Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0408

    Kawża C-408/08 P: Appell ippreżentat fit- 22 ta' Settembru 2008 minn Lancôme parfums et beauté & Cie SNC mis-sentenza mogħtija fil-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) fit- 8 ta' Lulju 2008 fil-Kawża T-160/07, Lancôme vs UASI — CMS Hasche Sigle

    ĠU C 6, 10.1.2009, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 6/9


    Appell ippreżentat fit-22 ta' Settembru 2008 minn Lancôme parfums et beauté & Cie SNC mis-sentenza mogħtija fil-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) fit-8 ta' Lulju 2008 fil-Kawża T-160/07, Lancôme vs UASI — CMS Hasche Sigle

    (Kawża C-408/08 P)

    (2009/C 6/16)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Lancôme parfums et beauté & Cie SNC (rappreżentanti: A. von Mühlendahl, Rechtsanwalt)

    Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni), CMS Hasche Sigle

    Talbiet

    tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2008 fil-Kawża T-160/07;

    tiċħad, bħala infondat, ir-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tal-21 ta' Diċembru 2005 fil-Każ 892 C rigward ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 2965804 COLOR EDITION, minħabba nuqqas ta' locus standi tal-applikant, jew, sussidjarjament, minħabba nuqqas ta' raġunijiet assoluti għal rifjut;

    tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż sostnuti fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

    tikkundanna lil CMS Hasche Sigle għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa maqsum f'żewġ partijiet, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (1).

    L-iżball jikkonsisti fil-konfermazzjoni tal-kapaċità rikonoxxuta lill-uffiċċju tal-avukati CMS Hasche Sigle fil-proċedura mibdija quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni), u mbagħad quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Din il-parti, fil-fatt, ma wrietx l-interess ekonomiku effettiv jew potenzjal tagħha li, waħdu, seta' jiġġustifika l-fatt li uffiċċju tal-avukati, li jaġixxi f'ismu, ikollu l-locus standi sabiex jitlob l-annullament tar-reġistrazzjoni ta' trade mark ta' prodotti kożmetiċi. Id-dritt Komunitarju ma jagħrafx ir-rikorsi ppreżentati fin-nuqqas ta' interess personali jew ekonomiku propju (actio popularis).

    Skond l-appellanti, jekk jiġi ammess li avukat jista' jippreżenta, f'ismu, talba għal tħassir ta' trade mark, dan ikun, f'kull każ, inkompatibbli mal-profil professjonali tal-avukat, inkwantu kollaboratur fil-ġustizzja.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li permezz tagħha t-trade mark COLOR EDITION hija meqjusa bħala deskrittiva u taqa', għaldaqstant, taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Din l-interpretazzjoni hija f'kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta' trade mark deskrittiva. Il-fatt li jistgħu jiġu dedotti, minn trade mark, il-prodotti koperti u l-karatteristiċi tagħhom mhuwiex, fil-fatt, kriterju suffiċjenti. Għandu jiġi eżaminat jekk il-kliem magħżul, meqjus kemm b'mod iżolat kif ukoll b'mod konġunt, huwiex magħruf u normali fil-lingwaġġ kurrenti tal-pubbliku kkonċernat.


    (1)  ĠU 1994, L 11, p. 1.


    Top