Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0216(01)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 38, 16.2.2010, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/8


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 38/08

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“OBWARZANEK KRAKOWSKI”

Nru KE: PL-PGI-005-0674

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Obwarzanek krakowski”

2.   L-istat membru jew pajjiż terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.4.

Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, galletti u prodotti oħra tad-dulċiera

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

“Obwarzanek krakowski” huwa prodott moħmi b'forma ta' ċirku. Jieħu l-forma ta' ovali b'toqba fin-nofs jew, inqas frekwenti, ta' ċirku regolari. Il-wiċċ tiegħu jsir bi ħjut ta' għaġina mdawra fi spiralli. Il-ħjut tal-“obwarzanek krakowski” għandhom qatgħa trasversali tonda jew ovali.

Il-kulur tal-“obwarzanek krakowski” ivarja minn dehbi ċar għal dehbi skur sa kannella ċar, ileqq ftit.

Qisien tal-prodott:

dijametru 12-17 ċm,

hxuna tal-ħjut 2-4 ċm,

piż 80-120 g.

L-“obwarzanek krakowski” tkun soda meta wieħed imissha u l-wiċċ tagħha jvarja minn lixx għal ftit raff. Il-ħjut tal-ispiralli li jidhru fuq il-qoxra huma sodi u l-farka ta' ġewwa hija ċara, ratba u ftit niedja. Il-qoxra tqarmeċ u l-farka tal-“obwarzanek krakowski” għandhom togħma ftit ħelwa, tipika fil-prodotti tad-dulċiera li l-ewwel jiġu mogħtija nofs tgħollija (imsajjar fil-fwar) u mbagħad moħmi. It-togħma tal-ingredjenti mxerrda fuq il-wiċċ tal-prodott huwa wkoll perċettibbli.

L-“obwarzanek krakowski” tiġi mżejna billi jinxterdu fuqha ingredjenti differenti, li jinkludu: melħ, ġunġlien, żerriegħa tal-pepprin, ħlewwa sewda, ħxejjex aromatiċi mħallta jew ħwawar imħallta (paprika, kemmun, bżar), ġobon jew basal. Jistgħu anke jinxterdu fuqha ingredjenti oħra. Dan huwa aspett tradizzjonali tal-prodott. Li jinxterdu ħxejjex u ħwawar differenti eċċ. ma jaffettwax il-fatturi karatteristiċi tal-“obwarzanek krakowski”.

3.3.   Materja prima:

Jintuża dqiq tal-qamħ tajjeb għall-ikel biex issir l-“obwarzanek krakowski”; 30 % tad-dqiq tal-qamħ jista' jinbidel bi dqiq tas-sikrana.

Ma' 100 kg dqiq jiġi miżjud li ġej:

xaħam: 2-3 kg,

zokkor: 2-4 kg,

ħmira: 1-2 kg,

melħ: 1-1.5 kg,

ilma, għall-għaġina: 40-48 l,

jista' jiġi miżjud ftit għasel mal-ilma li jintuża għat-tgħollija skont l-arti tad-dulċiera.

3.4.   Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-passi fil-produzzjoni li jsegwu jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

preparazzjoni tal-għaġina tal-ħmira,

l-iffurmar tal-“obwarzanek krakowski”,

nofs tgħollija,

it-tiżjin,

il-ħami.

L-għaġina għall-“obwarzanek krakowski” tiġi ppreparata bl-użu tal-metodu ta' fażi waħda. Meta magħġuna sew, l-għaġina titħalla togħla. It-tul taż-żmien biex togħla l-għaġina jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-ambjent, li jista' jkun ta' ftit minuti fis-sajf sa siegħa fix-xitwa. L-għaġina tiġi mqattgħa f'biċċiet żgħar li jiġu miftuħa u mqattgħa fi strippi tat-tul, il-ħxuna u l-piż meħtieġa. Id-dulċier jilwi zewġ jew tliet strippi fi spiralli u mbagħad jifforma ċirku billi jdawwarhom ma' idu u jagħfashom mal-mejda. L-“obwarzanek krakowski” ffurmata titpoġġa fuq tilar jew malja għat-tlugħ inizjali (proving), imbagħad tiġi mogħtiha nofs tgħollija, jiġifieri l-għaġina nejja tintefa' fl-ilma b'temperatura ta' mhux inqas minn 90 °C. L-“obwarzanek krakowski” tiġi mgħollija sakemm titla' fil-wiċċ. Imbagħad tiġi mżejna u moħmija.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-“obwarzanek krakowski” tista' tiġi ppakkjata biss meta tiksaħ. Jekk l-“obwarzanek krakowski” tiġi ppakkjata qabel ma tiksaħ, titlef it-tqarmiċ tagħha malajr, issir iktar niedja u tikseb karatteristiċi mhux mixtieqa (issir bil-ħjut u bħal-lastku).

3.7.   Regoli speċifiki dwar it-tikkettar:

L-“obwarzanki krakowskie” tista' tinbiegħ mingħajr pakkett u mingħajr tikketta. Il-postijiet fejn tinbiegħ ikollhom il-kitba “obwarzanek krakowski”. Jekk jintuża xi tip ta' ppakkjar, it-tikketta tal-“obwarzanek krakowski” irid ikollha l-indikazzjonijiet skont ir-regoli fis-seħħ.

4.   Definizzjoni konċiża tal-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-provinċja ta' Małopolskie, fil-limiti amministrattivi tal-belt ta' Kraków u d-distretti ta Kraków u Wieliczka.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

L-arkivji u l-mużewijiet ta' Kraków għandhom reġistri u kotba li fihom testimonjanza ta' tradizzjoni rikka u twila s-sekli tal-ħami fil-belt. L-ewwel referenzi ddokumentati għad-dulċiera fi Kraków imorru lura għas-seklu 13. Fil-Kraków City Charter tal-1257, Prince Bolesław Wstydliwy (Bolesław il-Kast) awtorizza lill-anzjani tal-belt jibnu postijiet għad-dulċiera (jissejħu “stationes” fid-dokument), mnejn kellhom jiksbu il-kera tagħhom għal dejjem. Ir-rejiet Pollakki kienu jistmaw ħafna d-dulċiera ta' Kraków, kif jidher fil-ħafna privileġġi mogħtija, li kienu jinkludu d-dritt li jibnu postijiet għad-dulċiera u jirċievu r-renta mingħandhom u d-dritt li jagħżlu l-mitħna fejn jiġi mitħun id-dqiq tagħhom.

Fl-1458, il-kunsill tal-belt ta' Kraków approva l-artikoli tal-korporazzjoni tad-dulċiera. Dawn l-artikoli kienu jinkludu r-regoli li jirregolaw il-kwalità tal-prodotti moħmija, il-qies tal-ifran u l-kondotta tad-dulċiera. Madanakollu l-iżjed privileġġ sinifikanti kien dak awtorizzat lid-dulċiera ta' Kraków fl-1496, meta r-Re Jan Olbracht (Ġanni Albertu) tahom id-drittijiet speċjali u d-digriet li persuni li jgħixu barra mill-belt ma setgħux jaħmu ħobż abjad, inkluża l-“obwarzanek krakowski”. Dan il-privileġġ ġie sussegwentement approvat mir-rejiet Pollakki kollha sa Jan (Ġanni) III Sobieski (it-tieni nofs tas-seklu sbatax). Fiż-Ziemia Krakowska (Art ta' Kraków), fejn illum jinsab id-distrett ta' Wieliczka, hemm ukoll mitħna tal-melħ li kienet tipprovdi materja prima li ntużat għal sekli sħaħ mid-dulċiera ta' Małopolska.

Il-korporazzjoni tad-dulċiera ma' kinetx biss assoċjazzjoni ta' sengħa, iżda kellha wkoll twettaq xogħlijiet reliġjużi, umanitarji u rrelatati mad-difiża. F'nofs is-seklu sittax id-dulċiera ta' Kraków ġew mogħtija x-xogħol ta' difiża ta' wieħed mill-bibien prinċipali tal-belt, in-Nowa Brama (il-Bieb il-Ġdid), f'tarf l-ulica Sienna (triq Sienna). Id-dulċiera tal-belt kienu jaħżnu l-armi u l-munizzjon f'dan il-bieb għall-użu fil-każ ta' xi attakk.

Is-sengħa tad-dulċiera lokali, li damu jipperfezzjonaw l-għamla ta’ dan il-prodott għal mijiet ta' snin, huma il-fattur prinċipali fiż-żamma tal-fatturi karatteristiċi: il-ħidma u l-iffurmar tal-għaġina bl-idejn, li tagħti lil kull “obwarzanek krakowski” forma ftit differenti, u n-nofs tgħollija li tikkostitwixxi l-fażi inizjali tal-produzzjoni.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-“obwarzanek krakowski” għandha struttura u konsistenza mfarrka unika, li tinkiseb permezz ta' nofs tgħollija tal-għaġina fl-ilma b'temperatura ta' mhux inqas minn 90 °C qabel ma tinħema. L-“Obwarzanek krakowski” hija wkoll distinta permezz forma tonda karatteristika tagħha, il-wiċċ spiralli tagħha u tixrida ta' ingredjenti viżibbli. Karatteristika oħra li tiddistingwi l-“obwarzanek krakowski” minn prodotti oħra hija li tibqa' friska għal żmien qasir jew ftit sigħat biss.

5.3.   Kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott:

Ir-rabta tal-prodott mar-reġjun hija bbażata fuq karatteristiċi speċifiki deskritti f'(5.2) u fuq ir-reputazzjoni tagħha deskritta hawn taħt.

Ir-reputazzjoni tal-“obwarzanek krakowski” ġiet ikkultivata mid-dulċiera fi Kraków u fiż-żoni ta' madwarha, li ilhom jagħmlu prodotti skwiżiti u uniċi għan-nies ta' Kraków għal dawn l-aħħar 600 sena. It-tradizzjoni tal-ħami tal-“obwarzanek krakowski” hija limitata għal din iż-żona ġeografika.

L-“Obwarzanek krakowski” hija prodott tradizzjonali moħmi li, għall-bidu, setgħet issir biss waqt ir-Randan minn dulċiera nnominati għal dik ir-raġuni mill-korporazzjoni tad-dulċiera ta' Kraków. Skont id-definizzjoni fl-iSłownik Staropolski (dizzjunarju tal-lingwa Pollakka qadima), obwarzanek hija 'tip ta' pasta bil-forma ta' romblu mdawwar ċirku, probabbilment imsajjar fil-fwar qabel ma tinħema'. L-isem Pollakk “obwarzanek krakowski” tassew huwa derivat mill-mod ta' kif isir il-prodott, pereżempju permezz ta' sajran tal-għaġina fil-fwar ta' ilma jagħli.

L-ewwel referenzi għall-obwarzanki moħmija fi Kraków u ż-żoni ta' madwarha jidhru fil-kontijiet tar-Residenza Uffiċjali tar-Re Władysław Jagiełło u r-Reġina Jadwiga. Waħda mill-annotazzjonijiet, tat-2 ta' Marzu 1394, għandha l-informazzjoni li ssegwi: 'għar-reġina, għal dawra obrzanka, 1 grosz’.

L-għaqda tad-dulċiera ta' Kraków ħarġet digriet (laudum) fl-1611 li jawtorizza lill-korporazzjoni tirregola l-bejgħ tal-obwarzanki fil-belt, u li tikkonferixxi d-dritt li jagħżlu liema dulċiera għandhom ibigħuhom. Bidla radikali f'dak li huwa d-dritt li wieħed jaħmi l-obwarzanki saret fis-seklu 19. Fit-22 ta' Jannar 1802 ġie ffirmat digriet li kien jistipula li kwalunkwe dulċier kellu d-dritt li jaħmi l-obwarzanki meta kien imissu jagħmel hekk. Id-dulċiera awtorizzati jaħmu l-obwarzanki kienu jintgħażlu bil-polza. L-għażliet tal-1843 baqgħu japplikaw sal-1849, meta probabbilment inqatgħet id-drawwa, billi m'hemmx evidenza li baqgħet issir wara din id-data. Dan jista' jfisser li, matul iż-żmien, il-modijiet deskritti hawn fuq ma baqgħux isiru u kull dulċier seta' jagħmel l-obwarzanki fi kwalunkwe ġurnata tas-sena, kif għadu l-każ sa llum.

L-“obwarzanek krakowski” kienet tinbiegħ minn postijiet li kienu jiftħu qabel is-sitta ta' filgħodu biex in-nies ta' Kraków ikunu jistgħu jixtru prodotti moħmija friski – inkluża l-“obwarzanki” – kmieni filgħodu. Il-korporazzjoni kienet tħares il-kwalità u l-freskezza tal-prodotti, bi tmien membri responsabbli mill-kontrolli fil-postijiet. Naturalment, kwalunkwe trasgrezzjoni kienet tiġi punita serjament. Eventwalment, in-nies bdiet tbigħ l-obwarzanki b'modijiet oħra. Għall-1950, kienu jinbigħu dritt mill-qfief tal-qasab.

Illum, l-“obwarzanek krakowski” ma tinbiegħx biss mill-ħwienet u d-dolċeriji, iżda anke minn karretti tipiċi. Hemm bejn 170 u 180 karretta minn dawn li jbigħu l-obwarzanki fi Kraków illum. Il-medja tal-produzzjoni ta' kuljum tal-“obwarzanek krakowski” li tinbiegħ fis-suq ta' Kraków f'ġurnata normali hija ta' kważi 150 000.

Ir-reputazzjoni tal-“obwarzanek krakowski” hija tali li tintwera f'kampanji li jippromwovu l-belt ta’ Kraków. Bħala simbolu magħruf sew ta' Kraków u Małopolska, tintuża spiss f'riklami mmirati kemm lejn in-nies lokali kif ukoll lejn it-turisti – pereżempju, f'riklami fil-gazzetti lokali u għal linji tal-ajru li jtiru lejn il-belt. F'kompetizzjoni li saret fl-2004 biex tintgħażel l-aqwa tifkira minn Kraków, it-tieni premju ntrebaħ mill-“obwarzanek krakowski” tad-drapp b'effett ta' żerriegħa tal-peprina u oħra b'dragun.

L-“obwarzanek krakowski” innifisha ngħatat bosta premji. Rebħet premju fil-kompetizzjoni kulinarja nazzjonali Nasze Kulinarne Dziedzictwo u rċiviet il-premju Perła 2003 waqt il-fiera internazzjonali Polagra Farm 2003 f'Poznań. L-“obwarzanek krakowski” kienet inkluża, flimkien ma' ħafna speċjalitajiet reġjunali oħra minn madwar il-Polonja, f'kalendarju tal-2004 li kien jifforma parti minn kampanja għal promozzjoni ta' prodotti reġjunali. Hemm anke referenzi għaliha f'ħafna gwidi ta' Kraków u Małopolska għat-turisti u f'numru ta' artikli u kitbiet dwar l-istorja u t-tradizzjonijiet ta' Kraków.

L-“obwarzanek krakowski” dejjem tidher waqt il-festival tal-ħobż Święto Chleba, avveniment li jseħħ b'mod regolari fi Kraków. Stampa tal-“obwarzanek krakowski” tintuża wkoll bħala parti mill-kampanja biex tippromwovi l-aqwa ristoranti fi Kraków. Ristoranti rrakkomandati jiġu mogħtija statwetti tal-bronż b'“obwarzanek krakowski” simbolika fuq furketta. Stiker tal-“obwarzanek krakowski” titwaħħel fuq il-bibien tar-ristoranti rrakkomandati.

Referenza għall–pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minrol.gov.pl/DesktopDefault.aspx?TabOrgId=1620&LangId=0


Top