This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1198
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council concerning the rights of passengers when travelling by sea and inland waterway and amending Regulation (EC) No 2006/2004 on cooperation between national authorities responsible for the enforcement of consumer protection laws COM(2008) 816 final — 2008/0246 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD
ĠU C 317, 23.12.2009, p. 89–93
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 317/89 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi
COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD
(2009/C 317/16)
Rapporteur: Is-Sur Hernández BATALLER
Korapporteur: Is-Sur Jörg RUSCHE
Nhar it-12 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 71 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi
COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller u l-korapporteur kien is-Sur Rusche.
Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’65 vot favur u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni peress li l-implimentazzjoni tar-regolament, f’termini ġenerali, isaħħaħ is-suq intern u d-drittijiet tal-passiġġieri, speċjalment id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabbiltà.
1.2. Madankollu il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta ma tkoprix b’mod speċifiku u ddettaljat is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà jew għal livelli ogħla ta’ ħarsien għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi tal-konsumaturi.
1.3. Fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, għandu jitwaqqaf qafas li jiggarantixxi l-aċċessibbiltà fiċ-ċirkostanzi kollha, fit-termini ssuġġeriti mill-KESE f’din l-opinjoni.
1.4. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà, għandu jiġi applikat l-ogħla livell possibbli, skont il-qafas regolatorju li hemm fis-seħħ bħalissa jew skont il-qafas li l-Istati Membri tal-UE għandhom l-intenzjoni li japplikaw għal dan il-qasam.
1.5. Fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra, bħall-ħarsien tal-privatezza fil-bażijiet tad-data, dan ukoll għandu jkollu regolamentazzjoni speċifika li ssaħħaħ il-garanziji.
1.6. Fil-qasam tad-drittijiet ekonomiċi tal-konsumaturi, irid isir titjib sostanzjali f’numru ta’ aspetti tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi studjata, bħas-servizzi tat-trasport alternattivi u r-rimborż, il-kumpens tal-prezz tal-biljett, l-informazzjoni għall-passiġġieri u l-ilmenti.
2. Il-kuntest
2.1. L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1) jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Sadattant, l-Artikolu 3 TKE jistabbilixxi it-tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumatur bħala waħda mill-attivitajiet tal-Komunità, u l-Artikolu 153 jappella lill-Komunità biex tħares l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.
2.2. Fil-White Paper dwar “Il-politika Ewropea għat-trasport għall-2010: iż-żmien tad-deċiżjoni” (2), il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi d-drittijiet tal-passiġġieri fuq il-mezzi kollha tat-trasport, billi twaqqaf prinċipji komuni għall-mezzi kollha tat-trasport (3) u tidentifika il-ħtieġa li ssaħħaħ numru ta’ drittijiet, miżuri speċifiċi għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, soluzzjonijiet awtomatiċi u immedjati meta jkun hemm interruzzjoni fit-trasport (dewmien fit-tul, kanċellazzjonijiet jew rifjut tal-ġarr), obbligi dwar l-informazzjoni lill-passiġġiera, u t-trattament ta’ ilmenti u l-mezzi ta’ rimedju.
2.3. Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsulatazzjoni pubblika dwar id-drittijiet tal-passiġġieri marittimi, li parti minnha kkonċentrat fuq id-drittijiet tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa matul vjaġġi bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli. Il-maġġoranza kienu favur li jkun hemm livell minimu komuni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-Ewropa kollha, irrispettivament mill-mezzi tat-trasport jew minn jekk il-vjaġġ iseħħx kollu fi Stat Membru wieħed jew jekk jaqsamx fruntieri interni jew esterni.
2.4. Barra minn hekk, il-konklużjoniet kumplessivi ta’ studju indipendenti (4) kienu li l-protezzjoni tal-passiġġieri ma kinitx totalment sodisfaċenti minħabba, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ uniformità fir-rigward tal-ambitu u l-grad tal-miżuri tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri; in-nuqqas ta’ qafas għal soluzzjonijiet immedjati u predefiniti għall-każijiet ta’ kanċellazzjoni u dewmien; u n-nuqqas ta’ informazzjoni għall-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ avveniment kritiku.
2.5. Il-valutazzjoni tal-impatt essenzjalment kopriet il-prinċipji tal-kumpens u l-assistenza f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien, ir-regoli tal-aċċessabilità, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, standards ta’ kwalità u obbligi għall-informazzjoni, ir-regoli għat-trattament tal-ilmenti u għall-monitoraġġ tal-konformità.
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1. Ir-regolament propost jistabbilixxi regoli minimi komuni dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-assistenza obbligatorja għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, l-obbligi tat-trasportaturi lejn il-passiġġieri f’każijiet ta’ kanċellazzjoni jew dewmien; l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri; it-trattament tal-ilmenti; u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.
3.2. Il-proposta ser tapplika għas-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri marittimi u fuq l-ilmijiet interni navigabbli, fosthom il-kruċieri, bejn jew fil-portijiet jew kwalunkwe punt ta’ imbark/żbark li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.
3.3. Hija tistabbilixxi l-obbligi għat-trasportaturi fil-każ li l-vjaġġ jiġi interrott, b’rabta mad-dritt għad-provvediment tal-informazzjoni, id-dritt għall-assistenza, bdil fir-rotta jew ir-rimborż, il-kumpens tal-prezz tal-biljett u miżuri oħra li jgħinu lill-passiġġieri.
3.4. Il-proposta tistipula li kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi indipendenti responsabbli għall-infurzar tar-regolament, li jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rispettati, fosthom il-konformità mar-regoli tal-aċċessibilità.
4. Kummenti Ġenerali
Il-KESE jilqa’ r-regoli minimi komuni li hemm fil-proposta għal regolament, u jittama li fil-ġejjieni jkun hemm ċaqlieq lejn ħarsien aħjar tal-konsumaturi, kif inhu stipulat fit-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni għandha tiċċara b’mod espliċitu li eskursjonijiet għat-turisti li jdumu inqas minn ġurnata huma esklużi mill-ambitu ta’ din il-proposta.
4.1.1. Hija proposta kuraġġuża, koerenti mal-approċċi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni li tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tas-suq intern, u tħares lejhom bħala d-destinatarji finali tal-proċessi biex jinfetħu s-swieq nazzjonali.
4.1.2. Barra milli tistabbilixxi għadd ta’ regoli u prinċipji li jiggarantixxu d-drittijiet ekonomiċi tal-passiġġieri li jużaw it-trasport tal-baħar u fuq ix-xmajjar ġo pajjiż wieħed jew f’iktar, ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ għarfien u ħarsien tad-drittijiet tal-pubbliku b’mod ġenerali.
4.1.3. Barra minn hekk, il-proposta tissupplimenta l-leġiżlazzjoni ta’ ħafna Stati Membri tal-UE li jew ma tittrattax il-kwistjoni jew inkella tittrattaha b’ċertu ammont ta’ inċertezza, li jwassal biex id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-anzjani ma jkunux imħarsa b’mod effettiv. Dan jolqot is-sistemi ta’ aċċessibbiltà, informazzjoni u assistenza fuq il-vapur, kif ukoll l-informazzjoni bil-quddiem, li żgur li tista’ titjieb f’ħafna każijiet.
4.1.4. Madankollu, il-KESE ma jaqbilx li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu s-servizzi li huma b’kuntratt ta’ servizz pubbliku mill-ambitu ta’ dan ir-regolament: dawn huma s-servizzi li l-aktar li jintużaw miċ-ċittadini u potenzjalment l-aktar li huma meħtieġa mill-persuni b’diżabbiltà. Il-Kummissjoni tista’ddaħħal paragrafu wara punt 19 a) u b) li jitlob lill-awtoritajiet responsabbli li jipprevedu sistema ta’ kumpens awtomatiku għal dawn il-każijiet.
Minkejja l-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sigurtà marittima (id-Direttivi 1999/35/KE; 98/18/KEE u 98/41/KE), il-KESE jemmen li r-regolament għandu jdaħħal b’mod espliċitu d-dritt speċifiku u indipendenti tal-passiġġieri għas-sigurtà.
Għal din ir-raġuni, il-kunċett tas-sigurtà għandu jkopri l-aċċessibbiltà f’dan il-qasam ukoll; fi kliem ieħor, l-aċċessibbiltà għandha tiġi ggarantita mhux biss waqt l-imbark/l-iżbark tal-passiġġieri iżda wkoll matul il-vjaġġ.
Il-klieb ta’ ġwida, li huma essenzjali għas-sidien b’diżabbiltà tagħhom, peress li jippermettulhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles u l-mobbiltà, għandhom ukoll ikollhom aċċess, b’mod espliċitu, għall-punti kollha ta’ imbark u fil-vjaġġi kollha li jidħlu fl-ambitu ta’ dan ir-regolament.
4.1.5. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fid-dmir tagħha li tadotta u tipproponi, fil-livell Komunitarju kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkollhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment ħieles, il-libertà tal-għażla u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. “Il-mudell tad-diżabbiltà soċjali”, li jinkludi l-obeżità, għandu jiġi implimentat, sabiex il-mezzi tat-trasport ikunu jistgħu jiġu użati minn kulħadd.
4.1.6. Fir-rigward tal-bażi legali (Artikoli 70 u 81 tat-Trattat), il-KESE jemmen li l-Artikolu 153 tat-Trattat għandu jissemma wkoll, peress li jappella għal livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fl-attivitajiet tal-Komunità.
4.1.7. Il-KESE jqis li huwa importanti li intgħażel ir-regolament bħala strument legali, peress li r-regoli stabbiliti mill-proposta jridu jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv madwar l-Unjoni Ewropea biex tiżgura kemm livell adegwat ta’ protezzjoni għall-passiġġieri marittimi kif ukoll kundizzjonijiet indaqs għat-trasportaturi.
4.1.8. Il-KESE jaqbel mal-leġiżlaturi Ewropej, li l-koregolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni “ma għandhomx japplikaw meta fin-nofs ikun hemm drittijiet fundamentali jew għażliet politiċi importanti jew f’sitwazzjonijiet fejn ir-regoli għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha” (5). Għalhekk il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
4.1.9. Madankollu, fir-rigward tal-Kapitolu III, l-objettiv li jkun hemm garanzija ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-aġenti ekonomiċi fis-suq intern jista’ jintlaħaq biss b’mod ristrett, peress li r-regolament jagħti libertà konsiderevoli lill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni. Ir-rapport li jrid jitfassal mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (Artikolu 30) għandu jeżamina b’mod speċifiku jekk kwalunkwe disparità fil-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam għandiex impatt fuq il-kompetizzjoni jew it-tħaddim xieraq tas-suq intern.
4.1.10. Il-KESE jagħraf li t-trasport li primarjament għandu skop turistiku, speċjalment l-eskursjonijiet u ġiti qosra (sightseeing), ma jidħlux fl-ambitu tar-Regolament. Madankollu jrid jitqies il-każ tal-passiġġieri li jsibu diffikultà biex jaqbdu xi korrispondenza minħabba l-limitazzjonijiet li jsibu f’wieħed mill-mezzi li jridu jużaw għall-vjaġġ tagħhom.
Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-biljett iservi ta’ prova tal-finalizzazzjoni tal-kuntratt tat-trasport, u jqis li huwa sinifikanti li r-regoli stabbiliti mir-Regolament huma meqjusa drittijiet imperattivi u innegabbli tal-passiġġieri, mingħajr preġudizzju għall-korp attwali tal-leġiżlazzjoni protettiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ termini (6) u prattiki kummerċjali mhux ġusti (7).
Għandha tinstab soluzzjoni speċifika għad-deroga attwali, li hi kważi universali, li tobbliga lill-vjaġġaturi b’diżabbiltà jinfurmaw lit-trasportaturi mhux inqas minn 48 siegħa qabel bl-intenzjoni tagħhom li jivvjaġġaw fuq rotta partikolari. Alternattivament, u fejn hu xieraq, dan l-obbligu għandu jiġi emendat b’mod li huwa kemm jista’ jkun favorevoli għan-nies b’diżabbiltà. Din l-iskadenza stretta għall-persuni b’diżabbiltà tista’ twaqqafhom b’mod ċar milli jgawdu minn ċerti drittijiet marbuta mal-moviment ħieles tal-persuni, bħad-dritt għar-rikreazzjoni, jew id-dritt li jaġixxu fi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza li jistgħu ikunu fiha.
Il-KESE jappella li jkun permess ċertu ammont ta’ flessibbiltà fis-sistema ta’ notifika għall-assistenza abbord. Dan il-mezz tat-trasport ma jeħtieġx li l-passiġġieri jirriżervaw minn qabel, u jimponi l-obbligu fuq il-persuni b’diżabbiltà li javżaw li jkollhom bżonn assistenza minn qabel, dan jista’ jikser id-dritt tagħhom għal trattament ugwali. Għalhekk, trid issir differenza bejn vjaġġi fuq distanza twila u oħrajn qosra, jew it-tip ta’ dgħajsa/vapur li ser jintuża għat-trasport. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tobbliga lit-trasportaturi jipprovdu lill-passiġġieri b’konferma li n-notifika waslet, biex tiżgura li l-passiġġieri jkunu jistgħu juru li huma fil-fatt avżaw li għandhom bżonn tal-assistenza, fil-każ li s-sistema tat-trażmissjoni tal-informazzjoni ma taħdimx.
4.2.1. Biex ikunu jistgħu jħaddmu d-drittijiet tagħhom stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet, dawn in-nies għandu jkollhom aċċess għall-assistenza fil-portijiet, fil-punti ta’ imbark u żbark, u fuq il-vapuri għall-passiġġieri. Il-KESE jaqbel għal kollox li fl-interess tal-inklużjoni soċjali, din l-assistenza għandha tkun bla ħlas, b’konformità mal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà.
4.2.2. Għalhekk il-KESE jqis li d-derogi għar-rifjut ta’ ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà jew li għandhom mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti u li jistgħu jiġu vverifikati.
4.3. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni fl-Artikolu 8 tar-regolament, dwar id-djalogu u l-konsultazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi li jrid iwassal biex jiġu stabbiliti r-regoli ta’ aċċess li jiġu miftehma bejn it-trasportaturi, l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa kif ukoll il-korpi tal-infurzar. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll livelli ta’ kwalità b’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 22 tal-proposta, li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u korpi oħra internazzjonali li għandhom xi setgħa f’dan il-qasam.
4.4. Id-dispożizzjoni li jintalab ħlas, kif hemm stabbilit fl-Artikolu 9.3 tal-proposta, tmur kontra l-prinċipju li ma jkunx hemm ħlasijiet marbuta mal-interess tal-inklużjoni, b’mod partikolari meta dan isir fuq bażi unilaterali, kif speċifikat fit-test. Madankollu, is-separazzjoni tal-kontabbiltà hija riżultat naturali li tiżgura li jkun hemm minimu ta’ trasparenza, għalkemm il-ħarsa vverifikata annwali għandha ssir aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi. Minkejja dan, il-KESE jirrakkomanda li ssir valutazzjoni biex tiddetermina jekk l-intrapiżi żgħar u medji għandhomx ikunu obbligati jżommu dat-tip ta’ kontabbiltà.
4.5. Il-kumpens għas-siġġijiet tar-roti u t-tagħmir għall-mobbiltà huwa konformi mal-iskop tar-regolament li jiżgura l-ħarsien, l-istess bħad-dispożizzjoni biex ikun hemm tagħmir ta’ sostituzzjoni disponibbli għall-partijiet interessati. Il-kumpens għandu jkun sħiħ u jkopri d-danni kollha kkawżati.
L-obbligi fl-eventwalità ta’ interruzzjoni ta’ vjaġġ, bħala regoli minimi uniformi huma raġonevoli anke minħabba fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni attwali. Il-KESE jista’ jifhem li jkun previst li, fil-livell tal-Komunità, jkun hemm grad ta’ ekwivalenza b’regoli li jħarsu l-passiġġieri tal-ajru, iżda jittama li jkun hemm rakkomandazzjoni biex kemm jista’ jkun malajr nersqu lejn l-aktar livell għoli ta’ ħarsien.
4.6.1. Il-kumpens awtomatiku tal-prezz tal-biljett, jista’ jkun sistema ġusta, jekk jopera b’mod flessibbli u effiċjenti. Fil-futur, is-sistema għandha tersaq lejn perċentwali ogħla ta’ kumpens f’każijiet ta’ dewmien.
4.6.2. Għandha tiġi ċċarata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 20 tal-proposta, li skontha l-leġiżlazzjoni m’għandiex tapplika jekk id-dewmien iseħħ f’“ċirkostanzi eċċezzjonali”. Dan għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-każistika tal-ECJ (8) fis-sens li d-dispożizzjoni ma tapplikax għal-problema teknika fuq il-vapur u li twassal għall-kanċellazzjoni tal-vjaġġ, sakemm din il-problema ma tkunx ikkawżata minn avvenimenti li, fin-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex parti mill-prestazzjoni normali tal-attivitajiet tat-trasportatur. Barra minn hekk, il-konformità sempliċi tat-trasportatur mal-ħtiġijiet minimi ta’ manutenzjoni għall-vapur m’għandhomx ikunu waħedhom prova li t-trasportatur ħa “miżuri raġonevoli” u għalhekk huwa eżentat mill-obbligu li jħallas kumpens. Il-kundizzjonijiet nawtiċi għal kull servizz tat-trasport għandhom jitqiesu wkoll.
4.6.3. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 21, li skontu xejn ma għandu jwaqqaf lill-passiġġieri milli jfittxu għall-ħsara fir-rigward ta’ telf li jirriżulta mill-kanċellazzjonijiet jew id-dewmien tas-servizzi tat-trasport fil-qrati nazzjonali, hija kompletament konformi mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
4.7. L-informazzjoni hija importanti għall-passiġġiera u għandha tkun aċċessibbli skont l-iżviluppi teknoloġiċi; għalhekk il-proposta hija relevanti f’dan ir-rigward.
4.8. Fir-rigward tal-ilmenti, sakemm ikunu jirrigwardaw danni ta’ tip ċivili u/jew kummerċjali, għandha ssir referenza għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi mhux ġudizzjarji li twaqqfu fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1998/257/KE tat-30 ta’ Marzu, jew tal-anqas għal korpi li jissodisfaw il-prinċipji tal-indipendenza, it-trasparenza, il-kontradizzjoni, l-effettività, il-legalità, il-ħarsien u l-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni.
4.9. Korpi nazzjonali tal-infurzar għandu jkollhom is-saħħa li jinfurzaw sistema ta’ sanzjonijiet li tkun dissważiva u proporzjonata, li, f’kull avveniment, tinkludi l-possibbiltà li tordna l-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġiera affettwati, bħala riżultat tal-fatt li jkunu depożitaw ilment.
Ir-regolament għandu jinkludi l-obbligu li jipprovdi informazzjoni aċċessibbli, adegwata u rilevanti fuq kull sanzjoni li tista’ tapplika u fuq il-proċedura tal-ilmenti mill-passiġġieri.
4.10. Fir-rigward tal-ħarsien tal-informazzjoni personali u l-moviment ħieles tad-data (9), il-KESE jaqsam il-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-privatezza tal-passiġġieri, skont id-Direttiva 95/46/KE u l-każistika tal-ECJ. Dan huwa relevanti b’mod partikolari fil-każ ta’ data personali li tista’ tiġi trażmessa lil pajjiżi terzi fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport. Fi kwalunkwe ħin, dawk li d-dettalji tagħhom ikunu mniżżlin għandhom jiġu mgħarfa bil-fatt tad-dritt tagħhom għall-aċċess u li jitolbu li jkun hemm rettifika jew tneħħija ta’ data li tikkonċernahom.
4.11. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li d-Direttiva 90/314/KEE tiġi riveduta, biex tkun aktar konformi ma’ din il-proposta u liġijiet oħra sekondarji tal-Komunità u li:
— |
id-definizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet ta’ termini bħal “prezz inklussiv”, “pakkett” u “kombinazzjoni ppjanata” jiġu aġġornati; |
— |
id-definizzjoni tar-responsabbiltà eżatta tal-operatur u l-aġent tkun iktar ċara fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratt jew prestazzjoni difettuża tiegħu, irrispettivament minn jekk l-operatur jew l-aġent ipprovda s-servizz fil-kwistjoni b’mod dirett jew indirett; |
— |
jiġu stabbiliti kompensi aktar ċari u komprensivi għall-konsumaturi f’każ li l-organizzaturi jħassru l-kuntratt. |
4.12. Barra minn hekk, il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li ssir referenza aktar espliċita fir-Regolament għad-Direttivi dwar it-trasport marittimu u l-ilmijiet interni navigabbli, li jfittxu li jilħqu livell għoli ta’ ħarsien speċifikament għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa, u li jadattaw l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni fejn meħtieġ.
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1
(2) COM(2001) 370, 12.9.2001.
(3) Simili għal dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004 tal-11.2.2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, ĠU L 46, 17.2.2004.
(4) Studju indipendenti kkommissjonat mid-DG TREN fl-2005-2006 dwar l-“Analiżi u l-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport marittimu tal-UE”.
(5) Il-ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar leġiżazzjoni aħjar (2003/C 321/01), punt 17.
(6) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.5.2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, 6.11.2005, p. 22).
(7) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5.4.1993 dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti mal-konsumaturi ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.
(8) Sentenza tat-22.12.2008, każ C-549/07 (Friederike Wallentin-Hermann/Alitalia-Linee Aeree Italiane SpA).
(9) Id-dritt għall-privatezza, Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali.