Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE0166

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew” COM(2012) 777 final/2

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”

COM(2012) 777 final/2

2013/C 271/04

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew

COM(2012) 777 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, 12-il vot kontra u 25 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta kontribut importanti għat-tnedija ta’ dibattitu dwar l-UE, ħaġa ferm neċessarja, u pass ’il quddiem konsiderevoli fir-rigward tal-metodi u l-kontenut li rajna fil-passat fil-qasam tal-UEM. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, tagħti indikazzjoni dwar ir-rwol internazzjonali u l-futur politiku tal-Unjoni. Għalhekk, il-KESE jilqa’ din il-proposta b’mod pożittiv. Dan jista’ jkun żvilupp storiku, sakemm il-Kunsill wara stennija ta’ 20 sena jsib il-kuraġġ u r-rieda biex jadotta u jdaħħal fis-seħħ il-dispożizzjonijet utli biex jinkisbu l-għanijiet indikati u jiġu implimentati malajr.

1.2

Fil-fatt, bid-deċiżjonijiet li ttieħdu matul l-2011 u l-2012, il-Kunsill Ewropew nieda riforma importanti u koordinata tal-governanza Ewropea fil-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, it-tisħiħ tar-regoli baġitarji u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Il-miżuri mhux konvenzjonali ta’ akkwist mingħajr limitu imma kundizzjonat ta’ ishma pubbliċi ta’ pajjiżi f’diffikultà, li ġew deċiżi dan l-aħħar mill-BĊE, it-twaqqif tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, intiż biex jiżgura superviżjoni prudenzjali rigoruża u imparzjali u biex titneħħa r-rabta bejn l-Istati u l-banek u r-regoli għal-likwidazzjoni tal-banek huma strumenti meħtieġa għall-garanzija tal-istabbiltà tal-UEM.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-istrateġija ppreżentata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u li dal-aħħar ġiet ikkonfermata mill-President tal-Kunsill Ewropew Van Rompuy (Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina), għat-tisħiħ taż-żona tal-euro, iżda madankollu jqis li dan mhuwiex biżżejjed biex l-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji tal-UEM, kif urew il-fatti ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Hemm responsabbiltajiet politiki tal-Kunsill, li ngħataw mit-Trattat ta’ Maastricht li jillimitaw sew l-UEM li nibtet minnu. Għalhekk il-Kummissjoni issa ressqet pjan ta’ azzjoni għal UEM profonda u ġenwina.

1.4

Sabiex l-UEM tingħata iktar stabbiltà u sabiex jiġi żgurat it-tkabbir tal-ekonomija u l-impjieg il-pajjiżi taż-żona tal-euro, fil-perjodu immedjat, mhux dak medju/fit-tul, jeħtieġu miżuri iktar ambizzjużi, bħal pjan għat-tkabbir u mekkaniżmi ta’ integrazzjoni ekonomika iktar b’saħħithom, li l-Kunsill għandu jsarrafhom f’azzjoni. Għalhekk hemm bżonn taħlita ta’ politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, impenn konsistenti, sens ta’ solidarjetà, ta’ fiduċja u ta’ responsabbiltà għall-Istati Membri u bejniethom u l-UE, mingħajr ma ninsew li l-għan ewlieni tal-miżuri inkwistjoni għandu jkun il-ġid għal kulħadd.

1.5

Filwaqt li jesprimi l-apprezzament għal din il-Komunikazzjoni, il-KESE jenfasizza li anke fil-każ fejn kollox isir operattiv, diffiċli li jkun hemm impatt sostanzjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, għax għad m’hemmx proposta konkreta dwar l-unjoni politika biex l-euro jkollha bażi proprja. L-istess jgħodd għad-dejn, it-tegħlib tax-xokkijiet asimetriċi, it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg (li għalih irid jiġi previst studju ta’ impatt b’mod sistematiku). Dawn ilkoll huma limitazzjonijiet fis-sitwazzjoni attwali.

1.6

Il-KESE jfakkar li fil-biċċa l-kbira tal-proposti attwali tal-KE, kif ġie nnotat, diġà tħejjew rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet mill-Kumitat, b’mod partikolari dawk relatati mal-limitazzjonijiet tal-UEM, tal-BĊE u l-kwistjoni tat-tkabbir u d-dejn sovran (1). L-avvanzi li saru mill-Kummissjoni u l-Kunsill sal-lum iservu bħala bażi tajba biex tkompli għaddejja l-ħidma f’dan il-qasam. Għalhekk, il-KESE jqis b’mod pożittiv li l-KE ddeċidiet tagħti indikazzjonijiet futuri dwar dawn il-kwistjonijiet u jittama li din tkun okkażjoni tajba biex jittieħdu miżuri konkreti għad-dejn u t-tkabbir biex b’hekk ikun hemm qabża vera u ġenwina fil-kwalità.

1.7

Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjonijiet li l-UE ħadet dan l-aħħar, imsemmija fil-Komunikazzjoni, jindirizzaw, għad li parzjalment, il-qafas makroekonomiku, il-proposti fil-livell mikroekonomiku jidhru li huma insuffiċjenti għas-setturi produttivi, li huma l-uniċi setturi kapaċi jniedu t-tkabbir mill-ġdid. Id-dokument tal-Kummissjoni jipprova jiftaħ dibattitu dwar l-UEM, tema li tmur ħafna lil hinn mill-konsolidazzjoni tal-baġits u l-politiki makroekonomiċi. Hemm bżonn ukoll politiki mikroekonomiċi bħal, pereżempju, patt ġenwin għall-industrija (industrial compact).

1.8

Barra minn hekk, il-Proposta tal-Kummissjoni tkun tista’ tiġi aċċettata b’mod iktar mifrux jekk fid-diversi fażijiet stabbiliti għat-tnedija tal-miżuri meħtieġa biex l-UEM issir iktar stabbli u effettiva ssir referenza iktar ċara għall-bżonn li jiġu segwiti politiki Ewropej konformi ma’ dan il-għan, b’definizzjoni tal-oqsma għall-azzjoni u l-elementi l-ġodda li jridu jiddaħħlu biex l-infiq fil-livell Ewropew isir iktar razzjonalizzat u effikaċi.

1.9

Il-Kummissjoni tista’ u għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tar-riformi indispensabbli biex tiżdied il-kompetittività tas-sistemi nazzjonali tal-produzzjoni u l-amministrazzjoni bl-adozzjoni ta’ metodoloġiji u kriterji innovattivi ta’ azzjoni relatati mas-suq uniku, il-ġestjoni tal-fondi strutturali u l-politiki komuni prinċipali. Barra minn hekk, għandha tieħu spunt mill-innovazzjonijiet li introduċa l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tipproponi emendi daqstant sostanzjali, bħalma l-KESE saħaq diversi drabi, għat-twettiq tal-politiki Ewropej li jolqtu l-iktar iż-żoni, ir-reġjuni u s-setturi l-iżjed vulnerabbli tal-UE.

1.10

Fir-rigward tal-BĊE għandha tingħata attenzjoni lill-kompożizzjoni tiegħu favur it-tkabbir u l-impjieg u bħala sellief tal-aħħar istanza. L-intenzjoni tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jimxu f’din id-direzzjoni tikkontribwixxi biex tiġi kkonsolidata l-fiduċja fil-BĊE u l-euro u bħala detterent ġenwin għall-attakki spekulattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi b’diffikultajiet baġitarji kbar.

1.11

L-istabbiltà tal-euro ma tistax titħalla biss f’idejn il-BĊE u l-politika monetarja komuni, b’awtonomija sħiħa għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki fiskali u baġitarji tagħhom. Il-KESE jqis li l-unjoni fiskali, fil-kuntest ta’ baġit uniku taż-żona tal-euro, ma tistax, kif tgħid il-Komunikazzjoni, tiġi posposta fit-tul imma, flimkien mal-munita unika u l-viġilanza unika bankarja, għandha ssir il-pilastru l-ieħor li fuqu tistrieħ il-kostruzzjoni tal-istabbiltà tal-UEM fil-perjodu qasir u medju, biex b’hekk is-swieq jiġu żgurati dwar il-koerenza tal-proġett Ewropew.

1.12

Fir-rigward tal-proposti istituzzjonali, il-KE qed tagħmel sforz konsiderevoli. Il-KESE jqis li tkun ħaġa utli li fl-aħħar nett titpoġġa fuq l-aġenda l-kwistjoni istituzzjonali, peress li tirfed il-proposti innovattivi tal-Kummissjoni, inkluża l-unjoni politika. Din hija proposta kompletament ġdida. Fl-istess ħin iqis li dawn il-proposti jieħdu l-istess approċċ bħall-qafas attwali bi ftit bidliet, bi progress ferm limitat, u għalhekk ma jsolvu xejn, sakemm il-Kunsill ma jmurx lil hinn minnhom u jqishom bħala xprun biex tittieħed azzjoni.

1.13

Jista’ jkun li dawn ifissru stadju addizzjonali, imma l-KESE, li għandu jkun parti integrali minn dan il-proċess, abbażi ta’ dak li diġà ġie propost u approvat, iqis li m’għadux iż-żmien ta’ passi parzjali, fi kwalunkwe kwistjoni, imma huwa iktar żmien għal qabża fil-kwalità, kemm fil-kontenut tal-politiki kif ukoll fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex dawn jitwettqu, mingħajr skużi oħra, biex wara ma nerġgħux ngħidu li hemm bżonn politiki “ġenwini”, UEM “ġenwina”, unjoni politika “ġenwina”, eċċ. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni b’mod iktar determinat u mgħaġġel, issa, minn naħa biex tiġi interrotta r-reċessjoni, li laqtet parti kbira mill-UE, u min-naħa l-oħra biex jiġu indirizzati l-lakuni li ilhom hemm u li l-kriżi finanzjarja internazzjonali ġiegħlithom biss jesplodu.

1.14

Il-KESE jitlob li l-Kunsill, fuq spunt tal-proposti tal-Kummissjoni, jaġixxi b’iżjed kuraġġ u ċarezza fir-rigward tar-rispett tal-ftehimiet milħuqa u r-responsabbiltajiet biex jitressqu l-proposti li għandhom jiġu approvati u implimentati, b’mod partikolari, b’appoġġ għall-estensjoni tal-vot b’maġġoranza f’kull qasam, ibda biex il-politiki tal-ekonomija u l-impjieg, fil-kuntest ta’ bidla fit-Trattat.

1.15

Il-proposti tal-KESE fil-qosor

1.15.1

Għalhekk, sabiex titwettaq UEM ġenwina, il-KESE jqis li minnufih (mingħajr ma jiġi modifikat it-Trattat) hemm bżonn:

li titnieda inizjattiva Ewropea għat-tkabbir peress li bl-awsterità biss ma jista’ jiġi sodisfatt l-ebda kriterju stabbilit mill-Unjoni;

li jiġi ffaċilitat it-tegħlib tal-asimetriji ekonomiċi bejn il-pajjiżi, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ konverġenza solidali; tista’ tittieħed azzjoni b’miżuri mmirati lejn il-livell mikroekonomiku favur il-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi, biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ (pereżempju kontribut mill-UE għal kull żagħżugħ jew żagħżugħa milqut/a), biex b’hekk isir intervent b’kondizjonalità pożittiva;

li tinstab soluzzjoni għall-problema tad-dejn, kif titlob il-Kummissjoni stess u anke l-KESE, biex jiġu ffaċċjati l-problemi tal-pajjiżi kollha li adottaw jew ser jadottaw l-euro;

li l-unjoni bankarja u s-superviżjoni Ewropea jiġu implimentati malajr;

li s-suq uniku jiġi kkompletat fis-setturi kollha (taxxa, finanzi, banek, enerġija, servizzi riċerka u innovazzjoni, eċċ.);

li titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-kreditu b’mod li fl-istess kundizzjonijiet l-ispiża tal-kreditu tkun l-istess fl-Istati Membri kollha.

1.15.2

Fuq perjodu medju u/jew twil, b’tibdiliet eventwali għat-Trattat, jeħtieġ:

li tinħoloq governanza ekonomika ġenwina tal-UE flimkien ma’ dik monetarja, finanzjarja u fiskali, biex tingħata wkoll koerenza ikbar bejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali;

li jiġi kkompletat il-mandat tal-BĊE;

li jissaħħaħ il-metodu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-istrutturi f’entità unika biex l-euro tingħata governanza, li s-sistema attwali tiġi kkompletata u titwettaq unjoni fiskali, l-ewwel nett bil-ħolqien ta’ baġit komuni taż-żona tal-euro, fejn jiġi previst mekkaniżmu ta’ solidarjetà biex jitnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi;

li jitwettaq patt soċjali għal unjoni soċjali bl-involviment tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata;

li tinħoloq unjoni politika, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, biex ikun hemm ukoll leħen wieħed għall-euro u biex jitwettaq proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet iktar demokratiku u trasparenti. Għalhekk jista’ jkun opportun li l-PE li jmiss, flimkien mal-Kunsill, jingħata poteri kostitwenti;

li jingħata rwol iktar rappreżentattiv lill-Unjoni fil-korpi internazzjonali.

2.   Kummenti ġenerali: punti ewlenin

2.1

Il-Kumitat jinsab konxju li qed nitħadtu fuq kwistjoni mill-iktar kumplikati ta’ dan iż-żmien. L-Ewropa dieħla f’fażi ġdida ta’ integrazzjoni iktar stretta u dan ifisser għadd ta’ passi kuraġġjużi. Il-KESE jilqa’ ħafna t-tnedija ta’ dibattitu dwar il-futur tal-UEM bħala pass inizjali f’din id-direzzjoni u jinnota li r-realtà makroekonomika fl-UEM hija riżultat tad-deċiżjonijijet mikroekonomiċi. Il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomi għalhekk għandhom ikunu allinjati fid-direzzjoni biex jinksibu l-istess għanijiet ġenerali.

2.2

L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, supplementat mill-Artikolu 151 u l-Artikolu 153, fis-sustanza jistabbilixxi li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-promozzjoni ta’ livell ta’ impjieg ogħla, tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u tal-ġlieda kontra l-esklużjoni. Il-Kumitat jinnota b’sorpriża li l-ebda wieħed minn dawn il-parametri ma jitqies f’din il-Komunikazzjoni bħala parti mill-għan ta’ “Unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina”. Barra mill-fatt li l-KESE jitlob li ssir referenza ċara għal dawn l-għanijiet, huwa jqis li hemm bżonn li ssir iktar superviżjoni (valutazzjoni tal-impatt) tal-effetti tal-politiki ekonomiċi u monetarji fuq is-sitwazzjonijiet soċjali u s-suq tax-xogħol u jqis li tkun ħaġa tajba li jitħejjew miżuri biex jiġu eliminati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi li jistgħu jinħolqu minħabba dawn il-politiki.

2.3

L-ebda waħda mill-proposti li ressqet il-Kummissjoni għal UEM iktar stabbli u kredibbli ma tista’ tiġi implimentata effettivament (la fil-perjodu l-qasir u lanqas dak medju/fit-tul) jekk l-Istati Membri tal-UEM, u b’mod partikolari l-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, ma jerġgħux fit-triq tat-tkabbir u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi tal-impjieg, tal-qgħad, li qed jiżdied sew fost iż-żgħażagħ, u d-diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri. Iżda fl-istess ħin ma jista’ jsir xejn jekk il-Kunsill u l-Grupp tal-euro ma jilqgħux is-suġġerimenti tal-KE biex javvanzaw ir-riformi neċessarji biex tiġi kkompletata l-UEM, li ilhom mistennija għal 20 sena, u jekk l-Istati Membri ma jiħdux impenn serju f’din id-direzzjoni biex flimkien jiġġestixxu parti mis-sovranità tagħhom, ħaġa meħtieġa biex jinkiseb dan il-għan.

2.4

Il-preokkupazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni għadha li tiżgura l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri u strumenti konġunti għat-tisħiħ tal-konverġenza tal-politiki baġitarji u tas-sistemi ta’ sorveljanza. Dan għandu jservi biex jittaffew id-diffikultajiet li għandhom il-pajjiżi l-iktar midjuna biex jiffinanzjaw id-dejn pubbliku u biex jiġu rispettati l-pjani rigorużi għat-tnaqqis tad-dejn u s-sostenibbiltà proposti mill-Kummissjoni u li dal-aħħar ġew approvati mill-Istati Membri (Patt Fiskali). Iżda biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u s-swieq, il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali għandhom jimxu b’mod loġiku komuni Ewropew u jipproduċu impatti konkreti u pożittivi għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm iktar koerenza bejn il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi (iż-żgħażagħ, is-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, eċċ.) li għandhom jitwettqu fil-livell nazzjonali.

2.5

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro bdew il-ħames sena ta’ tkabbir b’rata negattiva u l-previżjoni għas-snin li ġejjin jindikaw titjib ferm limitat fil-makrovarjanti prinċipali. Il-proposti mressqa mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-UEM, biex ikunu kredibbli u jsiru parti minn dibattitu li jikseb kunsens wiesa’ dwar il-futur tal-UEM, li ma jinkludix biss l-esperti, imma s-soċjetà ċivili Ewropea kollha kemm hi, għandhom ikunu akkumpanjati minn osservazzjonijiet u/jew miżuri oħrajn.

2.6

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro, fir-rigward tal-impenji assunti mal-UE, huma mitluba li anki fis-snin li ġejjin isegwu politiki baġitarji rigorużi li qabel kollox jistgħu jiġu żgurati permezz ta’ riformi finalizzati bir-razzjonalizzazzjoni tal-istruttura tal-baġits nazzjonali, sew mil-lat tal-infiq, sew mil-lat tad-dħul pubbliku, filwaqt li titqies il-ġustizzja distributtiva u l-impatt tal-multiplikaturi fiskali. Għalhekk, il-qligħ mill-effiċjenza għandu jiġi rkuprat b’impatt newtrali fuq il-baġits u mingħajr ma jiġu kompromessi s-setturi ta’ nfiq meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali, fosthom is-saħħa, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-infrastruttura (2).

2.7

Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet fil-livell Ewropew, meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-irkupru fl-investimenti, bħal pereżempju: it-titjib fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol nazzjonali biex jiġu integrati fiż-żona tal-euro anki permezz tad-djalogu makroekonomiku (3); il-mutwalizzazzjoni parzjali tad-dejn pubbliku biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni; il-ħruġ ta’ bonds Ewropej mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment biex jiġi ffinanzjat it-tkabbir u biex jinkisbu bilanċi pożittivi globali (4) f’dak li jirrigwarda t-tfaddil; il-possibbiltà li jiġu esklużi għadd ta’ investimenti strutturali mid-dejn pubbliku, ħaġa neċessarja biex jitnieda ċiklu virtwuż ta’ tkabbir; u fl-aħħar nett, attenzjoni ikbar għall-politika industrijali kemm min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali kif ukoll min-naħa tal-persuni responsabbli għad-deċiżjonijiet politiki fil-livell Ewropew.

2.8

Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki taqa’ f’idejn il-gvernijiet tal-Istati Membri imma l-Kummissjoni, fl-ambitu tal-prerogattivi istituzzjonali tagħha u r-riżorsi baġitarji tal-UE li tiġġestixxi, għandha tiżgura l-implimentazzjoni u b’hekk tikkontribwixi biex jiġu limitati l-iżbilanċi u d-differenzi territorjali li għadhom jippersistu.

2.9

Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-aspetti storiċi tal-UEM ma tindirizzax il-limiti ekonomiċi u politiċi veri li kienu preżenti meta daħlet fis-seħħ l-euro u li huma l-kawża ewlenija tal-kriżi li għaddew minnha l-euro u l-UE. Ħaġa stramba wkoll hi li f’analiżi dwar l-UEM m’hemmx referenza u valutazzjoni dwar il-kriterji ta’ Maastricht, dwar l-uniċità tal-politika monetarja, u lanqas dwar l-asimetriji ekonomiċi bejn il-pajjiżi. Barra minn hekk ma tidhirx sostenibbli l-idea li l-kriżi tal-2008 tingħata t-tort waħidha mingħajr ma jingħata tort lid-dgħufija politika tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali, b’mod partikolari meta jitqies li mill-bidu nett tal-UEM l-Istati Membri rrifjutaw sistematikament li jniedu dibattitu dwar il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u baġitarji.

2.10

Waħda mill-ħtiġiet urġenti hi li tiġi implimentata unjoni ekonomika u governanza ekonomika tal-UE (flimkien jew qabel l-unjoni bankarja eċċ.), u l-Komunikazzjoni tal-UE twitti t-triq għal dan.

3.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut tal-proposti: punti ta’ saħħa u ta’ dgħufija

3.1

Fil- perjodu l-qasir jitqiesu u jiġu deskritti seba’ proposti li uħud minnhom diġà ġew notati għax jirreferu għall-miżuri approvati dal-aħħar mill-UE, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-leġislazzjoni marbuta mas-six-pack u t-two-pack, is-superviżjoni tal-banek fdata lill-BĊE. Dawn huma kollha passi importanti li għandhom jingħataw attenzjoni sħiħa skont il-leġislazzjoni Ewropea rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi approvati mill-Kunsill. Hemm ukoll xi proposti mressqa mill-Kummissjoni li l-KESE jqis li huma iżjed interessanti, bħal dawn li ġejjin:

3.1.1

L-ewwel waħda hija l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu superviżorju uniku u mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku biex jissolvew il-problemi tal-banek f’diffikultà. L-iktar aspett innovattiv hawnhekk huwa li l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni jiġu koperti mill-azzjonisti u l-kredituri; “Kwalunkwe riżorsa addizzjonali meħtieġa għall-finanzjament tal-proċess tar-ristrutturar” għandha tiġi pprovduta mis-settur bankarju stess u mhux iktar mill-kontribwent (5).

3.1.2

It-tieni waħda hija l-introduzzjoni ta’ “strument għall-konverġenza u l-kompetittività” bħala appoġġ għat-twettiq tar-riformi strutturali fil-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Il-Proposta hija ferm dettaljata (Anness 1 tal-Komunikazzjoni) fid-deskrizzjoni tat-triq prevista għal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet li jwasslu għal dan l-istrument. Għad irid jiġi determinat il-livell ta’ parteċipazzjoni u d-dimensjoni tal-appoġġ finanzjarju, li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Istati Membri, fost l-elementi deċiżivi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-istrumenti, anki jekk il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tressaq proposta iktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni (p. 25 tal-Komunikazzjoni). Fuq rakkomandazzjoni tal-KESE, dan l-istrument għandu jippreċedi, jew tal-inqas jakkumpanja, ir-riformi strutturali, biex jittaffa l-impatt negattiv. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li l-istrument għall-konverġenza u l-kompetittività jista’ jkun effettiv biss jekk, pass wara pass, jintuża b’koordinazzjoni mal-azzjonijiet u miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali.

3.1.3

Barra minn hekk, il-proposta dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tidher li tista’ tiqies bħala kastig għal dawk li ma jirrispettawx il-patt bejn l-Istati Membri u l-KE, minflok bħala inċentiv għall-implimentazzjoni tal-politiki definiti fil-livell Ewropew. Il-kundizzjonijiet makroekonomiċi rigorużi mitluba mill-Istati Membri għandhom ikunu akkumpanjati minn pjan għat-tkabbir u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda għall-impjieg, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, imħejjija bil-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u ċivili.

3.1.4

L-iktar rwol ċar tal-UE u tal-euro fil-governanza tal-korpi monetarji internazzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rappreżentanza esterna tal-euro u wieħed mill-iktar aspetti importanti proposti mill-Kummissjoni, u anki minn ħafna Opinjonijiet tal-KESE, huwa li tingħata saħħa deċiżjonali ikbar lill-UE u lill-munita unika fil-governanza monetarja internazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma tispjegax id-diffikultajiet ta’ din il-proposta, kemm ġewwa kif ukoll barra miż-żona tal-euro, meta jitqies l-atteġġament, żgur mhux favorevoli, tal-amministrazzjoni Amerikana (u Ingliża) fil-konfront ta’ żieda fis-saħħa tal-euro (u d-dgħufija korrispondenti tad-dollaru) u d-differenzi li għad hemm bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro fid-difiża tal-interessi ekonomiċi u politiċi speċifiċi f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jirċievu għajnuna mill-IMF.

3.2

Fil- perjodu l-medju , il-proposti jirrigwardaw l-iktar it-twaqqif ta’ Fond ta’ Ammortament (FA), appoġġjat minn elementi restrittivi ta’ kondizzjonalità biex jiġi limitat ir-riskju morali, u l-ħolqien ta’ strument ġdid ta’ dejn sovran għaż-żona tal-euro (Eurobills) – proposti li ilhom li tressqu fid-dibattitu dwar l-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-Istati Membri. Anki l-KESE enfasizza iktar minn darba fl-Opinjonijiet tiegħu li hemm bżonn li nirrikorru għall-bonds tal-Unjoni biex id-dejn jiġi mutwalizzat parzjalment (bond tal-Unjoni) bħala strument addizzjonali kemm biex fiż-żona tal-euro jiġi ffaċilitat il-finanzjament tad-dejn sovran mill-pajjiżi li għandhom l-ikbar dejn, kif ukoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż biex jinfeda d-dejn (6).

3.2.1

Għalhekk, il-KESE kien jippreferi li l-Kummissjoni tippreżenta proposta u/jew li tagħmel referenza għall-proposti mressqa qabel mill-KESE stess, jew mill-ministri tal-ekonomija tal-UE, eċċ, anki jekk jirrikonoxxi l-merti tal-proposta tal-Kunsill Ġermaniż tal-esperti ekonomiċi, inkluża fid-dokument tal-Kummissjoni.

3.2.2

Madankollu, l-enfasi li saret fuq l-FA ma tqisx li l-biċċa l-kbira tas-suċċess tal-politika tad-dħul mill-ġdid tad-dejn sovran, f’dan il-kuntest, tiddependi mhux biss mit-tnaqqis tal-infiq pubbliku imma l-iktar miż-żieda fid-dħul. Din hija t-triq li għandna nieħdu, u għal perjodu ta’ żmien itwal minn dak previst fil-perjodu l-medju, biex ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PDG terġa’ tiġi taħt il-livell meħtieġ mill-kriterji ta’ Maastricht. Forsi l-aħjar proposta għadha dik li jiddaħħlu bonds tal-Unjoni Ewropea kif diġà spjega l-Kumitat (7). Iżda ovvjament il-problema mhijiex l-istrument tekniku li għandu jintuża, imma iktar is-soluzzjoni.

3.2.3

Barra minn hekk, il-proposta kollha kemm hi timxi skont il-loġika tal-patt ta’ stabbiltà fir-rigward tat-talbiet li saru lill-Istati Membri, mingħajr l-ebda innovazzjoni li tindika tibdil f’dawn il-politiki, li ma jistgħux jibqgħu sejrin fl-istess direzzjoni.

3.3

Fuq perjodu ta’ żmien twil , il-parti li hija l-inqas żviluppata fid-dokument tal-Kummissjoni hija dik li tipprevedi l-evoluzzjoni tal-UEM lejn l-ikkompletar tal-unjoni bankarja u l-unjoni fiskali u ekonomika. M’hemmx dubju li l-KESE jaqbel ma’ dawn l-għanijiet, sakemm jiġu definiti l-modi neċessarji ta’ kif ser jitwettqu. Il-KESE jaqbel li għandha ssir integrazzjoni sħiħa tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, l-iktar fil-qasam tat-taxxi u l-ekonomija, u li għandu jkun hemm baġit wieħed tal-UE b’riżorsi finanzjarji proprji u b’kapaċità li ta’ intaxxar awtonomu.

3.3.1

Fir-rigward tal-aspetti istituzzjonali, il-Komunikazzjoni tieqaf sad-deskrizzjoni, billi tindika kif ser ikun possibbli li tinħoloq unjoni ekonomika u monetarja msaħħa fl-istruttura legali tagħha u fil-governanza tal-politiki ekonomiċi prinċipali, filwaqt li ma jintmissux il-kundizzjonijiet makroekonomiċi u mikroekonomiċi li għandhom jiżguraw il-fattibbiltà tal-proposti fit-tul.

3.3.2

Il-KESE jqis li dan l-għan daqshekk ambizzjuż jista’ jikseb suċċess f’każ ta’ kooperazzjoni msaħħa li jkollha l-għan li timxi lejn unjoni politika. Dan huwa proċess li jista’ jseħħ jekk fil-kuntest makroekonomiku internazzjonali jinkisbu r-riformi li s’issa saru parzjalment, li huma parti integrali mir-regolamenti għall-funzjonament tas-swieq tal-kreditu u dawk finanzjarji, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ makroprudenzjali u mikroprudenzjali, it-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi (l-ewwel nett id-defiċits tal-Istati Uniti u l-bilanċ pożittiv taċ-Ċina) li wasslu għall-kriżi finanzjarja. Mingħajr progress sinifikanti f’din id-direzzjoni ser ikun diffiċli li jiġi evitat il-ħolqien mill-ġdid ta’ kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra.

4.   Unjoni politika

4.1   Prinċipji ġenerali

4.1.1

Madankollu, il-KESE jilqa’ t-tentattiv tal-KE li tiffaċċja d-defiċit demokratiku attwali fl-UE, l-istess bħall-kunsiderazzjoni li l-problema ewlenija hija dik tat-trasferiment tas-sovranità. Għalhekk għandu jitnieda proċess għal unjoni politika li tgħaqqad u tiġġestixxi b’mod komuni wħud mill-politiki “sovrani” li baqgħu nazzjonali, permezz ta’ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet iktar trasparenti u demokratiku, biex jingħata leħen wieħed u governanza Ewropea tal-euro, il-pilastru l-ieħor tal-UEM li għadu nieqes.

4.1.2

F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi:

li fil-perjodu l-qasir m’hemmx bżonn tibdil fit-Trattat, kif il-KESE spjega biżżejjed fil-proposti tiegħu; għalhekk ikun aħjar li l-isforz jiffoka fuq il-proposti fit-tul;

li huwa minnu li l-problema hija iktar serja għaż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, bl-ebda mod m’huwa adatt li nkomplu nitkellmu fuq “koordinazzjoni” tal-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, iżda pjuttost fuq politiki ekonomiċi komuni kif qed isir għall-unjoni bankarja u għas-sorveljanza komuni fil-livell Ewropew, għall-politika monetarja, eċċ.

4.1.3

Għalhekk mhijiex kwistjoni tad-diffikultajiet tal-involviment tal-PE, imma iktar tal-ħolqien ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet komuni bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u b’hekk tal-involviment korrispondenti tal-PE. Dak li ma jistax jiġi aċċettat iktar hu li jinżammu politiki ekonomiċi u industrijali indipendenti għal kull pajjiż u politika monetarja komuni li tippenalizza l-ekonomiji tal-iktar pajjiżi dgħajfa, fin-nuqqas ta’ strumenti ta’ kumpens.

4.2   Nottimizzaw ir-responsabbiltà

4.2.1

Il-KESE jilqa’ l-involviment tal-PE fid-diskussjonijiet dwar il-proposti relatati mat-tkabbir, kif ukoll l-involviment korrispondenti tal-parlamenti nazzjonali. L-istess għandu jsir għall-programmi ta’ aġġustament, mingħajr ma jiġu limitati għal sempliċi “informazzjoni”. Madankollu, għadna fl-ambitu tal-bidliet formali, ’il bogħod minn dak li għandu jsir fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE.

4.2.2

Għall-kuntrarju, jidhru innovattivi l-proposti dwar il-partiti politiċi li jridu jsarrfu kliemhom li jgħidu li huma Ewropej u jkunu verament Ewropej, u b’hekk jaġixxu bħala struttura Ewropea unika u mhux bħala somma ta’ għadd ta’ speċifiċitajiet nazzjonali, b’konformità ma’ dak li jagħmlu l-Istati Membri individwali jew assoċjazzjonijiet oħra (trejdjunjins, min iħaddem...).

4.2.3

Tkun ħaġa tajba li mhux biss il-partiti, kif tipproponi l-KE, imma anke l-organizzazzjonijiet oħra kbar Ewropej (pereżempju t-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, eċċ.) tal-inqas fiż-żona tal-euro jorganizzaw lilhom infushom u jaġixxu għall-elezzjonijiet tal-2014. Dan ikun pass importanti ’il quddiem, għad li jkun wieħed insuffiċjenti. Imma jkun eżempju tajjeb għal kulħadd.

4.2.4

Fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet, jeħtieġ li l-PE jingħata poter kostitwenti li (flimkien mal-Kunsill) fi żmien stabbilit minn qabel jindika l-proċess ta’ bidla lejn unjoni politika, ħaġa li testendi l-votazzjoni b’maġġoranza għall-materji kollha u d-dritt tal-vot tal-Parlament Ewropew anke dwar it-tkabbir u l-impjieg.

4.3   Il-kwistjonijiet li jinħolqu jekk jinbidel it-Trattat

4.3.1

Il-KESE jqis bħala ħaġa pożittiva li l-politiki ekonomiċi jingħaqdu ma’ dawk dwar l-impjieg, żewġ naħat tal-istess munita, għad li din hija problema ekonomika mhux legali. Iżda hemm bżonn proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kontenut tal-politiki ekonomiċi li jiġbor flimkien l-Istrateġija Ewropa 2020, il-koordinazzjoni tal-baġits nazzjonali, il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, is-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro, eċċ, biex jittieħdu passi lil hinn mis-sistema attwali għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nassumu li biex tinbidel l-UEM ser ikun biżżejjed li l-PE jaħtar kummissjoni apposta.

4.3.2

Barra minn hekk, jidher ftit li xejn ċar li naħsbu, li billi l-viċi president għall-politiki ekonomiċi ngħata poter ta’ koordinazzjoni fl-UEM, għad li f’kollaborazzjoni mal-PE, is-sitwazzjoni attwali tista’ tmur għall-aħjar. F’dan il-każ jista’ jkun biżżejjed li nieħdu eżempju mill-politika barranija; għal dan ikun hemm bżonn li jingħata poter ġenwin lill-Kummissarju possibbilment lil ministru.

4.3.3

Kwistjoni daqshekk importanti ma tistax tiġi indirizzata b’bidliet legali u parlamentari formali, jekk qabel ma jkunx ġie deċiż trasferiment tas-sovranità fir-rigward tal-politiki ekonomiċi, monetarji u tal-impjieg, mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew, kif ippropona l-KESE kemm-il darba. Għandha tinħoloq governanza ekonomika taż-żona tal-euro, ġestita mill-Grupp tal-euro b’poter tat-teħid tad-deċiżjonijiet u vot b’maġġoranza, flimkien mal-PE, bl-emendi opportuni tat-Trattat, li għandhom isiru minnufih, bl-istess urġenza li biha tnieda l-patt baġitarju, l-unjoni bankarja, eċċ. li jwassal biex jitwettaq suq uniku għall-politiki ekonomiċi u industrijali, it-tkabbir u l-impjieg, b’viżjoni komuni u deċiżjonijiet solidali bejn il-pajjiżi, f’interess iċ-ċittadini tal-UE.

4.4   Rappreżentanza esterna tal-UE

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-kontenut tal-proposti dwar ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro. Dan huwa punt fokali tal-komunikazzjoni fid-dawl tar-riperkussjonijiet internazzjonali tal-kriżi u r-relazzjoni bejn il-muniti. Fil-fatt illum l-euro tinsab f’sitwazzjoni delikata fost kompetizzjoni iebsa. L-istrateġija preżentata mill-KE biex tiġi kkonsolidata l-preżenza taż-żona tal-euro fl-FMI tikkonsisti fl-ewwel fażi fejn tingħata ta’ osservatur, u biss wara dan, jintalab is-siġġu uniku. Dan ifisser perjodi twal, li jdgħajfu ż-żona tal-euro, li għandu jkollha leħen wieħed fid-diversi korpi, fi żmien qasir, bħalma l-KESE ilu jirrakkomanda. Għalhekk, il-proposti tal-KE huma ferm realisti imma timidi u insuffiċjenti fil-perjodu l-qasir u dak medju. Anki hawnhekk kollox jiddependi minn x’se jagħmel il-Kunsill.

4.5   BĊE

4.5.1

Jidher li mhuwiex suffiċjenti l-approċċ użat fir-rigward tal-BĊE. Barra minn hekk, il-KESE ma jaqbilx li t-Trattat għandu jikkonfronta “li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika fuq il-BĊE” peress li l-BĊE huwa korp fejn id-deċiżjonijiet diġà jittieħdu b’maġġoranza (mhuwiex il-każ fil-Kunsill). Barra minn hekk, il-problemi u r-rwol tal-BĊE huma ta’ natura differenti u ma nistgħux nirreferu biss għas-superviżjoni, kif tidher li tagħmel il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn jirrigwardaw l-estensjoni tal-mandat tiegħu għat-tkabbir u l-impjieg, flimkien mal-istabbiltà u l-inflazzjoni.

4.5.2

Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-politiki tal-BĊE għall-ekonomija reali jiffunzjonaw b’mod korrett. L-interventi mhux konvenzjonali implimentati dan l-aħħar mill-BĊE biex dawn il-mekkaniżmi jsiru iktar effikaċi, li huma konsistenti kemm fil-provvista tal-likwidità għas-sistema bankarja (il-programmi Programm ta’ xiri ta’ bonds koperti (CBPP) u Operazzjoni ta’ Rifinanzjament fit-Tul (LTRO) kif ukoll fl-akkwist tat-titoli tal-Istat fis-suq sekondarju (il-Programm għas-Suq tat-Titoli u tranżazzjonijiet monetarji diretti (OMT)), jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni mixtieqa imma għadhom ma jikkontribwux għar-rwol tal-BĊE bħala sellief tal-aħħar istanza, b’deċiżjoni awtonoma tiegħu meta jkun hemm bżonn, kundizzjoni li (kif diġà ġie nnotat) teħtieġ bidla fit-Trattati.

4.5.3

Għandhom jissaħħu l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti ta’ intervent tal-BĊE fid-dawl tar-rwol tiegħu ta’ sellief tal-aħħar istanza, mhux biex jiżdied id-dejn tal-Istati Membri jew tal-UE, imma biex l-euro tingħata iktar kredibbiltà u biex jiġu limitati l-attakki spekulattivi fir-rigward tad-dejn sovran tal-pajjiżi l-iktar midjuna. Il-KESE jfakkar, b’mod partikolari b’rabta mal-impatt tal-interventi tal-BĊE fuq is-sostenibbiltà tad-dejn sovran, li t-tħabbira waħidha ta’ din il-manuvra fil-fatt ikkontribwiet għat-tnaqqis tat-tensjonijiet preżenti kemm fis-suq tal-ishma tad-dejn pubbliku tal-pajjiżi taż-żona tal-euro kif ukoll fuq is-swieq finanzjarji u tal-kreditu.

4.6   Qorti tal-ġustizzja

4.6.1

It-tisħiħ tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ħaġa pożittiva fil-fehma tal-KESE, imma mhux fil-kamp propost mill-Komunikazzjoni (proċedura ta’ infrazzjoni tal-Istati Membri). Dan ifisser li tiġi perpetwata l-konvinzjoni li l-problemi ekonomiċi, inkluż id-dejn, huma problemi tekniċi u legali u mhux problemi politiċi li għandhom jiġu fdati lil proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE demokratiku u trasparenti, li fuqu ċ-ċittadini huma sovrani.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, pġ. 10.

(2)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44.

(3)  Idem.

(4)  Ara n-Nota 1.

(5)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

(6)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 60.

(7)  Idem.


Top