Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0606(02)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika

    ĠU C 128, 6.6.2009, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 128/13


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika

    2009/C 128/02

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fit-30 ta' Mejju 2008, kienet adottata l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali “Lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika” (minn hawn 'il quddiem “il-Komunikazzjoni”). Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-KEPD jippreżenta din l-opinjoni.

    2.

    Il-Komunikazzjoni timmira li tipproponi Strateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika li għandha l-intenzjoni li żżid il-kunfidenza taċ-ċittadini fil-qasam Ewropew tal-Ġustizzja. L-objettiv primarju tal-Ġustizzja Elettronika għandu jkun li jgħin biex il-ġustizzja tkun amministrata b'mod aktar effettiv mal-Ewropa kollha, għall-benefiċċju taċ-ċittadini. L-azzjoni tal-UE għandha tippermetti li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni mingħajr ma jsibu xkiel lingwistiku, kulturali u legali li jirriżulta mill-multipliċità ta' sistemi. Annessi mal-Komunikazzjoni hemm abbozz ta' pjan ta' azzjoni u skeda taż-żmien għad-diversi proġetti.

    3.

    Din l-opinjoni tal-KEPD tikkummenta dwar il-Komunikazzjoni safejn hi relatata mal-ipproċessar tad-data personali, il-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u l-moviment liberu tad-data.

    II.   SFONT U KUNTEST

    4.

    Il-Kunsill ĠAI (3) identifika diversi prijoritajiet għall-iżvilupp tal-Ġustizzja Elettronika f'Ġunju 2007:

    l-istabbiliment ta' interfaċċa Ewropea, il-portal tal-Ġustizzja Elettronika;

    il-ħolqien tal-kondizzjonijiet għall-innetwerkjar ta' diversi reġistri, bħal rekords kriminali, reġistri ta' insolvenza, reġistri kummerċjali u tan-negozju u reġistri tal-artijiet;

    il-bidu tal-preparazzjoni għall-użu tall-ICT għall-proċedura ta' ordni ta' pagament Ewropea;

    it-titjib tal-użu tat-teknoloġija tal-vidjo-konferenzi fil-proċedimenti transkonfini, b'mod partikolari rigward it-teħid tal-provi;

    l-ippjanar ta' għodod ta' appoġġ għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.

    5.

    Il-ħidma dwar il-Ġustizzja Elettronika sa minn dakinhar imxiet 'il quddiem. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-ħidma magħmula f'dan il-qafas għandha tiżgura li tingħata prijorità lil proġetti operattivi u lil strutturi deċentralizzati, waqt li jkun hemm previżjoni għal koordinazzjoni fil-livell Ewropew, b'appoġġ mill-istrumenti legali eżistenti u l-użu ta' għodod tal-IT biex tittejjeb l-effikaċja tagħhom. Il-Parlament Ewropew esprima wkoll l-appoġġ tiegħu għall-proġett dwar il-Ġustizzja Elettronika (4).

    6.

    Fl-oqsma kemm ċivili kif ukoll militari, l-użu ta' teknoloġiji moderni tal-informazzjoni kien inkoraġġut konsistentement mill-Kummissjoni. Dan wassal għal strumenti bħall-ordni ta' pagament Ewropea. Sa mill-2003 l-Kummissjoni ilha timmaniġġa l-“portal” tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali, aċċessibbli għaċ-ċittadini fi 22 lingwa. Il-Kummissjoni fasslet u waqqfet ukoll l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew. Dawn l-għodod huma elementi prekursuri għal qafas Ewropew futur għall-Ġustizzja Elettronika. Fil-qasam kriminali, il-Kummissjoni ħadmet fuq għodda li timmira li tippermetti skambju ta' informazzjoni estratta minn rekords kriminali tal-Istati Membri (5). Mhux biss il-Kummissjoni iżda anke l-Eurojust żviluppaw sistemi ta' komunikazzjoni siguri mal-awtoritajiet nazzjonali.

    7.

    Il-Ġustizzja Elettronika għandha l-intenzjoni li toffri bosta opportunitajiet biex iż-żona ġudizzjarja Ewropea ssir aktar konkreta għaċ-ċittadini fis-snin li ġejjin. Sabiex tkun stabbilita strateġija ġenerali għal din il-kwistjoni importanti, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni preżenti dwar il-Ġustizzja Elettronika. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kriterji oġġettivi biex ikunu identifikati l-prijoritajiet, speċjalment għal proġetti futuri fil-livell Ewropew, sabiex jinkisbu riżultati konkreti fi żmien raġonevoli.

    8.

    Id-dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, dokument li jakkumpanja l-Komunikazzjoni b'taqsira eżekuttiva tal-Valutazzjoni tal-Impatt, jagħti wkoll xi informazzjoni ta' sfond (6). Ir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt kien ippreparat b'kont meħud tar-reazzjonijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-professjonijiet legali, iċ-ċittadini u n-negozji. Il-KEPD ma kienx ikkonsultat. Ir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt ta preferenza lil għażla ta' politika biex ikunu indirizzati l-problemi li jikkombinaw flimkien id-dimensjoni Ewropea u l-kompetenza nazzjonali. Il-Komunikazzjoni għażlet din l-għażla ta' politika. L-istrateġija ser tiffoka fuq il-vidjokonferenzi, il-ħolqien ta' portal għall-Ġustizzja Elettronika, it-titjib fil-faċilitajiet għat-traduzzjoni bl-iżvilupp ta' għodod għat-traduzzjoni onlajn awtomatiċi, it-titjib tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, aktar interkonnessjoni bejn ir-reġistri nazzjonali u l-għodod onlajn għall-proċeduri Ewropej (eż. Ordni ta' Pagament Ewropea).

    9.

    Il-KEPD jappoġġja l-iffokar fuq l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq. B'mod ġenerali hu jappoġġja approċċ komprensiv għall-Ġustizzja Elettronika. Hu jendorsja l-ħtieġa bi tliet partiti li jittejbu l-aċċess għall-ġustizzja, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali Ewropej u l-effikaċja tas-sistema tal-ġustizzja nnifisha. Bħala riżultat ta' dan l-approċċ huma affettwati bosta istituzzjonijiet u persuni:

    l-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà primarja li jipprovdu sistemi tal-ġustizzja effettivi u affidabbli;

    il-Kummissjoni Ewropea, fl-irwol tagħha bħala gwardjan tat-trattati;

    l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li jeħtieġu aktar għodod sofistikati biex jikkomunikaw, speċjalment f'każijiet transkonfini;

    il-professjonijiet legali, iċ-ċittadini u n-negozji, li lkoll huma favur użu aħjar tal-għodod tat-TI bil-ħsieb li jintlaħqu risponsi aktar sodisfaċenti għall-ħtiġijiet tagħhom ta' “ġustizzja”.

    10.

    Il-Komunikazzjoni hi relatata mill-qrib mal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS). Fis-16 ta' Settembru 2008, il-KEPD adotta opinjoni dwar din il-proposta (7). Hu appoġġja l-proposta, previst li jittieħed kont ta' numru ta' konsiderazzjonijiet. B'mod partikolari, hu nnota li garanziji addizjonali għall-protezzjoni tad-data għandhom jikkompensaw għan-nuqqas preżenti ta' qafas legali komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. Hu għalhekk enfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni effettiva fis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data tas-sistema, li tinvolvi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni bħala l-fornitur tal-infrastruttura komuni għall-komunikazzjoni.

    11.

    Rakkomandazzjonijiet bħal dawn ta' din l-opinjoni li ta' min ifakkar huma:

    Għandha ssir referenza ta' livell għoli tal-protezzjoni tad-data bħala prekondizzjoni għall-miżuri implimentattivi li għandhom ikunu adottati;

    Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-infrastruttura komuni tas-sistema, kif ukoll l-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, għandha tkun iċċarata biex tkun żgurata aħjar iċ-ċertezza legali;

    Il-Kummissjoni – u mhux l-Istati Membri – għandha tkun ukoll responsabbli għas-softwer għall-interkonnessjoni sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-iskambju u biex tkun permessa superviżjoni aħjar tas-sistema.

    L-użu tat-traduzzjonijiet awtomatiċi għandu jkun iddefinit u ċirkonskritt b'mod ċar, sabiex ikun promoss il-fehim reċiproku tar-reati kriminali mingħajr ma tkun affetwtata l-kwalità tal-informazzjoni trasmessa.

    12.

    Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom illustrattivi għall-kuntest li fih il-Komunikazzjoni kurrenti ser tkun analizzata.

    III.   L-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI PREVIST FIL-KOMUNIKAZZJONI

    13.

    Il-Ġustizzja Elettronika għandha ambitu wiesa' ħafna, inkluż b'mod ġenerali l-użu tat-TIK fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea. Dan ikopri numru ta' kwistjonijiet bħal proġetti li jipprovdu lil-litiganti informazzjoni b'mod aktar effettiv. Din tinkludi informazzjoni onlajn dwar is-sistemi ġudizzjarji, il-leġislazzjoni u l-każistika, is-sistemi ta' komunikazzjoni elettronika li jillinkjaw lil-litiganti u lill-qrati u l-istabbiliment ta' proċeduri elettroniċi għal kollox. Hu jkopri wkoll proġetti Ewropej bħall-użu ta' għodod elettroniċi biex ikun irreġistrat is-smigħ u proġetti li jinvolvu skambju ta' informazzjoni jew interkonnessjoni.

    14.

    Anke jekk l-ambitu hu wiesa' ħafna, il-KEPD innota li ser ikun hemm informazzjoni dwar proċeduri kriminali u dwar sistemi ġudizzjarji ċivili u kummerċjali, iżda mhux dwar sistemi ġudizzjarji amministrattivi. U ser ikun hemm konnessjoni ma' Atlas Kriminali u Ċivili, iżda mhux ma' Atlas Amminsitrattiv, għalkemm ikun aħjar li jkun hemm aċċess miċ-ċittadini u mill-intrapriżi għas-sistemi amministrattivi ġudizzjarji, jiġifieri għall-proċeduri tal-liġi amministrattiva u tal-ilmenti. Għandha tkun ipprovduta wkoll konnessjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat. Dawn l-addizzjonijiet jistgħu jkunu aħjar għaċ-ċittadini li qed jippruvaw isibu triqthom fil-foresta – li ħafna drabi hi l-liġi amministrattiva bit-tribunali kollha tagħha – sabiex isiru informati aħjar dwar is-sistemi ġudizzjarji amministrattivi.

    15.

    Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li jkunu nklużi l-proċeduri amministrattivi fil-Ġustizzja Elettronika. Bħala parti minn dan l-element il-ġdid, għandhom jinbdew proġetti tal-Ġustizzja Elettronika biex tittejjeb il-viżibbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari f'relazzjoni mat-tipi ta' data proċessata fil-qafas tal-Ġustizzja Elettronika. Dan ikun konformi mal-hekk imsejħa “inizjattiva ta' Londra”, li tnediet mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data f'Novembru 2006 u hi mmirata biex “Tikkomunika l-Protezzjoni tad-Data u Tagħmilha Aktar Effettiva”.

    IV.   ID-DEĊIŻJONI QAFAS IL-ĠDIDA DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA FIL-QAFAS TAL-KOOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA U DIK ĠUDIZZJARJA F'MATERJI KRIMINALI

    16.

    B'segwitu għall-iskambju tad-data dejjem jiżdied bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji maħsub mill-Komunikazzjoni, il-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data jakkwista aktar importanza. F'dan il-kuntest, il-KEPD jinnota li, tliet snin wara l-proposta inzijali tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni ewropea adotta fis-27 ta' Novembru d-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (8). Din il-biċċa leġislazzjoni ġdida ser tipprovdi qafas legali ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data għal materji tat-“tielet pilastru”, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-“ewwel pilastru” dwar il-protezzjoni tad-data tad-Direttiva 95/46/KE.

    17.

    Il-KEPD jilqa' dan l-istrument legali bħala l-ewwel pass konsiderevoli lejn il-protezzjoni tad-data fil-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Madankollu, il-livell ta' protezzjoni tad-data milħuq fit-test finali mhuwiex sodisfaċenti għal kollox. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni qafas tkopri biss data tal-pulizija u ġudizzjarja skambjata bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet u s-sistemi tal-UE, u ma tinkludix data domestika. Barra dan, id-Deċiżjoni qafas adottata ma tistabilixxix l-obbligu li ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data, bħal suspettati, kriminali, xhieda u vittmi, biex ikun żgurat li d-data tagħhom tkun ipproċessata b'salvagwardji aktar adatti. Hi ma tipprovdix konsistenza sħiħa mad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari rigward l-illimitar tal-finijiet li għalihom tista' tkun ipproċessata aktar id-data personali. Hu l-anqas ma tipprevedi grupp indipendenti ta' awtoritajiet relevanti nazzjonali u tal-UE għall-protezzjoni tad-data, li jkun jista' jiżgura kemm koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data kif ukoll kontribut sostantiv għall-applikazzjoni uniformi tad-Deċiżjoni qafas.

    18.

    Dan ikun ifisser li, f'kuntest li fih ikun hemm bosta sforzi biex ikunu żviluppati sistemi komuni ta' skambju transkonfini ta' data personali, id-diverġenzi xorta jeżistu rigward ir-regoli li skonthom għandha tkun ipproċessata din id-data u li ċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw drittijiethom f'pajjiżi differenti tal-UE.

    19.

    Mill-ġdid il-KEPD ifakkar li l-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-data fil-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, kif ukoll konsistenza mad-Direttiva 95/46/KE, jippreżenta komplement neċessarju għal miżuri oħrajn introdotti jew previsti biex ikun iffaċilitat l-iskambju transkonfini tad-data personali fl-infurzar tal-liġi. Dan jirriżulta mhux biss mid-dritt taċ-ċittadini għar-rispett tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, iżda wkoll mill-ħtieġa tal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi li jiżguraw il-kwalità tad-data skambjata – kif ikkonfermat mill-anness għall-Komunikazzjoni rigward l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali –, il-fiduċja bejn l-awtoritajiet f'pajjiżi differenti, u fl-aħħar mill-aħħar il-validità legali tal-evidenza miġbura f'kuntest transkonfini.

    20.

    Għalhekk, il-KEPD jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu kont speċifiku ta' dawn l-elementi mhux biss meta jimplimentaw il-miżuri maħsuba fil-Komunikazzjoni iżda wkoll bil-ħsieb li jinbdew kemm jista' jkun malajr ir-riflessjonijiet dwar aktar titjib tal-qafas legali għall-protezzjoni tad-data fl-infurzar tal-liġi.

    V.   PROĠETTI TAL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA

    Għodod tal-Ġustizzja Elettronika fil-livell Ewropew

    21.

    Il-KEPD jirrikonoxxi li l-iskambji tad-data personali huma elementi essenzjali tal-ħolqien ta' żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għal dik ir-raġuni l-KEPD jappoġġja l-proposta għal strateġija tal-Ġustizzja Elettronika, waqt li jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tad-data f'dan il-kuntest. Fil-fatt, ir-rispett għall-protezzjoni tad-data mhuwiex biss obbligu legali, iżda element prinċipali għas-suċċess tas-sistema maħsuba, eż. li tkun żgurata l-kwalità tal-iskambji tad-data. Dan jgħodd ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi meta jipproċessaw data personali kif ukoll għal meta jkunu żviluppati politiki ġodda. Għandhom ikunu applikati regoli u prinċipji fil-prattika u jittieħed kont speċjali tagħhom fil-fażi tad-disinn u l-bini tas-sistemi ta' informazzjoni. Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma fil-fatt “fatturi prinċipali għas-suċċess” għal soċjetà tal-informazzjoni prosperuża u bilanċjata. Għalhekk jagħmel sens li jsir investiment fihom u dan isir kemm jista' jkun malajr.

    22.

    F'dan il-kuntest, il-KEPD jissottolinja li l-Komunikazzjoni ma tipprevedix bażi tad-data Ewropea ċentrali. Hu jilqa' l-preferenza ta' arkitetturi deċentralizzati. Il-KEPD ifakkar li hu ħareġ opinjoni dwar l-ECRIS (9) u dwar l-Inizjattiva ta' Prüm (10). Fl-opinjoni tiegħu dwar l-ECRIS, il-KEPD esprima li arkitettura deċentralizzata tevita duplikazzjoni addizzjonali ta' data personali f'bażi tad-data ċentrali. Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Inizjattiva ta' Prüm, hu ta l-parir li jittieħed kont debitu tal-iskala tas-sistema meta tkun diskussa l-interkonnessjoni bejn il-bażijiet tad-data. B'mod partikolari għandhom ikunu stabbiliti formati speċifiċi għall-komunikazzjoni tad-data, bħal talbiet onlajn għal rekords kriminali, ukoll b'kont meħud tad-differenzi fil-lingwa, u għandha tkun monitorata kostantement l-eżattezza tal-iskambji tad-data. Dawn l-elementi għandhom ikunu kkunsidrati wkoll fil-kuntest ta' inizjattivi li jirriżultaw minn strateġija għall-Ġustizzja Elettronika.

    23.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għar-rinfurzar u l-iżvilupp tal-għodod għall-Ġustizzja Elettronika fil-livell Ewropew, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u sħab oħrajn. Fl-istess waqt li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri, hi għandha l-intenzjoni li tiżviluppa numru ta' għodod kompjuterizzati għal rasha biex iżżid l-interoperabbiltà tas-sistemi, tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja u l-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u tilħaq ekonomiji ta' skala sostanzjali fil-livell Ewropew. Rigward l-interoperabbiltà tas-softwer użat mill-Istati Membri, mhux l-Istati Membri kollha għandhom neċessarjament jużaw l-istess softwer – għalkemm din tkun l-aktar għażla prattika –, iżda s-softwer għandu jkun interoperabbli għal kollox.

    24.

    Il-KEPD jirrakkomanda li l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni debita l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop u jinbnew madwar standards għall-protezzjoni tad-data (“privacy by design”). Kull forma ta' interazzjoni bejn is-sistemi differenti għandha tkun dokumentata għal kollox. L-interoperabbiltà m'għandha qatt twassal għal sitwazzjoni fejn awtorità, mhux intitolata għal aċċess jew użu ta' ċerta data, tista' takkwista dan l-aċċess permezz ta' sistema oħra ta' informazzjoni. Il-KEPD jixtieq jerġa' jisħaq li l-interoperabbiltà m'għandhiex minnha nnifisha tiġġustifika li jkun ċirkomnavigat il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop (11).

    25.

    Barra dan, punt kruċjali ieħor hu li jkun żgurat li l-iskambju transkonfini msaħħaħ tad-data personali jkun akkumpanjat minn superviżjoni u kooperazzjoni msaħħin mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dataIl-KEPD diġà ssottolinja, fl-opinjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2006 dwar id-Deċiżjoni Qafas dwar l-iskambju tar-rekords kriminali (12), li d-Deċiżjoni Qafas proposta m'għandhiex tindirizza biss il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali iżda wkoll il-kooperazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data. Din il-ħtieġa saret aktar importanti għaliex in-negozjati dwar id-Deċiżjoni Qafas li għadha kemm ġiet adottata dwar il-protezzjoni tad-data personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja (13) wasslu għat-tħassir tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi grupp ta' ħidma li jerġa' jgħaqqad lill-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-data u jikkordina l-attivitajiet tagħhom rigward l-ipproċessar tad-data fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali. Għalhekk, bil-ħsieb li tkun żgurata superviżjoni effettiva kif ukoll il-kwalità tajba taċ-ċirkolazzjoni transkonfini tad-data estratta minn rekords kriminali, għandhom ikunu previsti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data (14). Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont ukoll tal-kompetenza superviżorja tal-KEPD rigward l-infrastruttura s-TESTA (15) L-għodod għall-Ġustizzja Elettronika jistgħu jappoġġjaw dawn il-mekkaniżmi li jistgħu jkunu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data.

    26.

    Fil-§ 4.2.1, il-Kummissjoni tinnota li ser ikun importanti għall-iskambju tal-informazzjoni estratta mir-rekords kriminali li jittieħdu passi lil hinn mill-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex ikunu inkorporati objettivi oħrajn, eż. aċċess għal ċerti postijiet. Il-KEPD jisħaq li kwalunkwe ipproċessar tad-data personali għal skopijiet barra dawk li għalihom tinġabar għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mil-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. B'mod partikolari, l-ipproċessar tad-data personali għal aktar skopijiet għandu jkun permess biss jekk hu meħtieġ li jkunu segwiti interessi elenkati fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data (16) u previst li huma stabbiliti b'miżuri leġislattivi.

    27.

    Il-Komunikazzjoni tiddikjara, rigward l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali, li bħala parti mill-preparazzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas dwar l-iskambju tal-informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, il-Kummissjoni ser tniedi żewġ studji ta' fattibbiltà sabiex il-proġett ikun organizzat waqt l-iżvilupp tiegħu u sabiex l-iskambju ta' informazzjoni ikun estiż biex ikopri ċittadini ta' pajjiżi terzi kkundannati għal reati kriminali. Fl-2009, il-Kummissjoni ser tipprovdi lill-Istati Membri b'softwer imfassal biex jippermetti li r-rekords kriminali kollha jkunu skambjati f'qafas qasir ta' żmien. Din is-sistema ta' referenza, ikkombinata mal-użu tal-s-TESTA għall-iskambju tal-informazzjoni, ser tiġġenera ekonomiji ta' skala għaliex l-Istati Membri mhux ser ikollhom iwettqu l-ħidma ta' żvilupp tagħhom. Dan ser jiffaċilita l-funzjonament tal-proġett.

    28.

    F'din il-perspettiva, il-KEPD jilqa' l-użu tal-infrastruttura s-TESTA, li kien ippruvat li hi sistema affidabbli għall-iskambju tad-data, u jirrakkomanda li l-elementi statistiċi relatati mas-sistemi previsti għall-iskambju tad-data għandhom ikunu definiti fid-dettall u jieħdu kont debitu tal-ħtieġa li tkun żgurata superviżjoni tal-protezzjoni tad-data. Pereżempju, id-data statistika tista' espliċitament tinkludi elementi bħan-numru ta' talbiet għal aċċess jew rettifika tad-data personali, it-tul jew il-kompletezza tal-proċess ta' aġġornament, il-kwalità tal-persuni li jkollhom aċċess għal din id-data kif ukoll il-każijiet ta' ksur tas-sigurtà. Barra dan, id-data statistika u r-rapporti bbażati fuqha għandhom isiru disponibbli għal kollox għall-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data.

    Traduzzjoni awtomatika u l-bażi tad-data tat-tradutturi

    29.

    L-użu tat-traduzzjoni awtomatika hu strument utli u probabbli li jiffavorixxi l-fehim reċiproku bejn l-atturi relevanti fl-Istati Membri. Madankollu, l-użu tat-traduzzjoni awtomatika m'għandux jirriżulta fit-tnaqqis tal-kwalità tal-informazzjoni skambjata, speċjalment meta din l-informazzjoni tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet li għandhom effett legali għall-persuni kkonċernati. Il-KEPD jinnota li hu importanti li jkun iddefinit u ċirkonskritt b'mod ċar l-użu tat-traduzzjoni awtomatika. L-użu tat-traduzzjoni awtomatika għat-trasmissjoni tal-informazzjoni li ma kinitx pre-tradotta b'mod eżatt, bħal kummenti jew speċifikazzjonijiet addizzjonali miżjudin f'każijiet individwali, hu probabbli li jaffettwa l-kwalità tal-informazzjoni trasmessa – u għalhekk id-deċiżjonijiet meħudin abbażi tagħhom – u fil-prinċipju għandu jkun eskluż (17). Il-KEPD jissuġġerixxi li jittieħed kont ta' din ir-rakkomandazzjoni fil-miżuri li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni.

    30.

    Il-Komunikazzjoni trid toħloq bażi tad-data ta' tradutturi u interpreti legali sabiex ikun hemm titjib tal-kwalità tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni legali. Il-KEPD jaqbel ma' dan l-għan, iżda jfakkar li din il-bażi tad-data ser tkun soġġetta għall-applikazzjoni tal-liġi relevanti dwar il-protezzjoni tad-data. B'mod partikolari, jekk il-bażi tad-data tkun tinkludi data ta' evalwazzjoni dwar il-prestazzjoni tat-tradutturi, hi tista' tkun soġġetta għal kontroll minn qabel mill-Awtoritajiet Kompetenti għall-Protezzjoni tad-Data.

    Lejn pjan ta' azzjoni għall-Ġustizzja Elettronika Ewropea

    31.

    Fil-§ 5, il-Kummissjoni tinnota li r-responsabbiltajiet għandhom ikunu allokati b'mod ċar fost il-Kummissjoni, l-Istati Membri u atturi oħrajn involuti fil-kooperazzjoni ġuridika. Il-Kummissjoni ser tassumi rwol ġenerali ta' koordinazzjoni billi tinkoraġġixxi l-iskambju tal-prattiki u ser tfassal, tistabbilixxi u tikkoordina l-informazzjoni fuq il-portal tal-Ġustizzja Elettronika. Barra dan, il-Kummissjoni ser tkompli taħdem biex twettaq interkonnessjoni bejn ir-rekords kriminali u ser tkompli tassumi responsabbiltà diretta għan-netwerk legali ċivili u tappoġġja n-netwerk legali kriminali. L-Istati Membri ser ikollhom jaġġornaw l-informazzjoni fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom li jidhru fuq is-sit tal-Ġustizzja Elettronika. Atturi oħrajn huma n-netwerks legali ċivili u kriminali u l-Eurojust. Huma ser jiżviluppaw l-għodod meħtiġin għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effettiva, b'mod partikolari għodod għal traduzzjoni awtomatizzata u s-sistema ta' skambju sikur, f'kuntatt mill-qrib mal-Kummissjoni. Annessi mal-Komunikazzjoni hemm abbozz ta' pjan ta' azzjoni u skeda taż-żmien għad-diversi proġetti.

    32.

    F'dan il-kuntest, il-KEPD jissottolinja li fis-sistema ECRIS fuq naħa l-waħda mhemm stabbilita l-ebda bażi tad-data Ewropea ċentrali u l-ebda aċċess għal bażijiet tad-data bħal dawk li jinkludu rekords kriminali ta' Stati Membri oħrajn mhuwa previst, waqt li fuq in-naħa l-oħra fil-livell nazzjonali r-responsabbiltajiet għal informazzjoni korretta huma ċentralizzati bl-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri. F'dan il-mekkaniżmu, l-Istati membri huma responsabbli għall-operat tal-bażijiet tad-data nazzjonali u għall-prestazzjoni effiċjenti tal-iskambji. Mhuwiex ċar jekk humiex responsabbli jew le għas-softwer għall-interkonnessjoni. Il-Kummissjoni ser tipprovdi lill-Istati Membri b'softwer imfassal biex jippermetti li r-rekords kriminali kollha jkunu skambjati f'qafas qasir ta' żmien. Din is-sistema ta' referenza ser tkun ikkombinata mal-użu tal-s-TESTA biex tkun skambjata l-informazzjoni.

    33.

    Il-KEPD jifhem li anke fil-kuntest ta' inizjattivi analogi tal-Ġustizzja Elettronika jistgħu jkunu implimentati sistemi simili u l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-infrastruttura komuni, għalkemm dan mhuwiex speċifikat fil-Komunikazzjoni. Il-KEPD jissuġġerixxi li tkun iċċarata din ir-responsabbiltà fil-miżuri li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni, għal raġunijiet ta' ċertezza legali.

    Proġetti tal-Ġustizzja Elettronika

    34.

    L-anness jelenka serje ta' proġetti li għandhom ikunu żviluppati waqt il-ħames snin li ġejjin. L-ewwel proġett, l-Iżvilupp tal-paġni tal-Ġustizzja Elettronika, hu dwar il-portal tal-Ġustizzja Elettronika. L-azzjoni teħtieġ studju ta' fattibbiltà u l-iżvilupp tal-portal. Barra dan, hi teħtieġ implimentazzjoni ta' metodi ta' ġestjoni u informazzjoni onlajn fl-lingwi kollha tal-UE. It-tieni u t-tielet proġett huma dwar l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali. Il-Proġett 2 hu dwar l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali nazzjonali. Il-Proġett 3, jipprevedi l-ħolqien ta' reġistru Ewropew ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li nstabu ħatja, flimkien ma' studju ta' fattibbiltà u l-preżentazzjoni ta' proposta leġislattiva. Il-KEPD jinnota li dan l-aħħar proġett mhuwiex imsemmi aktar fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, u jitħasseb jekk dan jirriflettix bidla fil-proġetti previsti tal-Kummissjoni jew sempliċement posponiment ta' dan il-proġett speċifiku.

    35.

    Il-Komunikazzjoni telenka wkoll tliet proġetti fil-qasam tal-iskambji elettroniċi u tliet proġetti fil-qasam tal-għajnuna għat-traduzzjoni. Ser jibda proġett pilota dwar il-kompilazzjoni gradwali ta' vokabularju legali multilingwi komparattiv. Proġetti relevanti oħra huma relatati mal-ħolqien ta' forom dinamiċi biex jakkumpanjaw lit-testi legali Ewropej kif ukoll irawmu l-użu tal-vidjokonferenzar mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Finalment, bħala parti mill-forums tal-Ġustizzja Elettronika, ser isiru laqgħat annwali dwar temi tal-Ġustizzja Elettronika u ser ikun żviluppat taħriġ tal-professjoni legali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-KEPD jissuġġerixxi li laqgħat u taħriġ bħal dawn jagħtu attenzjoni suffiċjenti lil-liġijiet u lill-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data.

    36.

    L-anness għalhekk jipprevedi firxa wiesgħa ta' għodod Ewropej, bil-ħsieb li jkun iffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-atturi fi Stati Membri differenti. Fost dawn l-għodod, il-portal tal-Ġustizzja Elettronika ser ikollu rwol importanti, li għalih ser tkun responsabbli prinċipalment il-Kummissjoni.

    37.

    Karatteristika komuni ta' bosta minn dawn l-għodod ser tkun li l-informazzjoni, u d-data personali, ser ikunu skambjati u ġestiti minn atturi differenti fil-livell kemm nazzjonali u kemm tal-UE, li huma soġġetti għal obbligi tal-protezzjoni tad-data u għal awtoritajiet superviżorji stabbiliti abbażi tad-Direttiva 95/46/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. F'dan ir-rigward, kif il-KEPD diġà għamilha ċara fl-opinjoni tiegħu dwar is-Sistema ta' Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) (18), hu essenzjali li jkun żgurat li r-responsabbiltajiet rigward il-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data tkun żgurata b'mod effiċjenti u mingħajr interruzzjonijiet.

    38.

    Dan bażikament jeħtieġ fuq naħa l-waħda li r-responsabbiltajiet għall-ipproċessar tad-data personali f'dawn is-sistemi jkunu ddefiniti u allokati b'mod ċar; fuq in-naħa l-oħra, li fejn meħtieġ ikunu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni adatti – speċjalment rigward is-superviżjoni.

    39.

    L-użu ta' teknoloġiji ġodda hu wieħed mill-punti prinċipali tal-inizjattivi tal-Ġustizzja Elettronika: l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali, l-iżvilupp tal-firma elettronika, in-netwerks sikuri, il-pjattaformi għal skambju virtwali u l-użu msaħħaħ tal-vidjokonferenzar ser ikunu elementi essenzjali ta' inizjattiva tal-Ġustizzja Elettronika matul is-snin li ġejjin.

    40.

    F'dan il-kuntest, hu essenzjali li l-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data jkunu kkunsidrati fl-istadju l-aktar bikri possibbli u jitwaħħdu fl-arkitettura tal-għodod previsti. B'mod partikolari, kemm l-arkitettura tas-sistema u kemm l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà adegwati huma speċjalment importanti. Dan l-approċċ ta' privatezza fid-disinn (privacy-by design) ikun jippermetti li l-inizjattivi relevanti tal-Ġustizzja Elettronika jipprevedu għal ġestjoni effettiva tad-data personali waqt li tkun żgurata konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tal-iskambji tad-data bejn awtoritajiet differenti.

    41.

    Barra dan, il-KEPD jissottolinja li l-għodod teknoloġiċi għandhom jintużaw mhux biss biex ikun żgurat l-iskambju tal-informazzjoni, iżda wkoll biex jittejbu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. F'din il-perspettiva, il-KEPD jilqa' li l-Komunikazzjoni tirreferi għall-possibbiltà li ċ-ċittadini jitolbu r-rekords kriminali onlajn tagħhom u fil-lingwa tal-għażla tagħhom (19). Rigward din il-kwistjoni, il-KEPD ifakkar li hu laqa', fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskambju tar-rekords kriminali, il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata titlob informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tagħha lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru, previst li dik il-persuna kkonċernata hi jew kienet residenti jew ċittadin tal-Istat Membru rikjest jew rikjedenti. L-idea li bħala “one-stop-shop” tintuża l-awtorità li hi l-eqreb lejn il-persuna kkonċernata tressqet ukoll mill-KEPD fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, il-KEPD jinkoraġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli miexja aktar 'il quddiem fl-istess triq, billi trawwem għodod teknoloġiċi – u, b'mod partikolari, aċċess onlajn – li jippermetti liċ-ċittadini biex ikunu f'kontroll aħjar tad-data personali anke meta jiċċaqilqu bejn Stati Membri differenti.

    VI.   KONKLUŻJONIJIET

    42.

    Il-KEPD jappoġġja l-proposta preżenti biex tkun stabbilita Ġustizzja Elettronika u jirrakkomanda li jittieħed kont tal-osservazzjonijiet magħmula f'din l-opinjoni, li tinkludi:

    Li jittieħed kont tad-Deċiżjoni Qafas reċenti dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali – inklużi n-nuqqasijiet tagħha – mhux biss meta jkunu implimentati l-miżuri previsti fil-Komunikazzjoni, iżda wkoll bil-ħsieb li jinbdew kemm jista' jkun malajr ir-riflessjonijiet dwar aktar titjib tal-qafas legali għall-protezzjoni tad-data fl-infurzar tal-liġi;

    Li jkunu nklużi l-proċeduri amministrattivi fil-Ġustizzja Elettronika. Bħala parti minn dan l-element il-ġdid, għandhom jinbdew proġetti tal-Ġsutizzja Elettronika biex tissaħħaħ il-viżibbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari f'relazzjoni mat-tipi ta' data proċessata fil-qafas tal-proġetti tal-Ġustizzja Elettronika;

    Li tinżamm preferenza għal arkitetturi deċentralizzati;

    Li jkun żgurat li l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi jieħdu kont dovut tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop;

    Li jkunu allokati responsabbiltajiet ċari lill-atturi kollha li jipproċessaw id-data personali fis-sistemi previsti u li jkunu pprovduti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data;

    Li jkun żgurat li l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet barra dawk li għalihom tinġabar għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mil-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

    Li jkun iddefinit u ċirkonskritt b'mod ċar l-użu tat-traduzzjonijiet awtomatiċi, sabiex ikun promoss il-fehim reċiproku tar-reati kriminali mingħajr ma tkun affettwata l-kwalità tal-informazzjoni trasmessa;

    Li tkun iċċarata r-responabbiltà tal-Kummissjoni għal infrastrutturi komuni, bħall-s-TESTA;

    Rigward l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, li jkun żgurat li l-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data jkunu kkunsidrati fl-aktar stadju bikri possibbli (“privacy-by design”) kif ukoll jitrawmu għodod tat-teknoloġija li jippermettu liċ-ċittadini biex ikunu f'kontroll aħjar tad-data personali tagħhom anke meta jiċċaqilqu bejn Stati Membri differenti.

    Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2008.

    Peter HUSTINX

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13 Volum 015 P. 355-374.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1., Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13 Volum 26 P. 102-124.

    (3)  Dok. 10393/07 JURINFO 21.

    (4)  Ara l-Abbozz tar-rapport tal-Parlament Ewropew, Kumitat għall-Affarijiet Legali

    (5)  Ara, b'mod partikolari, is-sistema ECRIS, imsemmija hawn isfel.

    (6)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Dokument li jakkumpanja l-Komunikazzjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika” – Taqsira eżekuttiva tal-valutazzjoni tal-impatt, 30.5.2008, SEC(2008) 1944.

    (7)  Ara l-opinjoni tal-KEPD dwar l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/XX/ĠAI, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-KEPD, www.edps.europa.eu “konsultazzjoni” u mbagħad “opinjonijiet”, “2008”.

    (8)  Il-pubblikazzjoni fil-ĠU għadha pendenti.

    (9)  Ara n-nota 4 f'qiegħ il-paġna, § 18.

    (10)  ĠU C 89, 10.4.2008, p. 4.

    (11)  ĠU C 91, 19.4.2006, p. 53. Ara wkoll il-Kummenti tal-KEPD dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data Ewropej, Brussell, 10.3.2006.

    (12)  ĠU C 91, 26.4.2007, p. 9.

    (13)  Ara hawn fuq, kapitolu IV.

    (14)  Ara l-opinjoni tal-KEPD dwar l-ECRIS, il-punti 8 u 37-38.

    (15)  Dwar dan, ara hawn isfel § 27-28.

    (16)  Ara b'mod partikolari l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE u 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (17)  Ara § 39-40 tal-opinjoni tal-KEPD dwar l-ECRIS.

    (18)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 1

    (19)  Ara p. 6 tal-Komunikazzjoni.


    Top