Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1854

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE” COM(2011) 274 finali u dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità” COM(2011) 275 finali — 2011/0129 (COD)

    ĠU C 43, 15.2.2012, p. 39–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 43/39


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE”

    COM(2011) 274 finali

    u dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità”

    COM(2011) 275 finali — 2011/0129 (COD)

    2012/C 43/09

    Relatur: is-Sinjura WALKER SHAW

    Nhar it-18 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea u, nhar id-29 ta’ Ġunju, il-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE

    COM(2011) 274 finali

    u dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

    COM(2011) 275 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011.

    Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa iktar mill-qrib fil-forma ta’ studju l-impatt tal-kriżi fuq il-vittmi ta’ reat u tressaq miżuri ta’ akkumpanjament ibbażati fuq ir-riżultati.

    1.2   Il-KESE jinsab inkwetat dwar il-livell baxx ta’ fiduċja tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u jirrikonoxxi l-bżonn li l-vittmi, b’mod partikolari l-vittmi ta’ atti kriminali ripetuti, jingħataw is-setgħa li għandhom bżonn biex jaġixxu u biex jiżviluppaw fiduċja ċivili sabiex ikissru ċ-ċiklu ta’ vittimizzazzjoni. Huwa jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ finanzjament li jappoġġjaw dan.

    1.3   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni temenda d-definizzjoni ta’ “vittma” sabiex issaħħaħ id-drittijiet u r-rikonoxximent tal-familja jew tar-rappreżentant tal-vittma.

    1.4   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi komprensiva tal-ħarsien tal-vittmi li jġarrbu danni fuq ix-xogħol permezz ta’ atti kriminali, u sabiex tressaq miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġjaw id-drittijiet minimi u r-rikonixximent fl-UE fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku.

    1.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond dwar il-vittmi ta’ reati tat-traffiku fit-triq, u li tressaq miżuri sabiex ikunu żgurati l-ġustizzja, l-appoġġ u l-kumpens.

    1.6   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tibni salvagwardji iktar effettivi fil-proposti tagħha sabiex tindirizza diskriminazzjoni diretta u indiretta tal-vittmi.

    1.7   Il-KESE jitlob bidla kulturali kbira sabiex jiġi aċċettat ir-rwol tal-vittma u sabiex il-bidla tkun akkumpanjata minn taħriġ ta’ professjonisti u prattikanti fil-livelli kollha tas-sistema ġudizzjarja u fil-livell ta’ awtoritajiet rilevanti oħra gilwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din għandha tinkludi t-trattament ta’ vittmi mill-mezzi tax-xandir b’mod ġenerali, u l-prevenzjoni tal-isfruttament politikament motivat tal-vittmi.

    1.8   Il-KESE jaċċetta li ċerti vittmi huma partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu trattament speċifiku, iżda jemmen li l-Kummissjoni, iktar milli tidentifika l-“vittmi vulnerabbli”, u b’hekk tista’ toħloq ġerarkija ta’ vittmi, għandha tipproponi li l-vittmi kollha ta’ reat jkollhom aċċess għal miżuri speċjali wara valutazzjoni individwali li ssir b’konformità mal-proċeduri nazzjonali sabiex tiddetermina l-vulnerabbiltà tagħhom fid-dawl tal-karatteristiċi personali tagħhom, in-natura tar-reat u r-relazzjoni mall-persuni suspettati.

    1.9   Il-KESE jsejjaħ għal miżuri ta’ akkumpanjament li jsaħħu u jifformalizzaw in-netwerk ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi fl-UE u jissuġġerixxi li dan jiġi finanzjat b’mod konsistenti mill-Baġit tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li r-rwol tas-servizzi ta’ appoġġ jiġi estiż sabiex jappoġġja lill-vittmi ta’ reat u l-familji tagħhom meta jirritornaw lura f’darhom f’każijiet fejn l-inċident sar barra minn pajjiżhom. Il-KESE jemmen ukoll li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom ikunu flessibbli u kapaċi li jimmiraw ir-riżorsi fir-reġjuni lejn żoni potenzjalment iktar vulnerabbli minn oħrajn.

    1.10   Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol iktar mifrux tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta’ miżuri prattiċi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq miżuri ta’ akkumpanjament u finanzjament biex jiffaċilitaw dan.

    1.11   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq titjib fuq firxa wiesgħa u meħtieġ tad-dispożizzjonijiet ta’ kumpens għall-vittmi fir-reviżjoni li jmiss tagħha; iħeġġiġha tikkunsidra wkoll skema fil-livell tal-UE ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba reat. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tenfasizza lill-Istati Membri li d-direttiva tipprovdi l-istandards minimi u d-drittijiet bażiċi li jippermettu li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali tipprovdi protezzjoni akbar.

    1.12   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti relatati mal-ġustizzja restorattiva, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-finanzjament ta’ proġett pilota għall-iżvilupp ta’ standards u taħriġ fil-ġustizzja restorattiva madwar l-UE.

    1.13   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tal-UE tiżviluppa proċeduri komuni fi skadenzi limitati u definiti b’mod ċar (1) għat-trasportazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet umani tal-vittmi transkonfinali, li għandhom jieħdu l-preċedenza fuq ir-regoli nazzjonali jew provinċjali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-pakkett ta’ proposti mniedi mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2011 jespandi l-miżuri li jeżistu fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi u li huma adottati fil-livell tal-UE. Il-proposti jfittxu li jipprovdu drittijiet ċari u konkreti għall-vittmi ta’ reat u li jiżguraw ir-rikonoxximent, ir-rispett, il-ħarsien, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja irrispettivament mill-oriġini tagħhom fl-UE jew il-post ta’ residenza tagħhom.

    2.2   Il-KESE jirrikonoxxi li t-Trattat ta’ Lisbona issa jipprovdi bażi legali ċara li permezz tagħha l-UE tista’ tistabbilixxi drittijiet u protezzjoni minimi għall-vittmi ta’ reat. Il-proposti huma bbażati fuq il-Programm ta’ Stokkolma (2) u l-Pjan ta’ Azzjoni (3) tiegħu u jikkonformaw mal-pjan direzzjonali ta’ Budapest (4).

    2.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenza Pollakka tat prijorità lit-tisħiħ tas-sigurtà fl-UE u huwa sodisfatt ukoll bl-isforzi li qed isiru mill-Presidenza sabiex isir progress fil-Pakkett tal-Vittmi fil-Kunsill.

    2.4   Il-KESE wettaq firxa wiesgħa ta’ ħidma rilevanti fil-qasam fil-forma ta’ opinjonijiet dwar il-kumpens tal-vittmi tal-kriminalità (5), it-traffikar (6), l-isfruttament u l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal (7) id-drittijiet tat-tfal (8), il-Politika tal-UE ta’ kontra t-terroriżmu (9), l-inklużjoni diġitali (10) u ċ-ċiberkriminalità (11).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li għadha għaddejja fuq il-kwistjoni u l-bżonn li nifhmu d-dinamika tal-kriminalità f’dan il-kuntest. Il-miżuri stretti ta’ awsterità li implimentaw bosta Stati Membri qed inaqqsu s-servizzi tal-pulizija, tas-saħħa u servizzi soċjali oħra, l-organizzazzjonijiet komunitarji, il-finanzjament għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u NGOs relatati oħra. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi eżisteni qed ikomplu jinfirxu u l-livelli ta’ faqar u qgħad li qed ikomplu jiżdiedu probabbli ser jikkawżaw problemi soċjali oħra u jservu ta’ katalisti tal-kriminalità.

    3.2   L-istatistika fil-livell tal-UE dwar il-vittmi ta’ reat hija allarmanti. Kull sena n-nies jisfaw vittmi diretti ta’ iktar minn 75 miljun att kriminali. Mhuwiex aċċettabbli l-fatt li l-maġġoranza tal-atti kriminali jġarrbuhom dejjem l-istess persentaġġ ta’ vittmi li jisfaw vittimizzati darba wara l-oħra. Normalment, il-vittmi jgħixu f’żoni b’livelli għolja ta’ kriminalità, b’livelli għolja ta’ biża’ mill-kriminalità u b’livell baxx ta’ kriminalità rappurtata. Madwar 90 % tal-atti kriminali f’dawn il-komunitajiet ma jiġux rappurtati.

    3.3   It-tisħiħ tal-appoġġ għall-vittmi ta’ reat fl-UE huwa pilastru fundamentali tal-iżvilupp taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE. Dan huwa importanti ħafna fid-dawl tan-numru dejjem jiżdied ta’ nies li jivvjaġġaw jew li jmorru jgħixu u jaħdmu fl-UE, tendenza li mistennija tkompli.

    3.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposti jagħmluha possibbli li ċ-ċittadini li sfaw vittmi ta’ att kriminali filwaqt li kienu barra minn pajjiżhom fi Stat Membru ieħor jirrappurtaw l-att kriminali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Dan huwa importanti b’mod partikolari f’każijiet ta’ korrimenti jew inċidenti serji jew għall-familji f’każ ta’ mewt.

    3.5   Il-KESE jappoġġja l-approċċ orizzontali tad-direttiva li tkopri d-drittijiet għall-vittmi kollha.

    3.6   Importanti l-fatt li l-proposti jirrikonoxxu t-tbatija u l-isfidi li tiffaċċja l-familja tal-vittma kif ukoll il-vittmi nnifishom iżda dan għandu jiġi rifless b’mod iktar konsistenti fil-proposti.

    3.7   Każijiet bħal dawn għandhom konsegwenzi fiżiċi, emozzjonali u finanzjarji koroh li jitolbu appoġġ kemm għall-vittmi kif ukoll għall-familji tagħhom li jaqdu rwol ċentrali fl-appoġġ għall-vittmi, fil-kuntatti li jagħmlu mal-awtorititajiet, l-appoġġ mediku, xibka sħiħa ta’ amministrazzjoni, it-tfittxija tal-persuna/i suspettata/i u fit-talba għall-ġustizzja u kumpens.

    3.8   Il-KESE jemmen li għandhom jiġu rikonoxxuti d-diffikultajiet miżjuda u l-istress għall-vittmi u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet transkonfinali fejn għandhom l-isfidi addizzjonali ta’ lingwi, proċeduri u kulturi differenti li ma jkunux familjari magħhom u li jistgħu jidhru insuperabbli.

    3.9   B’mod ġenerali, 50 % tal-vittmi ta’ reat ma jirrappurtawx l-att kriminali lill-“awtorità kompetenti”. Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għal dan, inkluż il-fatt li l-vittmi ma jifhmux is-sistema tar-rappurtar jew ta’ tressiq ta’ lment jew m’għandhomx fiduċja fl-awtoritajiet li jipprovdu l-għajnuna, il-ħarsien u l-appoġġ sabiex il-vittma tikseb ġustizzja jew kumpens. Il-KESE jixtieq jara li l-proposti mressqa jiġu trasformati f’miżuri prattiċi li jindirizzaw in-nuqqqas ta’ fiduċja fis-sistema ġudizzjarja li jesperjenzaw il-vittmi.

    3.10   Studji jikkonfermaw (12) li l-miżuri eżistenti ma jindirizzawx il-bosta problemi prattiċi u tekniċi li jiltaqgħu magħhom il-vittmi u l-familji tagħhom meta jkunu fl-iktar stat vulnerabbli u jkunu jirrikjedu l-għajnuna.

    3.11   Dawn il-proposti huma pass importanti biex jiġi żgurat li l-vittmi u l-familji tagħhom jiġu l-ewwel, jiġu rikonoxxuti, trattati b’dinjità u rispett u jirċievu l-ħarsien, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja li jistħoqqilhom bi dritt. F’ċirkustanzi vulnerabbli bħal dawn m’għandhom qatt iħossuhom waħedhom.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Attwalment, hemm ħafna inkosistenza fejn jidħlu s-saħħa u l-effettività tad-dispożizzjonijiet fl-UE u hemm bżonn ta’ bidla kbira li tiżgura standards aċċettabbli ta’ appoġġ, ħarsien u drittijiet li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jserrħu fuqhom kemm meta jkunu f’pajjiżhom kif ukoll fi Stat Membru ieħor. Mhuwiex aċċettabbli li l-livell ta’ appoġġ li jirċievu l-vittmi jkun lotterija li tiddependi minn fejn ikunu sfaw vittmi fl-UE.

    4.2   Il-KESE jirrikonoxxi li l-membri tiegħu jinsabu f’pożizzjoni unika sabiex jagħtu kontribut biex jiżguraw li dawn il-proposti jiġu implimentati b’mod effettiv u fir-rigward tal-miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fil-Komunikazzjoni, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha mal-KESE biex tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet kostitwenti rispettivi tagħhom, fejn dan huwa rilevanti,sabiex jiżviluppaw strutturi, politiki u prattiki prattiċi li jipprovdu appoġġ iktar sistematiku u effettiv għall-vittmi ta’ reat u l-familji tagħhom.

    4.3   Ir-rikonoxximent u l-protezzjoni

    4.3.1   L-ambitu tad-definizzjoni ta’ “vittma” fid-direttiva jkopri biss lil “membri tal-familja ta’ persuna li tkun tilfet ħajjitha minħabba reat kriminali”. Il-KESE jemmen li din id-definizzjoni hija wisq limitata u tinjora l-fatt li bosta vittmi superstiti tant ikunu feruti li jkollhom bżonn ta’ livell għoli ta’ appoġġ biex jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom biex imexxu lment jew il-proċess legali għall-ġustizzja u kumpens u għalhekk dan jaqa’ fuq il-membri tal-familja jew persuni oħra ta’ appoġġ. Dawn jeħtieġu rikonoxximent ukoll. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi emendat l-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) tad-dokument tal-Kummissjoni COM(2011) 275 sabiex jiġi inkluż punt addizzjonali 2(a)iii: “Il-persuna ta’ appoġġ rikonoxxuta, kemm jekk tkun membru tal-familja jew impjegat ta’ vittma li għandha bżonn ta’ livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħha qabel jew wara l-att kriminali.”

    4.3.2   Minkejja l-isforzi li saru biex ikun hemm konformità mar-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-proposti ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tal-ħarsien tal-vittmi ta’ mġiba kriminali li jġarrrbu danni fuq ix-xogħol, inklużi nies li jaħdmu fit-trasport bit-triq jew tipi oħra ta’ trasport. Madanakollu. l-Istati Membri għandhom approċċi differenti ta’ kif jiddetermimaw x’jikkostitwixxi reat kriminali f’termini ta’ ksur tad-drittijiet tal-post tax-xogħol u tal-protezzjoni u dan jista’ jhedded il-garanzija ta’ standards minimi fl-UE. Dan għandu implikazzjonijiet ukoll għall-ħaddiema sekondati. Il-KESE, għaldaqstant, jitlob analiżi komprensiva ta’ din il-kwistjoni mill-Kummissjoni u għall-miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġjaw id-drittijiet minimi għal dawk li jisfaw vittmi ta’ mġiba kriminali fuq il-post tax-xogħol, li jkunu japplikaw għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat.

    4.3.3   Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-definizzjoni ta’ vittma bħala “persuna fiżika” għax id-definizzjoni tista’ teskludi organizzazzjonijiet jew negozji li jisfaw vittmi ta’ reat kriminiali milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju sabiex tanalizza l-bżonn ta’ azzjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-SMEs sabiex titjieb il-protezzjoni minn vittimizzazzjoni ripetuta.

    4.3.4   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għadha ma indirizzatx b’mod adegwat il-problema prinċipali ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra l-vittmi, inkluża d-diskriminazzjoni kulturali, u jissuġġerixxi li tibni salvagwardji iktar effettivi fil-proposti sabiex tindirizza din il-kwistjoni. Il-vittmi jistgħu jkunu suġġetti għal vittimizzazzjoni u diskriminazzjoni doppja meta jiġu mmirati għall-abbuż minħabba r-razza, ir-reliġjon, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà, sess jew sfond soċjali tagħhom, u din hija l-kawża prinċipali tar-rata estremament għolja ta’ każijiet ta’ reati mhux rappurtati. Il-vittmi jistgħu jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni permezz ta’ trattament inaċċettabbli mill-awtoritajiet jew mis-sistema ġudizzjarja billi ma jitwemmnux jew ma jiġux trattati b’dinjità, rispett u rikonoxximent.

    4.3.5   Il-KESE jitlob għal bidla kulturali kbira b’mod li jiġi aċċettat ir-rwol tal-vittma fis-sistema ġudizzjarja. L-iżgurar ta’ taħriġ adegwat għall-professjonisti u l-prattikanti huwa l-ewwel pass importanti fimkien mar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmira programmi ta’ finanzjament sabiex tikseb din il-bidla kulturali fl-aġenziji prinċipali.

    4.3.6   Il-protezzjoni tal-vittmi ta’ reat hija ta’ importanza ċentrali għall-proposti Dan huwa partikolarment importanti meta l-vittmi u l-familji tagħhom ikunu fil-viċinanza jew fl-istess bini tal-akkużat, fl-isptar, il-qorti jew l-għassa tal-pulizija. Jeħtieġ li jiġu adottati proċeduri standard sabiex ikun żgurat (iktar milli “jistabbilixxu b’mod progressiv”, kif hemm imsemmi fil-proposti) li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittmi u l-familji tagħhom u l-persuni suspettati, billi dawn jitqiegħdu fi kmamar separati, bl-użu ta’ faċilitajiet separati.

    4.3.7   Huwa importanti wkoll li jiġi evitat li persuni jsiru vittmi potenzjali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-monitoraġġ ta’ forom ġodda ta’ vittimizzazzjoni li qed jinħolqu, pereżempju ċ-ċiberkriminalità, u jitlobha tevalwa liema miżuri huma meħtieġa għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi. L-iżvilupp ta’ programmi li jibbażaw fuq is-suċċess ta’ programmi bħalma huwa Daphne sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar theddid potenzjali, u t-teħid ta’ azzjoni preventiva fil-każ ta’ theddida, huwa kruċjali għat-tnaqqis tan-numru tal-vittmi.

    4.3.8   L-istatistika turi li persuni li kienu vittmi jsiru ħafna aktar vulnerabbli għal iktar vittimizzazzjoni. Bosta persuni li kienu ġew abbużati meta kienu tfal, id-dar jew fil-kura ta’ istituzzjonijiet finanzjati mill-istat jew istituzzjonijiet oħrajn jisfaw vittmi ħajjithom kollha. Ħafna jsibuha diffiċli jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom, u biex jieħdu passi u jirrappurtaw il-vittimizzazzjoni. Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ akkumpanjament u fondi mmirati tal-UE favur l-awtonomija tal-vittmi, u lil dawk li huma xhieda tal-vittimizzazzjoni, sabiex joħorġu miċ-ċiklu ta’ vittimizzazzjoni ripetuta, u jiżviluppaw fiduċja ċivili, b’mod partikolari f’komunitajiet b’rata għolja ta’ kriminalità.

    4.3.9   Filwaqt li jaċċetta li ċerti vittmi huma partikolarment vulnerabbli, bħalma huma t-tfal u l-persuni b’diżabbiltà li jeħtieġu trattament speċifiku, il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li, meta jiġu identifikati ċerti “vittmi vulnerabbli”, il-Kummissjoni tkun qed tħeġġeġ il-ħolqien ta’ ġerarkija ta’ vittmi, li għandu l-potenzjal li jwassal għal diskriminazzjoni kontra vittmi oħra. Il-vittmi kollha huma vulnerabbli, u l-KESE jemmen li approċċ aħjar ikun dak li ssir proposta biex il-vittmi kollha ta’ reat jkollhom aċċess għall-miżuri speċjali permezz ta’ valutazzjoni individwali, skont il-proċeduri nazzjonali, biex tiġi determinata l-vulnerabbiltà tagħhom fir-rigward tal-karatteristiċi personali tagħhom, in-natura tar-reat, u r-relazzjoni mal-persuna suspettata. Huma ta’ importanza vitali l-metodoloġiji li jirrikonoxxu u jifhmu l-ambjent soċjali u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-vittma, u jipprovdu wkoll approċċ imsejjes fuq l-appoġġ. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi emendat l-Artikolu 18 tal-COM(2011) 275 sabiex jitneħħew il-punti 1, 2 u 5, u li jiġu emendati r-referenzi u l-formulazzjoni tat-test li jifdal b’mod adegwat, inkluża t-tneħħija tal-kelmiet “l-oħra kollha” fl-ewwel linja tal-punt 3.

    4.3.10   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili, u jagħraf li din hija leġislazzjoni komplementari meħtieġa għall-Proposta għal Direttiva CSL 00002/2010 dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (fil-qasam kriminali). Il-KESE jinnota li ntlaħaq ftehim bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew dwar din il-proposta. Il-KESE jemmen li l-użu u l-format taż-żewġ miżuri għandhom jiġu standardizzati kemm jista’ jkun sabiex tiġi faċilitata l-ħidma. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-ordnijiet ta’ protezzjoni jiġu infurzati b’mod effettiv.

    4.3.11   Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li għandhom il-mezzi tax-xandir fir-rigward tal-appoġġ tad-drittijiet u r-rikonoxximent tal-vittmi, u jixtieq li jkun hemm dispożizzjonijiet fil-proposti li jiżguraw bilanċ bejn ir-rikonoxximent ta’ dan ir-rwol pożittiv u l-protezzjoni tal-privatezza tal-vittmi u l-familji tagħhom waqt il-proċediment tal-qorti u protezzjoni mill-attenzjoni intrużiva u mhux mixtieqa tal-mezzi tax-xandir, inkluża vittimizzazzjoni politikament motivata mix-xandir. Wisq ta’ spiss jiġu ppubblikati immaġni, ritratti u dettalji personali mingħajr kunsens u dan huwa invażjoni mhux aċċettabbli tal-privatezza u l-ħajja tal-familja. Huwa essenzjalili jiġu garantiti r-rispett, l-integrità u d-drittijiet tal-bniedem għall-vittmi u l-familji tagħhom meta l-aktar ikunu vulnerabbli. F’dawn il-każijiet, il-mezz tax-xandir responsabbli għandu jkun obbligat jirrimedja tali vjolazzjoni billi jirrikonoxxiha pubblikament bl-istess viżibbiltà medjatika li jkun ingħata r-reat li ġarrbet il-vittma.

    4.3.12   Il-KESE jixtieq ukoll li jara referenza fil-proposti għal rekwiżit biex l-aġenziji pubbliċi, u b’mod partikolari l-pulizija, jipproteġu wkoll il-privatezza tal-vittmi u l-familji tagħhom. Peress li l-pulizija huma l-akbar fornituri ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir, dan jeħtieġ li jingħata attenzjoni. Dan l-aħħar, ir-rivelazzjonijiet xokkanti fir-Renju Unit rigward l-aċċess illegali għat-telefowns tal-vittmi u tal-familji tagħhom ikkawżaw skandlu. Jeħtieġ li l-UE tiżgura protezzjoni akbar għall-vittmi u l-familji tagħhom f’dan il-qasam, kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra minn pajjiżhom.

    4.4   Id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinftiehem, u d-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni

    4.4.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti biex jiġu pprovduti drittijiet ċari u estensivi lill-vittmi għal informazzjoni fil-ħin, rilevanti u speċifika għall-każ, u li jiġu aġġornati dwar kif qed jipprogressa l-każ tagħhom. Wisq ta’ spiss, tul il-każijiet jinħlew ħin, informazzjoni u evidenza prezzjużi, b’mod partikolari fejn ma jkunx ċar mill-bidu jekk kienx hemm reat jew le, pereżempju persuni neqsin, li għerqu, li waqgħu, jew mewta mhux spjegata. Id-dewmien fil-ħin jista’ jkun ikbar fil-każijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm xhieda tar-reat. Dan m’għandux jikkawża dewmien biex jiġu attivati miżuri għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi. L-istħarriġ bl-użu tal-Eurojust jew it-Trattat dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka huwa limitata peress li dan tal-aħħar jirreferi biss għal kwistjonijiet kriminali. Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jinstabu modi kif jitneħħew l-ostakli għal talbiet ta’ investigazzjoni jew stħarriġ.

    4.4.2   Huwa importanti li wieħed ikun jaf minn fejn jikseb l-informazzjoni u kif għandu jirrapporta theddida jew inċidenti, u fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli aktar fil-pront mingħand l-awtoritajiet rilevanti bħalma huma l-pulizija, l-uffiċċji tal-konsulati/ambaxxati, l-isptarijiet u l-uffiċċji tal-awtoritajiet lokali u s-siti elettroniċi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun inkluża wkoll mad-dokumenti tal-ivvjaġġar mingħand il-kumpaniji tal-ivvjaġġar u l-linji tal-ajru, iddupplikati biex min qed jivvjaġġa jkun jista’ jħalli kopja mal-qrabat jew il-ħbieb tiegħu.

    4.4.3   Attwalment ma hemmx koordinazzjoni u kooperazzjoni biżżejjed bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-każijiet transkonfinali, fejn ta’ spiss il-liġijiet u l-kulturi differenti jirriżultaw f’ostakli jew riluttanza mill-awtoritajiet biex jaqsmu l-informazzjoni u jikkooperaw. Il-KESE jixtieq ukoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u dawk tal-Ġustizzja tal-UE sabiex jiżviluppaw Memorandum ta’ Fehim biex isir skambju ta’ informazzjoni bejn pulizija u ieħor, permezz tal-persunal Konsulari, biex jitwieġbu l-mistoqsijiet leġittimi tal-vittma jew tal-familja dwar investigazzjoni. Dan jitlob li l-awtoritajiet rilevanti jimpenjaw ruħhom li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità/uffiċjal li qed jinvestiga lil kollega nominat f’ġurisdizzjoni oħra li jkun jista’ jikkomunika mal-vittmi jew mal-familji tagħhom sabiex jipprovdi informazzjoni, b’salvagwardji, fejn meħtieġ, biex ma tinxteridx informazzjoni.

    4.4.4   Bosta pajjiżi m’għandhomx sistemi ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni għall-familja fi ħdan il-forza tal-pulizija jew il-maġistrati istruttorji, u jesiġu li familja tqabbad avukat biex jirrappreżentahom qabel ma jgħaddu xi informazzjoni, u dan jista’ jkun għali u jaqbeż il-limitu ta’ kemm jistgħu jħallsu l-familji. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp ta’ mudelli tal-aqwa prattika f’dan il-qasam sabiex dawn jiġu adottati b’mod aktar uniformi madwar l-UE.

    4.4.5   L-Istati Membri għandhom jinħtieġu jippubbliċizzaw fil-wisa’ u b’mod regolari informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u minn fejn jista’ jinkiseb appoġġ. Għandhom jinħtieġu wkoll jikkooperaw fil-livell tal-UE fil-provvediment multilingwi ta’ din l-informazzjoni sabiex l-ispejjeż jiġu minimizzati.

    4.4.6   Id-dritt li wieħed jifhem u li jkun mifhum huwa essenzjali għall-kisba tal-ġustizzja. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom li jkunu qed jieħdu sehem fi proċedimenti kriminali, sabiex ikun żgurat li dawn għandhom l-appoġġ li jeħtieġu biex jifhmu u jkunu mifhuma.

    4.4.7   Drittijiet fuq firxa wiesgħa għal interpretazzjoni u traduzzjoni b’xejn fi proċedimenti kriminali huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u huma partikolarment kritiċi għall-vittmi u l-familji tagħhom f’każijiet transkonfinali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-fatt li dawn id-drittijiet issa qed jiġu estiżi għall-vittmi. Preokkupazzjonijiet dwar l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi m’għandhomx ikunu eżaġerati peress li bosta Stati Membri diġà jissodisfaw dawn id-domandi mill-vittmi.

    4.4.8   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-assigurazzjoni li l-vittmi u l-familja tagħhom għandhom id-dritt jappellaw kwalunkwe deċiżjoni li tgħid li ma hemmx bżonn ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll id-dritt li jitressaq ilment jekk il-kwalità tal-interpretazzjoni mhijiex tajba biżżejjed sabiex dawn jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tul il-proċedimenti. Kif meħtieġ fid-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ reġistru nazzjonali ta’ interpreti u tradutturi kwalifikati u jitlob li dan ir-reġistru jkun il-ġabra rikonoxxuta li għandha tintuża mill-avukati u l-awtoritajiet rilevanti. Il-KESE huwa mħasseb li wħud mill-Istati Membri għandhom reġistri iżda qed jagħtu kuntratti lill-aġenziji għal dawn is-servizzi, u b’hekk qed jaqbżu r-reġistru u jdgħajfu l-ispirtu tad-Direttiva, u jixtieq li dawn il-prattiki jitwaqqfu.

    4.5   Aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

    4.5.1   Il-proposti stabilixxew is-servizzi minimi li għandhom jiġu provduti madwar l-UE sabiex ikun żgurat li l-vittmi ta’ reat u l-familja tagħhom jafu x’għandhom jistennew mil-lat ta’ appoġġ f’waqtu u effettiv, kull fejn ikunu fl-UE meta jkollhom bżonnu l-aktar. Huwa essenzjali li s-servizzi jkunu bla ħlas, kunfidenzjali u pprovduti minn persunal imħarreġ sew, kemm jekk jingħataw minn servizzi pubbliċi u kemm minn dawk privati.

    4.5.2   Il-KESE huwa mħasseb li l-livelli u l-kwalità attwali tas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jvarjaw sew bejn l-Istati Membri tal-UE, u ġeneralment mhumiex finanzjati sew daqs kemm huma dawk għal persuni akkużati jew suspettati li wettqu reat. Il-KESE jsejjaħ għall-miżuri ta’ akkumpanjament sabiex isaħħu u jifformalizzaw l-istandards, il-kwalità u l-kopertura ġeografika ta’ aġenziji ta’ appoġġ għall-vittmi fl-UE u li dan jiġi ffinazjat fuq bażi konsistenti permezz ta’ miżuri fil-Baġit tal-UE. Dan ser jgħin biex jiġu żviluppati ekonomiji ta’ skala billi jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ onlajn konġunti, strutturi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, u l-iskambju tal-aqwa prattiki. Ser jiffaċilita wkoll monitoraġġ aktar strutturat tal-vittmi, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pakkett leġislattiv u l-effettività tiegħu.

    4.5.3   Id-dritt tal-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ huwa kruċjali biex ikunu żgurati l-irkupru tagħhom u l-aċċess effettiv għall-ġustizzja. Minkejja li l-kriżi finanzjarja u ekonomika tfisser sfidi serji għall-Istati Membri, dawn m’għandhomx jabbandunaw id-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam. Għandhom iqabblu l-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ dawn is-servizzi mal-ispiża li jkollhom kieku ma jimplimentawhomx, jiġifieri l-ispiża ekonomika u soċjali tal-vittmi u l-membri tal-familja li jieħdu żmien twil biex jirkupraw jew li ma jirkuprawx mill-esperjenza. Bosta pajjiżi jiffinanzjaw miżuri nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi permezz ta’ multi li jinġabru minn offiżi kriminali. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tal-UE tiffinanzja studju dwar l-effettività ta’ dawn is-sistemi biex possibbilment jiġu applikati b’mod aktar wiesa’.

    4.5.4   Il-KESE jirrikonoxxi li l-għadd ta’ vittmi ta’ reat ivarja bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti. Żidiet fil-popolazzjoni waqt l-eqqel staġuni tal-vaganzi, flimkien ma’ aggressjoni li tirriżulta minn konsum ta’ alkoħol, jistgħu joħolqu aktar pressjonijiet. Il-KESE jemmen li l-appoġġ għandu jkun flessibbli biżżejjed biex ikun aċċessat reġjonalment, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jidderieġu riżorsi u miżuri ta’ appoġġ għat-titjib tal-komunikazzjoni u s-servizzi lejn żoni potenzjalment perikolużi. Din hija kwistjoni partikolarment importanti fejn iż-żieda fir-riskju jew it-theddida ta’ reati vjolenti hija kommessa b’mod sproporzjonat minn persuni suspettati u/jew lejn vittmi minn barra r-reġjun/il-pajjiż.

    4.5.5   L-obbligi legali sabiex jiġi żgurat ir-riferiment tal-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ u biex dawn l-istess servizzi jiġu pprovduti huma kruċjali. Fl-UE, ġeneralment hija r-responsabbiltà tal-pulizija li jirreferu l-vittmi għal dawn is-servizzi. Madankollu, attwalment, il-maġġoranza kbira tal-vittmi (13) mhumiex riferuti għas-servizzi adegwati. Dan joħloq l-uniku u l-akbar ostaklu għall-provvediment ta’ appoġġ għall-vittmi madwar l-Ewropa.

    4.5.6   Awtoritajiet rilevanti oħra li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi għandu jkollhom ukoll ir-responsabbiltà, kif xieraq, biex jirreferu l-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ, inklużi sptarijiet, ambaxxati u aġenziji konsulari, skejjel u servizzi ta’ akkomodazzjoni. Importanti li jkun mifhum li dan mhux ser jippreżenta diffikultajiet fir-rigward tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data.

    4.5.7   Is-servizzi eżistenti tal-appoġġ għall-vittmi ma jagħtux għajnuna ta’ rutina lill-vittmi jew lill-familji tal-vittmi ta’ inċidenti li jseħħu barra mill-pajjiż meta dawn jirritornaw lura f’pajjiżhom. Dan in-nuqqas irid jiġi indirizzat. Il-vittmi jistgħu jieħdu żmien twil biex jirkupraw u jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ saħħa u sfidi legali u amministrattivi meta jirritornaw lura pajjiżhom. Il-KESE jitlob biex l-ambitu tas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jitwessa’ biex jipprovdi dan l-appoġġ.

    4.5.8   Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ finanzjament tal-UE għar-riżorsi u l-kooperazzjoni ta’ appoġġ u l-bini tal-kapaċità bjen is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, u l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-isptarijiet, it-trejdjunjins, l-NGOs, u l-kumpaniji, sabiex jiġi żviluppat l-impenn tas-soċjetà ċivili fit-titjib tal-appoġġ għall-vittmi ta’ reat u biex jiġu promossi l-aqwa prattika u miżuri prattiċi għat-titjib tal-appoġġ għall-vittmi. Il-voluntiera li jsofru danni minħabba mġiba kriminali meta jkunu qed jipprovdu l-appoġġ u s-servizzi taħghom għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati wkoll bħala vittmi ta’ reati.

    4.5.9   Filwaqt li l-KESE jikkonferma li s-sistemi ġudizzjarji u awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra jaqdu rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, huwa jemmen li hemm lok għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet fis-setturi rilevanti (kumpaniji tal-ivvjaġġar, kumpaniji tal-assigurazzjoni, linji tal-ajru, lukandi, banek, kumpaniji tal-mowbajl u ta’ tipi oħra ta’ telefown, kumpaniji tal-kiri ta’ karozzi u tat-taxi, trejdjunjins u NGOs soċjali) biex, permezz ta’ kooperazzjoni kostruttiva, jiżviluppaw strateġiji pożittivi u prattiċi u strutturi biex jappoġġjaw il-vittmi u l-familji tagħhom waqt kriżi. Dawn l-inizjattivi m’għandhomx jitqiesu bħala piżijiet iżda aktar bħala opportunitajiet biex jiġu żviluppati politiki pożittivi fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

    4.5.10   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju tal-industrija tal-assigurazzjoni tal-UE sabiex tivvaluta l-miżuri ta’ kopertura, protezzjoni u għoti ta’ kumpens għall-vittmi ta’ reat u inċidenti sabiex jiġu promossi l-aqwa prattiki, fil-provvediment ta’ appoġġ, kumpens u spejjeż legali u amministratti adegwati sabiex il-vittmi jew il-familji tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti kriminali. Iċ-ċarezza tat-termini u l-esklużjonijiet fil-politiki għandhom jiġu valutati b’mod li jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta’ litteriżmu, edukazzjoni u diżabbiltajiet possibbli tal-klijenti. Klawżoli fl-assigurazzjoni tal-vaganzi fejn il-kopertura hija eskluża totalment jew parzjalemnt jekk il-persuna assigurata kienet xorbot, u taħt l-influwenza ta’ dan ikkontribwixxiet għal inċident għandhom jiġu kkomunikati immedjatament filwaqt li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jitħeġġu japplikaw bilanċ f’dan il-qasam peress li ħafna persuni jixorbu moderatament waqt vaganza, u għandhom jikkunsidraw l-applikazzjoni ta’ miżuri stabbiliti biex jiġu ttestjati l-livelli tal-alkoħol, bħal pereżempju dawk għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. L-Istati Membri jibqgħu obbligati jipprovdu kumpens skont it-termini tad-Direttiva tal-UE dwar il-kumpens. Madankollu, dan ma jnaqqasx mill-impenn tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jonoraw ir-responsabbiltà primarja tagħhom.

    4.5.11   Il-KESE jemmen li għandu jiġi stabbilit grupp ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE li jinkludi lill-vittmi u l-familji tagħhom, gruppi ta’ appoġġ għall-vittmi u NGOs relatati, rappreżentanti tat-trejdjunjins u tan-negozji għall-appoġġ ta’ monitoraġġ kontinwu, l-iżvilupp tat-taħriġ, u għandu jkun ta’ xprun għal bidla kulturali fil-konfront tal-vittmi.

    4.5.12   Fejn ikun rilevanti, l-appoġġ għad-drittijiet tal-vittmi għandu jiddaħħal f’politiki u proposti leġislattivi oħra tal-UE. Dan jgħin sabiex ikun żgurat il-progress f’dan il-qasam.

    4.6   Ġustizzja u kumpens

    4.6.1   Jeħtieġ li jkun hemm aktar bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u d-drittijiet tal-vittma. Attwalment, il-vittmi mhumiex appoġġjati sew u għandhom anqas drittijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall-provvediment ta’ rikors effettiv għall-vittmi jekk dawn ma jirnexxilhomx jirċievu l-informazzjoni, l-appoġġ u d-drittijiet u d-dispożizzjonijiet minimi l-oħra stabbiliti fid-direttiva.

    4.6.2   Id-dritt tal-vittma li tinstema’ waqt il-proċedimenti kriminali u li tagħti xhieda huwa kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem u ġustizzja effettiva. Dan id-dritt diġà jeżisti f’uħud mill-Istati Membri u jeħtieġ li jkun disponibbli fl-UE kollha. F’dan il-kuntest, il-leġislazzjoni tal-UE għandha tqis u tħeġġeġ bil-qawwi it-twaqqif ta’ programmi effettivi għall-protezzjoni tax-xhieda.

    4.6.3   Id-drittijiet tal-akkużat għandhom ikunu garantiti, iżda l-interessi leġittimi tal-vittma u l-familja tagħha għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati. Il-vittmi għandu jkollhom drittijiet fl-istess livell ta’ appoġġ legali u amministrattiv. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali jekk ikollhom l-istatus ta’ partijiet fil-proċedimenti, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva. Il-KESE jemmen li dan l-appoġġ għandu jkun disponibbli wkoll għall-familja tal-vittma u għall-persuna ta’ appoġġ rikonoxxuta jekk il-vittma tkun mejta jew tkun teħtieġ livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħha meta tkun qed tieħu sehem fil-proċedimenti legali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ għajnuna legali u assistenza għall-vittmi u l-familji tagħhom madwar l-UE sabiex tikkontribwixxi għall-miżuri futuri possibbli biex jiġi estiż l-appoġġ f’dan il-qasam.

    4.6.4   Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ostakli sinifikanti li jeżistu f’ċerti Stati Membri għar-ripatrijazzjoni tal-vittmi mejtin. Il-familji tal-vittmi ta’ sikwit jiġu miċħuda mid-dritt li jieħdu l-maħbubin tagħhom lura d-dar għad-dfin, jew ikollhom jistennew is-snin u jgħaddu minn proċeduri legali kkumplikati qabel ma l-ġisem jiġi rilaxxat. Dan jikkawża uġigħ u frustrazzjoni kbar li jiżdiedu mas-sogħba li diġà tkun għaddejja minna l-familja. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tal-UE tiżviluppa proċeduri komuni fi skadenzi limitati u definiti b’mod ċar (14) għat-trasportazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet umani tal-vittmi transkonfinali, li jieħdu l-preċedenza fuq ir-regoli nazzjonali jew provinċjali.

    4.6.5   Il-KESE jilqa’ d-dritt għal rimbors tal-ispejjeż tal-vvjaġġar, l-akkomodazzjoni u s-sussistenza li jkollhom iħallsu l-vittmi meta jipparteċipaw fi proċess, bħala xhieda jew vittmi. Il-KESE jifhem din id-dispożizzjoni biex tiġi inkluża l-familja ta’ vittma maqtula, iżda jistenna li din tiġi applikata b’mod aktar fil-wisa’ għall-familji u l-persuni ta’ appoġġ ta’ vittmi li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħhom, u biex tkun responsabbiltà tal-istat.

    4.6.6   Ir-rikonoxximent bil-miktub tar-rapport ta’ reat għandu jkun standard minimu bażiku. B’konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-ilmenti tal-vittmi għandhom jiġu investigati kif xieraq mill-istat.

    4.6.7   Il-KESE jemmen li f’każijiet ta’ reati mwettqa minn persuna suspettata fi Stat Membru ieħor għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-proċedimenti ta’ estradizzjoni ma jeħlux minħabba proċedimenti kontra l-istess persuna suspettat f’pajjiżu jekk il-proċedimenti f’pajjiżu huma anqas serji minn dawk tal-każ li qed iseħħ barra mill-pajjiż. Dawn il-proċedimenti għandhom jitħaffu jew jiġu posposti sakemm jitwettqu l-proċedimenti barra mill-pajjiż.

    4.6.8   Il-KESE jemmen li fil-każ ta’ deċiżjoni li ma jittiħdux passi legali, għandu jkun hemm id-dritt għal analiżi indipendenti tad-deċiżjoni. Dritt aktar effettiv ikun jekk il-vittma jkollha d-dritt tiġi konsultata dwar deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni.

    4.6.9   Il-KESE jagħraf li kumpens finanzjarju mhux ser iħassar id-dannu kkawżat mir-reat, u ta’ spiss ir-rikonoxximent u r-rispett għall-vittma huma importanti ħafna. Il-vittmi għandhom dritt stabbilit għal kumpens, iżda ta’ spiss mhumiex konxji dwar dak li huma intitolati għalih, jew inkella jaqtgħu qalbhom mill-proċess ikumplikat biex jiksbuh. Il-ksib ta’ kumpens għal danni minn reat kriminali fil-każijiet transkonfinali ta’ spiss huwa impossibbli sakemm il-vittma jew il-familja ma tibdiex proċediment legali fil-ġurisdizzjoni barra mill-pajjiż, proċess li huwa kumpless u jinvolvi ħafna spejjeż. Jeħtieġ li tittieħed iktar azzjoni sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom b’mod aktar faċli u bla ebda ħlas. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-kumpens tal-vittmi u twettaq titjib meħtieġ u fuq firxa wiesgħa f’dan il-qasam; huwa jħeġġiġha tikkunsidra wkoll skema fil-livell tal-UE ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba f’reat.

    4.6.10   Bħala parti mir-reviżjoni hawn fuq imsemmija, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa speċifika lejn il-kwistjoni tal-kumpens għall-vittmi ta’ reati tat-traffiku tat-triq. Il-KESE jieħu nota tal-eżempji tajbin ta’ kumpens u appoġġ għall-vittmi f’uħud mill-Istati Membri. Pereżempju, meta parti kbira mis-somma ta’ flus miġbura permezz ta’ multi għal reati tat-traffiku tat-triq tintefaq f’appoġġ u kumpens għall-vittmi. Peress li l-inċidenti tat-triq huma l-kawża prinċipali ta’ diżabbiltà, l-organizzazzjonijiet rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ kumpens.

    4.6.11   Għandu jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem bħala appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom eżatt wara inċident, meta l-ispejjeż ikunu partikolarment għoljin.

    4.6.12   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti dwar il-ġustizzja restorattiva fid-Direttiva iżda jemmen li d-definizzjoni tfasslet wisq fid-djuq u jeħtieġ li tenfasizza li hemm varji għażliet sabiex tinkiseb ġustizzja restorattiva li ma jinvolvux li jitlaqqgħu persuni flimkien. Il-KESE jikkonferma li x-xewqat u l-protezzjoni tal-vittmi u l-familji tagħhom huma ta’ importanza assoluta fil-każijiet kollha. Salvagwardji b’saħħithom huma kruċjali, u jintlaqgħu tajjeb provvedimenti sabiex ikun żgurat li l-istat jiffaċilita r-riferiment għal servizzi ta’ appoġġ b’taħriġ adegwat. Il-KESE jinnota li attwalment għadd veru żgħir ta’ Stati Membri jipprovdi finanzjament għal ġustizzja restorattiva u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja proġetti pilota għall-iżvilupp ta’ standards u taħriġ fil-ġustizzja restorattiva sabiex jinħolqu ekonomiji ta’ skala u jiġi appoġġjat l-iskambju tal-aqwa prattiki.

    4.6.13   Il-KESE jinnota li kull sena ammont kbir ta’ “proprjetà misruqa” jinbigħ mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE meta l-pulizija ma jkunux għaddewh lura lill-proprjetarju. Dewmien inaċċettabbli fir-restituzzjoni tal-proprjetà hija problema oħra (15). Il-KESE jixtieq li jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar ir-restituzzjoni tal-proprjetà b’obbligazzjonijiet għall-awtoritajiet li jipprovdu informazzjoni speċifika u dettalji ta’ kuntatt rigward min huwa responsabbli għall-proprjetà; u biex ikun żgurat li l-proprjetà tiġi restitwita fi żmien qasir u stabbilit.

    4.7   L-implimentazzjoni u l-infurzar

    4.7.1   Hemm għadd kbir ta’ konsegwenzi ekonomikċi u soċjali marbuta man-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, mhux biss għall-vittmi u l-familja tagħhom, iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri fi ġranet ta’ xogħol mitlufa, pressjonijiet fuq is-saħħa, u servizzi soċjali u legali oħra. Għaldaqstant huwa vitali li dawn il-miżuri l-ġodda ta’ appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom jiġu implimentati adegwatament sabiex ikun żgurat irkupru aħjar u aktar malajr.

    4.7.2   Il-KESE jemmen li l-proposti għandhom jinkludu miżuri b’saħħithom sabiex ikun żgurat li l-istandards minimi jiġu sodisfati madwar l-UE. Dan ser jeħtieġ miżuri biex ikun żgurat monitoraġġ kontinwu u infurzar effettiv, flimkien ma’ pieni dissważivi għall-prevenzjoni tan-nonkonformità.

    Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Jissuġġerixxi fi żmien 28 ġurnata, li għandu jagħti ħin biżżejjed biex isiru l-investigazzjoni forensika u l-ittestjar tad-DNA minn 2 patoloġisti, inkluża talba għal rapport indipendenti mill-konsulat tal-pajjiż tal-vittma mejta.

    (2)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/111877.pdf.

    (3)  COM (2010) 171 finali.

    (4)  Adottat mill-Kunsill tal-Ministri fl-10 ta’ Ġunju 2011.

    (5)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 40–44.

    (6)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 50–54.

    (7)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 60–64, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43–48, u ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138–144.

    (8)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65–70.

    (9)  ĠU C 218, 23.07.2011, p. 91.

    (10)  CESE 1182/2011, 13-14 ta’ Lulju 2011, għadha ma ġietx pubblikata fil-ĠU.

    (11)  ĠU C 97, 28.04.2007, p. 21-26.

    (12)  COM(2011)274 u SEC(2011)580.

    (13)  Skont l-informazzjoni tal-Victim Support Europe.

    (14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

    (15)  Is-servizzi tal-Appoġġ tal-Vittmi madwar l-Ewropa regolarment jirċievu ilmenti minn vittmi relatati ma’ dewmien min-naħa tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fir-restituzzjoni tal-proprjetà lill-vittmi.


    Top