Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0354

    Kawża C-354/08: Rikors ippreżentat fit- 30 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Franza

    ĠU C 285, 8.11.2008, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 285/18


    Rikors ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Franza

    (Kawża C-354/08)

    (2008/C 285/31)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u J. Sénéchal, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Franza

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    tikkonstata li, billi pprovdiet dritt ta' preferenza għall-konċessjonarju li jkun qed jirtira mill-attività tiegħu fil-kuntest tal-avviżi għal sejħiet għal offerti tax-xogħlijiet li jużaw l-enerġija idrawlika, b'mod partikolari billi adottat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(3) tad-Digriet Nru 99/225 tat-22 ta' Marzu 1999, dwar il-konċessjoni u għad-dikjarazzjoni ta' utilità pubblika tax-xogħlijiet li jużaw l-enerġija idrawlika, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE;

    tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta' dritt ta' preferenza lil konċessjonarju li jkun qed jirtira mill-attività tiegħu, matul it-tiġdid u l-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet tax-xogħlijiet li jużaw l-enerġija idrawlika, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u jostakola l-libertà ta' stabbiliment. Billi essenzjalment tat preferenza lil kumpanniji li għandhom konċessjoni u li, minħabba dan il-fatt, huma diġà stabbiliti fi Franza, il-leġiżlazzjoni Franċiża tagħmel aktar diffiċli l-istabbiliment ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    Minbarra dan, l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux invokaw id-derogi previsti fl-Artikoli 45 u 46 tat-Trattat jew raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, sabiex jiġġustifikaw il-miżura in kwistjoni, li hija, fi kwalunkwe każ, disproporzjonata fir-rigward tal-għan segwit. B'hekk, l-ispejjeż finanzjarji sostnuti mill-konċessjonarju li jkun qed jirtira mill-attività tiegħu jistgħu per eżempju jiġu kkumpensati minn obbligi oħra imposti fuq kull kompetitur ġdid.


    Top