Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1858

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran” COM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD)

    ĠU C 43, 15.2.2012, p. 56–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 43/56


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran”

    COM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD)

    2012/C 43/12

    Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

    Nhar is-6 u t-13 ta’ Settembru, rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran

    COM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

    Matul l-476 sessjoni plenarja li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’166 vot favur, vot wieħed kontra u 12-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat japprova t-tibdil propost mill-Kummissjoni rigward ir-regolament tal-2006 bil-għan li jiġi stabbilit sajd sostenibbli fir-reġjun permezz tat-titjib tal-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u permezz tal-protezzjoni tal-ħabitats sensittivi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-sajd kostali fuq skala żgħira fil-Mediterran.

    1.2   Minkejja li l-impatt tat-tibdil ma ġiex ivvalutat, il-Kumitat jittama li dawn il-miżuri l-ġodda ser ikollhom biss impatt żgħir fuq ir-riżorsi globali tas-sajd fil-Mediterran.

    2.   Il-proposti tal-Kummissjoni

    2.1   Sommarju

    L-għan tal-proposta huwa li tagħmel inventarju tas-setgħat delegati previsti fir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u tistabbilixxi l-proċeduri bil-għan li l-Kummissjoni tadotta atti delegati korrispondenti u tiddetermina min huwa awtorizzat jadotta:

    atti ddelegati bil-għan li jingħataw derogi għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament meta din il-possibbiltà hija prevista espliċitament, u bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet stretti stabbiliti minn dan l-istess regolament jiġu ssodisfati;

    il-kriterji li għandhom ikunu applikati għad-definizzjoni u l-allokazzjoni tar-rotot li għandhom jittieħdu mill-bastimenti li jkollhom apparat aggregattiv tas-sajd (FAD) għas-sajd tal-lampuki fiż-żona ta’ ġestjoni ta’ 25 mil madwar Malta;

    il-proċeuri għat-twaqqif ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali dwar il-karatteristiċi tat-tagħmir tas-sajd;

    atti ddelegati dwar l-emendi għall-annessi.

    Bażi legali

    L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (u l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).

    —   Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    —   Prinċipju tal-proporzjonalità

    Peress li l-proposta tibdel miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-Kunsill, il-prinċipju tal-proporzjonalità mhuwiex affettwat.

    —   L-għażla tal-istrumenti

    L-istrument propost: regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: regolament irid jiġi emendat b’regolament. (Prinċipju tal-paralleliżmu tal-forom)

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni.

    2.1.1   Is-suġġett huwa r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-Kunsill tal-21/12/2006 – Att leġislattiv definittiv – dwar ir-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran. Il-bażi legali prinċipali għal dan l-aġġornament tar-Regolament huwa l-Artikolu 43 tat-TFUE (sors: Artikolu 37 tat-TKE) li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tippreżenta proposti dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni u, speċifikament f’dan il-kuntest, il-politika komuni tas-sajd.

    2.2   Iżda, il-proposta tissejjes ukoll fuq l-Artikolu 290 tat-TFUE (sors: Artikolu 202 tat-TKE) li joħloq kategorija ġdida ta’ atti, l-atti ddelegati “li jiżviluppaw fid-dettall jew jemendaw ċerti elementi ta’ att leġislattiv taħt xi forma ta’ awtorizzazzjoni definita mil-leġislatur”.

    2.3   L-objettivi, il-kontenut, il-kamp tal-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu definiti espressament fl-atti leġislattivi soġġetti għal din is-sistema legali (Artikolu 290(1) tat-TFUE). L-att li jiġi ddelegat b’dan il-mod lill-Kummissjoni huwa att mhux leġislattiv u ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet essenzjali tal-att leġislattiv, li għandu jistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet li għalihom tkun soġġetta d-delega. Id-delega lill-Kummissjoni għalhekk hija limitata ħafna, u l-Parlament Ewropew u/jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jirtirawha taħt ċerti kundizzjonijiet ((Artikolu 290(2)(a) tat-TFUE).

    2.4   Barra minn hekk, l-att iddelegat jista’ jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġislattiv. (Artikolu 290(2)(b) tat-TFUE). Il-kelma “delega” għandha tiddaħħal fl-intestatura tal-atti delegati.

    2.5   Barra minn hekk, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni jippermettulha tadotta regoli uniformi ta’ implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, kif previst fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta’ implimentazzjoni).

    2.6   Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mar-regoli l-ġodda tat-TFUE, is-setgħat li attwalment huma mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ dak ir-Regolament kienu kklassifikati mill-ġdid f’miżuri ta’ natura delegattiva u miżuri ta’ natura implimentattiva fil-Proposta għal Regolament tad-9.8.2011 (1).

    3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

    3.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-leġislatur biss għandu jiddetermina jekk hux ser jawtorizza jew le r-rikors għal atti ddelegati. Dan jippermettilu jiffoka fuq id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġislazzjoni u jevita li jkollu għalfejn jidħol fid-dettalji tekniċi, b’mod li jkun jista’ jagħmel tibdil ieħor ta’ ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv ikkonċernat. Huwa l-leġislatur li jiddetermina minn qabel x’inhu essenzjali u x’mhuwiex.

    3.2   Id-dritt ta’ call back tal-Parlament jew tal-Kunsill jagħti s-setgħa lil-leġislatur li, f’kull mument jieħu lura s-setgħa leġislattiva (call back) kollha tiegħu; f’dan il-każ, il-Parlament jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, u l-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata. Id-delega tas-setgħa tiskadi fid-data stabbilita fl-att leġislattiv jekk tkun iddaħħlet klawżola bħal din (sunset clause). Jekk hekk ikun hemm bżonn, id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded malli tiskadi d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni.

    3.3   Il-bażi legali tal-Proposta għal Regolament emendat hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE (ġdid), li jagħti setgħa lill-UE fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, u l-Kumitat jaqbel ukoll mal-Kummissjoni rigward il-fatt li din il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, minħabba l-fatt li temenda biss elementi li diġà jeżistu fir-regolament tal-2006, li jagħti lill-Kummissjoni setgħat delegati għall-aġġornament ta’ ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali.

    3.4   Il-Kumitat josserva wkoll ir-rispett tal-prinċipju tal-paralleliżmu tal-forom rigward in-natura tal-att, regolament li jista’ jemenda biss regolament ieħor. Fl-aħħar nett, ma għandux ikun hemm infiq baġitarju ġdid biex jiġi implimentat ir-regolament emendat. L-elementi ewlenin tar-regolament li jrid jiġi emendat huma dawn:

    l-introduzzjoni ta’ malji kwadri ta’ 40 mm għax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u, f’ċerti każijiet, xbieki b’malji djamant ta’ 50 mm, b’effett mid-data attwali sa mhux iżjed tard mill-1 ta’ Lulju 2008;

    ir-regola ġenerali dejjem tipprevedi l-interdizzjoni tal-użu ta’ xbieki tat-tkarkir għal inqas minn 1,5 mil nawtiku. Iżda, l-attivitajiet tat-tkarkir fl-ilmijiet kostali (bejn 0,7 u 1,5 mil nawtiku) jistgħu jkomplu jiġu awtorizzati taħt ċerti kundizzjonijiet fil-qafas tal-emendi proposti.

    3.4.1   Barra minn hekk, ir-regolament li jrid jiġi emendat:

    jintroduċi miżuri tekniċi, bil-għan li jtejbu l-għażla tal-malji attwali ta’ 40 mm għax-xbieki rmunkati;

    isaħħaħ l-interdizzjoni attwali tal-użu ta’ tagħmir irmunkat fiż-żoni kostali;

    jillimita d-dimensjonijiet globali ta’ ċertu tagħmir tas-sajd li jaffettwaw l-isforz tas-sajd;

    jintroduċi proċedura biex, fuq bażi temporanja jew permanenti, jiġi stabbilit l-għeluq ta’ ċerti żoni tas-sajd għal ċerti metodi ta’ sajd, kemm fl-ilmijiet Komunitarji kif ukoll f’dawk internazzjonali.

    jipprevedi l-adozzjoni ta’ pjani ta’ ġestjoni li jikkumbinaw azzjoni dwar l-isforz tas-sajd u miżuri tekniċi;

    jippermetti lill-Istati Membri tal-UE li jirregolaw, fl-ilmijiet territorjali tagħhom u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-attivitajiet tas-sajd li d-dimensjoni Komunitarja jew l-impatt ambjentali tagħhom ma jkunx sinifikanti, inkluż rigward ċertu sajd lokali attwalment awtorizzat mil-leġislazzjoni Komunitarja.

    4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

    4.1   Ir-regolament emendat jipprevedi żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet: minn naħa jipprevedi dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-eżerċitar tas-setgħat delegati mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra miżuri tekniċi dwar l-għoti ta’ derogi lil ċerti bastimenti tas-sajd rigward id-daqs tal-bastimenti li jgawdu minn derogi, is-saħħa tagħhom, u l-mezzi tas-sajd użati minn dawn il-bastimenti, kif ukoll iż-żoni tas-sajd awtorizzati.

    4.2   Il-Kumitat jieħu nota tal-konformità tad-dispożizzjonijiet proċedurali mat-Trattat il-ġdid TFUE.

    4.3   Min-naħa l-oħra, jistaqsi lilu nnifsu jekk id-dispożizzjonijiet tekniċi li jippermettu deroga għad-dispożizzjonijiet tekniċi tar-regolament tal-2006 għandhomx il-karatteristiċi ta’ dispożizzjonijiet mhux essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 290 tat-TFUE, peress li fil-fatt huma derogi għal dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipproteġu r-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran, li huma mhedda mis-sajd eċċessiv.

    4.4   Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet twal fi ħdan il-Kunsill, u li Stat Membru wieħed ma pparteċipax fihom. Il-fatt li l-emendi proposti “ftit li xejn huma sinifikanti” ma joħroġx fid-dieher minn valutazzjoni tal-impatt li kieku kienet tiġġustifika r-rikors għal dispożizzjonijiet ġodda tal-Artikolu 290 u tal-Artikolu 291 tat-TFUE.

    4.5   Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposti ta’ deroga ser jagħmluha possibbli li s-sajjieda fuq skala żgħira jkampaw aħjar fil-konfront tal-kriżi ekonomika globali u ż-żieda fl-ispejjeż operattivi, b’mod partikolari tal-karburanti.

    Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  COM(2011) 479 finali.


    Top