Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0260

    Kawża C-260/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja) fit- 13 ta’ Mejju 2013 — Sevda Aykul vs Land Baden-Württemberg

    ĠU C 189, 29.6.2013, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Mejju 2013 — Sevda Aykul vs Land Baden-Württemberg

    (Kawża C-260/13)

    2013/C 189/28

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Sigmaringen

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Sevda Aykul

    Konvenut: Land Baden-Württemberg

    Domandi preliminari

    (1)

    L-obbligu tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri, li huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126/KE (1), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipprovdi li d-dritt għall-użu tal-liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja għandu jiġi rrevokat ex post facto mill-awtoritajiet amministrattivi jekk id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan barranija jsuq vettura fil-Ġermanja abbażi ta’ din il-liċenzja taħt l-effett ta’ drogi illegali u sussegwentement jitqies li ma huwiex kapaċi li jsuq skont id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi rilevanti?

    (2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, dan ikun ukoll il-każ meta l-Istat emettenti jkollu għarfien tal-fatt li l-persuna inkwistjoni tkun qiegħda ssuq taħt l-effett tad-drogi iżda ma jieħu ebda azzjoni u għalhekk jissokta r-riskju assoċjat mad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan barranija?

    (3)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tissuġġetta l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja għall-kundizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw tali stabbiliment mill-ġdid?

    (4)

    (a)

    Ir-riżerva fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija stabbilit fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126/EC tiġġustifika azzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan minn Stat Membru għajr l-Istat emettenti? Pereżempju, din ir-riżerva tawtorizza revoka ex post facto tad-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja permezz ta’ miżura kawtelatorja tad-dritt kriminali?

    (b)

    Jekk ir-risposta għad-domanda 4(a) tkun fl-affermattiv, huwa l-Istat Membru li jkun impona l-miżura kawtelatorja jew l-Istat emettenti li, b’kunsiderazzjoni għall-obbligu ta’ rikonoxximent, għandu ġurisdizzjoni li jistabbilixxi mill-ġdid id-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja?


    (1)  Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18)


    Top