This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE0472
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the European Economic and Social Committee — A new European approach to business failure and insolvency’ COM(2012) 742 final and on the ‘Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council amending Council Regulation (EC) No 1346/2000 on insolvency proceedings’ COM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza” COM(2012) 742 final final u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment” COM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza” COM(2012) 742 final final u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment” COM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)
ĠU C 271, 19.9.2013, p. 55–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 271/55 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza”
COM(2012) 742 final
final u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment”
COM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)
2013/C 271/10
Relatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE
Nhar it-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza
COM(2012) 742 final.
Nhar il-15 ta’ Jannar 2013 u l-5 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment
COM(2012) 744 final – 2012/0360 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April 2013.
Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013. (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Konklużjonijiet ġenerali
1.1.1 |
L-Ewropa għaddejja minn kriżi ekonomika u soċjali kbira, li l-effetti tagħha għandhom impatt dirett fuq il-livelli kollha tas-soċjetà. |
1.1.2 |
L-iffaċilitar tas-sopravivenza tal-intrapriżi hija fost il-miżuri li l-Unjoni Ewropea identifikat biex toħroġ minn dan l-istaġnar. Il-fallimenti fil-fatt għandhom riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi kkonċernati; huma jolqtu wkoll b’mod globali l-ekonomija tal-Istati Membri, u b’mod iktar partikolari ċ-ċittadin bħala kontribwent, impjegat u impjegatur. |
1.1.3 |
Il-KESE jaqbel mal-miri li jidhru fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għalkemm huwa tal-fehma li “ċ-ċans ieħor” li jissemma fiha għandu jkun ta’ benefiċċju għall-intraprendituri li tgħallmu mill-falliment preċedenti tagħhom u huma kapaċi li jibdew mill-ġdid abbażi ta’ proġett intraprenditorjali maħsub mill-ġdid. |
1.1.4 |
Huwa jappoġġja wkoll il-Proposta għal Regolament, iżda jiddispjaċih li dan mhuwiex ambizzjuż biżżejjed. |
1.1.5 |
Fil-fatt, għad iridu jitwettqu diversi riflessjonijiet u azzjonijiet konkreti, biex jitħarsu d-drittijiet tal-kredituri, filwaqt li jsir sforz biex jinsab bilanċ bejn l-interessi tal-intraprendituri u tal-impjegati, titħeġġeġ ir-ristrutturazzjoni tal-intrapriżi, jiġi impedut il-forum shopping u titjieb il-koordinazzjoni tal-proċedimenti ta’ falliment ta’ gruppi ta’ intrapriżi. |
1.2 Rakkomandazzjonijiet dwar il-Komunikazzjoni
1.2.1 |
Il-KESE jqis li l-punti ta’ riflessjoni għal armonizzazzjoni sostanzjali tal-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi huma interessanti, anke jekk huwa jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ rispons effettiv għall-kriżi ekonomika u soċjali li għaddejjin minnha l-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej. |
1.2.2 |
Il-KESE jippreferi l-idea ta’ bidu ġdid – “fresh start”– kunċett prinċipali tal-liġi Amerikana dwar l-insolvenza, milli l-idea ta’ “ċans ieħor” li tappoġġja l-Kummissjoni. Barra minn dan, huwa jistedinha tirrifletti fuq il-kontribut ta’ din l-idea għal-liġi Ewropea dwar l-insolvenza. |
1.2.3 |
Huwa jqis ukoll li l-impjegat għandu jkun protett aħjar, u għandu jkun jista’ jingħata r-rwol ta’ kreditur privileġġjat. |
1.2.4 |
Il-kwistjoni ta’ assistenza mhux adatta li tingħata lill-intrapriżi f’diffikultà għandha wkoll tkun parti mir-riflessjoni, u f’dan ir-rigward il-KESE jenfasizza li din ir-responsabbiltà tista’ taqa’ wkoll fuq persuni oħra apparti l-banek. Għaldaqstant, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tħares lejn dawn il-parametri skont il-valur ġust tagħhom. |
1.2.5 |
Huwa jqis li l-kriminalizzazzjoni tal-liġi tal-insolvenza mhijiex mixtieqa, għax din iżżid il-proċeduri ġudizzjarji tal-proċedimenti tal-insolvenza u ttawwal iż-żmien tal-investigazzjoni. |
1.2.6 |
Huwa jidhirlu li r-rikors sistematiku quddiem l-imħallef mhuwiex l-aqwa soluzzjoni. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq l-idea li jinħolqu opportunitajiet ġodda, pereżempju marbuta mas-settur tal-ekonomija, iffurmati minn grupp multidixxiplinari (mill-kamp ekonomiku, finanzjarju, ġuridiku) li jgħinu aktar biex jifhmu aħjar u jkun hemm azzjoni rapida biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom. |
1.2.7 |
Fl-aħħar nett, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-proposti relatati mal-armonizzazzjoni tal-istatut tal-likwidatur, hekk kif jirriżultaw mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Ottubru 2011 (1). |
1.3 Rakkomandazzjonijiet dwar il-Proposta għal Regolament
1.3.1 |
Il-KESE jappoġġja l-Proposta għal Regolament, anke jekk din hija limitata għal regoli ta’ proċedura, u li din ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-każijiet ta’ insolvenza tal-intrapriżi. |
1.3.2 |
Huwa jirrikonoxxi l-obbligu li ngħata lill-Istati Membri li dawn itejbu r-regoli ta’ pubbliċità permezz ta’ reġistru elettroniku, deċiżjonijiet ġudizzjarji pertinenti li jingħataw fi kwistjonijiet ta’ insolvenza transkonfinali, u l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-insolvenza. |
1.3.3 |
Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex madankollu tqis li r-responsabbiltà, l-ispejjeż u ż-żminijiet tat-traduzzjonijiet ma jżommux lura l-proċedimenti tal-insolvenza, għaliex il-ħeffa tiggarantixxi s-suċċess tagħhom. |
1.3.4 |
Huwa jappoġġja l-integrazzjoni tal-proċedimenti ċivili ta’ dejn, iżda din iż-żieda ma għandhiex tkun favorevoli għad-debituri individwali. Fil-fatt, liġi mfassla għall-intrapriżi, maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kummerċ, fiha nnifisha tagħti anqas protezzjoni mil-liġi dwar il-konsum. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lil dan is-suġġett. |
1.3.5 |
Fl-aħħar nett, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja li r-rikors għall-proċedura ta’ delega biex jiġu modifikati annessi għar-Regolament iqis l-Artikolu 290 tat-TFUE u l-kontribut tal-ġurisprudenza fuq l-idea ta’ “miżuri essenzjali”. |
2. Introduzzjoni
2.1 L-għan tal-Pakkett tal-Insolvenza
2.1.1 |
L-inizjattivi ta’ dan il-pakkett leġislattiv jiffurmaw parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi ekonomika u soċjali li qed tolqot lill-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. L-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-intrapriżi jissopravivu u li jagħtu ċans ieħor lill-intraprendituri li qed jiffaċċjaw l-insolvenza. |
2.1.2 |
L-approċċ magħżul tal-Kummissjoni Ewropea jikkonsisti f’li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (2) tad-29 ta’ Mejju 2000 li huwa magħruf bħala r-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment u li essenzjalment jikkonċerna r-regoli tal-liġi internazzjonali privata li japplikaw fil-proċeduri transkonfinali ta’ falliment u li tinbeda konsultazzjoni abbażi tal-Komunikazzjoni bit-titolu: “Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza tal-intrapriżi”. |
2.1.3 |
Il-KESE ddeċieda li jagħti l-fehma tiegħu dwar iż-żewġ testi f’Opinjoni waħda. |
2.2 Il-Proposta għal Regolament (3)
2.2.1 |
Minħabba li tqis li r-Regolament dwar il-proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 huwa skadut, u wara l-identifikazzjoni tal-ħames nuqqasijiet prinċipali tiegħu (4), il-Kummissjoni qed tipproponi li dan it-test jiġi rivedut. |
2.3 Il-Komunikazzjoni
2.3.1 |
Din tistqarr sew li l-Proposta għal Regolament tat-12 ta’ Diċembru 2012 hija limitata għall-aġġornament tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 u għalhekk tagħraf u tikkoordina biss ir-regoli dwar il-proċedimenti li japplikaw fil-każ ta’ fallimenti nazzjonali, u dan mingħajr armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali applikabbli f’każijiet ta’ falliment ta’ intrapriżi. |
2.3.2 |
Hija tfittex li tikkoreġi dan in-nuqqas billi tipproponi punti ta’ tluq għal riflessjoni bil-għan li tiġi żgurata armonizzazzjoni sostanzjali tal-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi filwaqt li jiġu koperti biss każijiet transkonfinali ta’ insolvenza. |
3. Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-Komunikazzjoni
3.1 Il-filosofija tal-approċċ il-ġdid
3.1.1 |
Din hija bbażata fuq il-bżonn li tagħti ċans ieħor lill-intraprendituri u żżomm l-impjiegi. |
3.1.2 |
Il-KESE jqis li l-fallimenti tal-intrapriżi, bħall-ħolqien tal-intrapriżi, huwa parti miċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika u d-dinamika tas-suq. Għalhekk ma jkunx korrett li nqisuhom bħala ħażen li għandu jiġi evitat għal kwalunkwe prezz. |
3.1.3 |
Fuq l-istess linji, il-KESE huwa tal-fehma li “ċ-ċans ieħor” li ssemmi l-Kummissjoni għandu jingħata lill-intraprendituri li tgħallmu mill-falliment preċedenti tagħhom u huma kapaċi li jibdew mill-ġdid abbażi ta’ proġett intraprenditorjali maħsub mill-ġdid. |
3.1.4 |
Jenfasizza wkoll li l-kawżi ta’ fallimenti tal-intrapriżi jistgħu jkunu interni, bħal ġestjoni ħażina, iżda jistgħu jkunu wkoll esterni, jiġifieri ġejjin minn regolamentazzjoni eċċessiva u mhux adatta. F’dan il-kuntest għalhekk l-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ leġislatur fil-qafas tas-swieq pubbliċi u bħala l-awtorità kontraenti, huwa sa ċertu punt responsabbli għall-fallimenti (5). |
3.1.5 |
Il-KESE jippreferi l-idea ta’ “fresh start”, kunċett prinċipali tal-liġi Amerikana dwar l-insolvenza (6), milli l-idea ta’ “ċans ieħor” li tappoġġja l-Kummissjoni. Il-kunċett ta’ “fresh start” huwa iktar kulturali milli legali li jimplika li d-debituri, taħt ċerti kundizzjonijiet, jinħelsu mir-responsabbiltà personali tad-dejn tagħhom. L-istadju tad-deċiżjoni ġudizzjarja li jiddikjara l-intrapriża falluta għalhekk jiġi evitat u d-debitur jista’ jibda proġett ġdid mingħajr ma jiġi identifikat bħala fallut. |
3.1.6 |
Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni tagħti l-impressjoni li l-kunċett tagħha ta’ “ċans ieħor” jikkonsisti f’kontinwazzjoni tal-attività. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, ikun kontraproduttiv li l-intrapriżi jinżammu artifiċjalment fis-sistema ekonomika billi jingħataw “ċans ieħor”, jekk il-mudell li kienu għażlu wera li ma kienx vijabbli. |
3.1.7 |
Dan ikollu impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-kredituri u l-fornituri u fl-aħħar mill-aħħar anke fuq kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-operaturi ekonomiċi. |
3.2 Il-KESE jappoġġja l-approċċ Amerikan lejn il-liġi tal-insolvenza u, fil-fehma tiegħu, il-kunċett ta’ “fresh start” għandu jiġi valutat qabel ma l-każ jiġi referut quddiem l-imħallef.
4. Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-Komunikazzjoni
4.1 Lejn armonizzazzjoni effikaċi
4.1.1 |
Id-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza huma sors ta’ żvantaġġi kompetittivi b’mod partikolari għall-intrapriżi li joperaw fuq livell transkonfinali, u li dawn il-problemi jistgħu jfixklu l-irkupru ekonomiku. |
4.1.2 |
Dawn id-differenzi jwasslu għat-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) u konsegwentement għal suq intern iktar dgħajjef. |
4.1.3 |
Il-KESE jingħaqad mal-Parlament Ewropew (7) fit-talba tiegħu għall-armonizzazzjoni ta’ ċerti oqsma tal-liġi dwar l-insolvenza. |
4.1.4 |
Il-Parlament jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex abbażi tal-Artikoli 50, 81(2) jew tal-Artikolu 114 tat-TFUE tippreżenta proposta leġislattiva waħda jew iktar dwar qafas Ewropew reali tal-insolvenza tal-intrapriżi li ma jkunx limitat biss għal sempliċi regoli ta’ proċedura tal-liġi internazzjonali privata. |
4.1.5 |
Fil-fatt, il-każijiet ta’ insolvenza għandhom riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi kkonċernati; huma jolqtu wkoll b’mod globali l-ekonomija tal-Istati Membri u b’mod iktar partikolari ċ-ċittadin bħala kontribwent, impjegat u impjegatur. |
4.2 Il-ħarsien tad-drittijiet tal-kredituri
4.2.1 |
Oriġinarjament, il-proċedimenti kollettivi kellhom l-għan li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kredituri, iżda maż-żmien l-għan tagħhom sar il-kontinwità tal-intrapriża, iż-żamma tal-impjieg u l-ħlas tad-dejn. Reċentement, it-tendenza leġisattiva fl-Ewropa saret il-prevenzjoni tal-problemi tal-intrapriża qabel is-suspensjoni tal-pagamenti. |
4.2.2 |
Il-kredituri jibżgħu mill-ftuħ ta’ proċediment kollettiv kontra d-debitur, għaliex dan ma jqisx il-fatt jekk l-ammonti dovuti humiex se jitħallsu. L-ewwel frustrazzjoni ġejja mill-fatt li ħafna drabi l-ftuħ ta’ proċediment kollettiv jipprojbixxi lid-debitur milli jitfittex għal kwalunkwe pretensjoni li tkun saret qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ u jissuspendi t-talba li jsir tiftix. Kull kreditur għandu għalhekk jiddikjara l-pretensjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien legali (8). |
4.2.3 |
It-tieni frustrazzjoni tal-kreditur tirriżulta mill-każ ta’ nuqqas ta’ assi; fil-prattika, sikwit ikun propost lill-kredituri matul proċediment kollettiv li jagħżlu bejn ħlas immedjat fejn huma jkollhom jabbandunaw parti mhux negliġibbli tad-dejn dovut lilhom, u bejn tqassim tal-ħlas ta’ dan id-dejn fuq perjodu ta’ żmien identifikat. |
4.2.4 |
Ix-xenarju ideali għall-kreditur għalhekk huwa li jevita kull sitwazzjoni ta’ falliment, pereżempju billi jkunu garantiti ċerti operazzjonijiet matul il-konklużjoni ta’ kuntratt, fejn tintalab li jingħataw garanziji permezz ta’ persuni terzi (9) jew billi jintalbu garanziji, pleġġijiet jew ipoteki fuq l-assi tal-intrapriża (10). |
4.3 Trattament aħjar tal-impjegati fil-proċedimenti ta’ insolvenza
4.3.1 |
L-impjegati jkunu l-ewwel vittmi meta tfalli l-intrapriża tagħhom. Il-pagi mhux dejjem joħorġu qabel il-likwidazzjoni u s-sitwazzjonijiet finanzjarji personali tagħhom ikunu diffiċli matul dan il-perjodu ta’ inċertezza. |
4.3.2 |
Il-ftuħ ta’ proċedimenti kollettivi ħafna drabi jinvolvi l-ħatra ta’ rappreżentant tal-impjegati, li l-kompitu tiegħu jkun li jikkontrolla l-informazzjoni dwar il-pagi dovuti. Apparti l-kompiti tas-soltu tar-rappreżentazzjoni tal-impjegati fl-intrapriża, dan jinvolvi wkoll l-iskambju tal-informazzjoni fost il-persunal, it-tribunal u l-partijiet involuti fil-proċediment. |
4.3.3 |
L-ammonti dovuti lill-impjegati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti kollettivi għandhom jiġu inklużi fid-dejn tal-intrapriża. Madanakollu, din il-miżura ġenerali fil-fatt xejn ma hi ċara minħabba d-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali. Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kredituri, il-kwistjoni tal-proċedimenti kollettivi hija waħda inċerta ħafna għall-impjegati. |
4.3.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-impjegati għandhom jiġu mħarsa aħjar u jiġu trattati ta’ kredituri privileġġjati u jqis għalhekk li l-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tkun utli. |
4.4 Il-prevenzjoni tal-appoġġ mhux adatt tal-intrapriżi f’qagħda ħażina
4.4.1 |
Il-prattiki kummerċjali ta’ ċerti stabbilimenti finanzjarji jistgħu jwasslu f’li jiġu appoġġjati intrapriżi li diġà jinsabu f’qagħda kompromessa b’mod irreversibbli. Huma joħolqu wkoll l-apparenza ta’ solvenza, ħaġa li xxekkel il-kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq u titfa’ dell ikrah fuq l-immaġni tas-settur bankarju. |
4.4.2 |
Il-KESE jenfasizza li r-responsabbiltà tal-assistenza abużiva tista’ tkun ta’ persuni oħra u mhux biss tal-banek, fosthom l-Istat. Barra minn hekk, l-imħallfin nazzjonali għalhekk xi drabi jqisu li ċerti fornituri jew klijenti tal-intrapriża jistgħu jinżammu responsabbli meta bl-attitudni tagħhom jipprovdu assistenza abużiva għall-attività ta’ intrapriża li kienu jafu li kienet f’sitwazzjoni kompromessa b’mod irreversibbli. |
4.4.3 |
Dawn il-parametri għandhom jitqiesu wkoll skont il-valur ġust tagħhom sabiex tiġi armonizzata l-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi. |
4.5 Il-każ partikolari ta’ fallimenti frodulenti
4.5.1 |
Il-biċċa l-kbira tal-fallimenti tal-intrapriżi jseħħu għal raġunijiet oġġettivi mingħajr l-ebda mġiba frodulenti min-naħa tad-diriġenti tagħhom. |
4.5.2 |
Madankollu l-fenomenu tal-fallimenti frodulenti ma jistax jiġi injorat. Il-Kummissjoni rreferiet għal dan bosta drabi fil-Komunikazzjoni tagħha (11), u tissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn il-fallimenti onesti u l-fallimenti diżonesti. Hija tgħid li debitur li b’mod volontarju jew irresponsabbli ma jikkonformax mal-obbligi legali għandu jkun soġġett għal sanzjonijiet ċivili jew prosekuzzjoni kriminali. Hija temmen li l-proċedimenti ta’ stralċ tal-fallimenti onesti għandhom jiġu aċċellerati. |
4.5.3 |
Il-KESE jinsab konvint li l-armonizzazzjoni taż-żmien ta’ kwittanza u perjodu pjuttost qasir ta’ dan tal-aħħar ikunu adegwati, b’mod partikolari fl-interess tal-impjegati iżda jibqa’ dubjuż fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-proċedimenti ta’ falliment abbażi tal-onestà tad-diriġenti għaliex dan iżid il-proċeduri ġudizzjarji tal-proċedimenti ta’ falliment, tagħtihom natura penali u ttawwal iż-żmien tal-investigazzjoni. |
4.5.4 |
Din il-kriminalizzazzjoni tal-liġi tal-insolvenza mhix mixtieqa. Skont il-KESE, ir-rikonoxximent tan-natura frodulenti tal-falliment għandu jseħħ fi proċedura distinta mill-proċediment tal-insolvenza. |
5. Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-Proposta għal Regolament
5.1 |
Il-KESE jilqa’ t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament biex jinkludi l-proċedimenti ibridi u ta’ qabel l-insolvenza, il-proċedimenti tal-kwittanza tad-dejn kif ukoll il-proċedimenti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi. |
5.2 |
Huwa jilqa’ wkoll il-kjarifika taċ-ċirkostanzi li jippermettu l-preżunzjoni li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jkun jinstab fil-post tal-uffiċċju rreġistrat. |
5.3 |
It-titjib fis-sistema proċedurali li jippreċiża l-kamp tal-intervent tal-ġurisdizzjoni kompetenti għall-azzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment, jew li huma marbuta mill-qrib, bħall-azzjonijiet ta’ evażjoni, huwa pożittiv ukoll. |
5.4 |
Il-fatt li l-proċedimenti sekondarji mhumiex neċessarjament proċedimenti ta’ stralċ, u li l-ftuħ tagħhom jista’ jiġi rifjutat meta dawn ma jkunux meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri lokali, huwa parti wkoll mit-titjib tar-regolament, bħall-estensjoni tal-kooperazzjoni bejn proċediment prinċipali u sekondarju. |
5.5 |
L-obbligu għall-Istati Membri li jtejbu r-regoli tal-pubbliċità, li permezz ta’ reġistru elettroniku jrendu aċċessibbli għal kulħadd id-deċiżjonijiet pertinenti li jkunu ngħataw mill-ġurisdizzjonijiet f’każijiet ta’ insolvenza transkonfinali u l-interkonnessjoni bejn ir-reġistri nazzjonali tal-insolvenza, huma wkoll ideat interessanti. |
5.6 |
Il-KESE madankollu jistaqsi dwar ir-responsabbiltà, l-ispejjeż u ż-żminijiet tat-traduzzjonijiet, u jfakkar li l-ħeffa tiggarantixxi s-suċċess tal-proċediment. |
5.7 |
Fl-aħħar nett, huwa jilqa’ l-obbligu tal-ġurisdizzjonijiet u tal-likwidaturi li jikkooperaw fil-proċedimenti ta’ insolvenza li jinvolvu lill-membri tal-istess grupp ta’ intrapriżi, għaliex dan jagħti lil-likwidaturi l-mezzi biex ikunu aktar effikaċi. |
6. Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-Proposta għal Regolament
6.1 |
Il-KESE jistaqsi dwar il-koordinazzjoni bejn ir-Regolament KE Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 (12), li ser jissostitwixxi r-Regolament KE Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imsejjaħ “ir-Regolament Brussell I”. Huwa jistaqsi jekk il-Premessa 6 li hija inkluża fil-Proposta għal Pegolament dwar proċedimenti ta falliment tiċċarax biżżejjed il-kriterju ta’ tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-każ Gourdain (13). Fil-fatt, dan il-każ jidher li jagħti interpretazzjoni restrittiva, filwaqt li ċerti azzjonijiet li huma mpoġġija taħt il-kamp tar-“Regolament Brussell I” huma determinanti għall-proċediment ta’ insolvenza Pereżempju, l-użu jew in-nuqqas ta’ użu ta’ klawżola ta’ riserva tal-proprjetà huwa determinanti biex tkun definita l-firxa tal-valur tal-assi tad-debitur. Ir-riżultat huwa importanti fil-rigward tal-għan attribwit li jkunu salvagwardjati l-intrapriżi f’diffikultà, minħabba li r-rikostruzzjoni tal-valur tal-assi huwa l-punt ewlieni għas-suċċess tas-salvataġġ tal-intrapriżi f’diffikultà. |
6.2 |
Fil-każ tal-kooperazzjoni bejn il-likwidaturi, il-Kummissjoni setgħet tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 31 billi tħeġġeġ l-adozzjoni tal-protokolli ta’ ftehim bejn il-likwidaturi. Fil-fatt, id-diversità tal-istatut tal-likwidaturi fl-Istati Membri hija xkiel għall-kooperazzjoni professjonali tagħhom. |
6.3 |
L-iskambji bejn il-likwidaturi u l-ġurisprudenzi għandhom jikkonċernaw l-ewwel nett l-inventarju, id-dejn tad-debitur, id-dikjarazzjoni u l-verifika tal-krediti, kif ukoll ir-regolament kollettiv ikkoordinat tal-kredituri li jidhru fil-pjani negozjati. |
6.4 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni għandha l-għan li tirrikorri għall-proċedura ta’ delega biex temenda l-annessi għar-Regolament, filwaqt li jidher li hemm kwistjoni dwar il-miżuri essenzjali, bħall-idea ta’ proċediment kollettiv jew il-lista ta’ persuni li jaġixxu bħala likwidaturi. |
7. Osservazzjonijiet partikolari, fir-rigward tad-dritt sostantiv tal-insolvenza
7.1 |
Hija meħtieġa armonizzazzjoni tal-kriterji tal-insolvenza. Fil-fatt, f’ċerti Stati Membri, il-proċediment ta’ insolvenza jista’ jseħħ biss meta d-debitur ikun f’qagħda ta’ insolvenza, f’oħrajn, l-insolvenza possibbli fil-futur viċin hija kriterju suffiċjenti. |
7.2 |
Dawn id-diverġenzi jiffavorixxu t-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) u għalhekk għandhom jitwaqqfu. |
7.3 |
Il-ħtieġa ta’ ċertezza legali ssejjaħ ukoll għal armonizzazzjoni tar-regoli relatati mal-produzzjoni ta’ krediti. |
8. L-integrazzjoni tal-proċeduri ċivili ta’ dejn
8.1 |
Il-KESE jappoġġja din il-proposta tal-Kummissjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ Premessa 9 ġdida (14). |
8.2 |
Il-Premessi 9 u 10 tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 jistgħu faċilment jiġu applikati (15). |
8.3 |
Minkejja dan, din l-integrazzjoni ma għandhiex tirriżulta fi żvantaġġ għad-debituri individwali. Fil-fatt, liġi mfassla għall-intrapriżi, maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kummerċ, fiha nnifisha tagħti anqas protezzjoni mil-liġi dwar il-konsum. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex toqgħod partikolarment attenta għal dan. |
8.4 |
Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar armonizzazzjoni tal-liġi tal-falliment tal-individwi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-konsumatur. |
9. L-armonizzazzjoni tal-istatut u l-kompetenzi tal-likwidaturi
9.1 |
Id-diverġenzi nazzjonali dwar l-istatuti u l-kompetenzi tal-likwidaturi jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u b’hekk jikkomplikaw il-proċedimenti ta’ insolvenza transkonfinali (16). |
9.2 |
Huwa fl-interess tal-intrapriżi u tal-irkupru ekonomiku li armonizzazzjoni tal-aspetti ġenerali li jikkonċernaw il-ħtiġijiet fir-rigward tal-kompetenzi u l-missjonijiet tal-likwidatur tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun. Ukoll, il-KESE jingħaqad mal-Parlament Ewropew (17) sabiex jirrakkomanda l-punti ta’ riflessjoni li ġejjin:
|
9.3 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tmur lil hinn minn dak li hija tistipula fl-Artikolu 31 tal-Proposta għal Regolament li huwa limitat biex jikkonferma l-prattika u jibbaża fuq il-kooperazzjoni bejn likwidatur ta’ proċediment prinċipali u likwidatur ta’ proċediment sekondarju. |
10. L-iżvilupp ta’ regolamenti ekstraġudizzjarji għal appoġġ u għal superviżjoni effikaċi tal-intrapriżi
10.1 |
Il-promozzjoni tal-proċedimenti negozjati tippermetti li tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tal-pjani ta’ ristrutturazzjoni tal-intrapriżi. |
10.2 |
Iż-żmien medju tagħhom u r-rata ta’ suċċess ġeneralment osservati fl-Unjoni Ewropea jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ dan l-approċċ. |
10.3 |
Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li r-rikors sistematiku quddiem l-imħallef mhuwiex neċessarjament l-aqwa soluzzjoni. Huwa jappoġġja għalhekk l-idea li jinħolqu opportunitajiet ġodda, pereżempju marbuta mas-settur tal-ekonomija, iffurmati minn grupp pluridixxiplinari (mill-kamp ekonomiku, finanzjarju, ġuridiku) li jgħinu aktar biex jifhmu aħjar u jkun hemm azzjoni rapida biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom. |
10.4 |
Din is-sistema diġà teżisti f’diversi pajjiżi, u tista’ tiġi applikata b’mod ġenerali fi Stati Membri oħra. |
10.5 |
Fl-aħħar nett, ikun utli li l-Kummissjoni tippubblika perjodikament statistika relatata mal-każijiet ta’ insolvenza soġġetti għar-Regolament dwar proċedura ta’ falliment sabiex tkun tista’ tiġi valutata l-effikaċja tas-sistema implimentata. |
Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 – 2011/2006 (INI).
(2) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1 u ĠU C 75, 15.3.2000, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) COM(2012) 744 final, 12.12.2012.
— |
kamp ta’ applikazzjoni limitat wisq; |
— |
il-persistenza tat-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) minħabba nuqqas ta’ konsistenza fl-applikazzjoni tal-kunċett taċ-“ċentru prinċipali tal-interessi tad-debitur”; |
— |
in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-proċedimenti ta’ falliment prinċipali u sekondarji; |
— |
pubbliċità insuffiċjenti tal-proċedimenti ta’ falliment; |
— |
vakwu ġuridiku fir-rigward tal-falliment tal-intrapriżi multinazzjonali; |
— |
il-Kummissjoni tibni fuq il-134 risposta li rċeviet wara konsultazzjoni pubblika li tnediet fid-29 ta’ Marzu 2012, il-konklużjonijiet ta’ studju komparattiv tal-liġi li wettqu l-universitajiet ta’ Heidelberg u ta’ Vjenna u valutazzjoni tal-impatt tax-xenarji differenti għall-għażliet ta’ riforma sabiex tissuġġerixxi jiġu kkoreġuti l-ħames nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fi Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ falliment. |
(5) Pereżempju, regoli dwar is-sigurtà u l-ambjent, li filwaqt li huma leġittimi, jistgħu jostakolaw it-tħaddim tal-intrapriżi. It-termini tal-ħlas li jintużaw mix-xerrej pubbliku, fil-qafas tas-swieq pubbliċi, jikkontribwixxu wkoll għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-intrapriżi.
(6) Thomas H. Jackson,The Fresh-Start Policy in Bankruptcy Law, 98 Harv. L. Rev. 1393 (1985); Charles Jordan Tabb, The Scope of the Fresh Start in Bankruptcy: Collateral Conversions and the Dischargeability Debate, 59 Geo. Wash. L. Rev. 56 (1990).
(7) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 – 2011/2006 (INI).
(8) Il-pretensjonijiet li jiġu ddikjarati mhumiex biss dawk il-pretensjonijiet dovuti jew li ser jiġu dovuti u li jqumu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti iżda anki ċerti pretensjonijiet li jqumu sussegwentement meta jikkorrispondi mas-servizzi provduti qabel id-data tad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti jew li jitqiesu bħala mhux neċessarji għall-proċedimenti.
(9) Bank jew id-diriġent.
(10) Bini, fondi kummerċjali, ditti, eċċ.
(11) Il-punt 3.1: Ċans ieħor għall-intraprendituri f’fallimenti onesti. COM(2012) 742 final.
(12) L-applikazzjoni tar-Regolament ġiet immexxija għall-10 ta’ Jannar 2015, b’mod partikolari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom minħabba l-abolizzjoni tal-exequatur.
(13) Il-Qorti tal-Ġustizzja Gourdain c/Nadler, 22 ta’ Frar 1979.
(14) Il-Premessa 9 “Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċediment ta’ falliment … meta d-debitur ikun persuna naturali jew persuna ġuridika, negozjant jew individwu”.
(15) Barra minn dan, il-liġi ta’ ċerti Stati Membri diġà tipprevedi dan. Fil-Belġju il-proċedura ta’ regolament kollettiv tad-dejn tistipula wkoll il-proċeduri applikabbli għall-konsumaturi (il-Liġi tal-5 ta’ Lulju 1988). Il-Ġermanja ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-proċeduri applikabbli għan-negozjanti u dawk applikabbli għall-individwi (il-Liġi tal-5 ta’ Ottubru 1994).
(16) Fil-fatt, il-likwidatur jista’ jkun uffiċjal jew persuna privata approvata mill-Istat, maħtura mill-imħallef, iżda mħallsa mill-kredituri.
(17) Ir-Rapport tal-11 ta’ Ottubru 2011 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpaniji tal-UE (2011/2006(INI)).