Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex
Έγγραφο C2008/064/01
Information note on references from national courts for a preliminary ruling — Supplement following the implementation of the urgent preliminary ruling procedure applicable to references concerning the area of freedom, security and justice
Nota ta' informazzjoni dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali — Supplement wara d-dħul fis-seħħ tal-proċedura preliminari b'urġenza applikabbli għar-rinviji li jirrigwardaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja
Nota ta' informazzjoni dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali — Supplement wara d-dħul fis-seħħ tal-proċedura preliminari b'urġenza applikabbli għar-rinviji li jirrigwardaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja
ĠU C 64, 8.3.2008, σ. 1-2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
8.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 64/1 |
NOTA TA' INFORMAZZJONI
dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali
SUPPLEMENT
wara d-dħul fis-seħħ tal-proċedura preliminari b'urġenza applikabbli għar-rinviji li jirrigwardaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja
(2008/C 64/01)
|
1. |
Din in-nota tissupplementa n-nota ta' informazzjoni dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali (1), billi żżid magħha xi istruzzjonijiet prattiċi dwar il-proċedura l-ġdida għal deċiżjoni preliminari b'urġenza applikabbli għar-rinviji li jirrigwardaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Din il-proċedura hija rregolata mill-Artikolu 23a tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (2). |
|
2. |
Dawn l-istruzzjonijiet huma intiżi sabiex jassistu lill-qrati nazzjonali meta dawn jitolbu l-applikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza, u sabiex jiffaċilitaw it-trattament tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja. Bħall-istruzzjonijiet fin-nota ta' informazzjoni eżistenti, dawn l-istruzzjonijiet mhumiex vinkolanti. |
Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza
|
3. |
Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza tapplika biss għall-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu VI (Artikoli 29 sa 42) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, u taħt it-Titolu IV (Artikoli 61 sa 69) tat-Tielet Parti tat-Trattat KE dwar il-visa l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni, inkluża l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materja ċivili. |
|
4. |
Għalkemm, bħala prinċipju, rinviju għal deċiżjoni preliminari jagħti lok għas-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti nazzjonali xorta jkollha ġurisdizzjoni sabiex tadotta miżuri kawtelatorji għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-partijiet sakemm tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda att amministrattiv nazzjonali bbażat fuq att Komunitarju li l-validità tiegħu tkun qed tiġi eżaminata f'rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
5. |
Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar jekk tapplikax jew le l-proċedura b'urġenza. Bħala prinċipju, deċiżjoni bħal din tittieħed biss fuq talba motivata tal-qorti tar-rinviju. Fuq bażi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi ex officio li rinviju jinstema' skond il-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza meta tqis li dan ikun neċessarju. |
|
6. |
Il-proċedura b'urġenza tissemplifika d-diversi stadji tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-applikazzjoni tagħha tinvolvi restrizzjonijiet rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għall-partijiet u dawk l-oħra interessati li jipparteċipaw fil-proċedura, b'mod partikolari, l-Istati Membri. |
|
7. |
Għalhekk, din il-proċedura tista' tintalab biss f'ċirkustanzi fejn ikun assolutament neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar ir-rinviju fl-iqsar żmien possibbli. Mingħajr mhuwa possibbli li sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu indikati b'mod eżawrjenti minħabba l-fatt, b'mod partikolari, li r-regoli Komunitarji li jirregolaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja dejjem jinbidlu u jiġu żviluppati, qorti nazzjonali tista', per eżempju, tippreżenta talba għal proċedura b'urġenza fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: fil-każ ta' persuna detenuta jew imċaħħda mil-libertà tagħha, meta r-risposta għad-domanda magħmula tkun determinanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta' din il-persuna, jew fil-każ ta' kawża li tkun tirrigwarda s-setgħa tal-ġenituri jew il-kustodja tat-tfal, meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita abbażi tad-dritt Komunitarju tkun tiddependi mir-risposta għad-domanda preliminari. |
It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza
|
8. |
Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi malajr jekk ikunx neċessarju li tiġi applikata l-proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza, it-talba għandha tesponi ċ-ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt li jiddeterminaw l-urġenza u, b'mod partikolari, ir-riskji li jkun hemm jekk ir-rinviju jinstema' skond il-proċedura għal deċiżjoni preliminari normali. |
|
9. |
Safejn huwa possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tindika, fil-qasir, l-opinjoni tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda jew domandi magħmula. Indikazzjoni bħal din tiffaċilita t-teħid ta' pożizzjoni mill-partijiet u dawk l-oħra interessati li jieħdu sehem fil-proċeduri, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b'hekk tgħin fit-tħaffif tal-proċeduri. |
|
10. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari b'urġenza għandha tiġi ppreżentata skond forma li tippermetti lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonstata immedjatament li l-każ għandu jirċievi trattament partikolari. Għal dan il-għan, jeħtieġ li t-talba tiġi ppreżentata f'dokument differenti mid-deċiżjoni ta' rinviju stess, jew f'ittra separata li tirreferi espressament għal din it-talba. |
|
11. |
Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta' rinviju stess, qed jiġi mfakkar li l-istruzzjonijiet xierqa jinsabu diġà fil-punti 20 sa 24 tan-nota ta' informazzjoni dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali. Huwa daqstant ieħor importanti li f'sitwazzjoni ta' urġenza d-deċiżjoni ta' rinviju tkun fil-qasir sabiex tgħin fit-tħaffif tal-proċeduri. |
Il-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali u l-partijiet
|
12. |
Għall-komunikazzjoni mal-qorti nazzjonali u l-partijiet quddiemha, il-qrati nazzjonali li jippreżentaw it-talba għal proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza huma mistiedna jindikaw l-indirizz elettroniku jew in-numru tal-faks, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tuża' kif ukoll, l-indirizzi elettroniċi jew in-numri tal-faks tar-rappreżentanti tal-partijiet in kwistjoni. |
|
13. |
Tista' l-ewwel tintbagħat kopja tad-deċiżjoni ta' rinviju ffirmata, flimkien ma' talba għal proċedura għal deċiżjoni preliminari b'urġenza lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' ittra elettronika (ECJ-Registry@curia.europa.eu) jew permezz ta' faks (+352 43 37 66). It-trattament tar-rinviju u tat-talba jista' jinbeda hekk kif tiġi rċevuta kopja bħal din. Madankollu, l-oriġinal ta' dawn id-dokumenti għandu jintbagħat lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli. |
(1) Ara l-ĠU C 143, 11.6.2005, p. 1-4.
(2) Ara l-ĠU L 24, 29.1.2008, p. 39-43.