Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0202(05)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 29, 2.2.2012, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 29/19


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2012/C 29/12

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “SPALT SPALTER”

    Nru KE: DE-PDO-0005-0843-10.01.2011

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem:

    “Spalt Spalter”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

    Il-Ġermanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   It-tip ta’ prodott:

    Il-kategorija 1.8 Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.)

    Il-kategorija 1.8 Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

    Il-ħops jagħmel parti mill-familja tal-qanneb (cannabaceae) u jagħmel parti mill-ordni tal-ħurrieq (urticaceae). Huwa pjanta li għandha organi maskili u femminili fuq pjanti separati, jiġifieri kull pjanta tagħmel biss fjuri maskili jew femminili u mhux it-tnejn f’daqqa. Il-pjanti femminili biss jagħmlu l-fjuri tal-ħops (lupuli strobulus). Il-ħops jinqata’ mill-aħħar ta’ Awwissu sa nofs Settembru. Wara li jinqata’, il-ħops (il-fjuri tal-ħops) jitnixxef u jiġi ppressat u mkessaħ biex jitlesta għall-ipproċessar.

    Il-ħarsien mogħti mir-Regolament (KE) Nru 510/2006, li qiegħed jintalab għall-isem “Spalt Spalter”, għandu japplika biss għall-fjuri mnixxfa tal-ħops (lupuli strobulus) u għall-prodotti tal-ħops ipproċessat miksubin minnhom, fil-forma ta’ griebeb tal-ħops u ta’ estratti tal-ħops.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti li ġejjin mill-ipproċessar, il-griebeb tal-ħops u l-estratti tal-ħops isiru billi l-ħops ikompli jiġi pproċessat sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jinħażnu b’mod li jżommu l-elementi tal-ħops mhux ipproċessat u sabiex jittejjeb il-proċess tal-għoti awtomatiku tad-dożi tal-ħops fil-birreriji.

    Biex jiġu prodotti l-griebeb tal-ħops, il-fjuri tal-ħops jintaħnu u fl-aħħar jiġu ppressati bil-mod sabiex tinżamm il-kwalità oriġinali tal-prodott naturali.

    Il-griebeb tal-ħops li jinbiegħu bħala “griebeb tat-tip 90” huma magħrufin b’dan l-isem minħabba li minn kull 100 kilogramma ta’ ħops mhux ipproċessat, joħorġu 90 kilogramma ta’ griebeb.

    Il-griebeb tal-ħops tat-tip 45 miżjudin bil-lupulin, li huma magħrufin bħala “griebeb tat-tip 45”, jiġu prodotti billi l-ħops iffriżat jiżdidulu, f’temperatura ta’ – 35 °Ċ, il-glandoli tal-lupulin bil-magni. F’dan il-proċess, parti miz-zokk tal-werqa u z-zokk tal-fjuri jitneħħew mit-trab billi l-prodott jingħarbel. Mal-ħops ma jiżdied l-ebda ingredjent meta jkunu qed jiġu prodotti l-griebeb tal-ħops. Huma biss il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-ħops li jinbidlu waqt din il-produzzjoni.

    L-istess bħalma jiġri meta jkunu qed jiġu prodotti l-griebeb tal-ħops, meta jkunu qed jiġu prodotti l-estratti tal-ħops, tingħata attenzjoni kbira biex tinżamm il-kwalità oriġinali tal-prodott naturali. Il-ħops ilu jiġi estratt fuq skala kbira sa mill-bidu tas-snin sebgħin. Sabiex ir-raża u ż-żejt polari tal-fjuri tal-ħops jinfirdu mill-elementi l-oħra, waqt il-proċess tal-estrazzjoni bil-mod tal-elementi li jiffurmaw il-ħops jintużaw is-CO2 u l-etanol f’forma likwida jew f’forma superkritika.

    Is-sustanzi li jkun fih il-ħops li huma importanti għall-produzzjoni tal-birra

    Is-sustanzi morri u ż-żjut essenzjali huma elementi tipiċi li jkun fih il-ħops u li jagħtuh il-valur tiegħu għall-produzzjoni tal-birra. Il-kontenut tat-tannin mhux daqshekk importanti. Is-sustanzi morri u ż-żjut essenzjali jkunu fil-glandoli tal-lupulin tal-fjuri tal-ħops. It-tannin jinsab l-iktar fil-weraq tal-fjuri, fiz-zkuk u fil-friegħi.

    Il-kwalità

    Il-prodott imsejjaħ “Spalt Spalter” jissodisfa r-rekwiżiti minimi tal-kwalità mogħtija fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 890/78 għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fjuri tal-ħops u tal-estratti tal-ħops fil-livell Komunitarju. Skont ir-Regolament (KEE) Nru 1696/71 tal-Kunsill u r-regolamenti li jemendawh, il-kwalità u l-oriġini tal-ħops huma ddokumentati fid-dettall fiċ-ċertifikazzjoni li tingħata lil dawk li jipproduċu l-birra.

    Il-varjetajiet tal-ħops u s-sustanzi li jkun fih il-ħops

    L-isem “Spalt Spalter” ġej mill-fatt li fl-ismijiet tal-varjetajiet tal-ħops, isem iż-żona tat-tkabbir tal-ħops rilevanti dejjem titqiegħed quddiem isem il-varjetà – jiġifieri, f’dal-każ, dan ifisser “ħops tal-varjetà “spalter” li ġej miż-żona ta’ Spalt”.

    Li kieku l-varjetà tal-ħops “spalter” kienet titkabbar f’żona oħra tat-tkabbir, li mhux il-każ bħalissa, kien ikun hemm distinzjoni ċara bejn dak il-ħops u dak tal-istess varjetà mkabbar fiż-żona tat-tkabbir ta’ Spalt, minħabba li isem il-varjetà kien ikun jinkludi wkoll isem din iż-żona tat-tkabbir partikulari. Pereżempju, kieku l-varjetà tal-ħops “spalter” kienet titkabbar fir-reġjun ta’ Hallertau, kienet tissejjaħ “Hallertau Spalter”. B’hekk m’hemm l-ebda riskju ta’ konfużjoni bejn l-isem “Spalt Spalter”, li għalih qed tintalab il-protezzjoni, u xi varjetà oħra. Iis-sustanzi li jkun fih il-ħops qed jiġu deskritti fid-dettall fit-taqsima 5 ta’ hawn taħt.

    3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

    Il-proċess kollu tat-tkabbir tal-ħops mhux ipproċessat sal-ippakkjar tal-fjuri tal-ħops minn dawk li jkabbru l-ħops isir fiż-żona ġeografika identifikata. Barra minn hekk, għat-tnissil tal-ħops tat-tip “Spalt Spalter” jistgħu jintużaw biss pjanti oriġinali minn dan ir-reġjun.

    3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

    3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika identifikata tikkorrispondi maż-żona tat-tkabbir tal-ħops fi Spalt. Din iż-żona hija ddefinita fil-paragrafu 3 tar-Regolament tal-Bavarja dwar l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-ħops (il-“Bayerische Verordnung zur Durchführung des Hopfengesetzes“ (fil-qosor imsejħa “BayHopfDV”) (is-sors 4a). Skont dan ir-Regolament, iż-żona tat-tkabbir ta’ Spalt tinkludi d-distretti taċ-ċertifikazzjoni ta’ Spalt u Kinding.

    Fid-distrett taċ-ċertifikazzjoni ta’ Spalt hemm il-muniċipalitajiet li ġejjin:

    Abenberg, Büchenbach, Georgensgmünd, Heideck, Röttenbach, Roth, Spalt, Absberg, Ellingen, Haundorf, Höttingen, Pfofeld, Pleinfeld, Mitteleschenbach, Neuendettelsau u Windsbach.

    Fid-distrett taċ-ċertifikazzjoni ta’ Kinding hemm il-muniċipalitajiet li ġejjin: Altmannstein (id-distretti ta’ Pondorf u Schamhaupten biss), Beilngries, Denkendorf, Kinding, Kipfenberg, Titting, Greding u Berching.

    5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

    Fil-Medju Evu, it-tkabbir tal-ħops fir-reġjun ta’ Spalt ħa post il-vitikultura, li kienet l-attività komuni sa dak iż-żmien. F’ċerti postijiet fir-reġjun ta’ Spalt, bħal Großweingarten, il-ħops jitkabbar f’dawk li qabel kienu għelieqi bid-dwieli. Il-klima moderata ta’ dan ir-reġjun, fejn tagħmel madwar 650 millimetru xita fis-sena u fejn ix-xemx tidher għal 1 700 siegħa fis-sena, hija ideali għat-tkabbir tal-ħops f’din iż-żona. Ħamrija fonda, b’densità baxxa sa medja u li tisħon malajr, tipprovdi kundizzjonijiet ottimi għat-tkabbir tal-ħops.

    F’termini idroġeoloġiċi, ir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt jinsab essenzjalment fiż-żona tas-“Sandsteinkeuper” (il-“keuper” tal-ġebel ramli) u tal-“Fränkischer Jura” u b’hekk għandu jiġi kklassifikat bħala akwifer tal-karst u maqsum. Il-ħamrija hija prinċipalment imrammla u taflija sa taflija u b’mod ġenerali ma tantx iżżomm ilma fiha. Fil-partijiet muntanjużi, il-pjantaġġuni tal-ħops normalment jinsabu fil-widien fejn ikun hemm ir-riżervi tal-ilma anki f’perjodi meta ddum ma terġa’ tagħmel ix-xita. Iż-żona tat-tkabbir ta’ Spalt tinsab qrib l-għajn ta’ diversi passaġġi żgħar u medji tal-ilma. Madankollu, f’din iż-żona ftit li xejn insibu passaġġi kbar tal-ilma.

    Dawk li jipproduċu jew ikabbru l-ħops tat-tip “Spalt Spalter” ikabbru ħops ta’ kwalità eċċezzjonali għall-industrija tal-produzzjoni tal-birra. Iż-żona tat-tkabbir tal-ħops ta’ Spalt hija waħda mill-iżgħar żoni tat-tkabbir tal-ħops, iżda hija waħda mill-aqwa u bi tradizzjoni twila. Il-ħops ilu jitkabbar f’din iż-żona għal iktar minn 1 000 sena. Il-ħops imkabbar fil-belt ta’ Spalt għandu l-iktar siġill antik tal-kwalità tal-ħops fid-dinja. Dan is-siġill ingħata lill-belt ta’ Spalt fl-1538 mill-Prinċep u Isqof ta’ Eichstätt Philipp von Pappenheim u huwa prova ta’ kemm kienu jagħtu importanza lill-kwalità dawk li jkabbru l-ħops fi Spalt. Fil-Medju Evu, il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” diġà kien prodott kummerċjali mfittex ferm. Il-varjetajiet fini u aromatiċi ħafna mkabbrin fiż-żona tat-tkabbir ta’ Spalt huma adattati ferm għall-produzzjoni ta’ birer tal-ogħla kwalità (ara l-paġna 115 u l-paġni ta’ warajha tal-atlas tal-ħops miktub minn Barth, Klinke u Schmidt imsejjaħ “Der grosse Hopfenatlas”).

    F’dan ir-reġjun insibu tradizzjoni speċjali ta’ tkabbir tal-varjetà tal-ħops aromatika ħafna msejħa “Spalter”. Din il-varjetà hija varjetà lokali magħmula mill-grupp ta’ varjetajiet ta’ “Saaz” (imsejħin “Spalter”, “Tettnanger” u “Saazer”), li ilhom jitkabbru madwar il-belt ta’ Spalt għal sekli sħaħ u li sal-ġurnata ta’ llum għadhom jitkabbru kważi b’mod esklużiv biss fiż-żona tat-tkabbir ta’ Spalt. Il-klima u l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi f’dan ir-reġjun wasslu biex mill-varjetà lokali żviluppat varjetà tipika għal dan ir-reġjun. Il-kwalità, l-uniformità u l-aroma tal-varjetà ttejbu kontinwament permezz tal-għażla klonali. L-għarfien espert li nkiseb matul is-sekli, flimkien mal-kundizzjonijiet favorevoli tal-klima fir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt, wasslu biex f’dan ir-reġjun, ġiet żviluppata varjetà aromatika tal-ħops li hija unika fid-dinja, li għandha fama tajba fuq livell internazzjonali u li, minħabba t-togħma speċifika li tagħti lill-birra, hija apprezzata ferm minn birreriji li jinsabu fuq quddiem nett fl-industrija u tintuża fil-produzzjoni ta’ wħud mill-aqwa birer tagħhom.

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

    Il-kundizzjonijiet speċjali tat-tkabbir, li huma magħmulin mill-karatteristiċi tal-ħamrija u mill-kundizzjonijiet tal-klima, jagħmlu lill-ħops tat-tip “Spalt Spalter” uniku. Minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” jipprova jitkabbar f’reġjuni oħra, dan ma jkunx tal-istess kwalità jew tal-istess standard u ma jipproduċix daqshekk ħops. Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima jaffettwaw l-aktar il-kontenut ta’ sustanzi attivi fil-ħops u kemm jikber il-ħops. Il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” huwa kkaratterizzat minn sustanzi aromatici fini ferm. Il-kontenut tal-mirċen huwa ta’ 20 sa 35 %. Dan il-ħops huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ ammont kbir ta’ farneżen (10 sa 20 %), li ma jinsabx f’ammont daqshekk kbir fil-ħops aromatiku mkabbar f’reġjuni tat-tkabbir oħrajn. Il-kontenut għoli tal-farneżen, flimkien mal-kontenut relattivament baxx ta’ aċidi tal-alfa u tal-beta (2,5 sa 5,5 % u 3,0 sa 5,0 % rispettivament), iwasslu għal karattru ġenerali uniku, li jinfluwenza biċ-ċar l-aroma tal-ħops tat-tip “Spalt Spalter” u jagħmilha togħma daqshekk unika. Din ir-rabta tal-kundizzjonijiet tat-tkabbir mal-karatteristiċi tipiċi li ġejjin minnhom turi għaliex hija biss il-varjetà tal-ħops “Spalt Spalter” li għandha tingħata l-istatus ta’ denominazzjoni protetta tal-oriġini.

    Għalhekk, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħamrija fiż-żona tat-tkabbir u l-klima unika – bħala medja, f’dan ir-reġjun ix-xemx tidher għal madwar 1 700 siegħa fis-sena u tagħmel biss 650 millimetru xita fis-sena – il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” huwa distint minn ħafna mill-varjetajiet l-oħra tal-ħops u mir-reġjuni l-oħra tat-tkabbir tal-ħops, speċjalment minħabba l-kontenut għoli ta’ farneżen tiegħu. Barra minn hekk, fil-kompożizzjoni ġenerali tiegħu, il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” huwa kkaratterizzat minn aroma tal-ħops partikularment qawwija u fina, li fid-deskrizzjonijiet tal-aromi tissejjaħ togħma ta’ fjuri, ta’ frott u ta’ ħwawar. B’hekk l-impressjoni ġenerali li tagħti l-birra hija ta’ waħda moderata, b’togħma tajba ferm u bbilanċjata tajjeb tal-fjuri tal-ħops (ara l-portafoll tal-varjetajiet maħruġ mis-CMA (is-“Centrale Marketing-Gesellschaft der deutschen Agrarwirtschaft m.b.H”) li jagħti noti lit-togħmiet u analiżi tal-produzzjoni tal-birer).

    Il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” dejjem mar tajjeb f’diversi fieri u wirjiet. F’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi l-iktar importanti tal-kwalità tal-varjetajiet tal-ħops Ġermaniżi, il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” huwa wieħed minn ta’ quddiem nett fost il-varjetajiet aromatiċi tal-ħops. Il-ħops tat-tip “Spalt Spalter” rebaħ l-aqwa premjijiet f’diversi wirjiet tal-ħops b’rabta mal-karatteristiċi ġenerali u aromatiċi tiegħu.

    5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    Il-ħamrija u l-klima moderata fir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt, flimkien mal-għarfien espert ta' dawk li jkabbru l-ħops f'dan ir-reġjun, li nkiseb matul is-sekli, wasslu biex ġiet żviluppata varjetà aromatika tal-ħops li hija unika fid-dinja, li għandha karatteristiċi uniċi u li, anke llum il-ġurnata għadha titkabbar prattikament biss fir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt u li hija apprezzata ferm fuq livell internazzjonali, minħabba t-togħma fina speċifika li tagħti lill-birra.

    Il-kundizzjonijiet tal-klima fir-reġjun ta’ Spalt, li qabel kien reġjun tal-vitikultura, li fih ix-xemx tidher għal 1 700 siegħa fis-sena u tagħmel biss 650 millimetru xita fis-sena, jinfluwenzaw ħafna l-ħops li jikber f’ħamrija mrammla li fiha l-għeruq jistgħu jaqbdu bla problemi. Il-kundizzjonijiet naturali speċjali fir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt jagħmlu lill-ħops tat-tip “Spalt Spalter” uniku (ara t-taqsima 5.2 imsejħa “L-ispeċifiċità tal-prodott”).

    Il-kundizzjonijiet uniċi eżistenti fir-reġjun tat-tkabbir ta’ Spalt – l-ammont medju ta’ xita li tagħmel, it-temperaturi medji, il-profil tal-ħamrija, l-għoli ’l fuq mil-livell tal-baħar, it-tul ta’ ħin li fih tidher ix-xemx u l-provvista tal-ilma minn passaġġi żgħar tal-ilma – jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ħops tat-tip “Spalt Spalter” li jitkabbar f’dan ir-reġjun ikun ta’ kwalità u standard għoljin uniċi. Reġjuni oħra tat-tkabbir tal-ħops dejjem ivarjaw minn dan f’xi kundizzjoni bażika tat-tkabbir (bħal pereżempju minħabba li jkollhom formazzjonijiet differenti tal-ġebel jew kompożizzjoni differenti tal-ħamrija, inqas tul ta’ ħin li fih tidher ix-xemx, jew ma jkollhomx widien fiż-żoni muntanjużi).

    Prova tal-oriġini

    L-industrija tal-ħops qablet dwar kriterji komuni għall-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ analiżi tal-kwalità, li jinsabu fil-linji gwida maħruġin mill-Grupp ta’ ħidma għall-valutazzjoni newtrali tal-kwalità (l-“Arbeitsgruppe neutrale Qualitätsfeststellung”). L-imsieħba kollha tas-suq jirrikonoxxu r-riżultati ta’ dawn l-analiżi. Il-valutazzjoni newtrali tal-kwalità, flimkien mad-dokumenti dwar l-oriġini u t-traċċabbiltà tal-lottijiet tal-ħops marbutin mas-siġillar tradizzjonali tal-ħops, tiżgura li r-reġjun tal-oriġini tal-ħops ikun jista’ jingħaraf biċ-ċar. Il-produttur jiżen, jimmarka u jissiġilla (permezz ta’ siġill uffiċjali taċ-ċomb) il-ħops li jkun ipproduċa, taħt sorveljanza uffiċjali. Huwa joħroġ dikjarazzjoni uffiċjali, imsejħa “ċertifikat ta’ akkumpanjament”, dwar il-kwantità, il-piż u l-oriġini tal-ħops.

    Il-produzzjoni tal-ħops tat-tip “Spalt Spalter” tiġi ssiġillata u ċċertifikata minn uffiċjal tas-siġillar skont prinċipji ċċertifikati, jew fiċ-ċentru ta’ ċertifikazzjoni (fis-sala għat-tkessiħ tal-ħops) jew fir-razzett fejn jitkabbar il-ħops. Mingħajr dan iċ-ċertifikat dwar is-siġill, il-ħops la jkun jista jintbagħat biex ikompli jiġi pproċessat u lanqas ma jkun jista’ jitqiegħed fis-suq.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)

    Il-taqsima 7c tal-volum 01 tal-“Markenblatt” tas-7 ta’ Jannar 2011, p. 490

    http://www.register.dpma.de/dpmaregister/geo/detail.pdfdownload/17400


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top