Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1204

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 317, 23.12.2009, p. 29–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 317/29


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi

    (2009/C 317/05)

    Relatur: is-Sur ZÖHRER

    Korelatur: is-Sur LEIRIÃO

    Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi.

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-korapporteur kien is-Sur Leirião.

    Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur, 4 voti kontra u 9 astensjonijiet.

    1.   Sommarju, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.   L-industrija tal-karozzi hija waħda mill-industriji prinċipali tal-UE. Hija mutur ewlieni tat-tkabbir, l-impjiegi, l-esportazzjoni u l-innovazzjoni. Is-settur tal-partijiet u s-servizzi li jagħmlu parti mis-settur downstream tagħha huma importanti wkoll. L-atturi tas-swieq downstream huma l-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri tagħhom u l-operaturi indipendenti jew awtorizzati fil-qasam tas-servizzi, il-partijiet, l-aċċessorji u fl-oqsma tal-manifattura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. Dan kollu jifforma netwerk ta’ 834 700 kumpanija (l-iktar SMEs) li b’kollox jaqilgħu EUR 1 107 biljun u jimpjegaw madwar 4,6 miljun ħaddiem.

    1.2.   Kemm il-produtturi kif ukoll in-negozjanti tal-karozzi qegħdin jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar li qiegħda dejjem tnaqqas il-qligħ. B’hekk is-swieq downstream qed isiru iktar importanti u l-produtturi tal-karozzi qed jaqdu rwol iktar dominanti mill-operaturi indipendenti.

    1.3.   Is-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-karozzi kien fost l-ewwel setturi li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi fis-swieq finanzjarji matul it-tieni nofs tal-2008 u ġarrab tnaqqis kbir fil-bejgħ. Dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni li għandu konsegwenzi koroh fuq il-kumpaniji kif ukoll l-impjegati tagħhom. Il-kriżi laqtet ukoll il-kumpaniji tas-swieq downstream. Dawn is-swieq qed isibuha iktar diffiċli li jiksbu l-fondi, fattur li qiegħed jhedded l-eżistenza tagħhom. Il-Kumitat jilob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex fil-miżuri kollha li jkunu ser jieħdu jqisu l-atturi tas-swieq downstream bl-istess mod kif iqisu atturi oħrajn.

    Irrispettivament mis-sitwazzjoni attwali, fis-settur tal-karozzi jeżistu tendenzi fuq perijodu medju u iktar fit-tul li ser iwasslu għal ristrutturar konsiderevoli fis-suq downstream ukoll. Fi ftit snin l-istrutturi ta’ dan is-settur ser jiġġeddu kompletament. Minn naħa mistennija bidla fis-sehem tas-suq favur l-operaturi indipendenti u min-naħa l-oħra bosta kumpaniji, b’mod partikolari l-kumpaniji żgħar u l-mikrokumpaniji, ser jirnexxilhom jibqgħu fis-suq jekk jiżviluppaw kunċetti ġodda u jibqgħu jinvestu.

    1.4.1.   Fil-fehma tal-KESE, ir-ristrutturar fis-settur downstream ser iwassal għal bosta sħubijiet (anki ma’ atturi tas-soċjetà ċivili) u forom ġodda ta’ relazzjonijiet mal-konsumatur. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib li għandu s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi ma’ setturi oħra, u tad-diversifikazzjoni tal-industrija tal-provvista u n-negozju tal-karozzi, kull forma ta' ristrutturar li għandha konsegwenzi negattivi fuq l-SMEs ser tolqot ukoll lil mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tosserva l-proċessi ta’ ristrutturar fis-swieq downstream mill-qrib u fejn hemm bżonn tieħu azzjoni saiex tipproteġi l-kompetizzjoni.

    1.4.2.   Il-Kumitat iħeġġeġ li, b’konformità mal-Istrateġija ta’ Liżbona, għandu jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli, li abbażi tar-riżultati tal-proġett CARS 21, ifassal il-perspettivi għal wara l-kriżi u jidentifika l-oqsma li jirrikjedu azzjoni. B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi fl-industrija kollha tal-karozzi għandhom jitqiesu wkoll dawn il-prijoritajiet:

    l-iżvilupp kontinwu tal-qafas legali/l-aċċess għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta;

    l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona;

    iż-żieda fil-bżonn tal-kwalifiki;

    l-innovazzjoni;

    il-kwistjonijiet relatati mal-konsumatur;

    il-politika tal-kummerċ;

    l-aspetti soċjali.

    1.5.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali attwali, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tipproteġi kompetizzjoni ħielsa u ġusta billi:

    matul il-kriżi diffiċli tevita bidliet kbar;

    id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal konċentrazzjoni kbira fuq in-negozju jitfasslu b’mod bilanċjat;

    li jitfassal il-qafas xieraq għas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u s-semplifikazzjoni tar-regoli;

    li jiġu antiċipati l-għanijiet ta’ mġiba li ma tiffavorixxix il-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn ristrutturar ġdid fis-suq;

    li jiġi appoġġjat il-prinċipju stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għall-iżvilupp tal-SMEs, l-innovazzjoni u l-ħarsien tal-impjiegi.

    1.6.   Sabiex jiġu żgurati kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjiegi, tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema u s-settur isir aktar attraenti, huwa importanti li s-settur u l-kumpaniji jindirizzaw l-isfidi soċjali. Fuq kollox jeħtieġ li jitqiesu wkoll il-bidla demografika, l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja u ta’ mudelli ta’ tagħlim kontinwu u rekwiżiti ġodda tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk il-Kumitat jitlob lill-atturi u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu jinsistu fuq id-djalogu soċjali (fis-settur, fil-livell nazzjonali u fil-kumpaniji).

    2.   L-isfond

    2.1.   L-industrija tal-karozzi hija waħda mill-iktar industriji importanti tal-UE. F’Novembru 2007, is-CCMI fasslet rapport ta’ informazzjoni intitolat “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi”. Dan ir-rapport iffoka fuq l-oqsma ċentrali tas-settur, jiġifieri fuq il-produzzjoni tal-vetturi u l-partijiet (skont NACE 29, in-nomenklatura tal-oqsma tan-negozju). Madanakollu, hekk kif stqarr id-dokument, ħafna mill-partijiet li jintużaw fl-industrija tal-karozzi u lista sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi relatati mhumiex imniżżla taħt in-NACE 29.

    2.2.   L-attivitajiet ekonomiċi relatati mas-swieq tal-partijiet tal-industrija tal-karozzi u s-swieq downstream jirrappreżentaw attivitajiet differenti, u xi wħud minn dawn l-attivitajiet jiddependu mill-industrija, (il-produzzjoni ta’ tagħmir tal-elettriku għall-magni u l-vetturi, il-produzzjoni taż-żebgħa għall-karozzi, il-produzzjoni tat-tyres, ta’ prodotti sintetiċi u tat-tessuti, ta’ sistemi tal-arja kkundizzjonata, ta’ batteriji u ta’ strumenti tal-kejl għall-karozzi). U oħrajn jiddependu mis-settur tas-servizzi, bħas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija tal-vetturi bil-mutur.

    L-atturi tas-swieq downstream fl-Ewropa huma l-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri, tagħhom u l-operaturi indipendenti fil-qasam tas-servizzi, il-partijiet, l-aċċessorji u fl-oqsma tal-manifattura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. Dawn l-attivitajiet ekonomiċi jaqdu rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea għax jolqtu lil bosta setturi oħra (kumpaniji kbar u SMEs) u jaqdu rwol ċentrali wkoll fil-politika tal-impjieg.

    2.3.1.   Is-swieq downstream jistgħu jinqasmu fi tlieta:

    I.   Id-distribuzzjoni, is-servizz, it-tiswija u l-manutenzjoni

    Din il-kategorija tinkludi l-istrutturi tal-produttur stess (il-bejgħ u s-servizz), l-imsieħba kuntrattwali li jiddependu direttament mill-produttur (importaturi ġenerali, workshops awtorizzati tat-tiswija, eċċ.) u workshops indipendenti. Jeżistu workshops ġenerali u dawk li jispeċjalizzaw f’qasam partikolari. Il-wokshops li jispeċjalizzaw f’qasam partikolari jkunu wkoll il-provvedituri tal-industrija tal-karozzi.

    II.   Spare parts

    Il-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri jew id-dealers jieħdu ħsieb il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts. Qiegħed ikompli jiżdied l-ammont ta’ spare parts li ma jagħmlux parti mill-forma orġinali tal-karozza iżda huma spare parts addizzjonali. Jeżistu wkoll bosta spare parts ġenerali li ma jkunux marbuta ma’ marka partikolari (tyres, rimmijiet tat-tyres, batteriji, spark plugs, filters, lampi, eċċ.).

    III.   Aċċessorji u tuning

    Dawn jinkludu bejn wieħed u ieħor il-partijiet jew il-komponenti kollha li jagħtu xeħta individwali lid-disinn u jintużaw biex iżidu l-kumdità jew is-sigurtà tal-karozza. Dan il-qasam ikopri diversi affarijiet, minn komponenti elettroniċi jew idrawliċi kumplessi (bħal pereżempju sistemi ta’ navigazzjoni bil-GPS jew chassis) sa oġġetti tal-plastik (pereżempju tagħmir fejn wieħed jista’ jpoġġi t-tazza).

    2.3.2.   L-importanza tal-iscrapping u r-riċiklaġġ qed tiżdied f’dan is-suq. Minn naħa il-partijiet li jintremew jerġgħu jinħadmu u jinbiegħu u min-naħa l-oħra jintużaw ukoll bħala sors ta’ materja prima, pereżempju l-azzar, l-aluminju u l-plastik.

    2.3.3.   Hemm ukoll lista’ sħiħa ta’ parteċipanti fis-suq tas-settur tas-servizzi bħall-istazzjonijiet tal-petrol, is-servizzi ta’ għajnuna f’każ ta’ emerġenza u l-ispetturi tekniċi/l-aġenziji tal-ispezzjoni u dawk li jsewwu l-body tal-karozza.

    Ma jeżistux biżżejjed statistiki fil-qasam. Fl-oqsma tal-produzzjoni industrijali jew tas-servizzi, id-data speċifika teżisti biss fi ftit każijiet eċċezzjonali u, ġeneralment dawn ikunu oqsma tal-produzzjoni u s-servizzi li jagħmlu parti minn setturi tal-industrija u tas-servizzi differenti.

    2.4.1.   Is-suq downstream tal-industrija tal-karozzi jikkonsisti minn madwar 834 700 kumpanija u l-biċċa l-kbira tagħhom huma SMEs. L-istrutturi jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. F’xi pajjiżi, b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, jiddominaw il-kumpaniji ż-żgħar u l-mikrokumpaniji (ħafna drabi negozji tal-familja) filwaqt li f’pajjiżi oħra s-settur huwa ddominat ħafna iktar minn strutturi kbar, bħal pereżempju fil-Ġermanja u Franza. Is-settur jagħmel qligħ ta’ EUR 1 107 biljun fis-sena u jimpjega madwar 4,6 miljun ħaddiem fl-Unjoni Ewropea (1).

    3.   Sfond ekonomiku u tendenzi internazzjonali

    Is-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-karozzi kien fost l-ewwel setturi li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi fis-swieq finanzjarji matul it-tieni nofs tal-2008 u ġarrab tnaqqis kbir fil-bejgħ. Il-problemi fis-suq finanzjarju laqtu lis-settur b’żewġ modi partikolari. L-ikbar investiment ta’ familja, wara d-dar, huwa l-karozza. Matul perijodi ekonomiċi diffiċli, investimenti bħal dawn jiġu evitati u dan wassal għal tnaqqis kbir li ma kienx mistenni fis-suq tal-bejgħ tal-karozzi. Barra minn dan, l-aċċess għas-self sar aktar diffiċli u l-SMEs, b’mod partikolari, qed jiffaċċjaw diversi problemi sabiex jiffanzjaw l-attivitajiet tagħhom. Dan qed jolqot lill-investimenti tal-kumpaniji u b’riżultat ta’ dan ser jonqos ukoll l-ammont ta’ karozzi tal-kumpaniji li jinbiegħu (2)  (3).

    3.1.1.   Fl-2008, fl-Ewropa, l-ammont ta’ karozzi privati ġodda li ġew reġistrati naqas b’7.8 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Matul l-aħħar tliet xhur tas-sena d-differenza laħqet id-19,3 %. Il-bejgħ tal-vetturi għall-użu ħafif naqas b’iktar minn 10 % u tal-vetturi għall-merkanzija tqila b’4 %. Din kienet it-tendenza tal-bidu tal-2009 ukoll, minkejja li l-miżuri differenti li ħadu l-Istati Membri (pereżempju premiums ambjentali u għall-iscrapping) ftit li xejn ħallew effett fuq il-bejgħ. Fil-qasam tal-vetturi kummerċjali s-sitwazzjoni mistennija tkompli tiggrava. Is-settur tal-vetturi kummerċjali tqal fl-Ewropa ilu f’kundizzjoni diżastruża sa mill-2009. Ir-reġistrazzjonijiet fis-settur naqsu b’38.9 % matul l-ewwel kwart tas-sena.

    3.1.2.   It-tnaqqis fil-produzzjoni għandu konsegwenzi koroh fuq il-kumpaniji kif ukoll l-impjegati tagħhom. Waħda mill-konsegwenzi prinċipali hija l-għoti tas-sensji (li tolqot l-ewwel u qabel kollox lill-ħaddiema temporanji) u tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jew miżuri simili li jwasslu għal tnaqqis fil-pagi.

    Indipendentement mill-iżvilupp attwali, fir-rapport tagħha ta’ Novembru 2007, is-CCMI studjat l-iktar tendenzi importanti tal-industrija tal-karozzi (4). Il-kriżi attwali ser tħaffef dawn l-iżviluppi u ser twassal għal bidla strutturali kbira fl-industrija. It-tendenzi għandhom impatt dirett fuq l-iżviluppi u l-bidliet fis-suq downstream. L-aktar tendenzi importanti għall-provvedituri u għas-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi huma miġbura fil-paragrafi li ġejjin.

    3.2.1.   L-aktar riżultati importanti:

    L-istudji tat-tendenzi u t-tbassir attwali juru li l-industrija tal-karozzi fil-perijodu medju ser tkun settur li jara tkabbir iżda li ser ikompli jiġi kkaratterizzat minn ristrutturar kbir.

    Iż-żieda fil-valur miżjud u l-impjiegi tiddependi prinċipalment mis-settur tal-produzzjoni tal-partijiet u minn outsourcing kontinwu.

    Mistenni iktar outsourcing speċjalment minn kumpaniji (Amerikani) li jipproduċu ammonti kbar ta’ karozzi; il-produtturi Ewropej (b’mod partikolari Ġermaniżi) ta’ karozzi ta’ kwalità superjuri ser jintlaqtu ħafna inqas minn dan il-fenomenu.

    Fuq skala internazzjonali, it-tkabbir fil-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur ser ikun ikkonċentrat fl-istati BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), b’mod partikolari fiċ-Ċina u l-Indja kif ukoll fl-Ewropa.

    Minkejja t-tendenzi ġenerali ta’ tkabbir, ser ikun hemm ukoll bidliet reġjonali oħra li mhumiex ikkonċentrati biss f’ċentri tat-tkabbir ekonomiku:

    il-possibbiltà li xi produtturi finali individwali ser ikollhom jiffaċċjaw kriżi li ser thedded l-eżistenza tagħhom;

    il-possibbiltà li l-Istati Uniti jgħaddu minn żvilupp intern simili għal dak li għadda minnu r-Renju Unit fis-snin disgħin ma tistax tiġi eliminata (ristrutturar komprensiv u rilokazzjoni reġjonali);

    ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi tal-vetturi u l-produtturi tal-komponenti ser ikomplu jinbidlu b’riżultat tal-proċess tal-outsourcing;

    probabbilment ser ikun hemm konċentrazzjoni akbar fl-industrija tal-produzzjoni tal-komponenti;

    b’riżultat tal-iżviluppi teknoloġiċi (bħal pereżempju fl-oqsma tat-teknoloġija tal-karozzi u tal-magni) huwa mistenni li jkun hemm ristrutturar fis-settur tal-produzzjoni tal-komponenti.

    Il-livell li bih ser jintlaqtu l-produtturi individwali tal-partijiet minn dan il-proċess ta’ ristrutturar jiddependi minn dawn id-diversi fatturi:

    il-firxa ta’ prodotti li joffru l-kumpaniji u jekk humiex l-uniċi produtturi tal-prodotti offruti;

    l-attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp u l-ispejjeż tagħhom;

    ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi tal-vetturi u l-produtturi tal-komponenti;

    l-effiċjenzja fl-organizzazzjoni tal-produzzjoni;

    il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-kumpaniji kkonċernati f’netwerks ta’ valur miżjud u l-ħolqien ta’ relazzjonijiet bejn il-clusters;

    l-istruttura tal-kumpaniji u r-relazzjonijiet ta’ proprjetà;

    ir-riżorsi kapitali u l-cash flow disponibbli;

    il-preżenza tal-livell reġjonali.

    L-iżvilupp tal-istruttura reġjonali tal-industrija Ewropea tal-karozzi ser ikompli jkun karatterizzat minn ċaqliq mill-Punent għal-Lvant.

    Probabbilment fl-industrija tal-karozzi, it-tkabbir sfurzat fil-produttività ser ikun ogħla miż-żieda prevista fil-produzzjoni. Dan ser jirriżulta fi pressjoni fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (b’mod speċjali fis-settur tal-partijiet).

    Fl-industrija tal-karozzi dinjija u Ewropea teżisti kapaċità żejda fil-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri. Iż-żieda ta’ aktar kapaċità ser ikompli joħloq pressjoni fuq din il-kapaċità żejda.

    Is-suq huwa kkaratterizzat mix-xewqat varjati u kumplessi tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-iżviluppi demografiċi kif ukoll l-iżviluppi fil-pagi u fil-prezzijiet tal-bejgħ jaqdu rwol importanti wkoll.

    Il-problemi klimatiċi, l-iskarsezza tal-materja prima u s-sigurtà huma sfidi esterni enormi. Sfidi bħal dawn joħolqu pressjoni fuq il-ħtieġa ta’ żvilupp ikbar fl-oqsma tat-teknoloġija tal-propulsjoni (u l-prevenzjoni tal-egżost u l-użu ta’ karburanti alternattivi), tat-teknoloġija tal-materjali u tas-sistemi intermodulari integrati tat-trasport. Fil-futur qrib dan il-fattur ser ikollu l-ikbar effett fuq is-settur, u għalhekk jeħtieġ li jiġi definit ir-rwol futur tat-trasport bit-triq u tal-vetturi fil-qafas ta’ sistema bħal din.

    3.3.   Kemm il-produtturi kif ukoll in-negozjanti tal-karozzi qegħdin jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar li qiegħda dejjem tnaqqas il-qligħ. In-negozjanti qed jintlaqtu l-iktar għaliex il-marġni tal-profitt qed jitilgħu għal madwar 0,3 %. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, l-atturi qed jikkonċentraw iktar fuq il-bejgħ fis-swieq downstream (servizz, manutenzjoni, spare parts). Il-produtturi tal-vetturi jinsabu f’pożizzjoni dominanti meta mqabbla mal-operaturi indipendenti.

    4.   Il-qafas regolatorju tal-UE

    4.1.   Is-swieq downstream, għall-kuntrarju tas-suq primarju, jiffaċċjaw diversi problemi fil-qasam tal-kompetizzjoni. In-negozjanti awtorizzati għandhom sehem kbir fis-suq downstream (madwar 50 %) u l-produtturi tal-vetturi għandhom sehem kbir fis-suq tal-partijiet. Xi spare parts oriġinali jistgħu jinkisbu biss mill-produtturi tal-karozzi. L-aċċess tal-workshops indipendenti għall-informazzjoni teknika kellha tiġi infurzata mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni kompetittiva differenti minn dik tas-suq primarju tirrifletti ruħha wkoll fil-fatt li l-produtturi tal-karozzi normalment jaraw aktar qligħ mill-bejgħ tal-ispare parts u l-biċċa l-kbira tal-qligħ tan-negozjanti awtorizzati ġej mit-tiswija u l-manutenzjoni iktar milli mill-bejgħ ta’ karozzi ġodda.

    4.2.   Sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur u tiżgura kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fis-settur tal-ispare parts u tat-tiswija, fl-2003, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 dwar l-eżenzjoni sħiħa għall-vetturi bil-mutur li stabbilixxa r-regoli għall-atturi li jipparteċipaw fis-suq u li għandu jibqa’ japplika/validu sal-2010.

    Ir-Regolament għall-eżenzjoni ġenerali (REĠ) jiddefinixxi l-ftehimiet vertikali li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-kompetizzjoni inġusta ta’ Artikolu 81 tat-Trattat tal-UE. Dawn ir-regoli huma punt ta’ referenza importanti għall-atturi tas-suq. Jekk il-ftehimiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-REĠ, huma jikkonformaw ukoll mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

    4.3.   Ir-Regolament dwar l-eżenzjoni sħiħa għall-vetturi bil-mutur (RESVM), li huwa bbażat fuq settur speċifiku, huwa iktar dettaljat mir-REĠ u l-kumplessità tiegħu toħloq problemi ta’ interpretazzjoni għall-atturi tas-suq, b’mod partikolari l-SMEs. Il-Kummissjoni għarfet din is-sitwazzjoni minħabba n-numru ta’ lmenti u talbiet li rċeviet mill-atturi tas-suq li ma kinux relatati ma’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Fis-swieq downstream, ir-RESVM joħloq approċċ iktar ġeneruż għax f’ċerti kundizzjonijiet il-ftehimiet ikopru sa 100 % tas-sehem fis-suq (ir-REĠ ikopri sa 30 % tas-sehem fis-suq), iżda permezz ta’ regoli speċifiċi dan l-approċċ ġeneruż huwa parzjalment limitat.

    Għalhekk fis-settur tal-karozzi, ir-RESVM huwa pjuttost kontroversjali għax in-negozjanti awtorizzati jixtiequ li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, il-produtturi tal-karozzi jixtiequ regoli aktar sempliċi u inqas restrittivi u s-settur indipendenti (il-workshops indipendenti u l-produtturi tal-ispare parts) jixtiequ iktar armonizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni attwali.

    4.4.   Armonizzazzjoni aħjar tal-qafas leġiżlattiv attwali tiġbor fiha:

    ir-Regolament għall-eżenzjoni ġenerali;

    l-għoti u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika dwar il-mudelli l-ġodda u strumenti ġodda għall-atturi kollha;

    ir-reviżjoni tad-Direttiva 96/96/KE dwar l-ispezzjoni teknika tal-vetturi;

    id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji (disinn u l-protezzjoni tal-privattivi);

    dispożizzjonijiet dwar il-garanzija;

    taħriġ.

    4.5.   L-atturi kollha li għandhom sehem mis-suq jixtiequ sigurtà legali u jixtiequ jkunu jafu x’ser isir wara l-2010. In-nuqqas ta’ ċertezza dwar minn xiex ser ikun jikkonsisti r-REĠ fil-futur hija sors ta’ tħassib kbir, b’mod partikolari għall-SMEs, dwar it-tul tal-kuntratti u l-investimenti meħtieġa sabiex l-atturi kollha jirċievu l-aktar teknoloġiji moderni u jkollhom aċċess għall-ispare parts, it-teknoloġiji tal-informazzjoni, strumenti u tagħmir ġodda, u taħriġ.

    4.6.   Permezz tar-Regolament 715/2007/KE (Euro 5), li daħal fis-seħħ f’Jannar 2009, il-Kummissjoni saħħet il-qafas legali billi rregolat l-aċċess għal kull informazzjoni teknika għall-vetturi li jkunu għadhom kemm kisbu l-approvazzjoni uffiċjali.

    4.7.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali attwali, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tipproteġi kompetizzjoni ħielsa u ġusta billi:

    matul il-kriżi diffiċli tevita bidliet kbar;

    id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal konċentrazzjoni kbira fuq in-negozju jitfasslu b’mod bilanċjat;

    li jitfassal il-qafas xieraq għas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u s-semplifikazzjoni tar-regoli;

    li jiġu antiċipati l-għanijiet ta’ mġiba li ma tiffavorixxix il-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn ristrutturar ġdid fis-suq;

    li jiġi appoġġjat il-prinċipju stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għall-iżvilupp tal-SMEs, l-innovazzjoni u l-ħarsien tal-impjiegi.

    5.   Is-sitwazzjoni attwali fis-suq downstream tal-industrija Ewropea tal-karozzi

    B’riżultat ta’ miżuri regolatorji ġodda u iktar attivi, is-suq downstream tal-UE għaddej minn bidla strutturali kbira. Il-bidla teknoloġika u l-proċessi ġodda qed jikkontribwixxu f’dan fit-tfassil mill-ġdid tal-mudell kummerċjali ta’ suċċess fis-suq downstream li jolqot lill-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u d-distribuzzjoni.

    5.1.   Il-manutenzjoni u t-tiswija

    L-innovazzjonijiet tekniċi wasslu għal kontroll aħjar tal-emissjonijiet u iktar sigurtà u kumdità, però għamlu l-proċess tal-manutenzjoni u t-tiswija iktar diffiċli. Dan is-suq huwa kompetittiv ħafna u ddominat mill-SMEs li jipproduċu partijiet kompetittivi u servizzi ta’ kwalità għolja li jagħtu kontribut sinifikanti għall-impjieg u t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea.

    5.1.1.   Il-produtturi ta’ għodda għal marki differenti (multi-brand tools) jirrikjedu informazzjoni speċifika (pereżempju informazzjoni dijanjostika speċifika għall-produzzjoni ta’ għodda dijanjostika speċifika li tiżgura tħaddim wiesgħa tal-prodott). Mingħajr l-apparat u l-għodda adattati għal marki differenti, l-intrapriżi ż-żgħar ikollhom jixtru għodda għal kull għamla ta’ vettura differenti li tista’ tidħlilhom għat-tiswija. Għalhekk għandhom isiru dawn l-investimenti li ser iżidu l-qligħ tal-SMEs. Sabiex jibqgħu aġġornati man-numru dejjem jiżdied ta’ sistemi elettorniċi li jinbnew fil-karozzi, il-produtturi tal-għodda jeħtieġu informazzjoni u data serja dwar il-prodott mingħand il-produtturi tal-karozza. Mingħajr din l-informazzjoni il-produtturi tal-għodda dijanjostika ma jistgħux jipproduċu s-software li jużaw l-operaturi indipendenti.

    5.2.   Spare parts

    Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts oriġinali speċifiċi għal marka partikolari ta’ karozza ssir mill-OEM jew mill-provvedituri kuntrattwali tagħha. Ammont sostanzjali ta’ spare parts, bħal tyres, roti, batteriji u filters, ma jkunu marbuta mal-ebda marka partikolari.

    Il-kompetizzjoni bejn il-produtturi tat-tyres, batteriji u roti qed tikber u fil-passat il-qasam għadda minn ristrutturar kbir. Dawn is-sottosetturi jirrikjedu analiżi addizzjonali.

    5.2.1.   Repliki u kopji tal-ispare parts

    L-operaturi indipendenti qed isiru dejjem iktar importanti fis-suq tal-parijiet. Ħafna drabi r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz tal-ispare parts li jbigħu tkun aħjar għall-konsumatur (pereżempju, fil-każ ta’ vetturi antiki l-ammont ta’ ħajja li jkun fadallu l-prodott huwa iktar importanti minn prezz irħis). F’dawn il-każijiet, li jgħodd mhux kemm il-parti tixbah lill-parti oriġinali iżda kemm taħdem tajjeb.

    Madanakollu s-suq joffri wkoll kopji illegali u repliki ta’ kwalità medjokri. Din hija forma ta’ frodi kontra l-konsumatur li tista’ tiġi indirizzata permezz tal-protezzjoni tal-privattivi u tal-proprjetà intelletwali, u permezz tal-politika tal-kummerċ.

    5.2.2.   Is-settur tat-tuning tal-karozzi

    Is-settur tat-tuning tal-karozzi huwa qasam tal-industrija tal-karozzi li qed jikber b’rata mgħaġġla.

    It-tuning tal-karozzi jfisser li karozza tiġi mmodifikata biex jittejbu l-prestazzjoni, l-apparenza viżwali u s-sigurtà tagħha. It-tuning jista’ jsir fuq kull parti tal-karozza, bħar-roti, it-tyres, is-suspensions, il-mutur, il-parti interna, il-body, is-sistema tal-egżost eċċ.

    Jeżistu kumpaniji ddedikati għat-tuning li jbigħu l-prodotti tagħhom fuq livell internazzjonali. Huma jużaw kunċetti u materjali innovattivi u jiżviluppaw tendenzi tekniċi ġodda li xi drabi jibdew jintużaw mill-produtturi tal-karozzi fil-produzzjoni tal-massa tal-karozzi.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji u tippubblika liġi speċifika sabiex tirregola s-settur tat-tuning tal-karozzi.

    5.3.   Is-sigurtà u l-użu sostenibbli għall-ambjent

    Sabiex wieħed jiżgura li l-karozzi jikkonformaw mal-istandards tal-emissjonijiet u tas-sigurtà tal-UE, mhux biss huma u ħerġin mill-fabbriki iżda matul ħajjithom kollha, hemm bżonn ta’ spezzjoni, manutenzjoni u tiswija regolari. Il-workshops indipendenti u dawk awtorizzati jaqdu rwol importanti fejn jidħlu mudelli ġodda u antiki għax jiżguraw li l-karozza tibqa’ sigura u tikkonforma mar-regoli ambjentali. Dan il-livell ta’ servizz jista’ jingħata biss jekk il-produtturi tal-karozzi jiżguraw aċċess għall-informazzjoni tat-teknoloġija, strumenti li jistgħu jintużaw għal karozzi ta’ marki differenti u tagħmir, spare parts u taħriġ.

    6.   Ristrutturar kbir fis-suq downstream

    6.1.   L-industrija tal-karozzi u s-settur tal-kummerċ u tas-servizzi ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-problema prinċipali li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji (u b’mod partikolar l-SMEs) hija l-aċċess għas-self u t-tnaqqis kbir fid-domanda għal karozzi ġodda. Min-naħa l-oħra s-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi nlaqtu minn ħafna fatturi oħra, fosthom:

    iż-żieda fl-età medja ta’ karozza u t-tnaqqis fil-mili li karozza tagħmel fis-sena;

    it-tnaqqis fit-tiswija għax il-partijiet għandhom ħajja itwal u t-tnaqqis fil-manutenzjoni;

    iż-żieda fl-ispejjeż tat-tiswija minħabba li żdied l-użu ta’ partijiet b’teknoloġija sofistikata fil-karozzi;

    il-pressjoni fuq il-prezz tat-tiswija minħabba qligħ inqas fil-familji u sensittività ogħla tal-konsumaturi fir-rigward tal-prezzijiet;

    iż-żieda fl-użu tal-elettronika fil-karozzi moderni; iż-iż-żieda fl-użu ta’ apparat iktar ikkumplikat;

    iż-żieda fin-numru ta’ spare parts, żieda kbira fl-ammont ta’ mudelli u tagħmir;

    il-kumplessità tat-tiswija, il-manutenzjoni, l-għażla tal-partijiet li għandhom jintużaw u d-disinn tal-istrumenti;

    l-investimenti kbar f’sistemi teknoloġiċi, strumenti, partijiet u taħriġ;

    il-politika tal-produtturi tal-karozzi li jorbtu lill-konsumatur b’kuntratti ta’ manutenzjoni.

    6.2.   B’riżultat ta’ dawn il-fatturi qed iseħħu bidliet fundamentali li qed iwasslu għal ristrutturar fuq diversi livelli:

    It-tendenza ta’ konċentrazzjoni fis-suq b’riżultat tal-mergers u l-akkwisti ser tkompli tiżdied u l-kriżi ser tkompli żżid il-proċess.

    In-numru ta’ workshops tat-tiswija indipendenti u negozjanti tal-partijiet ser jonqos.

    It-tendenza li l-workshops tat-tiswija ta’ daqs żgħir jew medju u n-negozjanti tal-partijiet jingħaqdu ma’ gruppi jew katini indipendenti li joffru servizz sħiħ sabiex ikunu kapaċi jiffaċċjaw l-eżiġenzi dejjem jiżdiedu fil-qasam tagħhom.

    Żieda fil-pressjoni tal-prezzijiet tal-produtturi u d-distributuri tal-partijiet.

    B’riżultat tan-nuqqas ta’ qligħ fil-qasam tal-bejgħ tal-karozzi ġodda, il-produtturi tal-karozzi ser iżidu l-attivitajiet tagħhom fis-settur downstream.

    6.3.   Barra minn hekk, filwaqt li fis-suq downstream teżisti l-possibbiltà li jiżdiedu l-ispare parts, il-provvedituri qegħdin jintalbu joffru prodotti innovattivi li jtejbu l-prestazzjoni jew is-sigurtà tal-partijiet oriġinali tal-karozza, u jagħtu spinta lid-domanda. Id-dealers awtorizzati mill-produtturi b’hekk ibatu biex iżommu sehemhom fis-suq prinċipalment minħabba li qed jonqos l-użu tal-partijiet għall-karozzi ta’ bejn 0 – 4 snin, li huma l-ikar parti importanti tas-suq.

    6.4.   Fil-fehma tal-KESE, ir-ristrutturar fis-settur downstream ser iwassal għal bosta sħubijiet u forom ġodda ta’ relazzjonijiet mal-konsumatur. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib li għandu s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi ma’ setturi oħra u tad-diversifikazzjoni tal-industrija tal-provvista u n-negozju tal-karozzi, kull forma ta’ ristrutturar li għandha konsegwenzi negattivi fuq l-SMEs ser tolqot ukoll lil mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tosserva l-proċessi ta’ ristrutturar fis-swieq downstream mill-qrib u fejn hemm bżonn tieħu azzjoni sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni.

    7.   L-aspetti soċjali

    7.1.   It-taħriġ inizjali u kontinwu

    B’mod ġenerali, is-sistemi tat-taħriġ inizjali u kontinwu ta’ dan is-settur huma żviluppati tajjeb. Dan huwa r-riżultat tal-isforzi tal-produtturi tal-vetturi minn naħa, u tal-bidla teknoloġika mgħaġġla li titlob taħriġ kontinwu min-naħa l-oħra. Ma jeżistux setturi oħra b’ammont daqshekk għoli ta’ impjegati mħarrġa fis-sena. Jeżistu wkoll differenzi li ħafna drabi jiddependu min-natura u d-daqs tal-kumpanija. Il-kumpaniji ż-żgħar (ħafna drabi kumpaniji tal-familja) isibuha ferm diffiċli li joffru l-istess ammont ta’ taħriġ. Minħabba l-istruttura tiegħu stess, ħafna drabi t-taħriġ jiffoka wisq fuq il-post tax-xogħol speċifiku jew marka partikolari. B’hekk tonqos il-mobbiltà tal-impjegat u l-bidla fl-impjieg issir iktar diffiċli. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi favur l-iżvilupp ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni uniformi fl-Ewropa.

    7.2.   Is-saħħa u s-sigurtà

    It-toqol tax-xogħol marbut mas-settur tal-karozzi jvarja bejn is-siti tal-produzzjoni, li ħafna drabi huma awtomatizzati b’ħafna strumenti tekniċi, u s-siti tat-tiswija, fejn għadha ssir ħafna ħidma manwali. Din il-ħidma, meta ssir ripetutament, tista’ twassal b’mod pjuttost regolari għal uġigħ invalidanti jew għal problemi muskoloskeletriċi fost il-ħaddiema. Fid-dawl tal-isfidi relatati mal-bidla demografika, l-organizzazzjoni tax-xogħol ser ikollha titfassal mill-ġdid sabiex il-ħaddiema li għandhom biżżejjed kwalifiki jibqgħu b’saħħithom u jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu sakemm joħorġu bil-pensjoni. Jekk dan ma jsirx, is-settur ser ikollu jiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema esperjenzati.

    Il-pjanijiet ta’ prevenzjoni tar-riskji professjonali u l-miżuri ta’ adattament tal-postijiet tax-xogħol m’għandhomx iqisu s-sustanzi niġġiesa u tossiċi biss. Huma għandhom jipproteġu wkoll lill-ħaddiema min-natura iebsa ta’ xogħolhom.

    It-teknoloġiji l-ġodda ser iġibu magħhom perikli ġodda; b’hekk ser ikollhom jiġu indirizzati l-perikli ta’ inċidenti li jistgħu jikkawżaw sistemi ta’ vultaġġ għoli u l-isplużjonijiet tal-idroġenu. Dawn jirrikjedu miżuri ta’ preparazzjoni. Attwalment għadna ma nafux kemm ser ikollu jinbidel il-post tax-xogħol normali. Il-partijiet interessati individwali madanakollu jirrikjedu indikazzjonijiet ċari sabiex ikunu jistgħu jibdew ifasslu strateġiji adegwati. Ir-riskji professjonali fis-settur tal-karozzi huma fil-qofol ta’ djalogu li qed jinbena bejn l-imsieħba soċjali u li jirrikjedi li jittieħdu dispożizzjonijiet li jħeġġu l-miżuri ta’ prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-impjegati.

    Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-inizjattivi u tal-miżuri li ħadu kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri fil-qasam tal-iġene, tas-sikurezza, tas-saħħa u tar-riklassifikazzjoni tal-impjegati.

    7.3.   Il-bidla demografika

    It-tixjiħ tal-popolazzjoni għandu effett fuq is-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi. L-età medja tal-ħaddiema ser tiżdied u magħha ser jiżdiedu wkoll il-kwistjonijiet tas-saħħa li jolqtu dejjem iktar lill-organizzazzjoni tax-xogħol, il-bżonn tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    7.4.   Il-pagi

    Ir-rimunerazzjoni u l-pagi mhumiex kompetenza tal-UE. Is-sitwazzjoni partikolari tas-swieq donwnstream tiġġustifika ħarsa mill-qrib lejn din il-problema. Kważi f’kull pajjiż tal-UE l-pagi tas-settur jinsabu taħt pressjoni. Din il-pressjoni joħolquha l-iktar il-produtturi tal-karozzi. Bejn in-negozjanti tal-karozzi, il-workshops tat-tiswija u l-produtturi tal-karozzi, li jridu jagħtu l-konċessjoni tagħhom, teżisti relazzjoni ta’ dipendenza. Il-produtturi jiddeċiedu dwar l-investimenti u l-istandards tat-taħriġ u bil-limiti taż-żmien li jitolbu, jinfluwenzaw b’mod indirett ukoll il-prezz aħħari, filwaqt li l-piż finanzjarju u r-riskji ekonomiċi jġorruhom in-negozjanti u l-workshops. Għalhekk, il-flessibbiltà tal-imsieħba soċjali fil-qasam tan-negozjar kollettiv hija limitata u dan jirriżulta f’pagi relattivament baxxi fis-settur. Dan il-fattur u kundizzjonijiet diffiċli oħra ftit li xejn jagħmlu s-settur attraenti f’għajnejn il-ħaddiema żgħażagħ. Fil-futur ser jiżdiedu l-problemi relatati mar-reklutaġġ tal-ħaddiema.

    8.   L-opportunitajiet u l-isfidi

    8.1.   Is-settur downstream qed jiffaċċja bidliet kbar li fis-snin li ġejjin ser iħallu effetti kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-prestazzjoni ta’ dawn is-setturi tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha mir-riżultati li tikseb l-industrija tal-karozzi. Madanakollu jeżistu setturi importanti oħra fejn il-kompetizzjoni hija influwenzata minn fatturi oħra bħal: ir-regoli tad-distribuzzjoni u l-bejgħ, l-impatti ambjentali, ir-riskji tas-sigurtà (prodotti addizzjonali), il-miżuri tar-riċiklaġġ, id-dritt tal-proprjetà intellettwali (il-falsifikazzjoni tal-prodotti), eċċ. L-innovazzjoni taqdi rwol prinċipali f’dawn l-attivitajiet downstream.

    8.2.   Pereżempju ċerti fatturi jsaħħu l-kompetizzjoni fis-setturi tal-provvedituri tal-karozzi, tan-negozjanti tal-karozzi u tal-workshops tat-tiswija: regoli ġodda tad-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-karozzi ġodda (REĠ), regolament ġdid tal-UE dwar id-distribuzzjoni, il-bejgħ u t-tiswija tal-ispare parts tal-karozzi, pereżempju “il-klawżola tat-tiswija” l-ġdida li għandha tiġi introdotta fid-Direttiva dwar id-disinji (98/71/KE).

    8.3.   B’reazzjoni għall-isfidi politiċi, legali u teknoloġiċi, bosta operaturi tas-suq għal marki differenti u organizzazzjonijiet tal-industrija tal-karozzi ddeċidew li flimkien jiddefendu d-dritt tat-tiswija tagħhom u d-dritt tal-konsumaturi għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-karozzi tagħhom f’workshop li jagħżlu huma. Ir-regoli li japplikaw bħalissa fil-qasam jiskadu fl-2010 u l-kwistjoni ta’ jekk humiex ser jiġġeddu jew le hija suġġett ta’ diskussjonijiet kontroversjali (5).

    8.4.   L-SMEs huma pilastru prinċipali li fuqu jserrħu l-ekonomija u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tas-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi. Leġiżlazzjoni ċara u speċifika hija kundizzjoni importanti ħafna sabiex tkun tista’ tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq downstream tal-industrija tal-karozzi (6).

    8.5.   Fil-kriżi attwali hemm bżonn li nimplimentaw miżuri ta’ appoġġ effettivi għall-perijodu immedjat biex ngħinu lill-industrija kollha tal-karozzi u lill-ħaddiema li timpjega ħalli joħorġu minnha b’wiċċ il-ġid. Fuq perijodu medju u fit-tul, il-kumpaniji ż-żgħar u l-mikrokumpaniji ser jirnexxilhom jibqgħu fis-suq jekk jiżviluppaw kunċetti ġodda u jibqgħu jinvestu. Ħafna mill-kumpaniji ż-żgar ma jistgħux jieħdu dawn il-passi waħedhom, għalhekk ser ikollhom jidħlu f’mergers u kooperazzjonijiet kif ukoll jiffurmaw sħubijiet ġodda ma’ bosta atturi differenti tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp ta’ netwerks indipendenti ta’ speċjalizzati jew netwerks ta’ speċjalizzati fit-teknoloġiji l-ġodda (vetturi elettriċi u ibridi).

    Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Sors: FIGIEFA/WOLK & PARTNER CAR CONSULT GmBH.

    (2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13 ta’ Mejju 2009, CCMI/067. (ghadha mhux ippubblikata fil-ĠU)

    (3)  L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Karozzi stabbilixxiet tliet kategoriji fis-settur tal-vetturi kummerċjali. Il-vetturi kummerċjali ħfief – sa 3,5 tunnellata (vannijiet); il-vetturi kummerjċali itqal minn 3,5 tunnellata – esklużi l-karozzi tal-linja u l-coaches ta’ iktar minn 3,5 tunnellata (trakkijiet) u l-vetturi kummerċjali li huma itqal minn 16-il tunnellata – esklużi l-karozzi tal-linja u l-coaches (trakkijiet tqal).

    (4)  Rapport ta’ Informazzjoni tas-CCMI tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi (rapporteur: is-Sur Zöhrer, korapporteur is-Sur Glahe).

    (5)  Il-kampanja “Right to Repair” hija appoġġjata minn:

     

    AIRC – L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Tiswija tal-Karozzi

     

    CECRA – Il-Kunsill Ewropew tal-Kummerċ u t-Tiswija tal-Karozzi

     

    EGEA – L-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tagħmir tal-Garaxxijiet

     

    FIA – L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi

     

    FIGIEFA – L-Assoċċjazzjoni Internazzjonali tad-Distributuri fis-Suq tal-Partijiet tal-Karozzi.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa – COM(2008) 394 finali, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.


    Top