EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC0713(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

ĠU C 160, 13.7.2007, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/19


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 160/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“MARRONE DI ROCCADASPIDE”

Nru tal-KE.: IT/PGI/005/0447/3.1.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministero delle Politiche agricole e forestali

Indirizz:

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tel.:

(39) 06 481 99 68

Feks:

(39) 06 42 01 31 26

Posta elettronika:

qtc3@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Cooperativa Agricola «Il Marrone» A r.l.

Indirizz:

Via Gaetano Giuliani, 28

Roccadaspide (SA) (Italia)

Tel.:

(39) 082 894 74 96

Feks:

(39) 082 894 83 24

Posta elettronika:

coop.ilmarrone@tiscali.it

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati ta' l-Anness 1 — Qastan

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti permezz ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Marrone di Roccadaspide”

4.2.   Deskrizzjoni: Il-“Marrone ta' Roccadaspide” I.Ġ.P. tfisser il-frotta miksuba mill-ekotipi Anserta, Abate u Castagna Rossa tal-varjetà tal-“Marrone” [Qastan]. Waqt l-introduzzjoni għall-konsum, fl-istat frisk, għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin: għamla tal-frotta: tendenzjalment semisferika, kultant ftit ellissojdali; perikarpu: lewn il-qastan skur, tendenzjalment jagħti fl-aħmar, bi striji skuri li ġeneralment bilkemm jiġu nnutati; episperma: irqiqa, bilkemm imdeffsa fiż-żerriegħa, tendenzjalment aderenti; daqs: mhux aktar minn 85 frotta kull kilo prodott magħżul u/jew imkejjel; żerriegħa: bajda lewn il-ħalib, b'polpa konsistenti, togħma ħelwa, stabbilita għal mhux aktar minn 5 %. Meta kkummerċjalizzata bħala mnixxfa (bil-qoxra jew mingħajrha), għandu jkollha dawn il-karatteristiċi: (a) qastan imnixxef bil-qoxra: umdità fil-frotta sħiħa: mhux aktar minn 15 %; il-prodott għandu jkun ħieles minn kull tniġġisa attiva ta' kull sura (larvi ta' insetti, moffa, eċċ.); ġabriet tal-prodott imnixxef bil-qoxra: mhux aktar minn 50 % f'piż. (b) qastan imnixxef mingħajr qoxra: għandu jkun b'saħħtu, ta' lewn bajdani lelluxi u b'mhux aktar minn 20 % difetti (traċċi ta' dud, deformazzjonijiet, eċċ.).

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Marrone di Roccadaspide” hija kkaratterizzata minn togħma ħelwa qawwija u kontenut għoli ta' zokkor. Fost l-aspetti organolettiċi l-oħra, hemm it-texture li jqarmeċ u ftit dqiqi.

Il-karatteristiċi organolettiċi huma vverifikati minn bord ta' uffiċjali inkarigati li jduqu l-prodott maħtur mill-organu ta' spezzjoni.

4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ta' produzzjoni ta' l-I.Ġ.P. “Marrone di Roccadaspide” tinkludi t-territorju li jinsab 'il fuq minn 250 metru mil-livell tal-baħar tal-komuni tal-provinċja ta' Salerno, identifikati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-fażijiet kollha tal-proċess ta' produzzjoni għandhom ikunu mmonitorjati billi jiġi ddokumentat l-input (il-prodotti li jidħlu) u l-output (il-prodotti li joħorġu). B'dan il-mod u permezz ta' tniżżil f'listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta' spezzjoni, tal-produtturi, ta' l-artijiet katastali li fuqhom jsir it-tkabbir u tal-pakkettaturi, tiġi garantita t-traċċabbiltà tal-prodott tul il-katina kollha tal-produzzjoni. Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, se jkunu suġġetti għall-kontroll mill-organu ta' spezzjoni, skond kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta' kontroll relatat. F'każ li l-organu ta' spezzjoni jsib nuqqas ta' konformità, anki jekk f'waħda mill-fażijiet tal-katina tal-produzzjoni, il-prodott ma jkunx jista' jiġi kkummerċjalizzat bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Marrone di Roccadaspide”.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Fost affarijiet oħra, l-ispeċifikazzjoni tipprevedi li d-densità kull ettaru ma tkunx aktar minn 130 xitla fil-fażi tal-produzzjoni sħiħa.

It-tkabbir isir bil-metodu tal-volum b'kontenitur semi-liberu. L-istruttura titqiegħed f'għoli ta' 200 ċm mill-art. Jintużaw fergħat bikrin mix-xhur tas-Sajf u tal-Ħarifa biex is-siġar jixxebilku magħhom. Is-siġar jinżabru f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin. Billi hija permeabbli ħafna, il-ħamrija ma teħtieġx xogħlijiet partikolari ta' l-ilma biex ikun evitat l-istaġnar ta' l-ilmijiet meteoriċi. Minħabba dan, il-ħamrija ma tinħadimx. Il-kisja ta' l-art bil-ħaxix għandha tinqata' meta tilħaq it-30-40 ċm.

Il-ħsad għandu jsir fil-Ħarifa sa l-ewwel għaxart ijiem ta' Novembru, b'perjodi ta' ħsad ta' mhux aktar minn ġimagħtejn; dan isir manwalment u b'magni tal-ħsad adatti biex jissalvagwardaw l-integrità tal-prodott.

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni u ta' l-ipproċessar tal-prodott, għajr l-ippakkjar, isiru fit-territorju tal-komuni mniżżla fl-Artikolu 4 u dan jiggarantixxi t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodott.

4.6.   Rabta: L-artijiet taċ-Cilento għandhom il-kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tal-qastan billi huma ta' oriġini vulkanika, għandhom reazzjoni aċida jew newtrali (pH bejn 4.5 u 6.5), b'kontenut għoli ta' minerali, fondi u friski u la jżommu l-ilma u lanqas ma huma asfittiċi. It-temperatura medja annwali hija bejn + 8 °C u + 15 °C. L-ammont ta' xita li tinżel f'sena huwa aktar minn 600-800 mm. Għalhekk, iż-żona hija kkaratterizzata minn klima tipikament Mediterranja b'Xtiewi pjuttost defjin u Sjuf b'perjodi, aktarx twal, nixfin. F'dan l-ambjent, anki t-temperaturi kemmxejn baxxi jiffavorixxu produzzjoni qawwija ta' frott ta' l-iprem kwalità. Il-preżenza ta' ġonna bis-siġar tal-qastan imkabbra, fil-provinċja ta' Salerno hija ddokumentata mill-epoka Medjevali bis-saħħa ta' kuntratti qodma bejn bdiewa u sidien li nżammu fl-arkivju ta' l-Abbazija Benedittina ta' Cava de' Tirreni, il-magħruf “Codex diplomaticus cavensis”. Il-patrijiet Bażiljani wkoll taw il-kontribut tagħhom għat-tixird tat-tkabbir tal-qastan f'xi żoni taċ-Cilento. Barra minn hekk, l-istorja u t-teknika tat-tkabbir li għaddiet minn ġidd għal ġidd ippermettiet li anki l-preżenza tal-bniedem bil-kapaċitajiet tiegħu u x-xogħol sieber tiegħu tirrappreżenta rabta qawwija ħafna bejn dan il-prodott u l-madwar tiegħu. Sa mill-1800, il-qastan mhux biss irrappreżenta ikel indispensabbli għall-popolazzjoni lokali, iżda kellu rwol importanti fl-ekonomija lokali billi kien merkanzija għat-tpartit mal-popolazzjonijiet tal-madwar. Tul is-sekli, festi, kitbiet u riċetti komplew jorbtu l-qastan ma' dawn it-territorji. Għaldaqstant, għerf il-bniedem u l-karatteristiċi pedoklimatiċi kkumbinati hekk tajjeb bejniethom jagħtu lill-prodott dawk il-karatteristiċi li jagħmluh uniku fix-xorta tiegħu u għanewh b'reputazzjoni indiskutibbli.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

ISMECERT

Indirizz:

Centro Direzionale Isola G1

I-80143 Napoli

Tel.:

(39) 081 787 97 89

Feks:

(39) 081 604 01 76

Posta elettronika:

info@ismecert.it

4.8.   Tikkettar: Fuq il-pakketti jew fuq it-tikketti mwaħħla għandhom jitniżżlu, b'ittri kbar ċari u leġġibbli, ta' l-istess daqs, l-indikazzjonijiet: “Marrone di Roccadaspide” u wara: “Indicazione Geografica Protetta” (jew it-taqsira bit-Taljan I.G.P.); l-isem, isem l-azjenda u l-indirizz ta' l-azjenda ta' l-ippakkjar jew tal-produzzjoni; il-kwantità tal-prodott li effettivament fih il-pakkett, il-logo ta' l-I.Ġ.P. L-indikazzjonijiet kollha jistgħu jintwerew fuq it-tikketta b'ittri b'għoli u wisa' mhux aktar minn nofs dawk użati jew jindikaw l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta. Il-logo huwa magħmul minn żewġ ellissi, xbieha tal-qastan mmejla f'41,6 ° lejn il-lemin, u l-kliem “Marrone di Roccadaspide” b'warajhom l-indikazzjoni bit-Taljan Indicazione Geografica Protetta. Id-deskrizzjoni tal-logo tinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-prodotti li għall-preparazzjoni tagħhom tintuża d-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, anki wara l-proċess ta' pproċessar u ta' trattament, jistgħu jitqiegħdu għall-konsum f'pakketti b'referenza għad-denominazzjoni msemmija mingħajr ma jitwaħħal il-logo Komunitarju, bil-kundizzjoni li:

il-prodott bid-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, iċċertifikat bħala tali, jikkostitwixxi l-komponent esklussiv tal-kategorija tal-merkanzija kkonċernata;

l-utenti tal-prodott bil-denominazzjoni protetta: huma awtorizzati minn dawk fil-pussess tad-dritt tal-proprjetà intellettwali mogħti mir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, li jiltaqgħu f'Konsorzju inkarigat għall-ħarsien mill-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali: Dan l-istess Konsorzju inkarigat għandu jniżżilhom ukoll f'reġistri speċifiċi u se jissorvelja fuq l-użu korrett tad-denominazzjoni protetta: Fin-nuqqas ta' Konsorzju għall-ħarsien inkarigat, il-qadi tad-dmirijiet imsemmijin hawn fuq se jsir mill-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali, billi huwa l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

L-użu mhux esklussiv ta' qastan b'denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide” jippermetti biss referenza għaliha, skond ir-regoli fis-seħħ, fost l-ingredjenti tal-prodott li fih ikun hemm l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, jew li fih ġie pproċessat jew ittrattat.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12..


Top