EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AR0096

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-twaqqif ta' linji ta' gwida għat-tieni edizzjoni ta' l-Inizjattiva tal-Komunità EQUAL dwar i l-koperazzjoni transnazzjonali fil-promozzjoni ta' mezzi ġodda biex tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' ugwaljanza f'dak li hu s-suq tax-xogħol “Tixrid ħieles ta' l-ideat tajbin”

ĠU C 318, 22.12.2004, p. 15–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

22.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 318/15


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-twaqqif ta' linji ta' gwida għat-tieni edizzjoni ta' l-Inizjattiva tal-Komunità EQUAL dwar i l-koperazzjoni transnazzjonali fil-promozzjoni ta' mezzi ġodda biex tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' ugwaljanza f'dak li hu s-suq tax-xogħol “Tixrid ħieles ta' l-ideat tajbin”

(2004/C 318/04)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-twaqqif ta' linji ta' gwida għat-tieni edizzjoni ta' l-Inizjattiva tal-Komunità EQUAL dwar i l-koperazzjoni transnazzjonali fil-promozzjoni ta' mezzi ġodda biex tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' ugwaljanza f'dak li hu s-suq tax-xogħol “Tixrid ħieles ta' l-ideat tajbin” KOM(2003) 840 finali,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta' Jannar 2004 li tikkonsultah dwar dan is-suġġett, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 265 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-President tas-6 ta' Novembru 2003 li titlob lill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali biex tħejji Opinjoni dwar dan is-suġġett,

Wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni (KtR 96/2004 rev 1) adottat fit-30 ta' April 2004 mill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali (rapporteur: Kllr Peter Moore, Kunsill ta' Sheffield City (UK/ELDR)),

adotta l-Opinjoni segwenti b'mod unanimu fil-55 sessjoni plenarja tas-16 u s-17 ta' Ġunju (Laqgħa tas-16 ta' Ġunju).

1.   Kummenti

Il-Kumitat tar-Reġjuni

1.1

jqis li EQUAL hija għodda fost l-aktar importanti biex tnissel u xxerred it-tiġdid fil-qasam ta' l-impiegi u l-politika soċjali;

1.2

jisħaq li l-awtoritajiet lokali taw l-appoġġ tagħhom bis-sħiħ lill-EQUAL mill-bidu nett, peress li tipprovdi opportunità sinifikanti fit-titjib u aktar żvilupp tal-politika soċjali u ta' l-impjiegi fl-livelli lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali japprovaw ukoll l-kunċett ta' partnership f'EQUAL, skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba;

1.3

jqis li l-integrazzjoni tat-teknoloġija innovattiva u l-iżvilupp ta' metodu prattiku u kompetenzi fuq medda twila ta' żmien għandhom ikunu għanijiet ewlenin. Jemmen li dak li jinkiseb m'għandux ikun maqtugħ mill-prassi prinċipali, iżda għandu jkun biċċa waħda biex jiżdiedu dimensjonijiet ġodda u tiżdied l-effiċjenza. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu sehemhom biex tissawwar prassi ġdida fis-sistemi lokali ta' provvista ta' servizzi u n-networks ta' politika lokali;

1.4

jisħaq li l-kwistjoni tal-komunità Roma hija ta' rilevanza u importanza kbira għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bit-tkabbir ser ikunu l-akbar grupp ta' minoranza etnika li jiddistingwi ruħu fl-Unjoni Ewropea. Minkejja passat ta' 700 sena ta' għejxien fi ħdan it-truf ta' l-UE l-komunità Roma tibqa' x'aktarx wieħed mill-aktar gruppi diskriminati fost iċ-ċittadini Ewropej. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom dmir kruċjali x'jaqdu huma u jindirizzaw il-kwistjonijiet li għandha quddiemha l-komunità Roma, fatt li huwa magħruf mir-rappreżentanti nfushom ta' l-għaqdiet Ewropej Roma;

1.5

jisħaq ukoll il-fenomenu importanti tat-traffikar tat-tfal u n-nisa; jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ir-rwol kruċjali li jġibu 'l quddiem il-ġid tal-komunità u għandhom jindirizzaw il-konsegwenzi personali (eż. appoġġ lill-vittma) u soċjali (eż. prevenzjoni tal-kriminalità) tat-traffikar tal-persuni u dan l-aspett ta' l-industrija tas-sess, f'dan ir-rigward, jisħaq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom il-fondi u r-riżorsi meħtieġa kif xieraq;

1.6

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jitqiesu bħala sħab ewlenin fit-twettiq ta' EQUAL u fl-integrazzjoni ta' dak li tikseb.

2.   Rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat tar-Reġjuni

2.1

jilqa' l-introduzzjoni ta' stadju ta' konferma għal Azzjoni 2; jirrakkomanda li l-attività ta' Azzjoni 3 (tixrid u integrazzjoni) tista' tkun intergrata bl-istess mod biex tgħin li jiġu indirizzati problemi ta' fondi biex jinstabu l-imsieħba peress li Azzjoni 3 fiha nnifisha m'għandiex ħafna minn dawk it-tipi ta' outputs li ġeneralment il-persuni li joffru l-fondi jkunu qiegħdin iffittxu; (i.e.benefiċjarji ta' appoġġ b'attività diretta);

2.2

jilqa' l-opportunità li titwessa' s-sħubija biex ssir ħidma ma' l-istati li se jissieħbu – xi regolamenti finanzjarji xekklu xi daqsxejn il-potenzjal ta' dan fl-ewwel edizzjoni;

2.3

jqis li fl-esperimentazzjoni dwar il-ħarsien mill-qgħad, il-kwalità ta' l-impjiegi, u l-ħolqien dirett ta' impjiegi, l-Partnerships għall-Iżvilupp għandhom jiġu mħeġġa jħarsu lejn l-esperjenza u kull prassi tajba minn l-ewwel edizzjoni – b'mod partikolari xi tagħlima li wieħed ikun ħa, meta xi mod kif wieħed iħares lejn problema ma jkunx ħadem;

2.4

jisħaq l-importanza li l-ħaddiema jinżammu għal aktar żmien fix-xogħol– l-għarfien ta' dan mill-Kummissjoni huwa milqugħ tajjeb minħabba t-tendenza ġenerali tal-popolazzjoni li qed issir anzjana, iżda wkoll fir-rigward ta' żoni bi tradizzjoni ta' industrija kbira fejn ħafna mill-ħaddiema l-aktar anzjani kellhom, jew għad għandhom il-ħtieġa li, jitħarrġu mill-ġdid biex iżommu posthom fis-settur tas-servizzi u industriji oħra;

2.5

jqis li huwa importanti li wieħed jgħaraf id-diffikultà li jimpenja lil min iħaddem biex iġib 'il quddiem id-diversità, iżda jħeġġeġ it-tagħlim mill-aqwa prassi żviluppata skond l-ewwel edizzjoni mal-medda ta' l-Istati Membri;

2.6

jilqa' l-appoġġ li ser jingħata biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti tal-problemi li għandha l-komunità Roma u l-vittmi tat-traffikar; jqis li dawn u sfidi oħra li qed jitfaċċaw ma' l-UE kollha għandhom jiġu indirizzati fi ħdan kuntest xieraq fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u ma jkollhomx impatt negattiv fejn gruppi oħra jeħtieġu li jiġu kkunsidrati;

2.7

jemmen li jeħtieġ li l-pajjiżi kollha jżommu ma' l-istess skeda ta' xogħol biex jitħaffef it-twaqqif ta' sħubija trans-nazzjonali f'ħin xieraq, b'perijodi ta' rendiment li jibdew fl-istess waqt biex wieħed jiżgura li tkun sħubija effettiva. Dan ma seħħx fl-ewwel edizzjoni. Nilqgħu l-istqarrija mtennija tal-Kummissjoni dwar l-importanza ta' dan;

2.8

jilqa' l-opportunità li jibni fuq in-network tematiku b'ħidma fi gruppi fuq livell nazzjonali u Ewropew fit-tieni edizzjoni, u jistenna li l-Kummissjoni tara aktar benefiċċji minn dan fit-tieni edizzjoni u impatt akbar. Il-kunċett ta' network tematiku b'ħidma fi gruppi żviluppa kemmxejn bil-mod matul l-ewwel edizzjoni. Il-KtR jemmen li l-Awtoritajiet Amministrattivi għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tagħhom tal-Partnerships għall-Iżvilupp biex jieħdu sehem u jkunu proattivi fl-identifikazzjoni tan-nies u l-politika ewlenin biex wieħed jieħu kull ma jista' mill-impatt tal-ħidma li ngħatat bidu mill-Għaqdiet. Aktar integrazzjoni tkun ta' siwi bejn il-gruppi ta' ħidma fin-Network temariku, dawk li huma responsabbli mit-tħejjija ta' dokumenti ta' l-Istati Membri u ta' l-Ewropa marbuta mal-politika Ewropea ta' Strateġija għall-Impieg u l-Inklużjoni Soċjali. Dan jiffaċilita l-integrazzjoni, li hija identifikata bħala sfida.

2.9

jilqa' l-proposti dwar l-integrazzjoni, li jiżguraw l-input minn EQUAL għal dawk li jfasslu l-politika u l-programmi ta' Objectives 1, 2 u 3; jirrikomanda li l-gruppi fin-networks tematiċi għandhom isiru formalment parti minn dan.

2.10

jqis bħala importanti li ma jintilfux il-benefiċċji tax-xogħol transnazzjonali wara l-2006 fil-qasam ta' l-impjiegi, u għalhekk jirrikomanda l-inklużjoni ta' element trans-nazzjonali fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-programmi FSE minflok il-programmi t'issa (kif ukoll fi ħdan il-programm reġjonali ERDF).

Brussel, 16 ta' Ġunju, 2004.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Peter STRAUB


Top