Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 62010CN0344

    Kawża C-344/10: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Lulju 2010 minn Freixenet, SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fis- 27 ta’ April 2010 fil-Kawża T-109/08 — Freixenet vs UASI

    ĠU C 274, 9.10.2010г., стр. 8—9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 274/8


    Appell ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2010 minn Freixenet, SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fis-27 ta’ April 2010 fil-Kawża T-109/08 — Freixenet vs UASI

    (Kawża C-344/10)

    ()

    2010/C 274/12

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Freixenet, SA (rappreżentanti: F. de Visscher, E. Cornu u D. Moreau, avukati)

    Appellata: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Talbiet tal-appellanti

    prinċipalment, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ April 2010, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Ottubru 2007, u tiddeċiedi li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 32 532 tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 207/2009];

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2010;

    f’kull każ, tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka essenzjalment il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ smigħ xieraq, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, tal-Artikoli 73 (it-tieni sentenza) u 38(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (1) [li saru l-Artikoli 75 (it-tieni sentenza) u 37(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (2)].

    L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Skont l-appellanti, bil-kontra ta’ dak li ddeċiediet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell tal-UASI, fid-deċiżjoni li ġiet rinvijata lill-Qorti Ġenerali, kien wettaq evalwazzjoni ġdida tal-karattru distintiv tat-trade mark tal-appellant, mingħajr ma permetta lill-appellanti tifformula osservazzjonijiet dwar dan l-approċċ il-ġdid. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali għad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell ma kinitx eżatta u kienet insuffiċjenti fid-dawl tal-prinċipju tal-lealtà proċedurali u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Is-sentenza appellata tikser ukoll il-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u tal-lealtà proċedurali billi ddeċidiet li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) seta’ jikkomunika lill-appellanti sensiela ta’ fatti billi jindika lil din tal-aħħar li kien sejjer jibbaża d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu fuq dawk il-fatti u b’żieda ma’ dan, wara li rċieva l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-appellanti dwar dawn il-fatti, it-Tribunal ddeċieda li jiskarthom parzjalment u li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq evalwazzjoni fattwalment u kunċettwalment differenti mingħajr ma ppremetta lill-appellanti tinvoka xi osservazzjoni.

    Permezz tat-tieni parti, l-appellanti tallega prinċiplament ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni fis-sens li s-sentenza appellata ma setgħetx tikkunsidra bħala suffiċjentement motivata d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b), li ma tippreċiża l-ebda wieħed mid-dokumentazzjoni li fuqha trid tibbaża ruħha, u lanqas li tiddeċiedi li r-riferiment għall-provi kien ser ikun irrilevanti minħabba li l-Ewwel Bord tal-Appell kien allegatament sejjer jibbaża ruħu fuq “konklużjonijiet li jirriżultaw minn esperjenzi prattiċi”. Barra minn hekk, l-inċertezza tal-fatti u tad-dokumentazzjoni li fuhom jibbażaw ruħhom l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u l-Qorti Ġenerali jaffettwaw kemm id-drittijiet tad-difiża kif ukoll ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni msemmija fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, iċċitat iktar ’il fuq.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi Regolament Nru 40/94. Minkejja li kienet stabbilixxiet, bid-dokumentazzjoni ta’ sostenn, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija kkostitwita minn ġabra ta’ elementi ferm karatteristiċi li jiddistingwuha b’mod sinjifikattiv minn preżentazzjonijiet oħra fis-suq, il-Qorti Ġenerali laqgħet biss l-argumenti vagi u ġeneriċi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) intiżi sabiex iċaħħdu lit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minn kull natura distintiva. Il-Qorti Ġenerali applikat evalwazzjoni iktar restrittiva, meta mqabbla ma’ dik użata fir-rigward ta’ trade marks oħra iktar tradizzjonali, sabiex jiddeċiedi dwar il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Is-sentenza appellata kisret b’hekk ir-regola tal-evalwazzjoni konkreta tan-natura distintiva tat-trade mark. Min-naħa l-oħra, billi ddeċiediet li l-maġġoranza kbira tal-konsumaturi ma jipperċepixxux l-aspett oriġinali tat-trade mark bħala element utli sabiex jiddeterminaw l-oriġni tal-inbid ifexfex ikkonċernat, iżda jippreferu jirreferu għat-tikketta, it-Qorti Ġenerali eskludiet mill-protezzjoni l-forma tal-preżentazzjoni tal-imballaġġ ta’ prodott, meta tali possibbiltà hija prevista espressament fl-Artikolu 4 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq.

    Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-kumpannija appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn is-sentenza appellata titlob li t-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għandha tkun kisbet natura distintiva permezz tal-użu f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, billi ċaħdet li tirrikonoxxi l-kisba ta’ natura distintiva permezz tal-użu minn proporzjon sinjifikattiv ta’ dawk interessati, filwaqtli rrikonoxxiet fl-istess waqt li t-trade mark tal-appellanti kienet kisbet tali natura distintiva mill-inqas fit-territorju ta’ Spanja, il-Qorti Ġenerali fforumla regola eċċessiva u mhux eżatta fid-dawl tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p. 146.

    (2)  ĠU L 78, p. 1.


    Нагоре