Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0638

    Kawża C-638/11 P: Appell ippreżentat fit- 12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas- 27 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-199/04, Gul Ahmed vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sosntuta mill-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 65, 3.3.2012, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/5


    Appell ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-27 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-199/04, Gul Ahmed vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sosntuta mill-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-638/11 P)

    2012/C 65/10

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Hix, aġent, G. Berrisch, avukat)

    Partijiet l-oħra fil-proċedura: Gul Ahmed Textile Mills Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellant

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-199/04 sa fejn il-Qorti Ġenerali (i) annullat ir-Regolament (KE) Nru 397/2004 (1) li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ir-“Regolament ikkontestat”) u (ii) ikkundannat lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza];

    tiċħad it-tielet parti tal-ħames motiv tar-rikors;

    tirrinvija lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-appell; u

    tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti fuq il-friex tas-sodda li joriġinaw mill-Pakistan u l-implementazzjoni ta’ skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati fil-bidu tal-2002 kienu jikkostitwixxu “fatturi oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li fil-kawża preżenti l-istituzzjonijiet wettqu ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku għaliex naqsu milli jisseparaw u jagħmlu distinzjoni bejn l-allegati effetti dannużi ta’ dawn il-fatturi.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26)


    Top