Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0225(02)

    Avviż ta' inizjazzjoni ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċerti polyethylene terephthalate li joriġinaw, inter alia , fir-Repubblika tal-Korea

    ĠU C 47, 25.2.2010, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 47/24


    Avviż ta' inizjazzjoni ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċerti polyethylene terephthalate li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika tal-Korea

    2010/C 47/09

    Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’).

    1.   Talba għal reviżjoni

    It-talba tressqet mill-Kumitat Polyethylene Terephthalate (PET) ta' PlasticsEurope (‘l-applikant’), li jirrappreżenta seba' produtturi tal-Unjoni.

    It-talba hija limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping sa fejn għandu x'jaqsam il-produttur esportatur KP Chemical Group, magħmul minn Honam Petrochemicals Corp. u KP Chemical Corp., (‘KP Chemical Group’), u ta' ċerti aspetti tad-dannu.

    2.   Il-prodott

    Il-prodott rivedut huwa l-polyethylene terephthalate bin-numru ta' viskożità ta' 78 ml/g jew aktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina fir-Repubblika tal-Korea (‘il-prodott ikkonċernat’).

    3.   Il-miżuri eżistenti

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (2) fuq importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika tal-Korea.

    4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

    It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant, li, sa fejn għandu x'jaqsam KP Chemical Group, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

    L-applikant pprovda xhieda prima facie li turi li, sa fejn għandu x'jaqsam KP Chemical Group, l-impożizzjoni ssoktata tal-miżura fuq il-livell ta' żero attwali, li ilha fis-seħħ minn Frar 2007 wara reviżjoni konġunta interim parzjali u ta' skadenza, mhix biżżejjed aktar biex tpatti għad-dumping attwali li qed jikkawża dannu. Tqabbil tal-valur normali kkostruwit tal-produttur esportatur u l-prezzijiet ta' esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni juri l-eżistenza ta' livell sinifikanti ta' dumping.

    L-applikant ressaq ukoll xhieda prima facie li l-esportazzjonijiet ta' KP Chemical Group lejn l-Unjoni kienu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u nbiegħu bi prezz anqas.

    Għalhekk, l-impożizzjoni ssoktata tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex biżżejjed biex tpatti għad-dumping li qed jikkawża dannu.

    5.   Il-proċedura

    Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tivvaluta l-ħtieġa għall-issuktar, it-tneħħija jew l-emendar tal-miżuri eżistenti attwali fir-rigward tal-produttur esportatur ikkonċernat. Bħala parti minn din il-valutazzjoni se tiġi investigata l-istqarrija li l-esportazzjonijiet ta' KP Chemical Group lejn l-Unjoni kienu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u nbiegħu bi prezz anqas.

    Fid-dawl ta' dak li jidher li huwa għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li l-miżuri għall-produttur esportatur ikkonċernat għandhom jiġu emendati, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji li ma jissemmewx individwalment fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007.

    (a)   Il-kwestjonarji

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produttur esportatur hawn fuq imsemmi, lill-industrija tal-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 6(a).

    (b)   Il-ġbir ta' tagħrif u s-smigħ ta' seduti

    Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 6(a).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat fil-punt 6(b).

    6.   Iż-żmien preskritt

    (a)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom, jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

    Il-partijiet interessati kollha, jekk iridu li l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn jekk il-parti tippreżentax lilha nnifisha fil-perjodu msemmi qabel.

    (b)   Seduti ta' smigħ

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

    7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (3) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata bħala “Għall-ispezzjoni mill-Partijiet Interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 04/92

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Feks +32 22956505

    8.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, ir-riżultati, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tasal fi tmiem, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   Ipproċessar ta’ dejta personali

    Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4).

    11.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

    Ta' min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din il-proċedura, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1.

    (3)  Dan ifisser li d-dokument ikun għall-użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).

    (4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top