This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1210
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council establishing the criteria and mechanisms for determining the Member State responsible for examining an application for international protection lodged in one of the Member States by a third-country national or a stateless person COM(2008) 820 final — 2008/0243 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid) COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid) COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD)
ĠU C 317, 23.12.2009, p. 115–119
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 317/115 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid)
COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD)
(2009/C 317/22)
Rapporteur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE
Nhar l-1 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni)
COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Le Nouail Marlière.
Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’154 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1. Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-evoluzzjoni li l-Kummissjoni qed tipproponi għar-regolament imsejjaħ “Dublin II”, biex tissaħħaħ l-effikaċja tas-sistema, biex fl-applikazzjoni tal-proċedura jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-persuni kollha li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, u biex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet li ċerti Stati Membri qed jiffaċċjaw meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet relatati man-numru ta’ persuni li kapaċi jospitaw li minħabba fihom ma jkunux jistgħu jiggarantixxu l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ.
1.2. Il-Kumitat japprova u jappoġġja l-volontà li jkun garantit aċċess effettiv għall-proċedura ta’ talba għall-ażil u l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jagħmel evalwazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni ta’ kull persuna li qed tfittex l-ażil li ġiet trasferita fit-territorju tiegħu.
1.3. Il-KESE jieħu nota tal-progress li sar fil-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu ggarantiti standards ogħla ta’ protezzjoni, b’mod partikulari permezz ta’ informazzjoni mtejba għal dawk li qed ifittxu l-ażil dwar il-progress li sar fil-proċedura għall-eżaminazzjoni tat-talbiet tagħhom. Xorta jibqgħu ċerti dubji dwar kwistjonijiet lingwistiċi u dwar il-lingwa li tiġi użata biex tingħata informazzjoni dwar il-progress tat-talba jew tat-trasferiment tagħhom. Fil-fatt, peress li l-informazzjoni hija waħda ta’ notifika u ġġib magħha drittijiet għall-appell u l-iskadenzi, il-persuni li qed ifittxu l-ażil għandhom dejjem jiġu nnotifikati fil-lingwa tagħhom, jew f’lingwa li huma jirrikonoxxu li jifhmu; dan jinkludi wkoll l-użu ta’ interpretu awtorizzat jew ta’ traduzzjoni legali, u għandu jinħatar avukat difensur mill-qorti, jew jintgħażel mill-applikant stess.
1.4. Persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom aċċess awtomatiku għal difiża legali u assistenza b’xejn.
1.5. Il-Kumitat jilqa’ l-estensjoni tal-klawsoli umanitarji għall-klawsoli diskrezzjonali iżda jixtieq li jiġi speċifikat il-qafas ta’ implimentazzjoni sabiex dawn il-klawsoli diskrezzjonali u ta’ sovranità ma jiħdux xejra oħra li taħdem kontra l-interessi u l-protezzjoni tal-persuni li qed ifittxu l-ażil.
1.6. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ kull applikant individwalment, inkluż meta jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminazzjoni eżawrjenti tal-applikazzjoni, u li tiġi kkunsidrata protezzjoni sussidjarja biss, u jekk, ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ewwel status konvenzjonali (ta’ refuġjat).
1.7. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex ma jużawx listi ta’ pajjiżi terzi imsejħa “siguri” sakemm ma tiġix stabbilita lista komuni għall-Istati Membri kollha, imressqa lill-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, lill-Parlament Ewropew, u lill-parlamenti nazzjonali, b’mod speċjali fil-fażi fejn ikun qed jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni.
1.8. Il-Kumitat jiddispjaċih li d-detenzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil mhux qed tiġi ddikjarata bħala prattika inaċċettabbli ħlief meta din tiġi ordnata mill-qorti.
1.9. B’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat jixtieq li l-“appelli” jiġu sistematikament meqjusa li jkollhom effet ta’ “sospensjoni” fil-każ ta’ ritorn sfurzat jew l-hekk imsejjaħ ritorn volontarju.
1.10. Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir użu tajjeb mill-esperjenza tal-NGOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem billi jingħatalhom l-aċċess għall-persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, u billi jingħata l-aċċess għall-assistenza lill-persuni li qed ifittxu l-ażil, u lill-Istati Membri jingħatalhom l-aċċess għall-għarfien speċjalizzat tagħhom bil-possibbiltà biex fil-futur jipparteċipaw fil-programmi ta’ taħriġ għall-uffiċjali responsabbli mill-evalwazzjoni tat-talbiet għall-protezzjoni, inkluża l-fażi kruċjali fejn jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, u billi titqies id-dimensjoni lokali sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiksbu assistenza u appoġġ mill-NGOs kompetenti.
1.11. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri biex ikunu aktar attivi kontra l-kriminali responsabbli mit-traffikar tal-bnedmin; jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità, inklużi ż-żewġ Protokolli Addizzjonali tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; ineħħu mil-listi tagħhom ta’ pajjiżi terzi siguri dawk il-pajjiżi li ma rratifikawx dawn l-istrumenti u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għall-protezzjoni tar-rifuġjati; jiżguraw ukoll il-protezzjoni u l-eżenzjoni minn prosekuzzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin permezz ta’ rispett akbar għad-dritt tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali meta dawn ifittxu l-ażil u l-protezzjoni, u jagħmlu dan malli l-uffiċjali pubbliċi jkollhom tagħrif dwar is-sitwazzjoni; kif ukoll jiżguraw li dawn jiġu mħarrġa kif xieraq.
1.12. Il-kunfidenzjalità u l-ġestjoni tad-data personali
— |
Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-proposti maħsuba biex tkun żgurata sigurtà akbar tad-data fil-Eurodac (COM 2008/825-3), inkluża l-introduzzjoni tal-obbligu għal kull Stat Membru li jwaqqaf pjan ta’ sigurtà mfassal b’mod konkret biex jipproteġi d-data, jiċċaħad l-aċċess lill-persuni mhux awtorizzati, u biex jiġi evitat, fost affarijiet oħra, l-użu, il-qari, l-ikkupjar jew iż-żieda ta’ data mingħajr awtorizzazzjoni (1). Il-vulnerabilità partikulari ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil għall-perikli li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tad-data tirrikjedi standards għolja ta’ kunfidenzjalità u sigurtà. |
— |
Il-Kumitat jappoġġja wkoll dispożizzjonijiet oħra maħsuba biex jiggarantixxu “ġestjoni aktar effiċjenti tat-tħassir” peress li dawn se jiżguraw li informazzjoni sensittiva ma tinżammx fid-database aktar milli meħtieġ, b’mod partikulari wara l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew wara t-tluq tal-individwu mill-Istati Membri. |
1.13. Protezzjoni tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi ġirien tal-UE
Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE biex ma tiddelegax l-eżaminazzjoni individwali ta’ każijiet ta’ talbiet għall-ażil lill-pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni tar-rifuġjati (2); jew il-protokoll addizzjonali tagħha (3).
2. Daħla u kontenut essenjali tal-proposta tal-Kummissjoni
2.1. Is-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (Common European Asylum System - CEAS) żviluppat f’żewġ fażijiet distinti. L-ewwel waħda bdiet waqt il-Kunsill Ewropew f’Tampere (1999), wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, li ta dimensjoni Komunitarja lill-politiki tal-immigrazzjoni u tal-ażil. Din l-ewwel fażi ntemmet fl-2005.
2.2. L-ewwel fażi wasslet għall-iżvilupp ta’ numru ta’ direttivi dwar l-ażil u stabbilixxiet is-sisien ta’ ċertu ammont ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
2.3. It-tieni fażi fil-bini tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (CEAS) bdiet bil-Programm tal-Aja (adottat f’Novembru 2004) li stabbilixxa l-2010 bħala d-data ta’ skadenza sabiex jinkisbu l-objettivi ewlenin tas-CEAS permezz tal-adozzjoni ta’ strumenti u miżuri maħsuba għal armonizzazzjoni akbar u titjib fl-istandards ta’ protezzjoni tas-CEAS.
2.4. Fl-2007, qabel l-adozzjoni ta’ inizjattivi ġodda, il-Kummissjoni ħejjiet Green Paper (4) li tressqet lid-diversi istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili (5). Il-Kummissjoni użat din il-Green Paper bħala bażi għall-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-ażil. Dan jelenka l-miżuri li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu sabiex timplimenta t-tieni fażi tas-CEAS.
2.5. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament ta’ Dublin” (6)), li għalih il-Kummissjoni qed tipproponi din ir-riformulazzjoni, kien is-suġġett ta’ opinjoni tal-KESE (7).
2.6. Din ir-riformulazzjoni għandha bħala għan prinċipali li żżid l-effiċjenza tas-sistema u li tiggarantixxi livelli ogħla ta’ protezzjoni għall-persuni li jaqgħu taħt il-“proċedura ta’ Dublin”. Din tal-aħħar hija maħsuba biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għall-ażil, protezzjoni sussidjarja jew protezzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, 1965, il-Protokoll ta’ New York, 1967, u d-direttivi ta“akkoljenza” 2003/9/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 u dawk ta’ “kwalifika” 2004/83/KE tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, li wkoll qegħdin fil-proċess ta’ riformulazzjoni. B’mod parallel, il-proposta għandha wkoll l-għan li ssib modi aħjar kif tiffaċċja s-sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikulari fuq il-faċilitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri.
2.7. Il-proposta żżomm l-istess prinċipji bażiċi tar-regolement eżistenti ta’ Dublin, jiġifieri li r-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ primarjament taħt l-Istat Membru li kellu l-akbar rwol fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorji tal-Istati Membri, ħlief fl-eċċezzjonijiet maħsuba biex tiġi protetta l-unità tal-familja.
2.8. Din tikkonserva ħafna mill-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ xulxin, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil soġġetti għall-proċedura ta’ Dublin, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwaw it-twettiq tal-proċedura bejn l-Istati Membri jew huma meħtieġa sabiex tiġi assigurata koerenza mal-istrumenti l-oħra fil-qasam tal-ażil. Filwaqt li jtejbu s-salvagwardji ta’ proċedura eżistenti għal livell ogħla ta’ protezzjoni, id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma mmirati biss sabiex ikunu ta’ risposta aħjar għall-ħtiġijiet partikulari tal-persuni soġġetti għall-proċedura, filwaqt li jiġu evitati nuqqasijiet fil-protezzjoni tagħhom.
Sabiex tkun konformi mad-Direttiva ta’ Kwalifika 2004/83/KE, din il-proposta għal riformulazzjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament sabiex tinkludi l-applikanti għall-protezzjoni sussidjarja u l-benefiċjarji tagħha, filwaqt li r-Regolament oriġinali (KE) Nru 343/2003 kien ikopri biss lil dawk li qed ifittxu l-ażil. Il-proposta attwali ttejjeb ukoll numru ta’ dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-proċedura u s-sistema biex tkun determinata r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru jiffunzjonaw mingħajr problemi, filwaqt li jissaħħu s-salvagwardji legali għal min qed japplika għall-protezzjoni internazzjonali u jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b’mod aktar effettiv.
Il-proposta tagħti importanza aktar imsaħħa lill-miżuri maħsuba sabiex tiġi ppreservata l-unità tal-familja u biex ikunu protetti l-minorenni mhux akkumpanjati u “gruppi vulnerabbli oħra”.
Fl-aħħar nett, biex f’każ ta’ pressjoni partikulari fuq ċerti Stati Membri li għandhom kapaċitajiet limitati ta’ akkoljenza u ta’ assorbiment jiġu evitati t-trasferimenti ta’ Dublin sabiex ma jiżdiedx il-piż fuq dawn l-Istati Membri, fir-regolament hemm definita proċedura ġdida li tippermetti s-sospensjoni tat-trasferimenti ta’ Dublin.
3. Kummenti ġenerali
3.1. Din il-proposta, li torbot ma’ pakkett ta’ miżuri mħabbra bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-ażil li jimplimenta s-CEAS (8), hija waħda mill-elementi tal-armonizzazzjoni mixtieqa mill-Kumitat u tikkunsidra n-nuqqasijiet li nstabu waqt il-konsultazzjoni tal-Green Paper dwar sistema komuni Ewropea tal-ażil tal-ġejjieni. Madankollu, din ma tirrevedix il-prinċipju fejn ir-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt l-Istat Membru li kellu l-akbar rwol fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorji tal-Istati Membri, ħlief fl-eċċezzjonijiet, u l-Kummissjoni nnifisha tipproponi bidliet aktar sostanzjali, iżda ma tagħtix skadenza (ara s-Sommarju tal-Analiżi ta’ Impatt SEC(2008) 2962/2963-2, il-kapitolu “il-monitorjar u l-evalwazzjoni”, it-tielet paragrafu), u qed tippjana li tibbaża d-determinazzjoni tar-responsabbiltà fuq il-pajjiż fejn issir it-talba (ara COM(2008) 820, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 2(3), “Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati”).
3.2. Il-Kumitat jinnota li l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni tidher li hija bħal dik li qed jiddefendu l-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda jfakkar li hu, mill-2001 ’l hawn, dejjem saħaq li dawk li qed ifittxu l-ażil għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-pajjiż fejn jixtiequ japplikaw, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kulturali u soċjali li huma determinanti għal integrazzjoni aktar rapida (9). Josserva wkoll, dwar is-CEAS (10) tal-ġejjieni, li l-pożizzjoni tiegħu hija appoġġjata minn bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-UNHCR innifisha.
3.3. Apparti r-riservi li għandu fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, il-Kumitat japprova l-fatt li proċedura ġdida qed tiġi mħejjija sabiex jiġu sospiżi t-trasferimenti ta’ Dublin meta l-Istat Membru responsabbli kkonċernat ikun soġġett għal pressjoni addizzjonali.
3.4. Il-KESE jinnota li dawn il-miżuri jirriflettu l-intenzjoni li jiġu implimentati salvagwardji legali u ta’ proċedura aħjar bil-ħsieb li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil.
3.5. Il-Kumitat jiddispjaċih li d-detenzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil mhux qed tiġi ddikjarata bħala prattika inaċċettabbli – ħlief fil-każijiet fejn ġie stabbilit legalment li l-persuna li qed tfittex l-ażil għandha intenzjonijiet kriminali u ta’ frodi, u hija maħsuba biss għal dawk il-każijiet imsejħa “eċċezzjonali”, iżda l-kriterji involuti jħallu marġini ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’idejn l-Istati Membri kkonċernati u jobbliga lid-difensuri tal-applikanti jirrikorru għal bosta proċeduri twal.
3.6. Il-KESE japprova l-konferma tal-prinċipju tad-dritt għal appell għal kwalunkwe deċiżjoni, b’mod partikulari għal dawk li jwasslu għal “trasferiment”. Jemmen li dawn l-appelli għandhom jiġu meqjusa li għandhom effett ta’ “sospensjoni” sabiex jiżguraw li jkunu effettivi bis-sħiħ biex jiggarantixxu d-drittijiet, b’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Dwar il-premessi
4.1.1. Dwar l-unità tal-familja (12): it-trattament konġunt tat-talbiet tal-membri ta’ familja m’għandux ikollu biss l-għan li “l-membri tal-istess familja ma jkunux separati” iżda wkoll li jiggarantixxi r-riunifikazzjoni mal-familja tal-persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet awtonomi ta’ kull persuna li qed tfittex l-ażil, u b’mod partikulari dawk tan-nisa.
4.1.2. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li kull Stat Membru għandu jkun jista’ jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, b’mod partikulari għal raġunijiet umanitarji (14).
4.1.3. Id-dritt għal appell fil-qasam tat-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli (16, 17) għandu jiġu kkunsidrat li għandu effett ta’ sospensjoni, sabiex dan ma jmurx kontra l-għan tiegħu (11).
4.1.4. B’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, id-detenzjoni ta’ persuni li qed jfittxu l-ażil (18) għandha tkun applikata biss “f’ċirkostanzi eċċezzjonali”. Madankollu, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mhumiex definiti b’mod ċar fil-premessi tat-test propost. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jkun possibbli li persuna li qed tfittex l-ażil tinżamm f’detenzjoni biss jekk it-talba tagħha ssir wara li jkunu ġew innotifikati li ġew mogħtija l-ordni li se jitneħħew.
4.2. Dwar is-suġġett u d-definizzjonijiet (Kapitolu I, Artikoli 1 u 2)
4.2.1. Il-Kumitat huwa mħasseb dwar ir-rilevanza tal-inklużjoni tat-terminu “riskju tal-ħarba” (Artikolu 2(1)) meta dan il-kunċett qed jintuża aktar tard fit-test tar-riformulazzjoni tar-regolament sabiex jiġu ddeterminati l-każijiet ta’ detenzjoni. Fl-eventwalitajiet kollha, huwa meħtieġ li jiġi limitat in-numru tar-“raġunijiet … li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mill-liġi” li jagħtu indikazzjoni li hemm ir-riskju li persuna kkonċernata minn deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ taħrab, billi jiġi speċifikat li r-raġunijiet għandhom jiġu deċiżi minn qorti kompetenti b’konformità mad-dritt għal difiża, kif stipulat fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
4.3. Dwar il-prinċipji ġenerali u s-salvagwardji (Kapitolu II, Artikoli 3-6)
Id-dritt għall-informazzjoni
4.3.1. Persuna li qed tfittex l-ażil għandha tiġi infurmata dwar id-dritt tagħha li tista’ “tkun ikkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment” u għandha tingħata aċċess għall-informazzjoni dwar kif tista’ tagħmel dan; mhux biżżejjed li tiġi infurmata bl-eżistenza tal-possibbiltà li tagħmel dan (Artikolu 4(1)(e)).
4.3.2. Il-Kumitat huwa tal-fehma li “l-informazzjoni … għandha tkun ipprovduta bil-miktub f’lingwa li l-applikant jista’ jkun mistenni li jifhem” tagħti setgħa diskrezzjonali lir-rappreżentanti tal-awtorità filwaqt li m’hemm l-ebda garanzija li dawn għandhom ħiliet lingwistiċi biżżejjed biex jeżerċitaw din is-setgħa (Artikolu 4.2). Għandu jkun speċifikat li l-informazzjoni għandha tingħata f’lingwa li l-persuna kkonċernata tirrikonoxxi li tifhem.
Garanziji għall-minorenni
4.3.3. Sabiex “l-aħjar interess tat-tifel jew tifla” għandu jkun il-konsiderazzjoni prinċipali fir-rigward tal-proċeduri kollha (Artikolu 6(1)), hemm bżonn jiġi speċifikat sew li dan huwa konformi mal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex din il-kunsiderazzjoni tkun legalment irrevokabbli quddiem il-qrati.
Qraba dipendenti (Artikolu 11(1))
4.3.4. B’rispett għall-konsistenza, l-espressjoni “il-persuna li qed tfittex l-ażil” għandha tinbidel f“”applikant għall-protezzjoni internazzjonali”.
4.3.5. Il-fatt li x-xewqa tal-applikant trid tiġi espressa “bil-miktub” jista’ jillimita’ l-kapaċità tal-applikant meta jkun qed jesprimi ruħu, li jmur kontra l-ispirtu tat-test. Ikun aħjar jekk jiġi speċifikat li din it-talba tista’ ssir fi kwalunkwe forma li tippermetti lill-awtoritajiet jirreġistrawha (bil-miktub, f’intervista jew fi kwestjonarju).
Klawsoli diskrezzjonali (Kapitolu IV, Artikolu 17)
4.3.6. Il-Kumitat jaqbel li “deċiżjoni [tal-Istat Membru mitlub ikun inkarigat] li tirrifjuta t-talba għandha tagħti r-raġunijet fuq hiex hija bbażata” (Artikolu 17(2) inċiż 3). Huwa tal-fehma li għandu jkun speċifikat ukoll li fl-assenza ta’ risposta fi żmien xahrejn, l-Istat Membru li jiġi mitlub għandu jsir responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni.
Dwar il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura (Kapitolu VI, Artikoli 20-31)
4.3.7. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex it-talba biex il-persuna kkonċernata tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr (Artikolu 23(2)) u f’kull każ fi żmien rakkomandat mill-Kummissjoni (xahrejn jekk mill-Eurodac, tliet xhur fil-każijiet l-oħra).
4.3.8. Jekk l-għan hu li l-applikant ikollu disponibbli l-iktar informazzjoni kompleta possibbli u li jkun jista’ jifhimha, mhuwiex biżżejjed li tiġi pprovduta notifika “f’lingwa li l-persuna hija mistennija li tifhem” (Artikolu 25(1)). Bħalma hu fil-każ tal-Artikolu 4(2), il-Kumitat jixtieq li jkun speċifikat li n-notifika għandha ssir f’lingwa li l-applikant jirrikonoxxi li jifhem.
Għandu jiġi ppreċiżat li l-appell għandu jkollu effett ta’ sospensjoni (Artikoli 25(2) u 26(1)), kif diġà ġie msemmi hawn fuq (premessi 16 u 17).
4.3.9. Għall-Kumitat tidher kontradittorja li jiġi promoss id-dritt għall-appell (b’effett ta’ sospensjoni) għall-applikant ikkonċernat permezz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, jekk fl-istess ħin qed jiġi ddikjarat li l-persuna kkonċernata tista’ ma tiġix awtorizzata tibqa’ fit-territorju sakemm jintemm l-appell jew ir-reviżjoni tat-talba tagħha (Artikoli 26(3) u 26(4)).
4.3.10. Sabiex jiġi appoġġjat il-prinċipju mħaddan fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, skont liema prinċipju l-ebda Stat ma jista’ jżomm persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija applikant għall-protezzjoni internazzjonali (Artikolu 27(1)), il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Artikolu 27(3) jitqiegħed qabel l-Artikolu 27(2) sabiex jiġu enfasizzati s-soluzzjonijiet l-oħra minflok id-detenzjoni.
4.3.11. Il-Kumitat jaqbel li għandu jiġi speċifikat b’mod espliċitu li l-minorenni akkumpanjati biss jistgħu eventwalment jinżammu f’detenzjoni (Artikolu 27(10)).
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-Artikolu 19 (COM-2008/825-3).
(2) Ġinevra 1951.
(3) New York 1967.
(4) COM(2007) 301 finali, ippreżentata fis-6 ta’ Ġunju 2007.
(5) Fit-12 ta’ Marzu 2008 il-KESE ressaq l-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper Dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni, rapporteur is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008).
(6) Ara r-Regolament (KE) Nru 343/2003 tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p.1).
(7) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Marzu 2002, “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz”, rapporteur is-Sur Sharma (ĠU C 125, 27.5.2002).
(8) Il-KESE ma ġiex ikkonsultat dwar il-bidliet li saru lill-Eurodac [COM (2008) 825]. Ir-Regolament (KE) 2725/2000 tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2000 jikkomplementa direttament lir-Regolament ta’ Dublin.
(9) Ara b’mod partikulari:
— |
l-opinjoni tal-KESE tal-20.03.2002 dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz [Dublin II]” (COM(2001) 447 finali), rapporteur is-Sur Sharma (ĠU C 125, 27.5.2002, p. 28-31; |
— |
l-opinjoni tal-KESE tat-12.03.2008 dwar il-“Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni” (COM(2007) 301 finali), rapporteur is-Sinjura Le Nouail Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008, p.77-84. |
(10) Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (COM(2007) 301).
(11) Gebremedhin kontra Franza; sentenza tal-ECHR tas-26 ta’ April 2007: il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, 1950, Artikoli 3 u 13, in-natura irriversibbli tad-dannu li jista’ jiġi kkawżat jekk ikun hemm ir-riskju ta’ tortura jew trattament ħażin, rimedji b’effett ta’ sospensjoni. Paragrafi 66 u 67: http://cmiskp.echr.coe.int/tkp197/view.asp?action=html&documentId=816069&portal=hbkm&source=externalbydocnumber&table=F69A27FD8FB86142BF01C1166DEA398649.