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-Istati Membri fi ħdan in-NU qed jieħdu azzjoni minn issa biex jitħejjew u jakkumpanjaw dan in-negozjar internazzjonali. Mill-Konferenza Rio+20 (1) ’l hawn, il-KESE daħal f’dan id-dibattitu biex jikkontribwixxi għad-definizzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-konfront ta’ dawn l-isfidi. Huwa ser ikompli f’din it-triq sal-2015 permezz ta’ Opinjonijiet (2) u inizjattivi oħrajn.

1.1.3

Il-Kumitat jaqbel mad-direzzjoni li ħadet il-Kummissjoni li tniedi d-dibattitu Ewropew dwar il-ħtieġa li tinstab konverġenza bejn il-proċessi MDG/SDG u responsabilizzazzjoni tal-pajjiżi, b’Komunikazzjoni intitolata “Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”. Għad li jista’ jiġi rikonoxxut li l-Għanijiet tal-Millennju ġabu magħhom progress fl-għanijiet soċjali, għadu kmieni biex jiġu speċifikati l-għanijiet ambjentali u dan filwaqt li jiġu definiti għanijiet ekonomiċi aċċettabbli għal kull pajjiż fid-dinja. Il-Kumitat iqis li għandna nifhmu aħjar kif it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli jinteraġixxu biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti, sobrji u effettivi.

1.2   Rakkomandazzjonijiet għal proċess konverġenti u inklużiv

1.2.1

Fil-fażi ta’ tħejjija ta’ pożizzjoni komuni Ewropea għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat iqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala element importanti biex jiġi appoġġjat id-dibattitu fl-istituzzjonijiet u fl-Istati Membri. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-ħidma konġunta tad-DĠ Ambjent u tad-DEVCO (3), prova ta’ armonizzazzjoni li tħaddan ukoll l-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rigward tas-sigurtà fit-tħejjija ta’ din il-komunikazzjoni li madankollu kien ikun aħjar kieku ġiet integrata aħjar fil-politika kummerċjali u agrikola. Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-ħidma koordinata fi ħdan il-Kunsill Ewropew, u jħeġġu biex joħroġ dokument uniku tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta’ Mejju/Ġunju 2013.

1.2.2

Il-Kumitat jenfasizza li din l-għażla ta’ qafas uniku u globali fejn l-għanijiet għandhom japplikaw f’kull pajjiż jistħoqqilha kunsens intern mifrux biex tkun ippreżentata lill-pajjiżi oħra msieħba fil-komunità internazzjonali u jiġi żgurat trattament indaqs b’mod partikolari mal-pajjiżi l-iktar fqar, u l-mijiet ta’ pajjiżi bi dħul intermedju, fosthom il-pajjiżi emerġenti, li minn issa ’l quddiem ser ikollhom rwol predominanti fin-negozjati internazzjonali. Minħabba l-kumplessità tan-negozjar, il-Kumitat iqis il-pożizzjoni Ewropea bħala element importanti fil-proċess diplomatiku li jmur lil hinn mid-distinzjoni antika bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.2.3

Il-Kumitat jappella biex l-UE ssemma leħinha fil-fora internazzjonali abbażi ta’ dan il-qafas ta’ konverġenza tal-MDG/SDG, inkluż permezz tal-Istati Membri fin-NU. Kull pajjiż, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għandu jħejji strateġija nazzjonali inklużiva għall-iżvilupp li tqis il-livell inizjali u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet komuni tal-iżvilupp sostenibbli. Għall-Kumitat din l-għażla ser tinvolvi proċeduri ta’ evalwazzjoni u segwitu tal-impenji nazzjonali li jiddaħħlu f’reġistru globali bit-titjib meħtieġ tal-indikaturi ta’ statistika komplementari għall-PDG.

1.2.4

L-Unjoni Ewropea għandha l-valuri tagħha: il-prattika ta’ kunsens tagħha u vantaġġi li, jekk ikun hemm ir-rieda politika, għandhom jippermettulha tieħu impenn sod fit-tranżizzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli, u anki twitti t-triq għall-imsieħba internazzjonali tagħha. L-Unjoni Ewropea għadha punt ta’ riferiment bħal-livell ta’ impenji konkreti fl-anness importanti ħafna ta’ din il-komunikazzjoni fl-oqsma ta’ politika ambjentali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, it-trasferimenti interni favur il-koeżjoni territorjali jew ir-ridistribuzzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. L-anness jinkludi qafas għas-segwitu tal-impenji ta’ Rio+20 fil-livell Ewropew u dak internazzjonali.

1.2.5

Imfassla bħala għanijiet universali, l-MDG għandhom jissarrfu f’politiki Ewropej u programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan l-aspett jiġi kkunsidrat fit-tħejjija tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija UE2020, b’konformità mas-segwitu tal-impenji Rio+20. L-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew mistennija tingħata ħajja mill-ġdid (4). Għall-Kumitat dan ifisser fużjoni mal-Istrateġija UE 2020 u mal-Istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll li tiġi kkunsidrata dimensjoni soċjali  (5) marbuta mill-qrib mal-Unjoni ekonomika u monetarja Ewropea.

1.2.6

Element distintiv tal-SDGs il-ġodda huwa li huma maħsuba b'tali mod li jkunu universali, applikabbli għall-pajjiżi kollha u li jikkunsidraw il-limiti tal-pjaneta. Fid-dawl tan-natura finita tal-limiti fiżiċi tal-art, l-ilma frisk, il-foresti u ħafna riżorsi naturali oħra fid-dinja jeħtieġ li l-SDGs jinkludu għanijiet biex dawn ir-riżorsi jintużaw b'mod aktar effiċjenti u biex jinqasmu b'mod aktar ġust. Bl-istess mod, l-SDGs għandhom jistabbilixxu miri bbażati fuq l-ugwaljanza biex inaqqsu l-piż tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u forom oħra ta' tniġġis. Tali miri għandhom jikkwantifikaw u jistabbilixxu skedi għall-objettiv globali li ilu li ġie miftiehem dwar il-mixja lejn tendenzi aktar sostenibbli ta' produzzjoni u konsum. Sakemm din it-tranżizzjoni lejn ekonomija globali aktar sostenibbli ma tinkisibx madwar id-dinja kollha jista' jagħti l-każ li jkun impossibbli li jinkisbu l-għanijiet għall-iżvilupp tat-tip tal-MDG fil-każ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li attwalment it-titijib ta' xi objettivi għall-iżvilupp tradizzjonali sikwit jiddgħajjef minħabba l-problemi li kulma jmur jikbru madwar id-dinja tat-tnaqqis tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima u forom oħra ta' tniġġis.

1.2.7

Pajjiżi żviluppati u emerġenti huma responsabbli għall-ikbar parti tal-problemi li qed jiżdiedu ta' konsum żejjed, skart u tgħawwir tar-riżorsi naturali u t-tniġġis. Għaldaqstant, l-SDGs li jirriferu għal xejriet ta' konsum u produzzjoni iktar sostenibbli se jkunu partikolarment rilevanti għalihom u għandhom jistabbilixxu miri li jitolbu iktar sforzi u li huma ta' sfida ikbar għal titjib tul il-15-il sena li ġejjin. L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet attiva f'dan il-qasam u għandha tippreżenta lilha nfisha fuq quddiem nett fl-identifikar ta' miri adatti tal-SDGs għad-dinja żviluppata.

1.3   Rakkomandazzjonijiet għal proċess parteċipattiv miftuħ għas-soċjetà ċivili

1.3.1

Il-Kumitat ifakkar li permezz tal-opinjonijiet kollha kkwotati nħolqot bażi soda għar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-governanza tajba, l-appoġġ għal tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku ġdid, il-protezzjoni tal-iktar fqar u l-iktar vulnerabbli, l-akkumpanjament waqt il-bidliet għall-ħaddiema kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima u l-limiti tar-riżorsi tal-Pjaneta. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li soċjetà ċivili awtonoma u b’saħħitha, flimkien ma’ sistema legali bħala garantur tal-indipendenza tagħha jifformaw il-bażi fundamentali tad-demokratizzazzjoni, ta’ stat tad-dritt, u tikkontribwixxi għall-istabbiltà neċessarja għall-investiment u t-tkabbir sostenibbli (6).

1.3.2

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili matul il-proċess sħiħ tat-tħejjija u l-implimentazzjoni u s-segwitu, b’mod partikolari fir-rigward tal-SDG fejn din il-parteċipazzjoni għadha mhijiex suffiċjenti. Fl-2013 u l-2014, id-dibattiti nazzjonali, inkluż dawk fi ħdan il-kunsilli ekonomiċi, soċjali u ambjentali u/jew il-kunsilli tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-elementi kollha fis-soċjetà ċivili u d-dibattiti organizzati mas-soċjetà ċivili Ewropew u dik tal-pajjiżi msieħba ser ikollhom jikkontribwixxu u jagħmlu parti mit-tħejjija tas-Sena Ewropea 2015 għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli biex tinħoloq viżjoni kondiviża ta’ dinja futura u biex jissaħħaħ il-profil tal-azzjoni esterna Ewropea fost iċ-ċittadini (7). Fid-dawl ta’ din is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timmobilizza riżorsi suffiċjenti, biex jiġi żgurat impenn attiv mis-soċjetà ċivili, biex tingħata prijorità lill-inizjattivi eżistenti u dawk imressqa mill-imsieħba involuti f’din is-Sena Ewropea, u fl-aħħar nett biex jiġu mħeġġa d-dibattiti profondi dwar it-temi mressqa f’din l-Opinjoni tal-KESE.

1.3.3

Is-soċjetà ċivili għandha rwol li titlob lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u d-diplomatiċi internazzjonali biex jiżguraw mudell ekonomiku ieħor, bil-għan li fil-livell tal-attivitajiet ekonomiċi l-iżvilupp tal-bniedem jiġi separat mill-impatt ambjentali. Il-Kumitat jirrakkomanda li jinqasmu l-kompetenzi u l-apprendistati, b’mod partikolari matul is-sena tematika 2015, mas-soċjetajiet ċivili oħrajn tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba. Dan huwa qasam fejn il-KESE għandu esperjenza ta’ skambju fil-wisa’.

1.3.4

Il-Kumitat jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem u jagħmlu tagħhom ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet internazzjonali, nazzjonali u tematiċi, b’mod partikolari dawk li tnedew attwalment għas-sostenibbiltà ambjentali mill-UNDP u l-UNEP, li huma aċċessibbli fis-sit www.worldwewant2015.org/sustainability

1.3.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-aġenda għal wara l-2015 tkun ibbażata b’mod iktar sistematiku fuq l-istudji tal-impatt u fuq is-segwitu li jkun sar b’mod partikolari bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (pereżempju dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ekosistemi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol). Bl-istess mod, l-integrazzjoni tad-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali, wieħed mill-indikaturi tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol, hija strument essenzjali għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-MDG/SDG.

1.3.6

Is-soċjetà ċivili ser ikollha rwol maġġuri fl-ippjanar, is-segwitu u l-valutazzjoni. Is-soċjetà ċivili Ewropea għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti biex tkun tista’ taġixxi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-koerenza tal-politiki Ewropej favur l-iżvilupp, prinċipju stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona. Il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tal-għażla tal-indikaturi komplementari għall-PDG, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fin-negozjati marbuta mal-proċess tal-paċi u fit-tħejjija tal-pjani strateġiċi nazzjonali u fl-iżvilupp tal-innovazzjonijiet soċjali u jqis li dawn għandhom joħorġu b’mod prammatiku.

1.3.7

Sabiex jiġi appoġġjat rwol ta’ tmexxija Ewropea lejn mudell ekonomiku ieħor, il-Kumitat jirrakkomanda li jinħoloq forum  (8) ta’ konsultazzjoni li jiġbor ħafna mill-partijiet involuti dedikat għall-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fi ħdan l-UE. F’kull settur huwa indispensabbli li jiġu definiti stadji intermedji ta’ tranżizzjoni negozjata b’miżuri ta’ akkumpanjament għas-setturi, l-intrapriżi, it-territorji u l-ħaddiema konċernati.

1.3.8

Fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda futura, il-Kumitat jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq it-tisħiħ tas-sħubijiet bejn l-atturi, pereżempju fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Kooperazzjonijiet ibbażati fuq l-istabbiliment ta’ kuntratti/sħubija volontarja bejn l-atturi għal għanijiet li jimpenjaw il-livelli kollha territorjali jistgħu jiġu mħeġġa. Pereżempju, inizjattivi mfassla f’sinerġija, bejn atturi privati, pubbliċi jew assoċjati li jieħdu impenn konġunt biex jinkisbu għanijiet speċifiċi f’qasam territorjali jew urban. Dawn l-approċċi innovattivi jidhru indispensabbli biex jitqies l-aspett multidimensjonali tal-faqar. L-istabbiliment ta’ kuntratti bħal dawn iħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni Nofsinhar/Nofsinhar bl-appoġġ finanzjarju mit-Tramuntana.

1.4   Rakkomandazzjonijiet dwar il-perspettivi ta’ aġenda għal wara l-2015

1.4.1

L-aġenda għal wara l-2015 tirrappreżenta bidla fil-mudell lil hinn mill-għajnuna u l-kooperazzjoni internazzjonali. Hija għandha titfassal bħala proċess li jimpenja l-pajjiżi kollha fit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku inklużiv u ekoloġiku, bidla lejn ekonomija dekarbonizzata. Il-Kumitat jappoġġja l-analiżi tal-Komunikazzjoni li tqis li “Il-progress lejn ekonomija ekoloġika inklużiva permezz taxejriet takonsum u produzzjoni sostenibbli u l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż b'mod partikolari fsistemi tal-enerġija bemissjoni baxxa, huwa għalhekk essenzjali.

1.4.2

Koerenza bejn il-politika finanzjarja u l-politika ekonomika u tal-migrazzjoni. Minbarra l-elementi ekonomiċi, huwa imperattiv li jiġu implimentati, skont il-prinċipju ta’ koerenza, politiki oħra li għandhom impatt maġġuri fuq tibdil fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli bħat-tassazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-miżuri kollha għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima, miżura li tħeġġeġ l-immigrazzjoni temporanja jew ċirkolari mill-pajjiżi fqar, il-kontroll strett tal-bejgħ tal-armi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u regolazzjoni finanzjarja biex jitnaqqas il-ħasil tal-flus u tinqered l-evażjoni fiskali.

1.4.3

Waħda mid-definizzjonijiet tal-Għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għandha tkun li titkejjel it-tensjoni bejn il-kwistjonijiet tal-iżvilupp individwali u kollettivi u l-kwistjonijiet ta’ preservazzjoni tal-bilanċ ambjentali tal-pjaneta. Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex tiġi riżolta din it-tensjoni u jinstab bilanċ bejn it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, għandhom jiġu preservati l-beni komuni globali minn politiki pubbliċi globali ġestiti minn komunità internazzjonali magħmula minn pajjiżi sovrani. Din hija l-isfida l-kbira tal-aġenda futura.

1.4.4

Din it-tema ta’ beni pubbliċi globali identifikati bħala sfida maġġuri wara l-2015 teħtieġ koerenza ikbar bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-politiki dinjin. L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel parti minn dan. F’xi Opinjonijiet il-KESE nieda reazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-beni pubbliċi globali bħas-sigurtà alimentari (9), il-bażi tal-protezzjoni soċjali jew ir-regolazzjoni multilaterali tal-kummerċ u l-investimenti, il-klima jew il-bijodiversità.

1.4.5

Il-Kumitat jiddispjaċih għar-referenzi indiretti għal dan is-suġġett fil-Komunikazzjoni “Ħajja diċenti għal kulħadd” u jqis li l-komunikazzjoni li jmiss dwar ir-riżorsi finanzjarji mħabbra f’nofs l-2013 għandha tinkludi din il-kwistjoni biex jiġi żgurat li jkun hemm riżorsi finanzjarji adegwati. L-għajnuna pubblika għall-iżvilupp għandha tibqa’ dedikata għall-ġlieda kontra l-faqar. Parti kbira mill-proċess ta' konsultazzjoni tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li għandha tidħol fl-2013, li fiha se jieħdu sehem ħdax-il pajjiż inizjalment, għandha tkun dedikata lill-kummenti globali.

1.4.6

L-istennija ta’ ftehim internazzjonali dwar id-definizzjoni tal-SDG bl-ebda mod ma tista’ sservi bħala skuża biex jiġu differiti jew jitnaqqsu l-impenji tal-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi żviluppati. Il-Kumitat huwa ferm imħasseb minħabba r-riskju li tiġi interrotta l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-żvilupp jekk ma jintlaħaqx ftehim fl-2015. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, huwa jirrakkomanda li l-MDG riveduti b’mod imperattiv ikollhom il-fondi suffiċjenti għal dan il-għan (10). Għad li ninsabu fi żmien ta’ diffikultajiet baġitarji, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jżommu l-impenji tagħhom u jagħmlu dak li hemm bżonn biex jiksbu medja ta’ 0,7 % sa mill-fażi l-ġdida.

1.4.7

L-għanijiet tal-Millennju jeħtieġu aġġornament u adattar għall-kwistjonijiet il-ġodda tas-Seklu 21 filwaqt li jitqiesu r-riżultati u l-lezzjonijiet li nsiltu mill-esperjenza. Fil-fehma tal-KESE diġà kellhom jiddaħħlu mill-inqas tliet għanijiet għall-aċċess għall-enerġija għal kulħadd  (11), id-dritt għall-ikel u għall-ilma, u l-ħolqien taprotezzjoni soċjali bażika  (12). Barra minn hekk, ix-xogħol diċenti li ġie inkorporat wara r-reviżjoni tal-2006 għandu jiġi affermat mill-ġdid bħala prijorità u ħtieġa imperattiva u l-iżvilupp agrikolu għandu jerġa’ jitqiegħed fil-qalba tal-ġlieda kontra l-faqar.

Ukoll, il-konverġenza bejn iż-żewġ aġendi tista’ titfassal abbażi ta’ din ir-reviżjoni li ser tkun biss l-ewwel stadju ta’ aġenda globali futura. Għandha tiġi rikonoxxuta t-tensjoni attwali u l-inċertezza bejn l-ambizzjoni ta’ aġenda “ideali” u r-realtà tal-“possibbiltajiet”.

1.4.8

F’din ir-reviżjoni tal-MDG, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġi żviluppat approċċ speċifiku għall-iżvilupp għall-Istati fraġli jew affettwati mill-kunflitti billi l-irkupru istituzzjonali jitqiegħed fil-qalba tal-għanijiet fundamentali għal dawn il-pajjiżi sabiex mill-bidu nett ikun hemm sforz ta’ sigurtà u ġustizzja mill-qrib.

2.   Nisiltu t-tagħlimiet mill-għanijiet tal-Millennju

2.1

Ir-rilevanza dejjiema tal-Dikjarazzjoni tal-Millennju. Din id-dikjarazzjoni żżomm il-valur sħiħ tagħha, kemm politiku kif ukoll simboliku, bħala patt għal impenn anki wara l-2015, bejn il-pajjiżi kollha, fqar u għonja. Hija għandha tibqa’ s-sies ta’ aġenda futura billi tirrappreżenta l-karatteristiċi tal-isfidi l-kbar u l-valuri fundamentali li għandhom jirfdu r-relazzjonijiet internazzjonali fis-seklu XXI: il-paċi, is-sigurtà u d-diżarm, il-ħarsien tal-ambjent komuni tagħna, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, il-ħarsien tal-gruppi vulnerabbli u t-tweġiba għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Afrika, kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp. Din id-dikjarazzjoni diġà kienet stabbiliet linja ċara bejn id-dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, ħaġa li tirrifletti d-Dikjarazzjoni ta’ Rio li saret fl-1992.

2.2

Minkejja riżultat modest, permezz tas-sempliċità u ċ-ċarezza tagħhom, l-SDG ikkontribwew għas-sensibilizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika fil-pajjiżi żviluppati. Għad irid jintwera li dan l-appoġġ għall-opinjonijiet issarraf b’mod effettiv f’żieda fl-ammont ta’ għajnuna, fi ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni, f’tibdil fl-approċċ lejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati, jiġifieri li ġew adattati għall-pajjiżi fi stat ta’ gwerra jew li jkunu ddgħajfu minħabba kunflitti interni.

2.3

Territorji, inugwaljanzi u faqar. Fir-rigward tal-indiċi tal-faqar, il-Kumitat għandu r-riżervi tiegħu dwar l-indikatur ta’ dħul inqas minn $ 1,25 kuljum biex jiġi stmat it-tnaqqis tal-faqar estrem u r-rikors għall-mezzi nazzjonali. Dawn l-istrumenti jaħbu l-inugwaljanzi interni profondi fis-soċjetajiet nazzjonali kif ukoll id-differenzi territorjali, b’mod partikolari għad-detriment taż-żoni rurali li għandhom ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom fil-kampanja u bl-iżvilupp rurali jilqgħu parti mit-tkabbir demografiku tad-deċennji futuri. Min-naħa l-oħra, l-urbanizzazzjoni ġestita b’mod ħażin tenfasizza u tikkontribwixxi għall-faqar urban dejjem ikbar u teħtieġ analiżi iktar kwalitattivi.

2.4

L-ugwaljanza bejn is-sessi għadha kundizzjoni essenzjali għal kull bidla (13), mhux biss minħabba s-sitwazzjoni tan-nisa imma anke għaliex din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tal-inugwaljanzi kollha l-oħra u r-raġuni għalfejn il-konsegwenzi jiħraxu. Ir-reazzjoni għan-nondiskriminazzjoni, jiġifieri d-drittijiet tan-nisa, huma essenzjali fit-tranżizzjoni tas-soċjetajiet tagħna. Il-kontribut tan-nisa għall-paċi, l-iżvilupp, l-attivitajiet ekonomiċi u s-sigurtà, sar wieħed mill-vantaġġi maġġuri ta’ aġenda futura. Dawn il-valuri għandhom ikunu rikonoxxuti minn kulħadd, sew nisa u sew irġiel.

2.5

Riżultati kwantitattivi u strumenti metodoloġiċi. Il-pjan direzzjonali f’din id-dikjarazzjoni għandu jissarraf f’għanijiet u indikaturi ta’ progress rilevanti. Bil-pubblikazzjoni regolari tar-rapporti ta’ monitoraġġ tal-MDG ħarġu fid-dieher riżultati sostanzjali u n-nuqqasijiet. Il-kwalità tal-evalwazzjonijiet hija fattur determinanti għal din il-metodoloġija tagovernanza skont l-għanijiet. L-aġenda tal-ġejjieni ser tirrikjedi titjib u armonizzazzjoni tal-istrumenti tal-istatistika nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni abbażi tas-sessi u l-persuni b’diżabbiltà. Għalhekk għandhom jittejbu s-servizzi tal-istat ċivili u jiġi provdut stħarriġ kwalitattiv, b’mod partikolari dwar l-edukazzjoni.

2.6

Lil hinn mill-PDG. Għall-aġenda wara l-2015, l-indikaturi għall-iżvilupp (14) sostenibbli li jiddefinixxu l-benesseri għandhom jinġabru f’tabella ta’ indikaturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali milli f’indikatur wieħed aggregat. Huwa possibbli li nassoċjaw indikaturi oħra mal-PDG fil-livell internazzjonali kif diġà sar għad-definizzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDC) li jinkludu l-kriterji ta’ dewmien fl-iżvilupp tal-bniedem u l-vulnerabbiltà ekonomika jew l-indikatur tal-iżvilupp tal-bniedem u iktar riċenti l-indikatur dwar l-inugwaljanzi żviluppat mill-UNDP.

Biex jiġi indirizzat id-distakk bejn il-politiki ekonomiċi, il-benesseri u l-progress soċjali, għandna nibbażaw fuq l-indikaturi komplementari għall-PDG. Approċċ ġdid jeħtieġ deskrizzjoni tal-elementi tal-progress filwaqt li nipprovaw inwessgħu l-kontabbiltà nazzjonali għad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, nużaw l-indikaturi komposti u noħolqu indikaturi ewlenin. Madankollu, l-element nieqes jinstab fl-iżvilupp tal-istrumenti ta’ effikaċja u responsabbiltà li huma meħtieġa biex l-għażliet ta’ politika u dawk baġitarji jiġu abbinati mar-riżultati tal-indikaturi. Il-kejl tal-benesseri u l-progress mhuwiex esklużivament problema teknika. It-tfassil stess tal-idea tal-benesseri juri l-preferenzi kollettivi u l-valuri fundamentali ta’ soċjetà partikolari. Wieħed mill-mezzi li bih jista’ jsir progress fl-għażla tal-indikaturi huwa li fil-ħidma akkademika jiġu involuti ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex dawn jiġu definiti u jiġi analizzat l-użu tagħhom.

2.7

L-awtoritajiet pubbliċi, il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali għandhom jiżguraw il-prestazzjoni effettiva ta’ protezzjoni soċjali bażika biex jiġu ffaċċjati r-riskji maġġuri tal-ħajja, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u d-diżabbiltà, l-irtirar u l-qgħad. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (l-unjins, l-NGOs, il-fundazzjonijiet, il-mutwalitajiet, il-kooperattivi, l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tal-familja jew tal-konsumatur), jistgħu jagħmlu kuntratti mal-awtoritajiet pubbliċi biex jaqdu rwol deċiżiv fl-ippjanar, is-segwitu, fl-għoti tas-servizzi u għandhom jibbenefikaw mill-għajnuna pubblika, l-iktar fil-każ tal-pajjiżi inqas żviluppati.

3.   Id-drittijiet tal-bniedem, l-involviment tas-soċjetajiet ċivili, id-demokratizzazzjoni u l-istabbiliment ta’ kuntratti/sħubija bejn l-atturi, fil-qalba tal-aġenda għal wara l-2015

3.1

Id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, il-bażi tat-tranżizzjonijiet lejn soċjetajiet inklużivi u ekonomiji sostenibbli. L-appoġġ permanenti għall-isforzi tad-demokratizzazzjoni għadu l-aħjar triq lejn soċjetajiet trasparenti u li huma responsabbli lejn iċ-ċittadini tagħhom. Fis-soċjetajiet miftuħa tas-Seklu 21, ma tista’ tinkiseb l-ebda bidla mifruxa mingħajr il-parteċipazzjoni, ir-responsabbiltà, is-sħubija u l-koresponsabbiltà tal-atturi konċernati. Fil-qafas tal-istrument finanzjarju għall-promozzjoni tad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Komunikazzjoni dwar ir-rwol tas-soċjetajiet ċivili fl-iżvilupp, il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-importanza kbira li ngħatat lill-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili indipendenti (15), ħaġa li tippermetti wkoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni minn kwalunkwe sors, il-garanzija tar-responsabbiltà għaċ-ċittadini, l-involviment tal-atturi ekonomiċi fl-istudji tal-impatt, fis-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali jew il-konsolidazzjoni tal-kapaċità għat-twissija tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa jew anke l-appoġġ tad-difensuri tal-ambjent.

3.2

It-trasparenza u d-dejn tal-pajjiżi msieħba, elementi fundamentali tal-aġenda futura. L-MDG u l-aġenda għall-effikaċja tal-għajnuna li rriżultat minnhom (il-Prinċipji ta’ Pariġi, Accra, Busan) ikkontribwew għat-tisħiħ tad-dejn fil-pajjiżi msieħba u l-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet partikolari tal-pajjiżi fraġli. Madankollu, biex jiġu korreġuti n-nuqqasijiet maġġuri tal-kooperazzjoni, l-aġenda futura għandha tippermetti lill-pajjiżi benefiċjarji li jkunu atturi fuq livell indaqs mal-pajjiżi donaturi. L-ewwel nett għandu jitqies l-aspett speċifiku tas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti interni jew ta’ gwerra u l-fraġilità relatata mal-katastrofijiet naturali billi jitħejjew reazzjonijiet speċifiċi għal dawn il-pajjiżi permezz ta’ għanijiet stabbiliti minn qabel u prijoritarji għall-irkupru tal-istituzzjonijiet u l-garanzija tas-sigurtà, il-pulizija u l-ġustizzja.

3.3

Kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet u l-iżvilupp tal-iskambji ta’ partijiet interessati u n-netwerks internazzjonali. L-approċċ li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ ħafna atturi jħeġġeġ lill-imsieħba tal-iżvilupp tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar imorru lil hinn mill-qafas diplomatiku tradizzjonali ta’ impenji bejn il-gvernijiet. Viżjoni iktar inklużiva tas-soċjetà ċivili tiddependi mill-istabbiliment ta’ kuntratti jew sħubija formalizzata b’kuntratt tal-għanijiet u l-mezzi bejn id-diversi atturi. Din il-viżjoni tissarraf f’kunsiderazzjoni tal-inizjattivi tal-bliet u l-awtoritajiet lokali (in-netwerks ta’ bliet ekoloġiċi, il-moviment tal-bliet fi tranżizzjoni), kif ukoll dawk tal-NGOs (id-diplomazija nongovernattiva bħal dik fis-Summit ta’ Rio) jew tal-intrapriżi ta’ kull forma (id-dinja tal-kummerċ bħan-netwerks ta’ intrapriżi responsabbli jew tal-ekonomija soċjali) jew il-konfederazzjonijiet tal-unjins internazzjonali (atturi ewlenin biex jitwettaq l-għan tax-xogħol diċenti) jew anki l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka sa mit-tfassil tal-għanijiet imma anke għall-implimentazzjoni u s-segwitu tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li fl-aġenda futura jiġu rikonoxxuti u żviluppati l-ftehimiet kuntrattwali bejn l-imsieħba privati u pubbliċi u dawk assoċjati mingħajr ma jiġu injorati l-ħafna inizjattivi ta’ solidarjetà internazzjonali li jinbtu miċ-ċittadini stess. L-integrazzjoni ta’ din id-diversità ta’ atturi fuq livell indaqs hija kundizzjoni essenzjali għal governanza iktar effikaċi u iktar inklużiva li tqis leħen l-ifqar persuni.

3.4

Għalhekk, il-Kumitat, bħal għadd kbir ta’ osservaturi oħrajn, jirrakkomanda li jsir titjib kruċjali fir-rigward tal-governanza tajba u l-istituzzjonijiet demokratiċi biex jiżdiedu l-allokazzjonijiet lill-pajjiżi msieħba u tissaħħaħ l-istrateġija nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp. Bis-saħħa tal-MDG ċerti soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw setgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom bħala atturi jew li jistaqsu lill-gvernijiet tagħhom dwar l-għażliet ta’ investiment u nfiq pubbliku. Fl-aġenda futura iktar inklużiva, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tissaħħaħ fit-tħejjija ta’ dawn id-dokumenti strateġiċi dwar it-tnaqqis tal-faqar u twassal biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għax-xogħol diċenti jew il-protezzjoni soċjali filwaqt li jakkwistaw esperjenza speċifika u kapaċità għall-ippjanar, elementi li jikkontribwixxu għal governanza aħjar tal-pajjiżi. Il-Kumitat jirrakkomanda li parti minn din l-għajnuna tiġi allokata lill-kummerċ biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam kummerċjali sabiex jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-kummerċ u s-sigurtà alimentari fl-istrateġija nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp.

4.   Nibnu mill-ġdid kunsens ġenerali għal bidla fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli

4.1

Il-governanza dinjija u l-finanzjament tal-beni pubbliċi ambjentali, soċjali jew ekonomiċi. Peress li jikkonċernaw lill-pjaneta sħiħa, il-beni jew is-servizzi huma rikonoxxuti f’din il-Komunikazzjoni bħala “l-pilastri tal-ħajja” bħall-arja, l-ilma, l-oċeani, l-ekosistemi, ix-xogħol diċenti, il-protezzjoni soċjali, is-sigurtà alimentari jew ir-regoli kummerċjali. Dawn ilkoll jinstabu fl-anness. Dawn il-beni pubbliċi dinjija (16) għandhom jiġu integrati fl-aġenda għal wara l-2015 mill-politiki pubbliċi dinjija dwar it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jiġu indirizzati f’qafas globali koordinat imma b’mod partikolari għandhom jiġu appoġġjati minn impenji internazzjonali konvenzjonali, u minn finanzi u azzjonijiet nazzjonali, maqsuma f’għadd kbir ta’ attivitajiet kollettivi u individwali iktar fil-livell lokali.

4.2

Id-diversità ta’ finanzjamenti dinjija adattati għall-bidla fl-approċċ sal-2050. Skont in-Nazzjonijiet Uniti mat-EUR 800 biljun fis-sena ser ikunu meħtieġa biex jiġu indirizzati b’mod sostenibbli l-faqar u l-isfidi ambjentali, jiġifieri 1,5 % tal-PDG dinji. L-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tkopri biss 10-15 % ta’ dawn il-bżonnijiet finanzjarji internazzjonali. Ir-riżorsi nazzjonali u internazzjonali ser ikunu indispensabbli. Fil-qafas tal-Komunikazzjoni futura dwar is-sorsi ta’ finanzjament, għandha tiġi indirizzata serjament il-kwistjoni tar-riżorsi fiskali internazzjonali li jippermettu li tittieħed l-azzjoni fit-trasparenza u l-previdibbiltà tal-fondi neċessarji biex jinqered il-faqar, biex jiġi preservat l-ambjent u biex jiġu ġestiti l-beni pubbliċi dinjija. Il-finanzi innovattivi u t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, li jippreċedu politika ta’ dan it-tip, għandhom jingħataw prijorità f’dawn l-isfidi globali. Barra mill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi fiskali domestiċi u l-approċċ lejn l-attività produttiva tar-ritorn tal-flus tal-migranti, għad hemm kundizzjoni indispensabbli biex isir progress lejn l-għanijiet determinati lokalment.

4.3

Iktar impjiegi f’ekonomija ekoloġika u inklużiva. It-tnaqqis fl-attività ekonomika qed jhedded serjament it-twettiq tal-MDG fl-2015 minħabba l-impatt profond tiegħu fuq l-impjiegi u l-intrapriżi. Iżda l-kriżi taf tkun l-okkażjoni biex tittieħed iktar azzjoni favur ekonomija ekoloġika kapaċi li tixpruna bidliet fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-Patt Dinji għall-impjieg tal-ILO huwa strument ġdid biex jitħaffef l-approċċ b’ħafna impjiegi billi jistimula d-domanda għax-xogħol u l-kwalifiki, billi jistabbilixxi bażi ta’ protezzjoni soċjali fil-livell dinji u jintegra s-settur informali mal-livell nazzjonali tax-xogħol diċenti.

4.4

L-agrikoltura dinjija hija injorata b’mod partikolari mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali waqt dan l-eżerċizzju tal-Millennju. Hemm urġenza assoluta li jiġu bbilanċjati mill-ġdid l-investimenti li jwasslu għall-impjiegi favur l-agrikoltura tal-familji u dik agrobijoloġika.

4.5

Ir-rwol tal-intrapriżi fit-tranżizzjoni lejn rapport annwali ta’ sostenibbiltà. Fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, is-settur privat huwa rrappreżentat mill-Patt Dinji li nħoloq fl-2000 biex jagħmel ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva strument għall-MDG. Il-Patt Dinji llum jiġbor fi ħdanu 8 700 intrapriża b’attività f’130 pajjiż li appoġġjaw impenn fid-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-impenji volontarji, permezz tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-intrapriżi jistgħu jaqdu rwol maġġuri fil-ktajjen tas-sottokuntrattar. Il-Kumitat iqis li l-inizjattivi tad-disinn ekoloġiku, il-produzzjoni ekoloġika, l-għaqal ekoloġiku jew il-kummerċ ġust kif ukoll dawk effiċjenti fl-użu tar-riżorsi naturali huma soluzzjonijiet innovattivi għat-twettiq tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (17). Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni inkluża fid-Dikjarazzjoni ta’ RIO+20 li tipprevedi t-tifrix tar-rappurtar sostenibbli permezz ta’ “Corporate Sustainability Report” annwali provdut mill-intrapriżi flimkien mar-rapport finanzjarju.

5.   L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli: ir-responsabilizzazzjoni u l-appoġġ għall-atturi mis-settur privat

5.1

Minkejja t-tentazzjoni ta’ ritorn għall-protezzjoniżmu fil-bidu tal-kriżi, is-sistema internazzjonali b’mod ġenerali evitat il-prattiki kummerċjali restrittivi. Iżda l-imblokk tan-negozjar multilaterali tal-hekk imsejjaħ “Żvilupp” ħoloq skuntentizza profonda fir-rigward tad-diverġenzi fl-interess meta mqabbla mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-pajjiżi emerġenti huma l-ikbar benefiċjarji taż-żieda fl-iskambji filwaqt li dawn jenfasizzaw l-inugwaljanzi interni ħlief f’xi pajjiżi bħall-Brażil minħabba politika ridistributtiva u l-ġlieda kontra l-faqar.

5.2

Għall-kuntrarju, il-ftuħ kummerċjali ma ġabx ir-riżultati mistennija f’għadd ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom rikkezza ta’ prodotti agrikoli u materja prima imma b’nuqqas ta’ diversifikazzjoni, trasformazzjoni u infrastruttura. Il-Kumitat jiddeplora l-imblokk fil-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika mal-pajjiż tal-AKP. Il-Kumitat jenfasizza li l-aċċess preferenzjali  (18) tal-UE għall-pajjiżi l-inqas żviluppati wassal għal riżultati ferm modesti filwaqt li l-għajnuna għall-kummerċ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, tip ta’ kooperazzjoni multilaterali, qed issir dejjem iktar importanti. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ mod kif il-kummerċ jiġi ffaċilitat li diġà ġie miftiehem mid-WTO favur il-pajjiżi inqas żviluppati u li jiġi promoss il-ftuħ kummerċjali ġenerali mingħajr dazji u mingħajr kwoti tal-pajjiżi emerġenti fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati.

5.3

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tintegra strutturalment il-prinċipji tad-dritt għall-ikel  (19) fil-prattiki kummerċjali tagħha u li tniedi azzjoni ta’ konċertazzjoni adattata fi ħdan l-MDG u fl-imsieħba soċjali kummerċjali l-kbar biex dawn il-prinċipji jsiru parti integrali tal-politiki kummerċjali multilaterali u bilaterali. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu liberalizzati l-prodotti u s-servizzi ambjentali diżassoċjati mill-ftehim potenzjali ta’ Doha kif ukoll li jiġu faċilitati t-trasferimenti tat-teknoloġiji ekoloġiċi fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali (20).

5.4

L-atturi ekonomiċi u anke l-infrastrutturi għandu jkollhom direzzjoni soda fl-iżvilupp sostenibbli. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi  (21) u n-netwerks tal-iskambju jikkostitwixxu lieva kemm biex jinġibed l-investiment barrani kif ukoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-SMEs, tiġi promossa l-industrija tal-konverżjoni tal-materja prima u jiġi żviluppat il-kummerċ elettroniku.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Konferenza tal-KESE ta’ Frar 2012 “Il-Pensjonijiet sostenibbli, ejjew inkunu responsabbli! Is-soċjetà ċivili fit-triq lejn Rio”.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Rio+20: riżultat u perspettivi” (opinjoni supplimentari), ĠU C 44, 15.2.2013, p. 64-67.

(3)  Żvilupp u kooperazzjoni-EuropeAid.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (Ara paġna 18 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn dimensjoni soċjali tal-Unjoni ekonomika u monetarja Ewropea”, (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

(6)  Opinjoni tal-KESE — Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew, relatur: Peel, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150–154.

(7)  Fil-livell internazzjonali, “Beyond 2015” hija pjattaforma ta’ assoċjazzjonijiet tal-iżvilupp li qed torganizza kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ dan id-dibattitu u tiġbor il-kontributi f’dan is-sit: www.beyond2015.org

(8)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE”, relatur: Le Nouail Marlière, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 6–10.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari”, relatur: Campli, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1-9.

(10)  Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp 2013 “Après 2015: une action mondiale pour un avenir inclusif et durable ” (Wara l-2015: azzjoni dinjija għal ġejjieni inklużiv u sostenibbli).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Nikkollegaw “il-ġżejjer tal-enerġija” mal-UE: it-tkabbir, il-kompetittività, is-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-suq uniku Ewropew tal-enerġija”, relatur: Coulon, ĠU C 44, 15.2.2013, p. 9–15.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea”, relatur: Zufiaur, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 82–86.

(13)  L-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp 2010-2015.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu - l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, relatur: Palmieri, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14–20.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja”, relatur: Iuliano, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 81-83.

(16)  L-anness tal-Komunikazzjoni jagħti tipoloġija tal-beni pubbliċi dinjija ewlenin.

(17)  Studju Concord: Il-kontribut tas-settur privat għall-iżvilupp, Diċembru 2012.

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati”, relatur: Peel, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 82-88.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari”, relatur: Campli, korelatur: Peel, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1-9.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ internazzjonali u t-tibdil fil-klima”, relatur: Pichenot, ĠU C 21, 21.1.2011, p. 15–20.

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-istrateġija UE-Afrika”, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156.


Top