Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0806

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” COM(2011) 809 finali — 2011/0401 (COD), “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” COM(2011) 810 finali — 2011/0399 (COD), “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li Jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” COM(2011) 811 finali — 2011/0402 (CNS), “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta ‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — Orizzont 2020’ ” COM(2011) 812 finali — 2011/0400 (NLE)

ĠU C 181, 21.6.2012, pp. 111–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)”

COM(2011) 809 finali — 2011/0401 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)”

COM(2011) 810 finali — 2011/0399 (COD),

“Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li Jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)”

COM(2011) 811 finali — 2011/0402 (CNS),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta ‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — Orizzont 2020’”

COM(2011) 812 finali — 2011/0400 (NLE)

2012/C 181/20

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar il-15 ta’ Diċembru u nhar it-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 173(3) u 182(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020)”

COM(2011) 809 final – 2011/0401 (COD).

Nhar id-19 ta’ Diċembru u nhar it-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 173, 183 u 188(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f'“Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020)”

COM(2011) 810 final – 2011/0399 (COD).

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 182(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li Jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)

COM(2011) 811 final – 2011/0402 (CNS).

Nhar il-21 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta “Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020”

COM(2011) 812 final – 2011/0400 (NLE).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'122 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' u jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni u l-approċċ integrat assoċjat magħhom, u jemmen li huma elementi essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li tagħti lir-riċerka u l-innovazzjoni aktar importanza milli ngħataw s'issa. Jemmen li dan jirrappreżenta progress konsiderevoli, anke b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu. Madankollu, jinnota li f'ċerti punti għad hemm bżonn ta’ xi żidiet, kjarifiki u korrezzjonijiet.

1.2   Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-proposti dwar is-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà. Dawn għandhom jitfasslu b'tali mod li tiġi żgurata l-akbar kontinwità possibbli u li ma tiżdiedx il-kumplessità.

1.3   L-intenzjonijiet espressi rigward il-governanza għandhom jiġu sostanzjati b'mod dettaljat malajr kemm jista' jkun, u dan jirrikjedi qbil bejn dawk kollha kkonċernati.

1.4   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport interim dwar l-esperjenzi tal-“Orizzont 2020”, l-implimentazzjoni u l-organizzazzjoni tiegħu wara perjodu ta’ sentejn biss.

1.5   L-immaġni professjonali tar-riċerkaturi Ewropej għandha ssir aktar attraenti b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tat-2 ta’ Marzu 2010 (1) bil-għan li jitneħħew jew jiġu kumpensati l-iżvantaġġi soċjali attwali.

1.6   Id-dokumenti tal-Kummissjoni (Programm Qafas, regoli għall-parteċipazzjoni, Programm Euratom), fejn issa qed jiġi propost li l-forma legali tkun “regolament”, għandhom iżommu l-forma legali li ntużat s'issa, jiġifieri “deċiżjoni”, sakemm il-Kummissjoni ma tipprovdix raġuni konvinċenti għal din il-bidla.

1.7   Il-Kumitat jilqa' u jappoġġja l-partijiet kollha u r-regoli tal-programm, b'mod partikolari dawk li huma ta’ benefiċċju għall-innovazzjoni soċjali, ir-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, l-SMEs u l-universitajiet.

1.8   L-istrument prinċipali tal-“Orizzont 2020” għandu jibqa' l-proġetti ta’ kollaborazzjoni li jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati, b'għadd prattiku ta’ parteċipanti.

1.9   L-infrastrutturi huma x-xempju tal-valur miżjud Ewropew b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan għandu jiġi rifless b'mod ċar fl-allokazzjoni indikattiva tal-baġit.

1.10   Fir-rigward tal-“isfidi tas-soċjetà”, għandha tingħata aktar importanza lill-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jippromovu sistema tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta’ CO2.

1.11   Barra minn hekk, il-lista ta’ “sfidi tas-soċjetà” għandha tinkludi wkoll il-kwistjoni importanti tal-“kapaċità innovattiva tas-soċjetà u l-intrapriżi”.

1.12   It-teknoloġiji ewlenin jgħinu kemm il-kompetittività industrijali kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali. Il-Kumitat jappoġġja b'mod espliċitu t-tisħiħ tagħhom.

1.13   Meta jkunu qed jitfasslu l-kriterji ta’ evalwazzjoni b'rabta mal-promozzjoni tar-riċerka, l-eċċellenza għandha tkompli tingħata prijorità għaliex tat prova li hi tajba. Fil-promozzjoni tar-riċerka, l-evalwazzjoni tas-suq ukoll taqdi rwol importanti, għalkemm dejjem tkun kriterju diffiċli ħafna.

1.14   Il-kontradizzjonijiet li jista' jkun hemm bejn l-għanijiet ta’ politika tar-riċerka ffokata fuq ix-xjenza u dawk ta’ politika tal-industrija u l-kompetizzjoni li tippromovi l-innovazzjoni għandhom jiġu identifikati sabiex tinsab soluzzjoni adatta għal kull waħda minnhom.

1.15   Sabiex l-integrazzjoni tal-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni tirnexxi, hemm bżonn li bosta direttorati ġenerali u servizzi tal-Kummissjoni jaħdmu id f'id. Il-Kumitat jappoġġja dawn l-isforzi. Barra minn hekk, jinħtieġu uffiċjali esperti li jkunu ilhom u jibqgħu midħla tal-qasam ta’ riċerka. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb u żżomm l-għarfien espert xjentifiku u tekniku tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tagħti ġudizzju.

1.16   L-għanijiet ewlenin tal-Programm Euratom għandhom ikunu, kif inhu propost, is-sikurezza nukleari, ir-rimi permanenti tal-iskart radjuattiv ħafna u l-iżvilupp tal-fużjoni nukleari, bil-proġett internazzjonali ITER bħala l-inizjattiva ewlenija. L-istruttura tal-Programm għandha tara li jinżammu l-appoġġ u l-impenn tal-Istati Membri.

1.17   L-istrumenti u t-termini speċjalizzati fl-“Orizzont 2020” għandhom jiġu spjegati b'mod li jifhimhom kulħadd sabiex il-Programm jintuża b'mod aktar faċli. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li l-SMEs jingħataw pariri adegwati u kompetenti.

2.   Deskrizzjoni qasira tal-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni

Din l-opinjoni tittratta dwar il-pakkett ta’ proposti t'hawn taħt li l-Kummissjoni ppreżentat f'dokumenti separati:

1)

proposta għall-Programm Qafas “Orizzont 2020” għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020;

2)

proposta għal sett uniku ta’ regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni;

3)

proposta għal Programm Speċifiku uniku li jimplimenta l-“Orizzont 2020”; kif ukoll

4)

proposta għall-partijiet tal-“Orizzont 2020” li jikkorispondu għat-Trattat Euratom.

Ilkoll flimkien dawn id-dokumenti fihom mat-380 paġna. Il-punti ewlenin tagħhom ser jiġu ppreżentati fil-qosor fil-paragrafi 2.1 sa 2.4, u dawn għandhom iservu ta’ referenza għall-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat imbagħad iressaq fil-kapitoli minn 3 sa 7.

2.1   Programm Qafas Orizzont 2020

2.1.1   B'differenza mid-drawwa li segwiet s'issa, il-Kummissjoni ma pproponietx it-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku kif kien mistenni. Minflok, fil-Green Paper (2) jingħad li l-Programm Qafas “Orizzont 2020” għandu jiġbor flimkien l-attivitajiet li bħalissa huma appoġġjati fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, il-partijiet tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li huma rilevanti għall-innovazzjoni kif ukoll dawk appoġġjati mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hawnhekk qed tipproponi “regolament” minflok “deċiżjoni” tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif sar s'issa.

2.1.2   Jingħad li l-għanijiet u l-punti ewlenin tal-politika ta’ finanzjament tal-“Orizzont 20202” huma:

a)

xjenza eċċellenti, b'baġit propost ta’ EUR 27 818 miljun;

b)

tmexxija industrijali, b'baġit propost ta’ EUR 20 280 miljun;

c)

sfidi tas-soċjetà, b'baġit propost ta’ EUR 35 888 miljun.

2.1.3   Għan ieħor hu li jiġi ssemplifikat l-aċċess għall-Programm Qafas u l-parteċipazzjoni fih.

2.1.4   Il-baġit totali propost għall-Orizzont 2020 huwa ta’ madwar EUR 88 biljun, u dan għandu jiġi kkomplementat permezz ta’ finanzjament mill-Fondi Strutturali u l-programm tal-edukazzjoni.

2.2   Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

2.2.1   Dawn jikkonċernaw il-metodi tal-parteċipazzjoni fil-Programm Qafas. Huma għandhom jiggarantixxu qafas legali uniku u flessibbli li jissemplifika l-proċeduri u jkunu japplikaw għall-komponenti kollha tal-Orizzont 2020. Barra minn hekk, titħalla l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti u eċċezzjonijiet.

2.2.2   Tiġi stabbilita rata ta’ finanzjament unika mingħajr ma tagħmel differenza fost il-parteċipanti. Barra minn dan, ser jintużaw aktar is-somom f'daqqa (lump sums), ir-rati fissi u l-ispejjeż tal-iskala ta’ unità, filwaqt li jiġu aċċettati b'mod wiesa' l-prattiċi ta’ kontabbiltà normali tal-benefiċjarji tal-għotja.

2.2.3   Għall-għajnuna finanzjarja fil-każ ta’ spejjeż diretti eliġibbli ġew previsti r-rati ta’ finanzjament li ġejjin:

a)

L-għotja tal-Orizzont 2020 tista' tilħaq massimu ta’ 100 % tat-total tal-ispejjeż diretti eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament.

b)

L-għotja tal-Orizzont 2020 għandha tkun limitata għal massimu ta’ 70 % tat-total tal-ispejjeż diretti eliġibbli għall-azzjonijiet li ġejjin:

azzjonijiet li primarjament jikkonsistu minn attivitajiet bħal ħolqien ta’ prototipi, ittestjar, dimostrazzjoni, żvilupp sperimentali, pilotaġġ, replikazzjoni tas-suq;

azzjonijiet kofinanzjati minn programmi.

2.2.4   L-ispejjeż indiretti eliġibbli jiġu determinati bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 20 % tat-total tal-ispejjeż diretti eliġibbli, jew inkella l-programm ta’ ħidma jista' jippermetti l-finanzjament permezz ta’ somom f'daqqa jew il-finanzjament tal-ispejjeż tal-iskala ta’ unità.

2.2.5   Għall-parteċipazzjoni f'dan japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

2.2.5.1

Tal-inqas tliet entitajiet legali għandhom jipparteċipaw f'azzjoni.

Kull waħda mit-tlieta għandha tkun stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat.

It-tliet entitajiet legali jridu jkunu stabbiliti fi Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti;

It-tliet entitajiet legali kollha għandhom ikunu indipendenti minn xulxin fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7.

2.2.5.2

B'deroga għal dan, fil-każijiet li ġejjin il-kundizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta’ entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat:

a)

azzjonijiet għal riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC),

b)

meta jintuża l-istrument ta’ SME,

c)

azzjonijiet kofinanzjati minn programmi,

d)

f'każijiet ġustifikati previsti fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma, kif ukoll

e)

fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ u azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà.

2.2.6   Proċeduri ta’ evalwazzjoni

2.2.6.1   Il-proposti sottomessi għandhom jiġu evalwati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

a)

eċċellenza;

b)

impatt;

c)

kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni.

2.2.6.2   Il-proposti għal riċerka fil-fruntieri tal-għarfien (ERC) jiġu evalwati biss abbażi tal-kriterju tal-eċċellenza.

2.3   Programm Speċifiku

2.3.1   Filwaqt li s-Seba' Programm Kwadru juża diversi “programmi speċifiċi” (pereżempju “Kooperazzjoni” jew “Kapaċitajiet”), issa l-Kummissjoni qed tipproponi “programm speċifiku” wieħed li jinkludi d-diversi għanijiet u strutturi ta’ finanzjament fil-qafas ta’ sottoprogrammi.

2.3.2   L-erba' sottoprogrammi huma:

I.

Xjenza eċċellenti, li jinkludi

i.

riċerka fil-fruntieri tal-għarfien (ERC),

ii.

riċerka dwar teknoloġiji futuri u emerġenti (FET),

iii.

“azzjonijiet Marie Curie”, u

iv.

infrastrutturi ta’ riċerka Ewropej.

II.

Tmexxija industrijali, li jinkludi

i.

teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

ii.

nanoteknoloġiji,

iii.

materjali,

iv.

bijoteknoloġija,

v.

manifattura u proċessar, u

vi.

spazju.

Ma' dawn jiżdiedu t-titjib tal-aċċess għal finanzjament ta’ riskju u ż-żieda fl-innovazzjoni fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

III.

Sfidi tas-soċjetà, li jinkludi

i.

saħħa, bidla demografika u benesseri,

ii.

sikurezza tal-ikel, agrikoltura sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima, u l-bijoekonomija,

iii.

enerġija sigura, nadifa u effiċjenti,

iv.

trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat,

v.

azzjoni klimatika, użu effiċjenti tar-riżorsi u materja prima,

vi.

soċjetajiet Ewropej inklużivi, innovattivi u siguri.

IV.

L-għan tal-azzjonijiet mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) hu li tissaħħaħ il-bażi ta’ evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika, jiġu spjegati b'mod ċar il-proċessi naturali sottostanti għall-isfidi tas-soċjetà, u li jiġu eżaminati l-oqsma emerġenti tax-xjenza u teknoloġija.

(L-azzjonijiet nukleari tal-JRC jinsabu fil-parti dwar il-Euratom.)

2.4   Programm Euratom 2014-2018

2.4.1   Il-Programm Euratom ikopri l-attivitajiet ta’ riċerka b'rabta mal-enerġija nukleari (fużjoni nukleari u fissjoni nukleari) u mal-protezzjoni mir-radjazzjoni. B'differenza mid-drawwa li kien hemm s'issa, il-Programm ma ġiex propost bħala deċiżjoni iżda bħala regolament. Hu għandu jikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet strateġiċi tal-Orizzont 2020 (punt 2.1.2). Skont it-Trattat Euratom, il-Programm huwa limitat għal perjodu ta’ ħames snin, u għalhekk jintemm fl-2018.

2.4.2   L-azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom jikkonċernaw:

a)

l-operat sikur tas-sistemi nukleari,

b)

is-soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart nukleari aħħari,

c)

l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tal-kompetenzi nukleari (fissjoni nukleari),

d)

il-promozzjoni tal-protezzjoni mir-radjazzjoni,

e)

l-attivitajiet ta’ żvilupp fil-qasam tal-fużjoni nukleari permezz tal-faċilitajiet sperimentali eżistenti u futuri,

f)

l-iżvilupp ta’ materjali, teknoloġiji u disinni kunċettwali,

g)

il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali,

h)

l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka.

2.4.3   Fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti l-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitati konsultattivi.

2.4.4   L-azzjonijiet diretti jirrigwardaw il-Programm għar-Riċerka u l-Iżvilupp taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka.

2.4.5   Għall-ITER ġiet ippreżentata deċiżjoni separata, billi l-finanzjament ta’ dan il-proġett ser ikun barra mill-qafas finanzjarju multiannwali.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

Minħabba t-tul tal-erba' dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, il-Kumitat jista' jikkummenta biss fuq għadd żgħir ta’ punti li jikkunsidrahom ta’ importanza fundamentali.

3.1   Approvazzjoni ġenerali

Il-Kumitat jilqa' u jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni bħala element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Jemmen li dawn jirrappreżentaw approċċ integrat effettiv. Huwa jinnota li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu (pereżempju dwar is-semplifikazzjoni (3), dwar il-Green Paper (4) u dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni (5)) ġew ikkundsidrati, u għalhekk jagħmel referenza għal dawn l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jitressqu fihom. Madankollu, jinnota li f'ċerti punti għad hemm bżonn ta’ xi żidiet, kjarifiki u korrezzjonijiet.

3.2   Prijoritajiet, baġit, għan ta’ 3 % u l-effett ta’ lieva

3.2.1   Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ser jiddeterminaw il-pożizzjoni futura tal-Ewropa fid-dinja. Minħabba din l-importanza deċiżiva tagħhom, huma għandhom jingħataw prijorità konsiderevolemnt ogħla mhux biss fil-Kummissjoni iżda wkoll, u b'mod partikolari, fl-Istati Membri. Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon li l-baġit propost għall-Orizzont 2020 juri verament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tpoġġi enfasi akbar minn qatt qabel fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fuq l-investimenti meħtieġa għalihom. Dan hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet ripetuti tal-Kumitat u għalhekk għandu l-appoġġ sħiħ tiegħu. Madankollu, jidher b'mod oġġettiv li l-baġit propost bħalissa għadu insuffiċjenti minħabba l-għan ta’ 3 % diskuss hawn taħt u l-għanijiet tematiċi ambizzjużi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Però l-Kumitat jirrikonoxxi li dan hu kompromess fattibbli fil-kuntest tar-restrizzjonijiet prattiċi l-oħra.

3.2.2   Fl-2002, il-Kunsill ta’ Barċellona adotta l-għan ta’ 3 % għall-Istrateġija ta’ Lisbona, li ntemmet fl-2010, liema għan kien maħsub fuq kollox għall-politika ta’ finanzjament tal-Istati Membri u l-industriji tagħhom. L-għan kien jgħid li sa l-2010 l-Istati Membri kellhom jużaw 3 % tal-Prodott Domestiku Gross għar-riċerka u l-iżvilupp, b'terz minn dan l-ammont ikun ġej mill-finanzjament pubbliku u żewġ terzi mill-industrija. S'issa dan l-għan ma ntlaħaqx, la bħala medja Ewropea u lanqas f'bosta Stati Membri. Għalhekk reġa' ġie inkluż fl-Istrateġija Ewropa 2020.

3.2.3   Il-politika ta’ finanzjament stabbilta fil-Programm Orizzont 2020 għandha tipprovdi effett ta’ lieva deċiżiv, sabiex għall-inqas din id-darba l-għan ta’ 3 % jintlaħaq. B'xorti ħażina, minkejja li l-baġit żdied, xorta għad hemm id-dubji dwar kemm dan ser jipprovdi l-effett ta’ lieva li hemm bżonn biex jintlaħaq l-għan. Il-baġit Komunitarju totali jikkontribwixxi għal madwar 1 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Istati Membri. Persentaġġ ta’ ftit inqas minn 9 % minnu huwa allokat għall-Orizzont 2020. B'hekk, l-effett ta’ lieva kwantitattiv għadu inqas minn 1:30. Dan ifisser li l-baġit propost jista' jitqies biss bħala l-ewwel pass meħtieġ lejn l-ammont ta’ finanzjament li verament hemm bżonn, u għalhekk fl-ebda każ m'għandu jitnaqqas.

3.3   Semplifikazzjoni u kontinwità

Il-KESE jappoġġja b'mod partikolari l-miżuri maħsuba għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, li ilha tintalab żmien twil (6). Hawnhekk teżisti linja fina diffiċli bejn is-semplifikazzjoni, l-ispeċifiċità tal-każijiet u l-kontinwità li hija mitluba wkoll – din hija linja li għad trid tiġi rfinata. Madankollu, dan fl-ebda każ m'għandu jeħodna lura għall-proċeduri kumplessi żżejjed li jieħdu żmien twil.

3.4   Libertà u flessibbiltà

Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-fatt li, flimkien mal-ftit regoli sempliċi, l-istruttura tal-programm u l-allokazzjoni tal-baġit iħallu ammont suffiċjenti ta’ flessibbiltà u libertà (Programm Speċifiku, Titolu I, Artikolu 6 “Baġit”). Għalhekk, huwa partikolarment importanti li jiġu ċċarati l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet futuri, speċjalment ir-rwol tal-kumitati tal-programm.

3.5   Governanza

Il-Kumitat jappoġġja l-premessi u l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 21 tal-COM(2011) 809 final), b'mod partikolari l-enfasi fuq il-proċessi minn isfel għal fuq (bottom-up). Jappoġġja wkoll l-intenzjoni li jkun hemm interazzjoni regolari mal-utenti aħħarija, iċ-ċittadini, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkunu ser jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-Programm Speċifiku.

3.5.1   Fl-opinjoni tal-Kumitat, madankollu, dawn l-istqarrijiet ġenerali ħafna tal-Kummissjoni jridu jiġu kkomplementati b'indikazzjonijiet dettaljati u preċiżi dwar kif ser jipproċedi l-Programm kif ukoll dwar id-deċiżjonijiet rilevanti, l-allokazzjonijiet (anke baġitarji) u l-informazzjoni tematika speċifika. Il-governanza meħtieġa għandha tiċċara b'mod suffiċjenti sa liema punt, b'liema strutturi u fuq liema livelli tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (pereżempju l-kumitati tal-programm) il-partijiet interessati kkonċernati u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ser ikunu involuti b'mod bilanċjat f'dawn il-proċessi u l-programmi ta’ ħidma. Il-Kummissjoni wara kollox tixtieq li fil-programmi ta’ ħidma ma jiġux trasferiti t-temi biss, iżda wkoll ir-regoli dettaljati dwar il-baġits, l-istrumenti ta’ finanzjament, l-ammonti tal-finanzjament u, jekk jagħti l-każ, l-outsourcing għall-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, l-“inizjattivi Artikolu 185”, eċċ.

3.5.2   Billi fil-proposta l-Kummissjoni tindika wkoll li beħsiebha tuża aġenziji eżekuttivi jew strutturi esterni oħra, b'konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, hemm bżonn ta’ kjarifika usa' rigward ir-rwol, is-setgħat u l-kontroll tagħhom.

3.5.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn il-kwistjonijiet jiġu ċċarati f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li jiġu ppreżentati f'dokument ta’ akkumpanjament, u li mbagħad tinstema' l-opinjoni tal-Kumitati dwarhom. Fl-istess ħin, iwissi li dan il-proċess ta’ organizzazzjoni m'għandux jerġa' jwassal, kważi bil-moħbi, għar-regolamentazzjoni (żejda) u l-kumplessità li kien hemm s'issa, speċjalment fil-programmi ta’ ħidma (ara wkoll il-punt 3.3). Il-kontinwità mal-proċessi preċedenti għandha tinkiser biss jekk ma jkunx hemm mod ieħor kif jiġu ssemplifikati l-proċeduri.

3.6   Duplikazzjoni tal-isforzi

Xi sottotemi u kwistjonijiet fis-sottoprogrammi tal-“Programm Speċifiku” jaf jkunu ddupplikati. Filwaqt li jżid il-flessibbiltà, dan iwassal biex jiġu ttrasferiti l-prijoritajiet u jagħmel is-superviżjoni u l-organizzazzjoni tagħhom diffiċli. Pereżempju, is-sottoprogrammi “Xjenza Eċċellenti” jew “Tmexxija Industrijali” jistgħu jikkontribwixxu għarfien u impulsi deċiżivi għas-sottoprogramm “Sfidi tas-Soċjetà”.

3.7   Rapport interim

Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li, minbarra r-“rapport interim” li għandu jsir wara erba' snin (bħall-evalwazzjoni prevista fil-COM(2011) 52 final), wara sentejn biss li jibda l-Programm il-Kummissjoni tista' tippreżenta “rapport interim” li jitkellem dwar l-attivitajiet u l-esperjenzi miksuba sa dak iż-żmien min-naħa tal-Kummissjoni u tal-partijiet interessati, speċjalment fir-rigward tal-governanza mitluba hawnhekk.

3.8   Allokazzjoni indikattiva tal-baġit

Minkejja l-limiti ppreżentati, il-Kumitat jilqa' wkoll l-allokazzjoni indikattiva proposta tal-baġit u t-tqassim tal-baġit fost is-sottoprogrammi individwali u s-sottotemi tagħhom. Dan japplika wkoll b'mod partikolari għall-appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll għall-problemi u l-kwistjonijiet soċjali. It-tliet eċċezzjonijiet għal dan ser jiġu indirizzati aktar 'l isfel (punti 4.3, 4.2.1 u 4.2.2). Barra minn hekk, għandu jiġi spjegat b'mod trasparenti xi rwol ser ikollha l-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali u reġjonali (pereżempju tal-programm il-ġdid ERA Net) meta mqabbel mal-finanzjament dirett għar-riċerka.

3.9   Il-professjoni tar-riċerka

Fil-premessa (22) tal-proposta dwar l-istabbiliment tal-Programm Qafas, il-Kummissjoni tenfasizza li “Orizzont 2020 għandu jikkontribwixxi għall-attrattività tal-professjoni tar-riċerka fl-Unjoni.” F'dan ir-rigward, madankollu, il-Kumitat stenna dettalji speċifiċi dwar il-miżuri li sadanittant ittieħdu bħala risposta għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” (7) tat-2 ta’ Marzu 2010 u biex tittejjeb tassew il-qagħda soċjali tax-xjentisti żgħażagħ (ara l-Kapitolu 6 għal aktar dettalji).

3.10   Regolament jew deċiżjoni

Għall-Kumitat mhux ċar, u ma sab l-ebda ġustifikazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-esperjenza preċedenti, għaliex il-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrikjedi jew jippermetti li nitbiegħdu mill-prattika attwali u li flok deċiżjoni jiġi propost regolament fi tnejn oħra mid-dokumenti ppreżentati. Il-Kumitat jirrakkomanda li tinżamm il-prattika attwali, sakemm il-Kummissjoni ma tippreżentax raġuni legali ċara għall-bidla.

3.11   Approċċ koordinat tal-Kummissjoni

Bosta aspetti tal-politika Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni jirrikjedu approċċ koordinat, kooperattiv u effiċjenti mhux biss bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda wkoll bejn id-diversi Kummissarji, Direttorati Ġenerali u servizzi fi ħdan il-Kummissjoni. Dan jinkludi l-politika tal-edukazzjoni, il-qagħda soċjali tar-riċerkaturi, il-Fondi Strutturali, il-politika ta’ koeżjoni, il-politika industrijali u tal-kompetizzjoni, il-politika tal-enerġija, il-politika tas-saħħa, il-politika ambjentali, eċċ. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward u tiżviluppa l-proċeduri u l-istrumenti neċessarji.

3.12   Persunal espert

Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni urġenti tiegħu (8) li l-korpi ta’ finanzjament, b'mod speċjali l-Kummissjoni (jew l-aġenziji eżekuttivi ppjanati), għandhom jinvolvu persunal espert li jkun ta prova ta’ għarfien xjentifiku eċċellenti u li jkun ilu u jibqa' midħla sew tal-qasam ikkonċernat kif ukoll tal-karatteristiċi speċifiċi u l-“komunità” tiegħu. Ir-rotazzjoni regolari tal-impjiegi hija kontraproduttiva ħafna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

3.12.1   Iż-żamma tal-għarfien espert u tal-impenn

Barra minn hekk, il-Kumitat huwa preokkupat li t-tendenza msemmija li l-kompiti u l-attivitajiet tal-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu ttrasferiti mill-Kummissjoni għall-aġenziji twassal biex il-Kummissjoni mhux biss titlef l-għarfien espert u l-kapaċità tagħha li tagħti ġudizzju, iżda wkoll ma tkunx tista' tidentifika lilha nnifisha biżżejjed mal-kontenut fattwali. Issa, din l-identifikazzjoni hija essenzjali sabiex il-Kummissjoni tirrappreżenta t-tema importanti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fuq livell politiku b'kompetenza, suċċess u entusjażmu. B'dan l-approċċ jintilef piż importanti fis-sistema fraġli taċ-“checks and balances”.

3.13   Azzjonijiet oħrajn – Strateġija Ewropa 2020

Il-Kumitat jemmen li l-Programm Orizzont 2020 huwa komponent meħtieġ u deċiżiv fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Però jrid jiġi kkomplementat permezz ta’ azzjonijiet importanti oħrajn kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll, u fuq kollox, min-naħa tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jagħmel referenza għall-inizjattivi tiegħu b'rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-kwistjoni ewlenija hija li l-Istati Membri joħolqu jew jiżviluppaw sistemi ekonomiċi (9), soċjali u edukattivi li jkunu effiċjenti u jiffavorixxu l-innovazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1   Xjenzi soċjali u umanistiċi, il-politika tal-edukazzjoni u l-innovazzjoni

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni fix-xjenzi soċjali u umanistiċi għandhom jiġu inklużi f'kull għan ġenerali tal-Orizzont 2020. Hu jemmen li t-temi msemmijin huma rilevanti u importanti, u jilqa' l-importanza li jingħataw fil-Programm. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jsiru sforzi akbar biex tinħoloq sistema edukattiva aktar effettiva fuq il-livelli kollha tat-tagħlim. Dan hu kompitu ewlieni essenzjali biex fl-UE t-talenti jiġu promossi u sfruttati bl-aħjar mod possibbli u titpoġġa enfasi fuq il-ħiliet. Rigward l-għanijiet tal-Orizzont 2020 b'mod speċifiku, għandhom jitħarrġu għadd suffiċjenti ta’ speċjalisti kkwalifikati fl-universitajiet. Is-sisien ta’ dan, però, iridu jitpoġġew fl-iskejjel.

4.2   Sfidi tas-Soċjetà

Il-Kumitat jappoġġja l-lista ta’ “sfidi tas-soċjetà”. Madankollu jirrakkomanda li jiġu enfasizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

4.2.1   Il-problema tal-enerġija u l-klima

Rigward l-istabbiliment tal-prijoritajiet fis-sottoprogramm “Sfidi tas-Soċjetà”, il-Kumitat jirrakkomanda li fid-dawl tal-għan estremament ambizzjuż li sal-2050 il-provvista tal-enerġija attwali tagħna tiġi rivoluzzjonata għalkollox u tkun ġejja kompletament minn tekniki b'livell baxx ta’ CO2  (10), din it-tema għandha tingħata wkoll b'mod ċar aktar importanza fl-allokazzjoni tal-baġit (11). B'mod partikolari, għadha ma nstabitx soluzzjoni adegwata għall-problema tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji suffiċjenti u affordabbli fejn tinħażen u tistenna (buffer technologies) l-enerġija b'livell baxx ta’ CO2 biex jiġu ġestiti l-fluttwazzjonijiet fil-provvista tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx. L-istess jista' jingħad għall-provvista fit-tul tal-karburanti għat-trakkijiet il-kbar kif ukoll għat-trasport bl-ajru u bil-baħar. Għandu jiġi eżaminat f'aktar dettall ukoll l-impatt fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

4.2.2   Kapaċità innovattiva tas-soċjetà u l-intrapriżi

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-lista tal-isfidi tas-soċjetà għandha tinkludi wkoll il-kwistjoni importanti tal-“kapaċità innovattiva tas-soċjetà u l-intrapriżi”. (Għaliex Google u Facebook ma nħolqux fl-Ewropa? Għaliex mhux l-Istati Membri kollha għandhom struttura amministrattiva, ekonomika u soċjali li hi effiċjenti bl-istess mod?) Huwa minnu li l-proposta tal-Kummissjoni (ara punt 2.3.2 – III – vi) tinkludi din it-tema fl-għan “Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u siguri”, però l-Kumitat jemmen li b'dan il-mod l-importanza soċjali u ekonomika ta’ din it-tema mhix żviluppata biżżejjed. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija t-tema ewlenija tal-inizjattiva “Unjoni tal-Innovazzjoni” (12) (l-isem tal-punt 2.3.2 – III – vi għandu għalhekk jitqassar għal “soċjetajiet inklużi u siguri”).

4.3   SMEs u mikrointrapriżi bħala atturi tal-innovazzjoni

Il-Kumitat jilqa' t-titjib propost għall-promozzjoni tal-SMEs. Jemmen li dan hu element importanti fl-approċċ integrat tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jagħmel referenza għall-opinjoni tiegħu dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni (13). Hawnhekk jenfasizza li “d-definizzjoni […] tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju [għandha terġa' tiġi kkunsidrata] peress li opportunijiet ġodda ta’ netwerking permezz tal-ICTs ifissru li l-mikrointrapriżi u anki l-intrapriżi magħmulin minn persuna waħda qed jiksbu iktar importanza. [Kunsiderazzjoni għandha] tingħata wkoll lil-linja ta’ bejn dawn u l-professjonijiet liberali.” Il-Kumitat jilqa' l-informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li diġà bdiet il-ħidma f'dan ir-rigward. B'referenza għall-Kapitolu 7, il-Kumitat jinnota wkoll li għall-SMEs huwa partikolarment importanti li jiġu informati tajjeb u b'mod li jinfiehem dwar id-diversi strumenti ta’ appoġġ tal-Orizzont 2020 u l-aċċess għalihom. Huwa mixtieq ukoll li jkun hemm servizz ta’ konsulenza fejn jistgħu jintalbu pariri bil-fomm.

4.4   Universitajiet

Il-Kumitat jilqa' l-possibbiltà prevista fir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni li jingħata finanzjament ta’ 100 % għat-total tal-ispejjeż eliġibbli diretti. Hawnhekk il-Kumitat jara vantaġġi għar-riċerkaturi u l-gruppi ta’ riċerkaturi fl-universitajiet li jaħdmu fix-xjenzi naturali, fl-inġinerija u fl-istudji umanistiċi. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-għan li l-Kumitat talab kemm-il darba, jiġifieri li fl-UE jinħolqu u jinżammu universitajiet ta’ livell dinji. Però, kif jgħid ir-rapport Matias (Parlament Ewropew, A7-0302/2011), dawn l-azzjonijiet għandhom bżonn appoġġ addizzjonali mir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni sabiex jinbnew il-kapaċitajiet neċessarji f'dawk l-Istati Membri li s'issa ma kinux involuti biżżejjed fil-Programm Qafas. Mingħajr preġudizzju għal dan, dan l-għan għandu bżonn aktar azzjonijiet importanti, iżda dawn imorru lil hinn mill-qafas ta’ din l-opinjoni.

4.5   Infrastrutturi ta’ riċerka

Kif ġie enfasizzat diversi drabi, il-Kumitat jemmen li l-infrastrutturi l-kbar joffru riżorsi u strumenti kruċjali għall-istudji teknoloġiċi u xjentifiċi u għall-eċċellenza li mingħajrhom dawn żgur ma jkunux possibbli. Minn hawn joħorġu l-attrattività u r-reputazzjoni tagħhom kemm għall-kooperazzjoni fi ħdan l-UE kif ukoll għall-aħjar inġiniera u xjentisti madwar id-dinja (14). Barra minn hekk, l-użu potenzjali tal-infrastrutturi l-kbar imur lil hinn mill-possibbiltajiet u l-bżonnijiet ta’ Stat Membru wieħed, u dan iwassal biex ħafna drabi dawn l-infrastrutturi jiġu stabbiliti u operati minn Stati Membri individwali fi sħubija.

4.5.1   Prinċipju tas-sussidjarjetà

Għalhekk, dawn l-infrastrutturi huma eżempju perfett tal-finanzjament tal-UE b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jiddispjaċih li din l-importanza formali u sostanzjali mhix riflessa fl-allokazzjoni indikattiva proposta tal-baġit. Għaldaqstant, huwa jirrakkomanda li l-istimi tal-baġits indikattivi l-oħra (minbarra dak tal-SMEs) jitnaqqsu b'bejn 2 % u 2,5 % u li l-ammont li jiġi ffrankat b'dan il-mod jiżdied mal-intestatura tal-infrastrutturi. Dan huwa aktar u aktar neċessarju fid-dawl tal-fatt li taħt din l-intestatura nsibu wkoll l-infrastrutturi elettroniċi, li diġà huma u qed isiru dejjem iżjed importanti.

4.5.2   Spejjeż tal-operat

Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ispejjeż tal-operat fil-qafas tal-finanzjament ta’ proġett, u jitlob lill-Kummissjoni tiċċara li fil-fatt beħsiebha tagħmel dan.

4.6   Teknoloġiji ewlenin

Kif diġà enfasizza l-Kumitat kemm-il darba (15), l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji ewlenin u l-profiċjenza fihom huma kompitu multidixxiplinari kruċjali sabiex, minn naħa, tissaħħaħ il-qagħda kompetittiva tal-UE u, min-naħa l-oħra, jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà bħall-provvista sostenibbli tal-enerġija jew is-saħħa. Għalhekk, il-Kumitat jilqa' l-fatt li din it-tema tingħata importanza adegwata, aktar u aktar billi t-teknoloġiji ewlenin huma xprun effettiv għall-kooperazzjoni bejn il-korpi tar-riċerka u l-industriji, u għalhekk għas-sħubijiet pubbliċi u privati. Il-parti FET-Open tal-programm hija partikolarment importanti f'dan il-kuntest.

4.7   Sistema tal-pagamenti I

Il-Kumitat jilqa' l-proposta li s-sistemi tal-pagamenti tal-korpi tar-riċerka u l-kumpaniji użati fl-Istati Membri (pereżempju, ir-rati għal kull siegħa fl-industriji) għandhom jiġu rikonoxxuti. Dan għandu jinkludi wkoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

4.8   Sistema tal-pagamenti II

Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa' s-semplifikazzjoni konsiderevoli li tirriżulta mill-metodu tal-100 %/20 % jew 70 %/20 % (dawn il-kunċetti huma ċċarati f'punti 2.2.3 u 2.2.4) fir-regoli għall-parteċipazzjoni. Għalkemm dan joħloq vantaġġ amministrattiv kbir, dan jista' jkollu wkoll kemm vantaġġi kif ukoll żvantaġġi finanzjarji għal diversi gruppi ta’ parteċipanti meta mqabbel mal-kwoti attwali. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li l-ewwel jinkisbu l-esperjenzi b'dan il-metodu u mbagħad, jekk ikun hemm bżonn, jiżdiedu r-rati ta’ finanzjament għall-ispejjeż indiretti.

4.9   Akkwist pubbliku – aspett importanti

Meta jkunu qed jinbnew l-infrastrutturi tar-riċerka u t-tagħmir kbir, l-industrija ta’ spiss tintalab tieħu ħsieb l-iżvilupp u l-bini ta’ komponenti individwali ġodda, kumplessi ħafna u esiġenti. Dan jimplika d-dħul f'oqsma ġodda tat-teknoloġija li jista' joħloq xi problemi tipiċi, kif il-Kumitat iddeskriva fl-opinjoni tiegħu dwar it-trasferiment tal-għarfien (16). Għalhekk, f'din l-opinjoni l-Kumitat kien irrakkomanda “reviżjoni bir-reqqa tal-esperjenzi li nkisbu s'issa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet attwali tal-UE u l-Istati Membri dwar l-għajnuna mill-Istat, il-baġit, l-għoti tal-kuntratti u l-kompetizzjoni, biex wieħed jiddetermina jekk dawn hux qed iwasslu għall-iskop li l-ħiliet u l-għarfien speċjalizzat miksuba mill-industrija permezz ta’ dawn il-kuntratti jinżammu u jintużaw b'mod li jivvantaġġja l-kompetittività Ewropea kif ukoll il-kuntratti ta’ segwitu sussegwenti.”

4.10   Approċċi ġodda tal-politika industrijali u tal-politika tal-kompetizzjoni

Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati approċċi ġodda għall-politika industrijali u dik tal-kompetizzjoni. Hawnhekk jeżistu d-dubji dwar jekk l-idea ta’ “akkwist prekummerċjali” li ppreżentat il-Kummissjoni hix l-istrument adatt. F'dan ir-rigward, il-Kumitat, min-naħa, jara r-riskju li jiġu rinunzjati għalkollox it-tmexxija u l-prestazzjoni industrijali minħabba l-biża' mill-possibbiltà ta’ monopolji tal-għarfien. Dan ikun żball kbir. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jara wkoll ir-riskju li ma jinkisibx l-aħjar prodott minħabba l-miżuri protezzjonisti żżejjed li huma ta’ detriment għar-riċerka, u li l-aħjar prodott jinħoloq barra mill-Ewropa. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li l-għanijiet differenti, li kultant jikkontradixxu lil xulxin, u r-rekwiżiti tal-politika tar-riċerka, il-politika tal-innovazzjoni u l-politika industrijali jiġu identifikati kif ukoll diskussi u ċċarati mad-diversi partijiet interessati. F'ċerti każijiet jista' jkun hemm bżonn saħansitra ta’ miżuri derogatorji (ara punt 4.9).

4.11   Daqs effiċjenti tal-proġetti

It-tendenza lejn proġetti dejjem akbar, bħal pereżempju l-inizjattivi konġunti tat-teknoloġija, il-KICs u issa l-inizjattivi ewlenin tal-FET, għandha tiġi ssorveljata mill-qrib. Dan għaliex dawn il-proġetti jitolbu dejjem aktar riżorsi u xogħol mill-awtoritajiet lokali u jżidu l-proċessi ta’ konsultazzjoni. Dawn il-proġetti m'għandhom fl-ebda każ isiru “Torri ta’ Babel”.

4.11.1   Proġetti ta’ kollaborazzjoni bħala strument prinċipali

Huwa minnu li l-integrazzjoni tar-riżorsi tista' tkun pożittiva, però f'ċertu punt din tista' wkoll timbotta lill-atturi ż-żgħar 'il barra mill-Programm Qafas billi dawn m'għandhomx l-appoġġ amministrattiv u legali għali li huwa meħtieġ. Dan jikkonċerna b'mod partikolari lill-SMEs u l-gruppi ta’ riċerka tal-universitajiet. Għalhekk, l-istrument prinċipali tal-“Orizzont 2020” għandu jibqa' l-proġetti ta’ kollaborazzjoni li jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati, b'għadd prattiku ta’ parteċipanti.

4.12   L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

Billi l-EIT huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Orizzont 2020, il-Kumitat jemmen li l-attivitajiet tiegħu huma wkoll parti mill-istrateġija tal-Orizzont 2020, u għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jgħoddu wkoll għal dan il-qasam. Dwar l-EIT qed titħejja opinjoni separata (17).

4.13   Kriterji tal-valutazzjoni

Il-kriterji tal-evalwazzjoni u tal-għażla (18) proposti mill-Kummissjoni – eċċellenza, impatt, kif ukoll kwalità u effiċjenza – jinsabu f'punt 2.2.6. Il-Kumitat japprova dawn il-kriterji bil-kundizzjoni li tinżamm il-preminenza tal-eċċellenza, li bla dubju ta’ xejn tirrappreżenta l-aktar kriterju importanti għall-prestazzjoni. Rigward ir-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, il-Kumitat iwissi li m'għandhiex titpoġġa wisq enfasi fuq l-aktar pubblikazzjonijiet ikkwotati għaliex dan joħloq żbilanċ favur temi ta’ riċerka li diġà huma stabbiliti sew. Huwa jtenni t-twissija ġenerali tiegħu rigward il-proċeduri ta’ evalwazzjoni formalizzati.

4.13.1   Għall-promozzjoni tal-innovazzjoni b'mod partikolari, fl-evalwazzjoni għandha naturalment tingħata importanza partikolari lill-aspetti marbutin mas-suq  (19). Madankollu, l-istimi inizjali ħżiena, pereżempju fl-iżvilupp tal-kompjuters personali (PC), juru li dan il-kompitu xejn mhu faċli f'xenarju ipotetiku, speċjalment fejn ikun hemm approċċi ġodda, u li mhux bilfors iwassal għal evalwazzjonijiet korretti.

4.14   Ċentru Konġunt għar-Riċerka

Il-Kumitat jilqa' l-proposti dwar il-finanzjament dirett taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka. Jinnota wkoll li l-attivitajiet ta’ dan iċ-Ċentru għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċessi ta’ evalwazzjoni bħal dawk ta’ korpi oħrajn. Jekk iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka japplika wkoll għall-finanzjament indirett mill-Programm Speċifiku, huwa għandu jagħmel dan bl-istess kundizzjonijiet bħall-applikanti u l-partijiet interessati l-oħrajn li mhumiex parti mill-Kummissjoni.

5.   Euratom

5.1   Il-Kumitat jemmen li l-Programm Euratom propost hu, b'mod essenzjali u adegwat, kontinwazzjoni loġika tal-Programm Euratom 2012-2013 (20) li ppreżentat il-Kummissjoni dan l-aħħar u li ġie analizzat fid-dettall mill-Kumitat. Il-Kumitat itenni u jikkonferma dak li diġà qal f'dan ir-rigward, jiġifieri “li l-livell ta’ għarfien dwar it-teknoloġiji nukleari, l-użu u l-konsegwenzi tagħhom għandu jinżamm u jiġi żviluppat. Fid-dawl tal-fatt li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-qsim tar-riżorsi u l-integrazzjoni tal-isforzi komuni, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Euratom joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti f'dan ir-rigward.” Il-Kumitat jikkonferma wkoll l-istqarrijiet u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li għamel dak iż-żmien. F'dan il-kuntest, hawnhekk il-Kumitat jikkonċentra fuq ċerti punti speċifiċi biss. Il-kompitu ewlieni huwa li jiġu żviluppati sistemi ta’ reatturi b'sigurtà massima u bl-inqas ammont possibbli ta’ skart radjuattiv ħafna.

5.2   Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet li kien ressaq huma riflessi fil-Programm propost mill-Kummissjoni:

it-titjib tas-sigurtà tar-reatturi, ir-rimi tal-iskart radjuattiv ħafna, it-transmutazzjoni biex tonqos ir-radjuattività fit-tul, il-monitoraġġ tal-materjal fissili u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

il-konsegwenzi tat-testijiet tal-istress;

il-ħidma biex tiġi żviluppata l-produzzjoni tal-enerġija mill-fużjoni nukleari, bl-ITER bħala proġett internazzjonali kbir;

it-taħriġ tal-ispeċjalisti u t-tagħlim ta’ għarfien bażiku fl-iskejjel.

5.2.1   Il-Kumitat itenni l-ħtieġa (21) li, irrispettivament mid-deċiżjoni tal-Istati Membri individwali favur jew kontra l-użu tal-enerġija nukleari, “li fl-UE jinżamm u jiġi żviluppat bis-sħiħ l-għarfien tagħna dwar il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u dwar it-teknoloġiji relatati. […] In-nuqqas ta’ għarfien komplet iwassal għal politika perikoluża.” Il-Kumitat huwa mħasseb li fl-Istati Membri li qed jabbandunaw l-enerġija nukleari bħalissa, jew li beħsiebhom jagħmlu dan fil-futur, l-istudju u l-iżvilupp ta’ dawn il-kompetenzi ser jintilfu. Dan għandu assolutament jiġi evitat.

5.3   Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF)

Fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija tal-fissjoni nukleari, il-Kumitat jappoġġja b'mod partikolari l-proċeduri u r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF), li fil-ħidma tiegħu jipparteċipa wkoll il-Kumitat b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

5.4   Ittestjar tal-istress

Id-deċiżjoni li jsiru testijiet tal-istress fuq l-impjanti tal-enerġija nukleari kollha kienet konsegwenza loġika tal-inċident tar-reattur li kkawża t-tsunami f'Fukushima. Hekk kif jinħarġu r-riżultati kollha ta’ dawn it-testijiet tal-istress, huwa neċessarju li mhux biss jinsiltu l-konklużjonijiet għall-impjanti eżistenti, iżda għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-prijoritajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni fi ħdan il-Programm Euratom.

5.4.1   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kunsiderazzjoni tad-difetti possibbli li ma jkunux previsti fid-disinn.

5.5   Fużjoni

F'ċerti oqsma nfetaħ dibattitu pubbliku dwar il-programm tal-fużjoni nukleari, minn banda għaliex sal-2050 (limitu ta’ żmien tal-pjan direzzjonali) ma jistgħux isiru kontributi sinifikanti għall-produzzjoni tal-enerġija b'livell baxx ta’ CO2, u mill-banda l-oħra għaliex l-ispejjeż tal-kostruzzjoni għall-proġett internazzjonali ITER (li skont il-proposta tal-Kummissjoni għandhom jitħallsu minn sorsi barra mill-Programm Qafas) żdiedu b'mod konsiderevoli meta mqabbla mal-istimi oriġinali.

5.5.1   Pjan direzzjonali għall-enerġija 2050

Il-Kumitat se jfassal opinjoni speċifika dwar il-Pjan direzzjonali 2050 (22). Hawnhekk il-Kumitat jenfasizza biss li, fid-dawl tal-iżvilupp demografiku globali u l-ġuħ dejjem ikbar għall-enerġija madwar id-dinja, il-problema globali tal-enerġija bl-ebda mod mhi ser tissolva bil-miżuri li l-UE ser timplimenta sal-2050. F'dan is-sens, il-fużjoni tal-enerġija hija l-unika alternattiva, disponibbli jew magħrufa, li għadha ma ġietx applikata fis-sensiela ta’ teknoloġiji possibbli sabiex jiġi indirizzat dan il-kompitu enormi.

5.5.2   ITER I

Għalkemm il-ħidma preparatorja xjentifika u teknika (Ewropea) għall-ITER biss hija parti mill-Programm Euratom (billi l-ispejjeż tal-kostruzzjoni għandhom jitħallsu minn atturi oħrajn) (23), huwa korrett li l-proġett ITER jitqies bħala inizjattiva ewlenija tar-riċerka dwar il-fużjoni madwar id-dinja kif ukoll tal-programm Ewropew dwar il-fużjoni. Indipendentement mill-possibbiltà u l-ħtieġa ta’ titjib kunċettwali u alternattivi oħra, l-ITER huwa żvilupp uniku kruċjali u internazzjonali lejn l-użu futur tal-enerġija mill-fużjoni. L-ITER għandu jipproduċi għall-ewwel darba fid-dinja enerġija termika mill-fużjoni ta’ 500 megawatts, b'bilanċ pożittiv ta’ enerġija (24).

5.5.3   ITER II

Barra minn hekk, l-ITER huwa l-post fejn tiġi ttestjata l-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pajjiżi industrijalizzati fuq skala li qatt ma kien hemm bħalha. L-imsieħba huma ċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika. L-interess tagħhom li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji kruċjali ġodda juri l-istennijiet kbar li jqajjem dan is-sors ġdid ta’ enerġija vantaġġuża b'livell baxx ta’ CO2. Madankollu, minħabba li din il-kooperazzjoni hija ġdida u kumplessa kellha tiġi riveduta l-idea oriġinali li l-ispejjeż totali għal kull imsieħeb jonqsu hekk kif in-numru ta’ msieħba jiżdied. Il-valur kbir ta’ din is-sħubija mhux daqstant li jiġu ffrankati l-flus, iżda li jiżdiedu l-għarfien espert, l-ideat u l-ispeċjalisti eċċellenti. Barra minn hekk, din is-sħubija, bħall-istazzjoni spazjali internazzjonali, tagħti kontribut siewi ħafna għall-paċi u l-fehim internazzjonali (oriġinarjament l-ITER ġie propost u mniedi minn Gorbatschow, Mitterand u Reagan). Fl-opinjoni tal-Kumitat, l-approċċ tal-Kummissjoni li l-kontribut tal-UE għall-kostruzzjoni tal-ITER jitħallas minn sorsi barra mill-baġit tal-UE m'għandu bl-ebda mod ixekkel l-iżvilupp ta’ dan il-proġett.

5.5.4   Impenn tal-Istati Membri – kuntratti ta’ assoċjazzjoni

Fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar il-Programm Euratom (25), il-Kumitat enfasizza l-importanza kruċjali tal-hekk imsejħa “assoċjazzjonijiet” bħala bażi u think tanks tal-programm tal-fużjoni u bħala lieva għall-impenn tal-Istati Membri. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-kummenti li kien għamel dak iż-żmien u jerġa' jwissi li dan l-appoġġ importanti m'għandux jiġi pperikolat jew jiddgħajjef. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet taw prova li huma l-istrument biex jiggarantixxu l-“programmazzjoni konġunta tar-riċerka” (26) mixtieqa mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, anke jekk eventwalment tinbidel l-istruttura organizzattiva tal-programm Ewropew tal-fużjoni, xorta waħda għandhom jinżammu l-istrumenti effettivi għall-programmazzjoni konġunta biex jiġi żgurat li l-programmi tal-laboratorji tal-Istati Membri jiġu kkoordinati u involuti b'mod loġiku fil-livell Komunitarju, bil-għan li jinżammu r-rwol ta’ tmexxija attwali tal-UE f'dan il-qasam ta’ riċerka kif ukoll l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri.

6.   Żona Ewropea tar-Riċerka – suq uniku għar-riċerkaturi

6.1   Il-Kummissjoni tassumi li sal-2014 ż-Żona Ewropea tar-Riċerka ser tkun lesta. Il-Kumitat jittama li dan iseħħ. Però għandu d-dubji tiegħu kemm dan jista' jinkiseb, għaliex dan jirrikjedi li jiġu sodisfatti l-kriterji tas-suq uniku, bħal pereżempju l-privattiva tal-UE jew is-suq uniku għar-riċerkaturi (27).

6.2   b'referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill (28) tat-2 ta’ Marzu 2010, il-Kumitat jara li hemm bżonn urġenti li tittieħed azzjoni sabiex titjieb is-sitwazzjoni soċjali mhux sodisfaċenti tax-xjentisti żgħażagħ li jaħdmu fl-universitajiet u l-korpi tar-riċerka pubbliċi. Din is-sitwazzjoni tmur totalment kontra l-għan li l-professjoni ta’ xjentist issir partikolarment attraenti, jew għall-inqas ma tkunx agħar mill-professjonijiet komparabbli.

6.3   Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet xjentifiċi ta’ ċerti Stati Membri diġà għamlu xi progress f'dan ir-rigward u qed ikomplu jagħmlu l-isforzi tagħhom. Jagħraf ukoll li l-Kummissjoni qed tipprova ttejjeb is-sitwazzjoni, pereżempju permezz tal-programmi Marie Curie u Erasmus.

6.4   Il-qalba tal-problema hija s-sistema tal-pagi u tas-sigurtà soċjali tas-settur pubbliku fl-Istati Membri li ġeneralment jintużaw biex jiġu rimunerati x-xjentisti li jaħdmu fl-universitajiet u l-korpi tar-riċerka pubbliċi. Normalment dawn is-sistemi jassumu li r-riċerkaturi jkollhom karriera kontinwa u jibqgħu jaħdmu mal-istess entità li mbagħad tħallashom. Iżda huwa fil-fatt għal din ir-raġuni li dawn is-sistemi mhumiex adegwati għall-ħtiġijiet speċjali tar-riċerka u l-iżvilupp.

6.5   Dan għaliex dawn is-sistemi la jikkunsidraw u lanqas jikkumpensaw il-proċess twil u esiġenti ħafna tal-għażla, li jinkludi l-istudju postuniversitarju (dottorat) li x-xjentisti żgħażagħ iridu jkunu diġà kisbu b'suċċess minn qabel. Dawn is-sistemi lanqas ma jqisu l-fatt li, għall-inqas fil-bidu, il-karriera tagħhom ma tkunx kontinwa iżda tkun magħmula minn għadd ta’ kuntratti temporanji, sikwit mingħajr prospetti li jiġu estiżi jew li jingħataw impjieg permanenti aktar tard. It-tħassib kostanti u ġustifikat ħafna tagħhom dwar il-futur professjonali u l-investiment personali relatat miegħu mhux ta’ ħsara biss għall-ħaddiema fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka iżda wkoll għar-relazzjonijiet familjari tagħhom u għall-prospetti tagħhom li jibnu familja.

6.6   Dan ir-riskju soċjali, li ċarament hu kbir, la jiġi kkumpensat permezz ta’ dħul ogħla u lanqas permezz ta’ protezzjoni soċjali mtejba. Barra minn hekk, ftit li xejn jitqies il-fatt li hemm bżonn ta’ ammont minimu ta’ mobbiltà sabiex wieħed ikollu karriera ta’ suċċess fix-xjenza. Għall-kuntrarju ta’ dan, hemm tendenza li l-mobbiltà tiġi penalizzata f'dawn is-sistemi.

6.7   Is-sistemi tal-pagi tal-Istati Membri ftit li xejn huma kompatibbli ma’ xulxin, u l-“kapital soċjali” miksub permezz ta’ xogħol barra mill-pajjiż bil-kemm jista' jiġi ttrasferit, u għalhekk il-mobbiltà bejn l-Istati Membri ssir aktar u aktar żvantaġġuża.

6.8   Għaldaqstant, hemm bżonn urġenti li s-sistemi tal-pagi u tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri jiġu adattati għall-kundizzjonijiet speċjali tax-xjentisti. Peress li dan l-għan jista' jintlaħaq biss permezz ta’ proċess twil ħafna, il-Kumitat jenfasizza d-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq u jirrakkomanda, min-naħa tiegħu, li l-Kummissjoni għandha tissokta bl-isforzi tagħha sabiex flimkien mal-Istati Membri tistabbilixxi fond speċjali (li jiġi ffinanzjat mill-Fond Soċjali) li jikkumpensa l-iżvantaġġi msemmijin hawn fuq għax-xjentisti żgħażagħ bis-saħħa ta’ benefiċċji komplementari adegwati. Dawn għandhom jikkunsidraw kemm ir-riskju soċjali ogħla marbut ma’ sensiela ta’ kuntratti temporanji kif ukoll il-“kapital soċjali” mnaqqas jew mitluf minħabba l-mobbiltà (speċjalment bejn l-Istati Membri).

7.   Użu faċli u informazzjoni – Gwida qasira – Servizz ta’ konsulenza

7.1   Il-Kumitat itenni l-appell urġenti tiegħu biex il-Kummissjoni, minħabba l-ħafna strumenti ta’ finanzjament, proċessi, netwerks u termini tekniċi (pereżempju proġetti, KICs, pjattaformi tat-teknoloġija, sħubijiet tal-innovazzjoni, inizjattivi ewlenin, ERA-Nets, programmar konġunt, Erasmus, Marie Curie, COST, Eureka, eċċ.), tħejji ħarsa ġenerali li tinfiehem u deskrizzjoni qasira, disponibbli fuq l-internet, li jippreżentaw b'mod ċar il-karatteristiċi essenzjali, ir-rekwiżiti u l-għanijiet ta’ kull strument. Dan ikun kontribut importanti għas-semplifikazzjoni u t-trasparenza, li jista' jikkomplementa bl-aħjar mod il-portal CORDIS li, mill-bqija, jaqdi funzjoni tajba ħafna.

7.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn ikunu limitati għall-essenzjal u l-kummenti promozzjonali u r-raġunijiet għandhom jitħallew barra. Anke fil-każ tad-dokumenti diskussi f'din l-opinjoni, il-Kumitat jemmen li kien ikun ħafna aktar faċli li kieku l-kontenut essenzjali ġie ppreżentat fil-qosor u b'inqas teorija.

7.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi ppubblikata verżjoni speċjali ta’ dan ix-xogħol li tkun maħsuba b'mod partikolari għall-SMEs u l-bżonnijiet speċjali tagħhom. Barra minn hekk, għandhom jitwaqqfu servizzi ta’ konsulenza kompetenti, pereżempju bis-saħħa ta’ seminars ta’ taħriġ adatti għall-organizzazzjonijiet reġjonali (bħall-kmamar tal-kummerċ u l-industrija) sabiex ikunu jistgħu jservu bħala ċentri ta’ informazzjoni.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Konklużjonijiet dwar il-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi, l-2 999 laqgħa tal-Kunsill – Kompetittività, Brussell, 1-2 ta’ Marzu 2010.

(2)  COM(2011) 48 final u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121.

(3)  Ara b'mod partikolari C 48, 15.2.2011, p. 129.

(4)  COM(2011) 48 final u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121.

(5)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(6)  Ara nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(7)  Konklużjonijiet dwar il-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi, l-2 999 laqgħa tal-Kunsill – Kompetittività, Brussell, 1-2 ta’ Marzu 2010.

(8)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 1.

(9)  Ara, pereżempju, http://www.worldbank.org/.

(10)  COM(2011) 885 final.

(11)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49.

(12)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(13)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(14)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 40.

(15)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 112.

(16)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8, punt 1.8 u kapitolu 5.

(17)  COM(2011) 822 final u l-Opinjoni tal-KESE “EIT – Programm Strateġiku” (Ara paġna 122 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(18)  Ara b'mod partikolari wkoll punt 4.2 fil-ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(19)  Ara b'mod partikolari wkoll punt 3.7.2 fil-ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(20)  COM(2011) 71 final, COM(2011) 72 final, COM(2011) 73 final, COM(2011) 74 final u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127.

(21)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127, punt 3.4.

(22)  Ara nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(23)  Ara wkoll COM(2011) 931 final. Il-Kumitat ser iħejji opinjoni separata dwar dan.

(24)  Ara http://www.iter.org/.

(25)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127, punt 4.5.1.

(26)  COM(2008) 468 final u ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56

(27)  Ara ĠU C 44, 16.2.2008, p. 1, punt 1.3.

(28)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.


Top