Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1211

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 317, 23.12.2009, p. 49–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 317/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien

    (2009/C 317/08)

    Relatur: is-Sur SANTILLÁN CABEZA

    Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien?

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Santillán Cabeza.

    Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

    1.   Id-diversità enormi tal-Ewropa

    1.1.   L-UE tħaddan diversità territorjali inkredibbilment għanja u t-tendenzi tagħha ta’ fejn jgħixu n-nies huma uniċi. Dawn it-tendenzi jagħtu kontribut għall-kwalità tal-ħajja fl-UE, kemm għal min jgħix fi bliet li jinsabu qrib żoni rurali kif ukoll għal dawk ir-residenti rurali li jinsabu qrib is-servizzi. Dawn it-tendenzi huma wkoll aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għax jevitaw id-diffikultajiet marbuta inevitabbilment ma’ agglomerazzjonijiet kbar ħafna u l-livelli għoljin fl-użu tal-enerġija u tal-art tipiċi tal-firxa urbana. Dawn id-diffikultajiet se jkomplu jikbru hekk kif tkompli sseħħ il-bidla fil-klima u l-azzjonijiet biex nadattaw għaliha u niġġilduha (1).

    Sabiex issir distinzjoni bejn iż-żoni rurali u dawk mhux rurali, l-OECD tiddistingwi bejn l-unitajiet amministrattivi lokali (LAU 1 jew 2) u r-reġjuni (NUTS 3). Unità ta’ żona lokali tissejjaħ komunità rurali jekk id-densità tal-popolazzjoni tagħha tkun ta’ inqas minn 150 abitant kull km2. Ir-reġjuni (NUTS 3) huma ddifferenzjati skont il-grad ta’ ruralità tagħhom, i.e. mill-proporzjon tal-popolazzjoni tagħhom li tgħix f’unitajiet ta’ żoni lokali rurali.

    1.2.1.   Skont l-OECD, jeżistu wkoll tliet tipi ta’ reġjuni:

    b’maġġoranza rurali: aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali;

    rurali ħafna: bejn 15 u 50 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali;

    b’maġġoranza urbana: inqas minn 15 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali.

    Aktar minn 50 % tat-territorju tal-UE ta’ 25 pajjiż huwa meqjus bħala żona rurali.

    1.2.2.   Id-definizzjoni tal-Eurostat tal-livell ta’ urbanizzazzjoni tiddistingwi bejn tliet tipi ta’ żoni:

    żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin ta’ xulxin li kull waħda minnhom għandha densità tal-popolazzjoni ogħla minn 500 abitant għal kull kilometru kwadru, u bit-total tal-popolazzjoni taż-żona ta’ aktar minn 50 000 abitant;

    żoni intermedji: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin ta’ xulxin, li kull waħda minnhom għandha densità tal-popolazzjoni ogħla minn 100 abitant għall kull kilometru kwadru, iżda li mhumiex parti minn żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni. It-total tal-popolazzjoni taż-żona għandu jkun mill-inqas 50 000 ruħ jew iż-żona għandha tkun eżatt ħdejn żona b’densità għolja tal-popolazzjoni;

    żoni b’popolazzjoni mifruxa: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin xulxin li ma jagħmlux parti la minn żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni u lanqas minn żoni intermedji (2).

    “Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ‛unità lokali” tikkorrispondi għal awtorità lokali jew muniċipalità. Iż-żoni b’popolazzjoni mifruxa jkopru madwar 84 % tat-territorju kollu tal-UE b’25 (3) Stat Membru.

    2.   Żoni urbani u rurali: żvilupp kuntrastanti

    2.1.   Għal ħafna snin kien fatt aċċettat li jekk isir sforz ikbar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), l-UE tkun tista’ tilqa’ l-isfida tal-globalizzazzjoni. Tabilħaqq, l-Istrateġija ta’ Lisbona tinkludi l-għan espliċitu li dawn l-investimenti jiżdiedu għal 3 % tal-PGD.

    2.2.   Iridu jsiru aktar studji dwar il-potenzjal tar-reġjuni li huma differenti minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tagħhom (rata differenti tal-mod kif qed tixjieħ il-popolazzjoni), il-karatteristiċi soċjoloġiċi (il-kapital uman), il-fatturi ekonomiċi tagħhom (il-mobbiltà tal-kapital u tal-ħaddiema tas-sengħa, u għaldaqstant il-mobbiltà ta’ parti mill-popolazzjoni li tħallas it-taxxa) kif ukoll l-istruttura tagħhom tal-produzzjoni (wirt mill-passat, il-kapaċità li jattiraw l-investimenti).

    2.3.   Għalkemm iż-żoni rurali ma jistgħux jiġu assoċjati awtomatikament mat-tinqis jew iż-żoni intermedji mat-tkabbir (4), f’sens ġenerali, iż-żoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma rurali (17,9 % tal-popolazzjoni Ewropea) u ż-żoni intermedji (37,8 % – li flimkien jagħmlu total ta’ 55,7 %) jinsabu f’sitwazzjoni inqas vantaġġjata. Barra minn hekk, fl-Istati Membri bi dħul aktar baxx, id-differenzi bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani ġeneralment ikunu akbar (5).

    2.4.   F’dawn l-aħħar snin inħolqu jew ġew żviluppati ħafna għodod biex jistimulaw l-innovazzjoni (FP7, PIC, JEREMIE, inizjattivi konġunti għat-teknoloġija, “is-swieq pilota”, eċċ.). Dawn l-inizjattivi, li għandhom jitħeġġu, jikkuntrastaw man-nuqqas ta’ interess muri mir-reġjuni li m’għandhomx il-potenzjal jagħmlu użu minn dawn il-possibbiltajiet bit-tama li jieħdu vantaġġ pożittiv minnhom.

    2.5.   Peress li ħafna mill-attività ekonomika hija kkonċentrata fil-bliet, hemm bżonn li l-iżvilupp tas-soċjetà tal-għarfien ikun aktar bilanċjat.

    3.   Proposti biex jinstab il-bilanċ favur iż-żoni mhux urbani

    3.1.   Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ta’ kwalità għolja biex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali u territorjali

    3.1.1.   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-SIĠ (6), il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li “tippreżenta quddiem il-Parlament analiżi komprensiva tal-effetti li kellha s’issa ‛l-liberalizzazzjoni‛, (…) [biex] tanalizza wkoll il-progress bl-applikazzjoni tal-Protokoll, ladarba t-Trattat il-ġdid ikun daħal fis-seħħ (…) [u biex] toħroġ rapport speċjali dwar is-servizzi soċjali kull sentejn li jservi ta’ strument ta’ skambju mal-partijiet interessati”. Il-KESE jħoss li huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tanalizza l-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq il-koeżjoni territorjali. Din l-analiżi għandha tipprovdi dejta skont in-natura urbana jew rurali tal-awtoritajiet lokali kkonċernati u skont il-perċezzjonijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom.

    3.1.2.   L-aċċess għall-kura tas-saħħa rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 35), jista’ jkun partikolarment diffiċli f’żoni mhux urbani minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati, ta’ infrastruttura adegwata u ta’ riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tibda diskussjoni mal-awtoritajiet lokali u mal-federazzjonijiet Ewropej ikkonċernati ta’ min iħaddem u tat-trejdjunjins, biex tanalizza kif strumenti bħal ftehimiet bejn imsieħba soċjali, għajnuniet mill-Istat u inizjattivi Komunitarji, jistgħu jitfasslu b’mod li dan is-settur jingħata spinta ġdida ’l quddiem.

    3.2.   Is-soċjetà tal-informazzjoni/is-soċjetà tal-għarfien

    3.2.1.   Għalkemm xi kultant tinħoloq konfużjoni bejniethom, il-kunċett tas-soċjetà tal-għarfien (ideal jew fażi fl-evoluzzjoni tal-Bniedem) għandu jkun distint mill-kunċett tas-soċjetà tal-informazzjoni (l-użu mifrux tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni). L-informazzjoni hija biss waħda mill-għodod ta’ kif jinkiseb l-għarfien.

    3.2.2.   L-edukazzjoni hija fattur ċentrali biex nimxu lejn soċjetà tal-għarfien. F’żoni mhux urbani, wieħed mill-fatturi determinanti huwa l-bidla demografika (l-emigrazzjoni, ir-rata għolja ta’ dipendenza, popolazzjoni li qed tixjieħ, eċċ.). Kull sena, għadd ta’ skejjel żgħar f’żoni inqas dinamiċi qed ikollhom jagħlqu għax ma jkollhomx studenti biżżejjed. Dan jista’ jinkoraġġixxi aktar it-tendenza li t-tfal jitilqu minn dik l-iskola, minħabba li l-ġenituri jippreferu jmorru jgħixu f’żoni b’aktar ħajja għal dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet, impjiegi, skejjel u infrastrutturi ta’ riċeviment (7).

    3.2.3.   Rigward il-persentaġġ ta’ adulti li jilħqu livell ta’ edukazzjoni medju jew għoli, ix-xejra fl-UE hija li d-differenza bejn żoni b’maġġoranza rurali jew intermedja meta mqabbla maż-żoni b’maġġoranza urbana qed tiċkien b’mod kontinwu. Is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Ewropa u f’xi Stati Membri ġodda (FR, NL, FI, IE, BE, PL, CZ, HU) hija aħjar (< 10 punti differenza) u f’xi pajjiżi l-livell tal-edukazzjoni huwa ogħla fiż-żoni rurali milli f’dawn urbani (UK, DE, AT). L-ikbar differenzi (> 20 punti differenza) jinsabu fil-pajjiżi tal-Mediterran (GR, ES, IT, PT).

    3.2.4.   Il-persentaġġ ta’ adulti li jieħdu sehem fl-edukazzjoni u t-taħriġ (it-tagħlim tul il-ħajja) huwa relattivament baxx (madwar 12 % fl-UE-25) u ma jidhirx li hemm differenzi kbar bejn iż-żoni rurali u dawk urbani. Xi pajjiżi jappoġġjaw bis-sħiħ it-taħriġ għall-adulti (DK, ES, NL, AT, SL, SK, SE, UK) filwaqt li oħrajn jagħmlu dan b’mod aktar modest. Ix-xejriet juru li l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ għandha t-tendenza tiżdied ftit aktar fiż-żoni rurali milli f’dawk urbani (8).

    3.2.5.   Għalkemm il-viċinanza żżid l-aċċess għal studenti li jgħixu f’żoni rurali, id-distanza għall-universitajiet (li ħafna minnhom jinsabu f’żoni urbani) ma tidhirx illi sservi ta’ xkiel għall-edukazzjoni ogħla. Minkejja dan, din tista’ xxekkel il-firxa ta’ għażliet ta’ korsijiet.

    3.2.6.   Il-Kummissjoni Ewropea nnotat li għadd ta’ Stati Membri mhumiex jagħmlu sforzi biżżejjed biex jegħlbu t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien u biex jippromovu t-tagħlim tul il-ħajja biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Aġenda ta’ Lisbona.

    3.3.   E-learning u l-importanza tal-konnessjonijiet broadband (9)

    3.3.1.   Il-konċentrazzjoni ta’ livelli għoljin ta’ riċerka u żvilupp (R&D) f’għadd pjuttost limitat ta’ pajjiżi tal-UE tqajjem ċertu tħassib: 70 % tal-R&D jinsab fil-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit. Stimi tal-ispejjeż għall-R&D reġjun b’reġjun juru li 35 reġjun għandhom intensità ta’ R&D li taqbeż il-mira ta’ Lisbona (10).

    3.3.2.   Il-Kumitat jenfasizza li l-kundizzjoni ċentrali biex it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jintużaw għat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u fil-bliet iż-żgħar tal-Komunità, hija li jrid jingħata l-appoġġ mill-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għall-konnessjonijiet tal-internet broadband (11) li jipprovdu aċċess għas-sistemi ta’ e-learning.

    3.3.3.   F’Diċembru 2007 il-broadband (DSL) kien jilħaq medja ta’ 98 % tal-popolazzjoni f’żoni urbani, filwaqt li f’żoni rurali kien jilħaq biss 70 % tal-popolazzjoni rurali tal-UE-27 (12).

    3.3.4.   L-aċċess għall-broadband jifforma parti minn strateġija usa’ mmirata biex tiżgura li l-aċċess għas-servizzi elettroniċi jingħata l-istatus ta’ servizz ta’ utilità pubblika (13). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prezz tas-servizz, għax f’xi Stati Membri dan huwa għoli ħafna.

    3.4.   L-impjiegi u l-pożizzjoni ġeografika

    3.4.1.   Bħalissa, 10 % tan-netwerk tat-toroq Ewropej ibatu minn konġestjoni tat-traffiku, speċjalment f’dawk l-arterji ewlenin li jgħaqqdu r-reġjuni periferiċi, li jkunu żoni residenzjali, u fiċ-ċentri urbani li jipprovdu l-impjiegi għall-popolazzjoni. L-ispejjeż għal din il-konġestjoni kull sena jilħqu 0,5 % tal-PGD. Biex tittaffa din il-problema, il-Kummissjoni tista’ tfittex li tippromovi x-xogħol mid-dar, wara li tikkonsulta mal-imsieħba soċjali. B’dan il-mod, dan l-element ta’ flessigurtà jista’ jkun ta’ għajnuna għall-koeżjoni territorjali, għaliex jiffavorixxi n-negozji lokali u jnaqqas l-ispejjeż ambjentali (14).

    3.4.2.   L-effikaċja li biha wieħed isib xogħol tista’ tonqos jekk id-distanza għall-impjiegi tiżdied (dan jitkejjel f’ħin ta’ vjaġġar u fi spejjeż involuti) għax l-individwi jkollhom inqas informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol li jinsabu ’l bogħod minn fejn joqogħdu (15).

    Djar, ilma, elettriku, gass u karburanti oħra, bħala persentaġġ tan-nefqa totali (2005)

     

    Ħaddiema

    Impjegati

    Għal rashom

    Qiegħda

    Irtirati – pensjonanti

    Oħrajn: mhux attivi

    Id-differenza bejn valuri massimi u minimi

    Id-differenza bejn il-medja ta’ nies mhux attivi u dawk attivi

    be Belġju

    26,3

    22,5

     

    36,3

    29,9

    23,7

    13,8

    5,6

    dk Danimarka

    27,8

    25,6

    28,7

     

     

    33,1

    7,5

    5,7

    de Ġermanja

    29,9

    27

    27,6

    35,8

    32,5

    35,5

    8,8

    6,4

    ie Irlanda

    20,3

    21,1

    22,3

    25

    30,4

    28,3

    10,1

    6,7

    gr Greċja

    22,1

    22,1

    20,6

    24,7

    29

    31,5

    10,9

    6,8

    es Spanja

    26,3

    28,9

    26,9

    29,5

    35

    34,9

    8,7

    5,8

    fr Franza

    25,8

    23,2

    22

    30,9

    31,1

    33,4

    11,4

    8,1

    it Italja

    25,8

    27,2

    26,6

    28,1

    34,2

    35,3

    9,5

    6,0

    lu Lussemburgu

    29,6

    27,4

    30,9

    32,9

    34,9

    34,2

    7,5

    4,7

    nl Olanda

    23,6

    22,3

    24,3

    32

    32,8

    28,8

    10,5

    7,8

    at Awstrija

    22,2

    20,7

    21,5

    27,1

    24,3

    23,4

    6,4

    3,5

    pt Portugall

     

     

    26,3

    27,1

    30,6

    31,7

    5,4

    3,5

    fi Finlandja

    25

    23

    26,6

    34,4

    35,6

    27,1

    12,6

    7,5

    se Żvezja

    28,4

    27,5

     

    32,9

    35,5

    30,8

    8

    5,1

    uk Renju Unit

    27,9

    25,4

    25,4

    39,5

    39,7

    34,8

    14,3

    11,8

    Sors: Eurostat; kalkoli proprji

    3.4.3.   Il-pożizzjoni taż-żoni tal-periferija, iżda, tista’ tagħti xi vantaġġi f’termini ta’ djar u ta’ kwalità tal-ħajja. Għad hemm potenzjal kbir għall-iżvilupp, b’mod partikolari fil-pajjiżi ta’ koeżjoni, għax meta d-dħul jiżdied b’1 %, il-familji jżidu wkoll l-użu tal-ispazju residenzjali tagħhom b’0,7 %–0,8 % wara li jitqies l-effett prezz.

    3.4.4.   Għandu jissemma l-fenomenu magħruf bħala ‛tifrix urban’ (urban sprawl) li jinħass partikolarment f’pajjiżi/reġjuni b’densità għolja tal-popolazzjoni, li għandhom ekonomija dinamika u/jew li bbenefikaw mill-fondi strutturali. B’kollox, bejn l-1990 u s-sena 2000, iż-żoni urbani kibru b’aktar minn 8 000 km2, art li fiha daqs tliet darbiet it-territorju tal-Lussemburgu (16). Fost affarijiet oħra, dan kellu konsegwenzi fuq il-bijodiversità.

    3.5.   It-turiżmu kulturali bħala fattur fl-iżvilupp

    3.5.1.   It-turiżmu jikkontribwixxi għal bejn 3 u 8 % tal-PGD tal-Istati Membri. Is-settur jimpjega 9 miljun ruħ fl-UE. Huwa wkoll settur li għandu l-qawwa li jinfluwenza setturi oħra tal-ekonomija, bħall-industrija (partikolarment is-setturi marbutin mal-moda), it-trasport, il-kummerċ u tipi oħra ta’ servizzi (17).

    3.5.2.   Il-promozzjoni tal-wirt artistiku, il-wirjiet, l-ispettakli u avvenimenti oħra, l-ikel u l-inbid u l-agri-turiżmu, it-turiżmu marbut mal-films u l-parks iddedikati għal xi suġġetti kulturali jistgħu jkunu sorsi kbar ta’ investiment u impjiegi. Il-KESE jagħmel referenza għas-suġġerimenti li għamel dan l-aħħar biex jinkoraġġixxi lil dan is-settur.

    3.5.3.   F’dan il-qasam, huwa tajjeb li nsemmu l-inizjattivi implimentati taħt il-programm Natura 2000 (18).

    4.   In-Netwerking urban jgħin biex jinfirex l-użu tal-ICT

    4.1.   It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi għal aspett ġdid tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li huwa dak tal-koeżjoni territorjali. Viżjoni komprensiva għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tirnexxi biss jekk tkun ikkomplementata minn forma ta’ ppjanar tal-art – l-għodda ewlenija għall-koeżjoni territorjali – li tqis l-impatt tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

    4.2.   L-inizjattivi pubbliċi għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi kollha. Iż-żoni rurali għandhom bżonn ta’ rabtiet aktar b’saħħithom mal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju sabiex jinkiseb l-għan il-ġdid tal-koeżjoni territorjali. Netwerks tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali billi jservu ta’ tarġa li twassal biex jinfirxu l-proċessi biex jiddaħħlu l-ICT fiż-żoni rurali.

    5.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    5.1.   “Le” għad-determiniżmu: iż-żoni mhux urbani għandhom futur. L-UE għandha ħafna żoni rurali fejn il-kwalità tal-ħajja hija għolja. F’reġjuni ifqar, il-provvediment ta’ infrastruttura adegwata, sforzi biex tittejjeb l-edukazzjoni u l-użu effettiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), fost fatturi oħra, jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali (19), billi l-progress jingħata spinta ’l quddiem u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja f’żoni urbani jew intermedji.

    5.2.   “It-tisħiħ tar-rabtiet bejn żoni rurali u urbani. Għal għexieren ta’ snin, l-iżvilupp urban u dak rurali kienu jitqiesu bħala żewġ entitajiet separati. Tradizzjonalment, il-politika rurali kienet tiffoka biss fuq il-produzzjoni tal-irziezet, iżda ż-żminijiet jinbidlu u b’interazzjoni u komunikazzjoni ikbar bejn il-kampanja u l-bliet, id-distinzjoni ‛tradizzjonali” iċċajpret, u d-distinzjoni ta’ fejn tispiċċa l-belt u tibda l-kampanja m’għadhiex daqshekk ċara. Għalhekk, hemm bżonn ta’ approċċ integrat għall-politiki ta’ żvilupp (20).

    5.3.   Il-potenzjal tal-ICT f’żoni rurali. Il-politiki speċifiċi għall-promozzjoni tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fid-dinja rurali jeżistu diġà taħt il-Fondi Strutturali u l-FAEŻR, iżda biex jingħelbu l-ostakli eżistenti, hemm bżonn ta’ miżuri intensivi mmirati għall-irziezet, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju u l-mikrointrapriżi, għaż-żgħażagħ, in-nisa (speċjalment għall-promozzjoni ta’ nisa intraprendituri li jgħixu f’żoni rurali), il-ħaddiema anzjani u l-gruppi żvantaġġati (21). In-netwerks tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u għall-innovazzjoni fl-ambjent rurali.

    5.4.   Il-Fondi Strutturali u l-għodda b’użu ġenerali. Diskussjoni fil-fond dwar il-ġejjieni ta’ dawn ir-reġjuni bħala parti minn miżura li tħares ’il quddiem, għandha tgħin biex il-Fondi Strutturali jitqassmu aħjar biex l-impatt tagħhom ikun l-akbar wieħed possibbli u fejn meħtieġ, jittieħdu approċċi ġodda.

    5.5.   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Id-diversità kbira fl-UE b’27 Stat Membru ttellef mill-effikaċja tal-miri ta’ żvilupp fiż-żoni rurali, jekk dawn jiġu ddefiniti ċentralment. Għalhekk huwa kruċjali li s-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali tkun involuta fit-tfassil ta’ politiki dwar il-futur tagħhom (22).

    5.6.   Indikaturi adegwati – Kif diġà enfasizza il-KESE, ikun jagħmel sens li jitwaqqaf indikatur ta’ koeżjoni aktar rappreżentattiv li, minbarra l-PGD, jkun jinkludi wkoll parametri bħal-livell ta’ impjiegi u ta’ qgħad, il-firxa tal-protezzjoni soċjali, il-livell ta’ aċċess għal servizzi ta’ interess ġenerali, eċċ (23). Dawn l-indikaturi għandhom ikunu kkompletati wkoll b’indikaturi dwar l-inugwaljanza fid-dħul (il-koeffiċjent ta’ Gini jew l-inter-quintile ratio) u fl-emissjonijiet tas-CO2 (għal kull abitant jew bidla mill-1990 lil hawn). B’mod ġenerali, jeħtieġ li jissaħħu l-għodod Ewropej għall-istatistika, speċjalment fil-livell tan-NUTS, u li jitrawmu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-Eurostat u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika sabiex ikollna aċċess għal dejta kemm jista’ jkun sħiħa u eżatta mill-aktar fis possibbli (24)  (25).

    Brussell, 16 ta’ Lulju 2009

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Hemm madwar 5 000 belt żgħira u kważi 1 000 belt kbira mifruxa madwar l-Ewropa, li jaġixxu bħala punti fokali għall-attività ekonomika, soċjali u kulturali. Dan ix-xibka urbana relattivament densa fiha ftit bliet kbar ħafna. Fl-UE 7 % biss tan-nies jgħixu fi bliet ta’ aktar minn 5 miljun ruħ meta mqabbel mal-25 % tal-Istati Uniti, u 5 bliet biss tal-UE huma fost l-akbar 100 fid-dinja. Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali COM(2008) 616 finali

    (2)  Grupp ta’ muniċipalitajiet f’żona ta’ inqas minn 100 kilometru kwadru, li ma jilħqux id-densità mitluba iżda li jinsabu kompletament ġo żona b’densità għolja jew intermedja, għandhom jitqiesu bħala parti minn dik iż-żona. Jekk il-grupp ikun imdawwar b’taħlita ta’ żoni b’densità għolja u intermedja, jitqies bħala intermedju.

    (3)  Regions: Statistical Yearbook 2006 (informazzjoni tal-2000-2004 – paġna 162) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  Fil-perijodu ta’ bejn l-1995-2004, it-tkabbir tal-PGD kien ogħla mill-medja f’43 % taż-żoni b’maġġoranza rurali, b’kuntrast ma’ 36 % fir-reġjuni urbani u 39 % fir-reġjuni intermedji.

    (5)  Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, COM (2007) 273 finali.

    (6)  “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid”, COM(2007) 725 finali

    (7)  Il-KESE ppropona fond demografiku biex jindirizza dawn il-problemi kollha.

    (8)  “Delivering quality education to rural regions” ta’ Elena Saraceno. Innovative Service Delivery: Meeting the Challenges of Rural Regions. Cologne, it-3-4 ta’ April 2008.

    (9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ‛Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb’, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 1.

    (10)  Dawn il-35 reġjun jgħoddu għal 46 % tat-total tan-nefqa għall-R&D fl-UE tas-27 – dan huwa d-doppju tal-proporzjon tagħhom tal-PGD. Fl-ogħla livell, in-nefqa għall-R&D hija ta’ 7 % tal-PGD f’Braunschweig (il-Ġermanja), filwaqt li taqbeż l-4 % fi 12-il reġjun ieħor. – Ir-raba’ rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni COM(2006) 281 finali.

    (11)  Aċċess għall-internet broadband: Kanal tal-komunikazzjoni b’kapaċità qawwija li bih tkun tista’ taċċessa l-informazzjoni u s-sistemi tat-tagħlim elettroniku faċilment u malajr (sors – http://www.elearningeuropa.info/).

    (12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” COM(2009) 103 final. Id-disponibbiltà għadha baxxa fis-Slovakkja (39 %), il-Polonja (43 %), il-Greċja (50 %) u l-Latvja (65 %) kif ukoll fil-Bulgarija u r-Rumanija.

    (13)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “The contribution of IT-supported lifelong learning to European competitiveness, industrial change and social capital development”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti)

    (14)  Aktar minn 50 % tal-konsum tal-karburant iseħħ minħabba l-konġestjoni tat-traffiku jew sewqan ħażin. L-ispiża ambjentali totali (it-tniġġis tal-arja, il-ħsejjes, it-tisħin globali) tas-settur tat-trasport hija stmata li tlaħħaq il-1,1 % tal-PGD. (ara r-‛Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea’, COM(2006) 314 finali, it-22 ta’ Ġunju 2006).

    (15)  Y. Zenou, Les inégalités dans la ville in ‛Villes et économie, La documentation française’, 2004.

    (16)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Urban Sprawl in Europe: the ignored challenge (it-tifrix tal-bliet fl-Ewropa: l-isfida injorata), 2006.

    (17)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Tourism and culture: two factors for growth”, ĠU C 110, 9.5.2006, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

    (18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

    (19)  Pereżempju, il-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ, tista’ tipprovdi sors importanti ta’ dħul f’żoni rurali.

    (20)  F’Jannar 2009, id-DĠ Regio organizza seminar dwar dan is-suġġett, li enfasizza eżempji ta’ rabtiet urbani-rurali i kienu ta’ suċċess, fosthom il-programm Skane-Blekinge tal-Iżvezja. Ara d-dokument tal-Inforegio “Urban-Rural linkages fostering sustainable development in Europe

    (21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” (ICT) COM(2009) 103 final.

    (22)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħtieġa ta’ azzjoni konġunta fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 37.

    (23)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”, ĠU C 100, 30 ta’ April 2009, p. 53.

    (24)  Fl-okkażjoni tat-tnedija mill-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona f’Marzu 2005, il-Kunsill Ewropew sostna li din l-istrateġija għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest usa’ tal-iżvilupp sostenibbli fejn jeħtieġ li nsibu tweġibiet għall-bżonnijiet ta’ llum mingħajr ma’ niċħdu lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada l-possibbiltà li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Il-Kunsill Ewropew stqarr mill-ġdid l-għożża tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli bħala prinċipju ewlieni li jmexxi l-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni. Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2005.

    (25)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73.


    Top