Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0411

    Kawża C-411/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) fit- 18 ta’ Awissu 2010 — NS vs Secretary of State for the Home Department

    ĠU C 274, 9.10.2010, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 274/21


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) fit-18 ta’ Awissu 2010 — NS vs Secretary of State for the Home Department

    (Kawża C-411/10)

    ()

    2010/C 274/34

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: NS.

    Konvenut: Secretary of State for the Home Department.

    Domandi preliminari

    (1)

    Deċiżjoni meħuda minn Stat Membru taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill 343/2003 (1) (“ir-Regolament”) jekk għandhiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil li mhijiex ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament, taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-UE għall-finijiet tal-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”)

    Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija “iva”

    (2)

    L-obbligu ta’ Stat Membru li josserva d-drittijiet fundamentali tal-UE (inkluż id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta) jispiċċa meta dak l-Istat Membru jibgħat lil min ifittex l-ażil lejn l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) jindika bħala l-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (“l-Istat Responsabbli”), tkun xi tkun is-sitwazzjoni fl-Istat Responsabbli?

    (3)

    B’mod partikolari, l-obbligu ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-UE jipprekludi t-tħaddim ta’ preżunzjoni konklussiva li l-Istat Responsabbli josserva (i) id-drittijiet fundamentali taħt l-UE tal-applikant; u/jew (ii) l-istandards minimi imposti mid-Direttivi 2003/9/KE (2) (“id-Direttiva dwar l-akkoljenza”); 2004/83/KE (3) (“id-Direttiva dwar il-kwalifika”) u/jew 2005/85/KE (4) (“id-Direttiva dwar il-proċeduri”) (kollettivament imsejjħa “id-Direttivi”)?

    (4)

    Alternattivament, Stat Membru huwa obbligat mid-dritt tal-UE, u jekk huwa hekk, f’liema ċirkustanzi, jeżerċita s-setgħa skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament sabiex jeżamina u jirrendi ruħu responsabbli għal applikazzjoni, meta trasferiment lejn l-Istat Responsabbli jkun jesponi lill-applikant għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2), u/jew 47 tal-Karta, u/jew għal riskju li l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttivi ma jiġux applikati fil-konfront tiegħu?

    (5)

    L-ambitu tal-protezzjoni mogħtija lil persuna li fil-konfront tagħha japplika r-Regolament permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta huwa iktar wiegħsa mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-Konvenzjoni”)?

    (6)

    Huwa kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta li dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tirrikjedi lil qorti, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk persuna tistax tiġi legalment spostjata lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament, tittratta lil dak l-Istat Membru bħala Stat li minnu il-persuna mhijiex sejra tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor bi ksur tad-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni jew tad-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus ta’ Refuġjati?

    (7)

    Peress li d-domandi preċedenti jirrigwardaw l-obbligi tar-Renju Unit, ir-risposti għad-domandi 2-4 huma b’xi mod ikkwalifikati sabiex jittieħed kont tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-Polonja u tar-Renju Unit?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 101).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

    (4)  Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168).


    Top