This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011IP0028
Iran, in particular the case of Nasrin Sotoudeh European Parliament resolution of 20 January 2011 on Iran – the case of Nasrin Sotoudeh
L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta’ Nasrin Sotoudeh Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar l-Iran – il-każ ta’ Nasrin Sotoudeh
L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta’ Nasrin Sotoudeh Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar l-Iran – il-każ ta’ Nasrin Sotoudeh
ĠU C 136E, 11.5.2012, pp. 95–98
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
11.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 136/95 |
Il-Ħamis 20 ta’ Jannar 2011
L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta’ Nasrin Sotoudeh
P7_TA(2011)0028
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar l-Iran – il-każ ta’ Nasrin Sotoudeh
2012/C 136 E/18
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, l-aktar dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk tal-10 ta’ Frar 2010 (1) u tat-8 ta’ Settembru 2010 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navy Pillay, li fiha esprimiet tħassib dwar il-każ ta’ Nasrin Sotoudeh, u stqarret li din kienet biss parti minn azzjonijiet ripressivi usa', u li s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran kienet qed issir dejjem aktar diffiċli, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat b'kunsens fl-1998, li tgħid li l-istati “għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-ħarsien min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn kull vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa de facto jew de jure, pressjoni jew kull azzjoni arbitrarja oħra” bħala konsegwenza tal-isforzi leġittimi tagħhom biex iġibu 'l quddiem id-drittijiet tal-bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Iran hija stat kontraenti, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-biedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi Nasrin Sotoudeh, li hija avukata prominenti Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem, irċeviet sentenza ta’ 11-il sena ħabs bl-akkuża li “aġixxiet kontra s-sigurtà nazzjonali”, “kienet membru taċ-Ċentru għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”, talli ma libsitx il-hejab waqt messaġġ irrikordjat fuq vidjo, u “għal propaganada kontra r-reġim”; billi hi ġiet ipprojbita wkoll milli tipprattika l-liġi u milli tivjaġġa għal 20 sena minn tmiem is-sentenza tagħha, |
|
B. |
billi Sotoudeh, omm ta’ żewġt itfal, kienet arrestata fl-4 ta’ Settembru 2010, inżammet għal perjodi twal maqfula waħedha, allegatament ġiet ittorturata u nċaħdilha l-kuntatt mal-familja u mal-avukat tagħha, u billi ġiet f'xifer il-mewt wara strajk tal-ġuħ li għamlitu biex tipprotesta kontra l-kundizzjonijiet tal-ħabs fejn kienet miżmuma u kontra l-vjolazzjonijiet fil-proċess ġudizzjarju, |
|
C. |
billi fil-15 ta’ Jannar 2011 ir-raġel ta’ Sotoudeh, Reza Khandan, issejjaħ biex jidher quddiem il-pulizija u nżamm matul-lejl, inħeles fuq garanzija ta’ terza persuna u qiegħed għaddej prosekuzzjoni minħabba l-avukatura tiegħu f'isem martu, |
|
D. |
billi Nasrin Sotoudeh kienet l-avukata taċ-ċittadina Olandiża Zahra Bahrami li kienet ġiet arrestata wara l-protesti ta’ Ashura tas-27 ta’ Diċmebru 2009 u riċentement ġiet ikkundannata għall-mewt, |
|
E. |
billi s-sentenza ta’ Sotoudeh hija parti minn assalt sistematiku fuq l-avukati u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, li jinkludi s-sentenza fis-7 ta’ Jannar 2011 ta’ erba' snin ħabs u 74 daqqa ta’ frosta kontra Shiva Nazarahari, kofundatur tal-Kumitat tal-Ġurnalisti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u s-sentenza tat-30 ta’ Ottubru 2010 ta’ disa' snin ħabs u projbizzjoni milli jipprattika l-liġi għal għaxar snin kontra l-avukat Mohammad Seifzadeh; billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Mohammad Oliyafar qed iservi sentenza ta’ sena ħabs għall-avukatura tiegħu f'isem il-klijenti; billi Mohammad Ali Dadkhah, Abdolfattah Soltani u Houtan Kian huma difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem li qed iħabbtu wiċċhom ma’ prosekuzzjoni fl-Iran, |
|
F. |
billi aktar minn sena wara d-dimostrazzjonijiet ta’ Diċembru 2009 f'Ashura mijiet ta’ ċittadini Iranjani li kienu ġew arrestati għadhom fil-ħabsijiet u l-awtoritajiet komplew iwettqu arresti matul is-sena, partikolarment fl-okkażjoni tal-Jum tal-Istudenti tas-7 ta’ Diċembru 2010, u billi skont ir-rapporti tal-Amnesty International aktar minn 70 student għadhom miżmuma, |
|
G. |
billi l-ġurnalisti u l-bloggers għadhom qed jisfaw fil-mira tal-oppressjoni, u jingħad li fil-mument hemm aktar minn 30 miżmuma l-ħabs, u li anki rappreżentanti magħrufa tal-kultura Iranjana, bħad-direttur tal-films Jafar Panahi, li f'Diċembru tal-2010 ġie ssentenzjat għal 6 snin ħabs u għal projbizzjoni ta’ 20 sena milli jaħdem il-films, qed tinċaħdilhom il-libertà tal-espressjoni, |
|
H. |
billi l-konfessjonijiet furzati, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, it-tiċħid mill-irqad, l-iżolament fil-ħabs, id-detenzjoni sigrieta, l-applikazzjoni ta’ trattament krudili, inuman u degradanti, l-abbuż fiżiku, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-impunità ta’ aġenti tal-Istat ilkoll għadhom frekwenti fl-Iran, b'mod li jqajmu dubji serji dwar il-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċedura ġudizzjarja f'dak il-pajjiż, |
|
I. |
billi minflok ma l-awtoritajiet jinvestigaw il-qtil extraġudizzjarju, il-qraba ta’ dawk li sfaw maqtula qed iħabbtu wiċċhom huma stess ma’ arrest, kif inhu l-każ ta’ Mahdi Ramazani, li twaqqaf mill-pulizija fuq il-qabar ta’ ibnu f'Diċembru 2010 u qed jinżamm sakemm iħallas kawzjoni eżorbitanti tal-libertà provviżorja li bl-ebda mod ma jista' jħallasha, |
|
J. |
billi l-Iran wegħdet lill-komunità internazzjonali li kienet se taderixxi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, |
|
1. |
Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lil Nasrin Sotoudeh kif ukoll lill-priġunieri l-oħra kollha ta’ kuxjenza, u jqis li s-sentenza ta’ Nasrin Sotoudeh hija ta’ natura politika u maħsuba biex tinnewtralizza lil waħda mid-difensuri Iranjani ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
2. |
Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza eċċezzjonalment ħarxa kontra Nasrin Sotoudeh u l-intimidazzjoni ta’ żewġha, u jfaħħarha tal-kuraġġ u l-impenn tagħha; |
|
3. |
Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran taderixxi mal-istandards stipulati mill-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar ir-Rwol tal-Avukati, li jgħidu li l-avukati għandhom jitħallew iwettqu ħidmiethom “mingħajr intimidazzjoni, xkiel, kedd jew indħil mhux xieraq” u jirrikonoxxi li l-avukati huma intitolati għal-libertà tal-espressjoni, inkluż “id-dritt li jieħdu sehem f'diskussjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-liġi, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem”; |
|
4. |
Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta’ ġustizzja u trasparenza fil-proċess ġudizzjarju fl-Iran u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jiggarantixxu proċeduri xierqa fil-liġi u fil-prattika; jappella lill-Kap tal-Ġudikatura Iranjana, Ayatollah Sadegh Amoli Larijani, biex jistabbilixxi kummissjoni indipendenti biex teżamina l-prosekuzzjoni tal-avukati tad-drittijiet tal-bniedem u biex iżomm responsabbli lil dawk l-uffiċjali kollha li ħadu sehem fi proċeduri illegali; |
|
5. |
Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu l-impunità ta’ dawk fi ħdan il-forzi tas-sigurtà li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Ġunju u biex dawk li allegatament wettqu reati jitressqu quddiem il-ġustizzja; |
|
6. |
Jistieden lill-Gvern tal-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, biex ikompli jesplora l-kooperazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tar-riforma fil-ġustizzja man-Nazzjonijiet Uniti u biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Perjodika Universali; |
|
7. |
Isejjaħ biex jerġa' jiġi stabbilit mandat tan-NU għal Rapporteur Speċjali li jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jinkoraġġixxi r-responsabbiltà għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; |
|
8. |
Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tan-Nofs Qamar l-Aħmar għall-priġunieri kollha u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż; |
|
9. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jerġgħu jikkunsidraw is-sentenza mogħtija lil Zahra Bahrami, u biex ikollha smigħ ġust u aċċess għall-awtoritajiet Olandiżi, ladarba hija ċittadina Olandiża, skont l-istandards internazzjonali; |
|
10. |
Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jfassal miżuri addizzjonali, fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, ħalli jipproteġu attivament id-drittijiet tad-difensuri Iranjani tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jappoġġjaw inizjattivi bħall-Programm Ewropew 'Belt ta’ Kenn' u n-Netwerk Internazzjonali tal-Bliet ta’ Kenn; |
|
11. |
Jappella biex il-lista eżistenti ta’ individwi u organizzazzjonijiet li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-UE tal-ivvjaġġar u għall-iffriżar tal-assi tiġi estiża biex tinkludi lil dawk l-uffiċjali Iranjani li huma responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għar-ripressjoni u għat-trażżin tal-libertà fl-Iran; |
|
12. |
Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin jerġgħu jidħlu f'diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran; |
|
13. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi Prsident tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Qorti Suprema tal-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. |
(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 9.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0310.