Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3043

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività” COM(2013) 165 final u dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — Koordinazzjoni ex ante ta’ għal riformi maġġuri ta’ politika ekonomika” COM(2013) 166 final

    ĠU C 271, 19.9.2013, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/45


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività”

    COM(2013) 165 final

    u dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — Koordinazzjoni ex ante ta’ għal riformi maġġuri ta’ politika ekonomika”

    COM(2013) 166 final

    2013/C 271/08

    Relatur Ġenerali: is-Sur CROUGHAN

    Nhar l-14 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina - L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività

    COM(2013) 165 final

    U l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina - Koordinazzjoni ex ante ta' għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika

    COM(2013) 166 final.

    Nhar is-16 ta' April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju) li jaħtar lis-Sur CROUGHAN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'152 vot favur, 8 voti kontra u 12-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat jilqa' b'riserva ż-żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni: Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina – L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI)  (1) u Koordinazzjoni ex ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika  (2). Dawn ikomplu d-dibattitu dwar żewġ kwistjonijiet li tqajmu fil-Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew  (3), sabiex jitlesta l-qafas ta' governanza għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

    1.2

    Il-Kumitat jiddispjaċih li dawn jipprovdu biss ftit iżjed dettall għall-kunċetti li diġà ġew spjegati fil-pjan ta' azzjoni, u għaldaqstant huwa diffiċli li ssir valutazzjoni.

    1.3

    Il-Kumitat huwa inkwetat li l-aġenda dwar l-istrumenti ta' governanza ekonomika – li tinkludi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-patt fiskali, il-pakkett ta' sitt proposti leġislattivi, it-“two-pack”, l-Ewropa 2020, is-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR), il-Programmi ta' Stabbilità u ta' Konverġenza, ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, il-Programmi ta' Defiċit Eċċessiv, il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, eċċ. – li diġà hija mimlija mhux ħażin, saret aktar kumplessa, b'relattivament ftit valur miżjud.

    1.4

    Filwaqt li jirrikonoxxi li dawn iż-żewġ proposti jistgħu jkunu ta' għajnuna għal dawk l-Istati Membri li jinsabu f'diffikultà, il-Kumitat jinsab imħasseb li jista' jixxekkel jew jiddewwem l-impatt tagħhom fuq l-irkupru tat-tkabbir u l-kapaċità għaż-żoni li l-aktar għandhom bżonn peress li l-punt fokali ta' tħassib hu li l-miżuri li jittieħdu għandhom jibbenefikaw ukoll iż-żona tal-euro kollha kemm hi.

    1.5

    Il-Kumitat jinsab xettiku li l-Istati Membri jistgħu jaqblu li jintroduċu strument finanzjarju ġdid biex jiffinanzjaw l-Istrument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI) u mhuwiex ċar x'valur miżjud iġib miegħu għall-fondi strutturali eżistenti.

    1.6

    Il-Kumitat jistaqsi kemm, mil-lat ta' sustanza, il-koordinazzjoni ex ante proposta ser iżżid mas-Semestru Ewropew u x'piż addizzjonali ta' burokrazija ser ikun implikat.

    1.7

    Il-Kumitat huwa mħasseb li l-filtri użati għal koordinazzjoni ex ante jistgħu jinterferixxu mat-teħid ta' miżuri ta' riforma minn Stat Membru peress li dawn jibdlu l-kompetittività relattiva fi Stat Membru ieħor.

    1.8

    Il-Kumitat jemmen li m'hemmx lok għal effetti sekondarji permezz ta' swieq finanzjarji fil-koordinazzjoni ex ante, u kull sforz għandu jkun immirat minflok lejn it-twaqqif ta' Unjoni Bankarja.

    1.9

    Il-Kumitat jemmen li l-proposti li għandhom l-għan li l-UEM issir iktar profonda huma ta' importanza kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea; għalhekk, il-Kumitat jixtieq ikompli d-dibattitu u jagħmel proposti fil-ġejjieni hekk kif ikun hemm żviluppi.

    2.   L-Introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI)

    2.1

    Kuntest: F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li ser ikun disponibbli ftehim kuntrattwali u mekkaniżmu ta' solidarjetà bi qbil reċiproku għal dawk l-Istati Membri taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà li jeħtieġu riformi strutturali nazzjonali għall-kompetittività u t-tkabbir iżda li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom ikollha effett indirett negattiv fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Din ser tkun sistema dedikata ta' appoġġ finanzjarju, li għall-bidu ser tkun finanzjata mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u eventwalment minn fond/strument finanzjarju ġdid ibbażat fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG), li għandu jibni l-kapaċità fiskali.

    2.2

    Il-Kumitat isibha diffiċli jiġġudika l-merti tas-CCI propost mingħajr kwantifikazzjoni tad-daqs propost jew ta' kwalunkwe valutazzjoni dwar kemm fond bħal dan huwa aċċettabbli għall-Istati Membri. Il-proposta li l-fond jiġi għall-bidu mill-QFP tissuġġerixxi li dan ser ikun żgħir u b'impatt żgħir.

    2.3

    Minħabba d-diffikultà kbira fin-negozjar tal-QFP 2014-2020, il-Kumitat jinsab xettiku li l-Istati Membri ser jaqblu dwar l-għan ta' introduzzjoni ta' strument finanzjarju ġdid sabiex nimxu lejn kapaċità fiskali akbar fuq il-bażi tad-DNG sabiex jiġi ffinanzjat is-CCI.

    2.4

    Il-Kumitat jaqbel li mekkaniżmu ta' konverġenza li huwa ta' benefiċċju reċiproku u li jħaffef għandu l-mertu tiegħu, iżda għandu dubju kemm huwa neċessarju li jiġi introdott strument ġdid – is-CCI – meta mhuwiex ċar kif dan ser iżid il-valur tal-fondi strutturali eżistenti bħalma huma l-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

    2.5

    In-natura kuntrattwali tal-istrument propost tidher biss ftit differenti min-natura kuntrattwali li diġà teżisti fl-iżborż tal-fondi strutturali. Jinħtieġu xi eżempji konkreti ta' liema tip ta' proġetti b'effetti indiretti ser jikkwalifikaw u kif dawn jistgħu jkunu differenti mill-proġetti diġà ffinanzjati taħt fondi oħra. Il-KESE jinsab imħasseb li jekk ma jinkisibx riżultat fir-rigward ta' ċerti proġetti taħt is-CCI, dan jista' jkollu konsegwenzi oħra għall-finanzjament ta' proġetti li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-PNR. Huwa importanti li dan l-istrument propost iżid valur viżibbli u mhux jirriżulta f'saff burokratiku ieħor.

    2.6

    Is-CCI huwa maħsub bħala strument għaż-żona tal-euro, fejn konverġenza ekonomika akbar hija essenzjali għall-funzjonament taż-żona euro. Peress li l-Fond probabbilment ikun wieħed żgħir, il-Kumitat jissuġġerixxi li dan ikun immirat speċifikament lejn dawk l-Istati Membri fiż-żona euro li jinsabu f'diffikultà, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu appoġġjati l-proġetti b'impatt transkonfinali partikolarment pożittiv. Dan għandu jkun immirat b'mod speċjali lejn dawk il-pajjiżi li l-iżbilanċi ekonomiċi tagħhom huma meqjusa ta' periklu partikolari għall-funzjonament taż-żona euro. Mhuwiex ċar għalfejn Stati Membri fi programm ta' aġġustament ser ikunu esklużi minn din il-forma ta' appoġġ peress li huma, b'mod evidenti, dawk li jeħtieġu għajnuna finanzjarja l-aktar.

    2.7

    Jekk is-Semestru Ewropew jiffunzjona kif suppost u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jsiru l-oġġett ta' dibattitu parlamentari nazzjonali, imbagħad ikun neċessarju li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-gvern nazzjonali li jiffirma ftehim kuntrattwali taħt dan is-CCI propost l-ewwel jiddiskutih fil-parlament skont il-prattika f'dak l-Istat Membru, bħalma jiġi diskuss kwalunkwe programm ta' fond strutturali. Il-Kummissjoni tista' tiġi mistiedna tiddibatti jew tindirizza l-korpi nazzjonali/lokali. Fid-diskussjonijiet għandha tiġi involuta s-soċjetà ċivili, partikolarment l-imsieħba soċjali, bħalma jseħħ fi proġetti konġunti oħra bejn l-UE u l-gvern nazzjonali. Għandu jiġi previst biżżejjed ħin sabiex il-parlamenti u s-soċjetà ċivili, partikolarment l-imsieħba soċjali, ikunu jistgħu jipparteċipaw.

    3.   Koordinazzjoni ex ante għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika

    3.1

    Kuntest: F'din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinfurmana li l-kunċett ta' koordinazzjoni ex ante għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika ġie introdott fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-qafas attwali tal-UE dwar is-sorveljanza ekonomika jinkludi proċess għall-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, iżda ma jipprovdix diskussjoni u koordinazzjoni ex ante strutturata ta' pjanijiet ta' riforma ekonomika maġġuri. Din il-Komunikazzjoni hija kontribut għad-dibattitu bejn il-partijiet interessati, b'mod speċjali l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, u l-parlamenti nazzjonali dwar modi kif tiġi implimentata koordinazzjoni ex ante.

    3.2

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li kwalunkwe titjib sinifikanti fil-koordinazzjoni ta' politika ekonomika huwa mixtieq, u fiż-żona tal-euro hija neċessità. Il-Kumitat jilqa' l-komunikazzjoni per se, filwaqt li jirrikonoxxi li l-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri individwali hija 'l bogħod sew minn governanza ekonomika ġenwina. Waħda mill-problemi fil-valutazzjoni tal-proposti hija li l-Komunikazzjoni ma tipprovdix dettall biżżejjed dwar x'jikkostitwixxi “riforma maġġuri ta' politika ekonomika”. X'inhu meqjus maġġuri? X'inhu minuri? Ir-riformi ewlenin elenkati għall-kunsiderazzjoni jinkludu kważi kull aspett tas-Suq Uniku, inkluż is-sostenibbiltà finanzjarja u fiskali.

    3.3

    Il-Kumitat jistaqsi kif din l-inizjattiva l-ġdida dwar il-koordinazzjoni għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika ser tkun differenti fis-sustanza mill-komponenti tas-Semestru Ewropew tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-pajjiżi. Għandu jkollha valur miżjud viżibbli fl-iskeda tas-Semestru Ewropew, li diġà hija mimlija sew. Mill-perspettiva tat-trasparenza u s-sempliċità jkun importanti wkoll li ma jiżdiedx saff ieħor ta' sorveljanza, eċċ. Il-Kumitat jemmen li dan il-proċess għandu jiġi inkorporat fis-Semestru Ewropew u l-PNR, li għandhom jingħataw aktar setgħat; il-koordinazzjoni ex ante tista' tkun mod tanġibbli kif jinkiseb dan.

    3.4

    Il-Kumitat jaċċetta li jista' jkun ta' benefiċċju taħt din il-proposta ġdida li wara jintlaħaq ftehim ma' Stat Membru dwar is-CSR tagħha, il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jissuġġerixxu modifiki għall-pjani ta' riforma tal-Istat Membru jekk ikun mistenni li din l-implimentazzjoni jista' jkollha impatt negattiv fuq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja jew l-Istati Membri l-oħra. Madankollu, għal-leġittimità demokratika, il-proċess jirrispetta s-setgħat nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjoni u d-deċiżjoni dwar il-pjan ta' riforma tibqa' f'idejn l-Istat Membru nnifsu. Hemm bżonn li jiġu previsti kemm il-possibbiltà li l-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, speċjalment l-imsieħba soċjali, jiġi involuti fil-konsultazzjonijiet kif ukoll li jkun hemm biżżejjed ħin biex isir dan. Barra minn hekk għandu jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali jadottaw id-deċiżjoni finali relatata mal-implimentazzjoni tar-riformi. Il-Kumitat jinsab imħasseb li din ir-referenza għal-leġittimità demokratika hija aktar superfiċjali milli reali peress li f'partijiet oħra fil-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet fejn il-Kunsill jikkonkludi li Stat Membru ma ħax l-azzjoni korrettiva rakkomandata.

    3.5

    L-iskop tal-koordinazzjoni ex ante huwa li jiġu massimizzati l-effetti sekondarji pożittivi tal-pjanijiet għal riforma maġġuri ekonomika minn Stat Membru għal Stati Membri oħra u li jiġi minimizzati l-effetti indiretti negattivi. Din tipproponi sistema ta' tliet filtri bbażati fuq il-kanali ewlenin li minnhom jiġu trażmessi l-effetti sekondarji. Dawn joħolqu ċertu tħassib għall-Kumitat.

    3.6

    L-ewwel filtru huwa l-kummerċ u l-kompetittività. Jekk Stat Membru jieħu miżuri ta' riforma ta' suċċess biex itejjeb il-pożizzjoni ta' kompetittività tiegħu, mhuwiex eskluż li dan it-titjib ser ikun għad-detriment ta' Stati Membri oħra. Il-Komunikazzjoni għandha tispjega bir-reqqa u fid-dettall taħt liema kundizzjonijiet ser tintervjeni l-Kummissjoni biex tiddiswadi Stat Membru milli jieħu dawn il-miżuri. Barra minn hekk, dan huwa biss approċċ unilaterali? Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel rakkomandazzjonijiet lil Stat Membru li fil-passat kien ħa miżuri biex itejjeb il-kompetittività tiegħu u li issa rriżultaw f'eċċessi kbar li huma ta' detriment għaż-żona tal-euro?

    3.7

    Il-Kumitat jiddubita kemm it-tieni filtru – li jikkonċerna effetti sekondarji permezz tas-swieq finanzjarji – għandu lok hawnhekk. Il-Kumitat jemmen li jkun ħafna aktar effettiv jekk ir-riżorsi kollha disponibbli jiġu mmirati sabiex l-implimentazzjoni tat-twaqqif ta' Unjoni Bankarja li tiffunzjona tipproċedi kif skedat.

    3.8

    It-tielet filtru, dak tal-kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija politika u “l-oppożizzjoni domestika għar-riforma”, jeħtieġ spjegazzjoni. It-“tagħlim reċiproku” u l-“iskambju tal-aqwa prattika” mistennija - għad li fihom infushom huma ta' valur - huma fil-periklu li jkunu ineffettivi daqs l-Aġenda ta' Lisbona.

    3.9

    Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn argumenti iktar sodi li r-riformi koperti mill-koordinazzjoni ex ante għandhom jinkludu oqsma fejn l-UE m'għandhiex kompetenza. Id-difiża għal dan l-argument – jiġifieri li d-deċiżjoni tibqa' kollha kemm hi mal-Istat Membru – hija fjakka fid-dawl tal-proċeduri ta' żbilanċ makroekonomiku msemmija hawn fuq.

    3.10

    Fil-qafas tal-koordinazzjoni ex-ante, għandu jkun hemm dimensjoni soċjali, immirata speċjalment lejn l-impatti tar-riformi ekonomiċi maġġuri fuq il-livell tal-qgħad.

    Brussell, 22 ta' Mejju 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2013) 165 final.

    (2)  COM(2013) 166 final.

    (3)  COM(2012) 777 final.


    Top