Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE2407

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 271, 19.9.2013, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/18


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2013/C 271/03

    Relatur: is-Sinjura AGUDO I BATALLER

    Korelatur: is-Sur NARRO

    Nhar il-15 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    L-ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ April 2013.

    Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’108 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika inklużiva ser tkun l-isfida ewlenija li ser ikollha tiffaċċja l-Ewropa fis-snin li ġejjin jekk trid tibqa’ qawwa ekonomika dinjija. Fil-Konferenza Rio+20, l-Unjoni Ewropea għażlet ekonomija ekoloġika bħala mod ta’ żvilupp sostenibbli. Issa wasal iż-żmien li l-UE taġixxi. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ mudell ta’ żvilupp ekonomiku li jagħti prijorità lill-investimenti pubbliċi, u li jiddefinixxi b’mod adegwat l-inċentivi għall-investimenti privati, meħtieġa fl-infrastrutturi u r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) ekoloġiċi, bl-għan doppju li titħeġġeġ il-produzzjoni biex noħorġu malajr mis-sitwazzjoni attwali ta’ riċessjoni u biex mill-pożizzjoni ekonomika u soċjali ta’ mexxejja nindirizzaw it-tranżizzjoni lejn din it-tielet rivoluzzjoni industrijali.

    1.2

    Il-KESE jqis li l-bidliet profondi u meħtieġa fil-forma ta’ produzzjoni u konsum jeħtieġu, bħala rekwiżit fundamentali, li s-soċjetà ċivili tiġi involuta f’dan il-proċess kollu ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva u dan għandu jsir fil-livelli kollha, speċjalment fil-livell settorjali u territorjali (Ewropew, nazzjonali u reġjonali). Hemm bżonn ta’ ġestjoni parteċipattiva sabiex kemm jista’ jkun jittaffew ir-reżistenza u l-effetti negattivi li ġġib kull bidla. Dan l-involviment huwa dak li ser jippermetti li jkun hemm progress sostenibbli fl-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

    1.3

    Il-KESE jinnota bi tħassib li l-politiki ta’ inċentiv fiskali ekoloġiku sofrew tnaqqis profond fis-snin reċenti minħabba l-politiki ta’ “awsterità fiskali”, li qed ikollhom effett drammatiku li jnaqqsu l-attività ekonomika u jintilfu l-impjiegi. Il-FMI rrikonoxxa li l-effetti kontradittorji reali ta’ dawn il-politiki fuq l-attivitajiet tal-produzzjoni kienu ħafna aktar mill-istimi li saru s’issa.

    1.4

    Il-KESE jenfasizza li bl-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika inklużiva ser jiżdiedu l-possibbiltajiet tal-ħolqien tal-impjiegi. B’impjiegi ekoloġiċi ma nifhmux biss ir-relazzjonijiet ma’ xi wħud mis-setturi emerġenti ġodda imma anke dawk kollha li jinbtu mill-ekoloġizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni u prodotti fis-setturi kollha. Tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika teħtieġ politiki attivi tal-impjieg li jiżguraw il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol deċenti, inklużi t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ kontinwu għall-ħaddiema attivi. L-impjiegi għan-nisa u għaż-żgħażagħ f’dawn is-setturi ser ikunu l-qofol ta’ dan it-tkabbir.

    1.5

    Il-KESE jqis li politika industrijali li tkun ġiet maqbula bejn l-imsieħba soċjali hija fundamentali biex jiġu kkoordinati l-isforzi fl-innovazzjoni teknoloġika u sabiex jitħeġġu l-bidliet fl-infrastrutturi tal-produzzjoni ta’ ħafna setturi Ewropej milquta mill-ħolqien ta’ ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dan ser jeħtieġ ukoll sforz notevoli ta’ investiment fl-intrapriżi.

    1.6

    Il-KESE jemmen li l-UE għandha tintegra l-għanijiet tal-Istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki kollha tagħha, speċjalment fl-Istrateġija Ewropa 2020 u s-seba’ inizjattivi ewlenin tagħha. Hemm bżonn ta’ koerenza bejn l-istrateġiji differenti tal-UE u l-Kummissarji għandhom jitkellmu b’vuċi waħda dwar dan is-suġġett. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni għandha taħtaf l-opportunità ta’ reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija 2020 biex issaħħaħ l-aspetti dwar is-sostenibbiltà tagħha u tintegraha kompletament fl-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli. Ser ikun hemm bżonn ta’ definizzjoni u użu ta’ indikaturi li jirreferu għall-kwalità tat-tkabbir u li jkunu jistgħu jiġu segwiti u vvalutati.

    1.7

    Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu u għandhom jaqdu s-Semestru Ewropew u l-analiżi annwali tat-tkabbir biex jiġi żgurat is-segwitu tal-politiki ta’ żvilupp sostenibbli. Il-KESE iqis li hemm bżonn li jitneħħew is-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri rigward it-tassazzjoni dwar l-ambjent, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart u l-ilma u t-titjib fir-riċiklaġġ. F’dawn l-oqsma, l-Istati Membri għandhom ikunu aktar ambizzjużi u jistabbilixxu objettivi usa’.

    1.8

    Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni għall-2014-2020 għandu kontradizzjoni importanti: is-setturi ekonomiċi bl-ogħla emissjonijiet ta’ CO2 (djar, enerġija, industrija u trasport) mhumiex dawk li jirċievu l-ikbar ammont ta’ fondi mill-UE biex jgħinuhom jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, u għaldaqstant huwa kruċjali li dawn jiżdiedu b’mod sostanzjali u tiġi garantita applikazzjoni effikaċi u effiċjenti.

    1.9

    Il-KESE jemmen li hu partikolarment importanti li jitkompla l-proċess tat-tassazzjoni ekoloġika, inklużi l-inċentivi fiskali għan-negozji li jistabbilixxu fondi ta’ investiment għat-tibdil fil-klima, bil-kundizzjoni li l-ġestjoni tagħhom ssir b’mod konġunt mal-ħaddiema.

    1.10

    B’rabta mal-politika kummerċjali tal-UE, il-KESE jqis li, sabiex jiġu evitati r-riskji tar-rilokazzjoni industrijali, hemm bżonn li jitqies l-istabbiliment ta’ tariffi ekwivalenti għat-taxxi fuq is-CO2, għal dawk il-pajjiżi li ma jaċċettawx l-impenji internazzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Fl-2011, l-OECD u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) fasslu rapporti komprensivi dwar l-ekonomija ekoloġika. L-ILO nediet il-programm “Impjiegi ekoloġiċi” u wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-Konferenza Rio+20 tal-2012 kien “Ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar”.

    2.2

    FFl-2006 l-UE ġeddet l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u fl-2009 nediet l-pakkett ta’ miżuri dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima bil-għan li sal-2020 l-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’20 %, il-persentaġġ ta’ enerġija rinnovabbli jiżdied b’20 % u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiżdied b’20 % (1). L-UE għandha timmira lejn tnaqqis ieħor sal-2025 u l-2030. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza (2)”, il-“Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (3)”, “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, u “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (4).

    2.3

    Il-KESE minn dejjem appoġġja l-kunċett tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija bħala kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, u li l-proposti tas-soċjetà ċivili għandhom jitpoġġew fuq nett tal-politika Ewropea u nazzjonali sabiex ikun hemm bidla lejn ekonomija ekoloġika inklużiva, b’enfasi partikolari fuq il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-imsieħba soċjali kollha. Għalhekk, ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu jagħmlu referenza għad-diversi aspetti u l-proposti suċċessivi tal-Kummissjoni: il-KESE enfasizza li t-titjib tal-ekonomija ekoloġika u l-governanza la jista’ jinfired mill-promozzjoni tal-produzzjoni, mill-impjieg u mill-konsum sostenibbli, u lanqas mill-istrateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi jew mill-pakkett ta’ miżuri tal-UE għat-tibdil fil-klima.

    3.   L-ekonomija ekoloġika

    3.1

    L-ekonomija ekoloġika inklużiva għandha ssib bilanċ bejn il-prosperità ekonomika, koeżjoni soċjali akbar u aktar konservazzjoni u użu razzjonali tar-riżorsi naturali, li jżommu l-benesseri tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. L-għan tagħha huwa li l-produzzjoni ma tibqax materjali, jiġifieri li t-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi naturali u mill-ħolqien ta’ tniġġis u skart.

    3.2

    Skont l-ILO l-impjiegi ekoloġiċi huma dawk li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-intrapriżi u s-setturi ekonomiċi sakemm jintlaħqu livelli sostenibbli u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, il-materja prima u l-ilma, għat-tnaqqis tal-karbonizzazzjoni tal-ekonomija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Il-kunċett ta’ “impjieg ekoloġiku” huwa relattivament dinamiku peress li l-linja li tissepara l-“impjiegi ekoloġiċi” mill-“impjiegi mhux ekoloġiċi” tiddependi mill-proċess tal-innovazzjoni teknoloġika. Għalhekk, mhumiex biss ir-relazzjonijiet ma’ xi wħud mis-setturi emerġenti ġodda imma anke dawk kollha li jinbtu mill-“ekoloġizzazzjoni” tal-proċessi ta’ produzzjoni u prodotti fis-setturi kollha.

    3.3

    L-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika huwa determinat minn żewġ fatturi prinċipali: wieħed xprunat mill-politiki tat-tibdil fil-klima, u l-ieħor li jinbet mill-kompetizzjoni dejjem tiżdied tal-pajjiżi emerġenti biex jiksbu r-riżorsi li qed isiru dejjem iktar skarsi u jiswew aktar flus.

    3.4

    L-ekonomija ekoloġika mhix biss aġġustament settorjali bejn setturi emerġenti u oħrajn aktar tradizzjonali (li huma derivati mill-ispinta teknoloġika lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju), iżda tinkludi modernizzazzjoni ekoloġika tal-produzzjoni u l-konsum biex jiġu integrati l-għanijiet tat-tisħiħ tal-valur miżjud tal-intrapriżi u s-sostenibbiltà ambjentali, f’termini ta’ ffrankar tal-materjal, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fl-organizzazzjoni tal-ħidma, u anke r-relazzjoni stess bejn l-impjegati u l-intrapriża fit-titjib tal-produttività tal-fatturi kollha.

    3.5

    Tul dawn l-aħħar snin ħarġu fid-dieher il-limiti tal-kapaċità tad-dinja, kemm mil-lat tar-riżorsi naturali disponibbli biex tiġi indirizzata domanda dejjem ikbar, kif ukoll il-kapaċità tal-pjaneta li tassorbi l-iskart u t-tniġġis.

    3.6

    M’għandniex ninsew l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa: għadd dejjem jikber ta’ perjodi ta’ temp estrem, iż-żieda fil-livelli tal-ożonu u l-partikoli fl-atmosfera, u t-tossiċità li tirriżulta minn temperaturi ogħla u l-ħruġ mill-ġdid ta’ mard kontaġġuż li kien inqered fl-Ewropa.

    3.7

    It-trasformazzjoni tal-istruttura tal-enerġija u l-produzzjoni u t-trasport tal-ekonomiji żviluppati ewlenin, u ta’ parti kbira mill-ekonomiji emerġenti, f’dawn l-aħħar snin kienu ffokati fuq it-tranżizzjoni minn ekonomija b’użu kbir tal-karbonju għal ekonomija ġdida oħra b’użu baxx tal-karbonju fejn ħafna mill-enerġija ġġenerata tiġi minn sorsi nodfa rinnovabbli ta’ enerġija, jiġifieri minn sorsi li ma jiġġenerawx emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jew skart ieħor perikoluż.

    3.8

    Din it-trasformazzjoni profonda fil-produzzjoni, li xi wħud jirreferu għaliha bħala t-tielet rivoluzzjoni industrijali, mhux ser ikollha effett newtrali fuq il-kompetittività internazzjonali, l-iktar għal dawk il-pajjiżi, bħall-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, li huma importaturi netti tal-enerġija u l-materja prima. Għaldaqstant, mill-2009 ’l hawn, ħafna gvernijiet tal-pajjiżi tal-OECD, bdew iniedu pjani ta’ stimulu ambizzjużi fejn l-investiment fl-infrastrutturi u fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) ekoloġiċi kellu rwol fundamentali, bil-għan doppju li titħeġġeġ il-produzzjoni biex noħorġu malajr mir-riċessjoni attwali u biex niffaċċjaw, bil-pożizzjoni mexxejja, ir-ristrutturazzjoni produttiva attwali.

    3.9

    Madankollu, l-iżvilupp finanzjarju ta’ dawn il-pjani f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE, bħalma ġara fil-baġit tal-UE, kellhom jitrażżnu sew, fost raġunijiet oħra, minħabba l-politiki ta’ “awsterità fiskali”. Il-kap ekonomista tal-FMI rrikonoxxa li l-effetti kontradittorji ta’ dawn il-politiki fuq l-attivitajiet tal-produzzjoni kienu ħafna aktar mill-istimi li saru s’issa. Skont studju li sar fi 28 pajjiż, il-multiplikatur fiskali sa mill-kriżi li bdiet fl-2008 huwa bejn 0,8 u 1,7 (5).

    3.10

    Dan it-tnaqqis fl-impetus għall-ekonomija ekoloġika jista’ jiġġenera problemi kbar għal ħafna pajjiżi tal-UE, peress li bħalissa d-differenza fit-teknoloġija bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk emerġenti hija ħafna iżgħar u dinamika. L-Ewropa kollha m’għandha l-ebda garanzija li ser tkun minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi żviluppati b’ekonomiji b’livell baxx tal-karbonju. Fuq perjodu fit-tul, dan jista’ jwassal għal tensjonijiet qawwija fl-UE, li jistgħu jixħtu dubju fuq il-kapaċità li tkompli tiżviluppa soċjetà iktar avvanzata ekonomikament, iktar koeżiva soċjalment u iktar sostenibbli mil-lat ambjentali. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-UE għandha pożizzjoni b’saħħitha mil-lat tat-teknoloġija u l-produzzjoni f’diversi setturi industrijali li għandhom orjentazzjoni ċara lejn il-ġejjieni.

    3.11

    L-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika, permezz tal-investimenti u l-inċentivi neċessarji, ser iżid il-possibbiltajiet li jinħolqu l-impjiegi fl-Ewropa. M’għandniex ninsew l-attivitajiet attwali tal-produzzjoni li bħalissa jikkostitwixxu l-bażi ekonomika tal-pajjiżi tal-UE. Ħafna mill-impjiegi fl-industriji li bħalissa huma meqjusa li jniġġsu ser isiru ekoloġiċi billi jużaw proċessi li jwasslu għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-konsum tal-materja prima u t-tniġġis. Pereżempju, fis-settur tat-trasport bit-triq insibu l-intrapriżi li jiżviluppaw u jipproduċu l-vetturi elettriċi u ibridi u dawk għat-trasport pubbliku; is-setturi tal-inġinerija ċivili li jibnu l-linji għall-ferroviji b’veloċità għolja, li jirriżulta f’iffrankar konsiderevoli tal-enerġija għal kull passiġġier meta mqabbel mat-trasport konvenzjonali tal-ajru u tal-ferrovija; is-setturi tal-bini għat-titjib fl-użu tal-enerġija tad-djar li jkunu ftit effiċjenti fil-konsum tal-enerġija. Dan għandu jsir f’qafas ta’ żvilupp u tisħiħ tad-djalogu u l-konsultazzjoni soċjali kif ukoll tan-negozjar kollettiv, b’tali mod li r-riżultat aħħari jkun pożittiv f’termini ta’ impjieg (fil-kwantità u l-kwalità) u l-ekwità (fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji). Madankollu, hemm biss tmien pajjiżi fl-UE li għandhom definizzjoni uffiċjali ta’ impjieg ekoloġiku. Dan iwassal għal kalkoli differenti bbażati fuq definizzjonijiet u metodoloġiji differenti.

    4.   Il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fi tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika, fejn l-innovazzjoni teknoloġika hija fattur deċiżiv tal-kompetittività tal-intrapriżi

    4.1

    Karatteristika totalment ġdida ta’ din it-tielet rivoluzzjoni industrijali hija l-livell ta’ żvilupp li ntlaħaq mill-isforzi tal-produzzjoni u s-sensibilizzazzjoni u l-pressjoni soċjali konsiderevoli fit-temi tas-sostenibbiltà u l-ambjent. Fl-Ewropa, l-iżvilupp qawwi tal-organizzazzjonijiet tal-ekoloġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u korpi oħra tas-soċjetà ċivili huwa l-fattur li ser jippermetti l-bidliet futuri biex tiġi ġenerata ekonomija li hija għas-servizz ta’ żvilupp aktar maniġabbli, sostenibbli, soċjali u ambjentali, ħaġa mhux imaġinabbli fil-proċessi preċedenti, fejn il-bidliet teknoloġiċi u produttivi kienu determinati totalment mid-deċiżjonijiet tal-mikrointrapriżi.

    4.2

    L-ILO, fil-Patt Dinji għall-Impjieg approvat f’Ġunju 2009, stqarret b’mod espliċitu li d-djalogu soċjali huwa mekkaniżmu ta’ valur inkalkulabbli għat-tfassil tal-politiki adattati għall-prijoritajiet nazzjonali. Din hija bażi soda biex jissaħħaħ l-impenn ta’ min iħaddem u l-ħaddiema f’azzjoni konġunta mal-gvernijiet, ħaġa indispensabbli biex tingħeleb il-kriżi u biex jiġi avvanzat irkupru sostenibbli. Politika industrijali li tkun ġiet maqbula bejn l-imsieħba soċjali hija fundamentali biex jiġu kkoordinati l-isforzi fl-innovazzjoni teknoloġika u sabiex jitħeġġu l-bidliet fl-infrastrutturi tal-produzzjoni ta’ ħafna setturi Ewropej milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea b’konsum baxx ta’ karbonju u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

    4.3

    L-innovazzjoni teknoloġika hija fundamentali għall-ekonomija ekoloġika. Għalhekk, dawk is-setturi, l-intrapriżi u t-teknoloġiji li jixprunaw l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija ser jingħataw appoġġ finanzjarju kbir, kemm pubbliku kif ukoll privat peress li ser isaħħu l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea. F’dan il-kuntest, id-Deutsche Bank, bil-għan li jiggwida l-investiment privat, identifika dawn is-setturi bħala prijoritajiet fit-tibdil tal-klima:

    il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli;

    l-infrastrutturi u s-sistemi ta’ ġestjoni tad-distribuzzjoni tal-enerġija;

    fis-sistemi tat-trasport, il-bidla lejn it-trasport bil-ferroviji u bil-baħar, kif ukoll lejn il-karozzi ibridi fuq perjodu medju u l-bijokarburanti li ma jikkompetux mal-ikel għall-użu tal-art;

    il-kimika ekoloġika u r-riċerka dwar materjal ġdid;

    l-industriji bażiċi li jiffrankaw aktar l-enerġija, jiddependu inqas fuq l-estrazzjoni ta’ materja prima u li jużaw bl-aħjar mezz il-materjal ġdid li jniġġes inqas (inklużi l-industrija tal-azzar u l-produzzjoni tas-siment b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, eċċ);

    l-attivitajiet tal-kostruzzjoni li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini u jtejbu l-kapaċità tiegħu li jipproduċi l-enerġija;

    il-ġestjoni tal-iskart;

    l-agrikoltura (fertilizzaturi u insettiċidji nodfa, fost oħrajn);

    sistemi tal-purifikazzjoni u d-dekontaminazzjoni tal-ilma u t-tneħħija tal-melħ mill-ilma.

    4.4

    Għandhom jingħataw attenzjoni speċjali d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jiksbu biżżejjed fondi għall-investimenti neċessarji li jridu jwettqu fl-ekoinnovazzjoni.

    4.5

    Sabiex l-innovazzjoni tkun valur kompetittiv, il-mudell tal-organizzazzjoni tal-intrapriża għandu jqis prattiki li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-impjegati. L-ottimizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persunal fl-organizzazzjoni tax-xogħol u fl-ippjanar tal-intrapriża hija fattur li b’mod ċar jiżviluppa l-innovazzjoni u jippermetti li tinkiseb il-produttività. Din hija sfida biex tiġi modernizzata s-sistema tar-relazzjonijiet tax-xogħol u tan-negozjar kollettiv u r-rabtiet tagħhom mal-ġestjoni tal-intrapriża.

    4.6

    Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi hija wieħed mill-elementi ewlenin li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni ewlenija tal-Ewropa fit-teknoloġija f’ħafna setturi u li tgħinha żżomm il-kapaċità tagħha għall-esportazzjoni. Dan l-aspett m’għandux jitqies biss mill-perspettiva tar-ridistribuzzjoni tal-ġid maħluq, hekk kif fil-fatt huwa aspett deċiżiv tal-ħolqien tal-ġid, kif jirrikonoxxu l-intrapriżi stess (6). Fil-biċċa l-kbira, id-diffikultajiet tal-innovazzjoni huma prinċipalment relatati ma’ strutturi organizzattivi riġidi li jqisu lill-ħaddiem bħala sempliċiment għodda.

    5.   L-ekonomija ekoloġika fil-politiki Ewropej

    5.1

    Fil-Konferenza Rio+20, l-UE ddefendiet ekonomija ekoloġika inklużiva li tippermetti l-progress li jwassal għall-iżvilupp sostenibbli. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tippromovi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, waqt li tqiegħed l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija fil-qalba tal-attivitajiet tagħha li jsegwu Rio+20. Il-gvernijiet għandhom jiżviluppaw id-djalogu soċjali biex jiżguraw l-involviment tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess.

    5.2

    Bħala għajnuna biex tiġi applikata l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, fl-2012 il-Kummissjoni stabbilixxiet Pjattaforma Ewropea, li ser tippreżenta rapport intermedju fl-2013 u rapport finali fl-2014, dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Din il-Pjattaforma ser taħdem fuq proposti konkreti għal trażizzjoni lejn ekonomija ekoloġika f’dawn l-oqsma: “Kundizzjonijiet qafas għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli” u “It-twaqqif ta’ għanijiet u l-kejl tal-progress”. Għalhekk għandha tiġi stabbilita sistema soda ta’ indikaturi lil hinn mill-PDG li tindika r-riżultati ta’ dawn il-politiki fis-setturi involuti u s-soċjetà kollha kemm hi (il-ksib tal-kompetittività, it-titjib tal-kundizzjonijit tax-xogħol tal-ħaddiema, il-persentaġġ tar-riċiklaġġ, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-użu tar-riżorsi, il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tat-tniġġis) u “L-Ekonomija cirkolari/l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija”.

    5.3

    Huwa ta’ importanza partikolari li nipproċedu bit-tassazzjoni ambjentali u bit-tnaqqis tas-sussidji għolja għall-karburanti fossili li jeżistu f’ħafna pajjiżi tal-UE, peress li l-prezzijiet ta’ ħafna prodotti u servizzi ma jindikawx korrettament l-ispejjeż globali tal-produzzjoni għax l-ispiża tat-tniġġis hija esternalizzata. Il-politiki tal-ekotikkettar volontarju wrew li ma kinux biżżejjed, l-iktar peress li fi kriżi bħal dik attwali, iktar u iktar konsumaturi qegħdin jagħtu importanza lill-prezz ta’ prodott u mhux il-kwalità ambjentali tiegħu. Sabiex politika ta’ tassazzjoni ekoloġika tilħaq grad għoli ta’ kunsens soċjali jridu jitqiesu l-effetti tagħha fuq il-kapaċità kompetittiva tal-intrapriżi u r-riperkussjonijiet soċjali tagħha fuq iċ-ċittadini, magħrufa bħala “tifqir tal-enerġija”, u jiġu żviluppati politiki komplementari (industrijali, kummerċjali u ta’ għajnuna għall-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati) li jtaffuha. Fl-istess ħin, għandhom jinħolqu inċentivi fiskali sabiex il-profitti korporattivi jerġgħu jiġu investiti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 (permezz tal-Fondi ta’ Investiment mill-Ġdid Kontra t-Tibdil fil-Klima) u impatti ambjentali negattivi oħra, dejjem sakemm il-ġestjoni tagħhom fl-intrapriżi ssir b’mod konġunt mill-ħaddiema.

    5.4

    Il-Kummissjoni approvat il-proposta tagħha għas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, li jistabbilixxi l-kontribut tal-politika ambjentali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom japprovaw dan il-Programm u l-KESE ħejja Opinjoni speċifika (7). Madankollu, ir-realtà tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-2014-2020 tippreżenta kontradizzjoni importanti: is-setturi ekonomiċi bl-ogħla emissjonijiet tas-CO2 (id-djar, l-enerġija, l-industrija u t-trasport) mhumiex dawk li jirċievu l-ikbar ammont ta’ fondi tal-UE.

    5.5

    B’rabta mal-politika kummerċjali tal-UE, għandu jitqies li, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni, iż-żieda tat-tassazzjoni fuq il-karbonju għandha twassal biex jiġu stabbiliti tariffi ekwivalenti għal dawk il-pajjiżi li ma jikkonformawx ma’ ftehimiet internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Tariffa fuq il-karbonju hija restrizzjoni għall-kummerċ ħieles iżda dan diġà ġie aċċettat mill-komunità internazzjonali f’każijiet oħra. Il-Protokoll ta’ Montreal stabbilit sabiex jipproteġi s-saff tal-ożonu jirrikonoxxi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet kummerċjali biex jiġi żgurat l-infurzar, b’tali mod li l-kummerċ ħieles ma jkunx għan fih innifsu iżda mezz biex jinħoloq il-ġid b’mod sostenibbli. M’hemm l-ebda dubju li huwa iktar importanti li nevitaw diżastru globali ġġenerat mit-tibdil fil-klima milli nżommu s-swieq dinjija miftuħa bi prodotti b’livell għoli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

    Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Sommarju f’COM(2011) 21 final, Anness 1 u http://ec.europa.eu/clima/policies/package/index_en.htm

    (2)  COM(2011) 21 final.

    (3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0112:FIN:MT:PDF

    (4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0571:FIN:MT:PDF

    (5)  Il-karta ta’ ħidma/13/1 tal-FMI. Growth Forecast Errors and Fiscal Multipliers (L-iżbalji previsti fit-tkabbir u l-multiplikaturi fiskali). Imħejjija minn Oliver Blanchard u Daniel Leigh. Jannar, 2013.

    (6)  Il-proġett EPOC tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE”, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.


    Top