Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015TJ0100

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Marzu 2016.
    Dextro Energy GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal – Ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet minkejja l-opinjoni pożittiva tal-EFSA – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-100/15.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2016:150

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    16 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

    “Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet minkejja l-opinjoni pożittiva tal-EFSA — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T-100/15,

    Dextro Energy GmbH & Co. KG, stabbilita fi Krefeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Hagenmeyer u T. Teufer, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Grünheid, bħala aġent,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/8, tas-6 ta’ Jannar 2015, li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 3, p. 6),

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Dextro Energy GmbH & Co. KG, hija impriża stabbilita fil-Ġermanja li tipproduċi, bit-trade mark Dextro Energy, prodotti ta’ diversi formati komposti kważi totalment mill-glukożju għas-suq Ġermaniż u s-suq Ewropew. Il-kubu klassiku huwa magħmul minn tmien tabletti ta’ glukożju ta’ 6 grammi (6 g) kull waħda.

    2

    Il-glukożju huwa monosakkarid li jagħmel parti mill-grupp tal-karboidrati. Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18), moqri flimkien mal-punt 8 tal-Anness I tal-istess regolament, il-monosakkaridi u d-disakkaridi kollha preżenti fi prodott tal-ikel, minbarra l-polioli, huma zokkrijiet.

    3

    Skont l-Artikolu 13(5) u l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), fil-21 ta’ Diċembru 2011 r-rikorrenti talbet lill-awtorità kompetenti Ġermaniża, jiġifieri l-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (uffiċċju federali Ġermaniż għall-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sigurtà tal-ikel), sabiex tawtorizza, b’mod partikolari, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa li ġejjin billi għal kull waħda minnhom ippreċiżat popolazzjoni mmirata:

    “il-glukożju huwa mmetabolizzat fil-kuntest tal-metaboliżmu enerġetiku normali tal-organiżmu”; il-popolazzjoni mmirata kienet ikkostitwita mill-popolazzjoni ġenerali;

    “il-glukożju huwa ta’ sostenn għall-attività fiżika”; il-popolazzjoni mmirata kienet ikkostitwita minn irġiel u nisa attivi li huma f’qagħda tajba tas-saħħa u ttrenjati tajjeb għar-reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance);

    “il-glukożju jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku”; il-popolazzjoni mmirata kienet ikkostitwita mill-popolazzjoni ġenerali;

    “il-glukożju jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku matul l-attività fiżika”; il-popolazzjoni mmirata kienet ikkostitwita minn irġiel u nisa attivi li huma f’qagħda tajba tas-saħħa u ttrenjati tajjeb għar-reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance);

    “il-glukożju jikkontribwixxi għal funzjonament normali tal-muskoli matul l-attività fiżika”; il-popolazzjoni mmirata kienet ikkostitwita minn irġiel u nisa attivi li huma f’qagħda tajba tas-saħħa u ttrenjati tajjeb għar-reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance);

    4

    Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit għadda din it-talba lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).

    5

    Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2012, l-EFSA talbet lir-rikorrenti informazzjoni addizzjonali.

    6

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2012 lill-EFSA, ir-rikorrenti pproponiet li żżid il-kelma “normali” mal-istqarrija “l-glukożju huwa ta’ sostenn għall-attività fiżika” wara l-kelma “fiżika”. Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna l-istqarrija “l-glukożju jikkontribwixxi għal funzjonament normali tal-muskoli matul l-attività fiżika”, hija aċċettat li jitneħħa l-kliem “matul l-attività fiżika”.

    7

    Fil-25 ta’ April 2012, l-EFSA adottat ħames opinjonijiet xjentifiċi dwar l-istqarrijiet ta’ effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 16(3) tal-istess regolament. Fl-opinjoni tagħha dwar l-istqarrija “l-glukożju huwa mmetabolizzat fil-kuntest tal-metaboliżmu enerġetiku normali tal-organiżmu”, l-EFSA kkonkludiet li, abbażi tad-data ppreżentata, ġiet stabbilita rabta kawżali bejn il-konsum ta’ glukożju u l-kontribuzzjoni għall-metaboliżmu enerġetiku. Hija kkonstatat ukoll li l-kliem “il-glukożju jikkontribwixxi għall-metaboliżmu enerġetiku” kien jirrifletti l-provi xjentifiċi u li prodott tal-ikel, sabiex ikun jista’ jġorr din l-istqarrija, kellu jkun sors sinjifikattiv ta’ glukożju. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-konsum ta’ referenza tal-karboidrati għall-finijiet tal-ittikkettjar kien ġie stabbilit fir-Regolament Nru 1169/2011 u li l-popolazzjoni mmirata kienet il-popolazzjoni ġenerali.

    8

    Fir-rigward tal-erba’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, kif emendati skont il-proposti tar-rikorrenti jew aċċettati minn din tal-aħħar, l-EFSA kkonkludiet, fl-opinjonijiet xjentifiċi rispettivi tagħha, abbażi tad-data prodotta mir-rikorrenti, li l-effetti allegati jirreferu għall-parteċipazzjoni tal-glukożju fil-metaboliżmu enerġetiku, li l-evalwazzjoni tagħha kienet diġà tat riżultat pożittiv.

    9

    Wara l-pubblikazzjoni tal-ħames opinjonijiet xjentifiċi fil-11 ta’ Mejju 2012, konformement mal-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-British specialist nutrition association (assoċjazzjoni tal-produtturi Brittaniċi ta’ prodotti tan-nutrizzjoni, BSNA), fis-7 ta’ Ġunju 2012 fformulat osservazzjonijiet dwarhom mal-Kummissjoni Ewropea. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA li jikkonċernaw l-istqarrijiet “il-glukożju huwa ta’ sostenn għall-attività fiżika normali” u “l-glukożju jikkontribwixxi għal funzjonament normali tal-muskoli”. Il-Kummissjoni għaddiet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti lill-EFSA sabiex tieħu pożizzjoni dwarhom.

    10

    Fit-12 ta’ Settembru 2012, l-EFSA ppreżentat żewġ rapporti tekniċi fejn hija eżaminat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar iż-żewġ opinjonijiet xjentifiċi kkonċernati.

    11

    Fis-17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, abbozz ta’ regolament dwar iċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti. Dan il-kumitat ġie stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-EFSA u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, p. 1). Waqt il-laqgħa ta’ dan il-kumitat tas-17 ta’ Ottubru 2014, kien jeżisti qbil bejn l-Istati Membri dwar l-imsemmi abbozz ta’ regolament.

    12

    Fis-6 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/8, tas-6 ta’ Jannar 2015, li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 3, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Anness tiegħu, il-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa li huma s-suġġett tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA msemmija fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni Ewropea tal-istqarrijiet awtorizzati, imsemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006. Skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu u użati qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament setgħu jibqgħu jintużaw għal perijodu massimu ta’ sitt xhur wara din id-data.

    13

    Skont il-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni bbażat iċ-ċaħda tagħha ta’ awtorizzazzjoni tal-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    14

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

    15

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    16

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

    17

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2015.

    18

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-regolament ikkontestat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

    19

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    20

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, it-tieni wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u r-raba’ wieħed fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006

    21

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, sa fejn, minkejja l-opinjonijiet xjentifiċi pożittivi tal-EFSA, hija rrifjutat l-inklużjoni, tal-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba, fil-lista tal-Unjoni tal-istqarrijiet awtorizzati, imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.

    22

    Essenzjalment, l-ewwel motiv jinkludi ħames partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 għaċ-ċaħda tal-inklużjoni ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa fil-lista tal-istqarrijiet awtorizzati. It-tieni parti tikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa jibgħat messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi. Fil-kuntest tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni la kienu ambigwi u lanqas qarrieqa. Fl-aħħar nett, il-ħames parti tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni naqsitx mill-obbligu tagħha li tivverifika jekk l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni setgħux jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew akkumpanjati minn spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali.

    Dwar l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 għaċ-ċaħda tal-inklużjoni ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa fil-lista tal-istqarrijiet awtorizzati

    23

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, sa fejn, minkejja l-opinjonijiet xjentifiċi pożittivi tal-EFSA, hija rrifjutat l-inklużjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni fil-lista tal-istqarrijiet awtorizzati. B’mod ġenerali, stqarrija li fuqha l-EFSA tat opinjoni pożittiva għandha tkun awtorizzata. Skont ir-rikorrenti, ma huwiex possibbli li mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 jiġi dedott liema huma l-fatturi leġittimi u rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi dwar talba għall-inklużjoni ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa. F’dan il-każ, la ħtiġijiet tad-dritt tal-Unjoni u lanqas fatturi leġittimi u rilevanti ma jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kontra l-opinjonijiet pożittivi tal-EFSA, iktar u iktar peress li l-Kummissjoni allegatament awtorizzat l-użu ta’ dawn l-istqarrijiet għal perijodu tranżitorju ta’ sitt xhur. Skont ir-rikorrenti, b’mod partikolari, il-motivi invokati fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat ma humiex ta’ natura rilevanti jew leġittima li tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talbiet tagħha.

    24

    Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, jekk, wara l-evalwazzjoni xjentifika, l-EFSA tagħti opinjoni favorevoli għall-inklużjoni tal-istqarrija fil-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni dwar it-talba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-EFSA, id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll fatturi leġittimi u rilevanti oħra għall-kwistjoni ineżami, wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri u fi żmien xahrejn minn meta tkun irċeviet l-opinjoni tal-EFSA.

    25

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li skontu, b’mod ġenerali, stqarrija li dwarha l-EFSA tkun tat opinjoni pożittiva għandha tkun awtorizzata, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li, meta tiddeċiedi dwar talba għal stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni tliet elementi, jiġifieri, l-ewwel nett l-evalwazzjoni xjentifika li tkun tinsab fl-opinjoni tal-EFSA, it-tieni nett id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, it-tielet nett, fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami. Hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament, l-opinjoni tal-EFSA ma tinkludix it-tieni u t-tielet elementi msemmija hawn fuq. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tfassal l-opinjoni tagħha, l-EFSA għandha biss tivverifika jekk l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa hijiex ibbażata fuq provi xjentifiċi u jekk il-formulazzjoni tal-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa tissodisfax il-kriterji msemmija fir-Regolament Nru 1924/2006. B’mod partikolari, fuq il-livell materjali l-EFSA għandha tiżgura li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa huma bbażati fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati u huma ġġustifikati minn tali provi, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet obbligata tinkludi l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni fil-lista tal-istqarrijiet awtorizzati minħabba s-sempliċi fatt li l-EFSA kienet tat opinjonijiet pożittivi. Għall-kuntrarju, minkejja li, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 1924/2006, l-evidenza xjentifika għandha tkun l-aspett ewlieni li jrid jitqies fl-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, meta tiddeċiedi skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, kienet il-Kummissjoni li kellha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ta’ fatturi leġittimi u rilevanti oħra għall-kwistjoni ineżami. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata ssegwi d-deċiżjoni tal-EFSA huwa kkonfermat mill-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, li skontu l-awtorizzazzjoni ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa hija wkoll possibbli jekk l-EFSA tagħti opinjoni sfavorevoli għall-inklużjoni ta’ din l-istqarrija fil-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament. L-argument tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud.

    26

    Sa fejn ir-rikorrenti, f’dan ir-rigward, issostni li la ħtiġijiet tad-dritt tal-Unjoni u lanqas fatturi leġittimi u rilevanti ma jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kontra l-opinjonijiet pożittivi tal-EFSA, iktar u iktar peress li l-Kummissjoni allegatament awtorizzat l-użu ta’ dawn l-istqarrijiet għal perijodu tranżitorju ta’ sitt xhur, l-argument tagħha lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, huwa minnu li, skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa użati qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament setgħu jibqgħu jintużaw għal perijodu massimu ta’ sitt xhur wara din id-data. Madankollu, mill-premessa 16 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni pprevediet tali perijodu tranżitorju sabiex l-operaturi tas-settur tal-ikel u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-projbizzjoni ta’ dawn l-istqarrijiet. Il-fatt li ġie previst perijodu tranżitorju għaldaqstant bl-ebda mod ma jikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda li jiġu awtorizzati l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, meħuda mill-Kummissjoni.

    27

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura rilevanti u leġittima tal-motivi taċ-ċaħda ta’ inklużjoni li jinsabu fir-regolament ikkontestat. Fil-fehma tagħha, ma huwiex possibbli li mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 jiġi dedott liema huma l-fatturi leġittimi u rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi dwar talba għall-inklużjoni ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, minkejja li tali fatturi jissemmew fil-premessa 30 u fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 178/2002 biss allegatament tindika, b’mod partikolari, fatturi soċjali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali, kif ukoll il-possibbiltà tal-kontrolli. Madankollu, dawn l-aspetti allegatament ma kellhom ebda rwol fid-deċiżjoni ta’ ċaħda.

    28

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti tirrileva li mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma huwiex possibbli li jiġi dedott liema huma l-fatturi leġittimi u rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi dwar talba għall-inklużjoni ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa, hija ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-argument tagħha jirriżulta li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija sostniet biss l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006.

    29

    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li r-rikorrenti xtaqet tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-argument tagħha jkun inammissibbli fl-assenza ta’ xi indikazzjoni relatata mad-dispożizzjoni legali allegatament miksura. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors. Minkejja li huwa minnu li rikorrent ma huwiex obbligat jindika b’mod espliċitu d-dispożizzjoni legali speċifika li fuqha jibbaża l-ilment tiegħu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-argument tiegħu għandu jkun ċar biżżejjed sabiex il-parti avversarja u l-qorti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidentifikaw din id-dispożizzjoni mingħajr diffikultajiet [ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2013, Caventa vs UASI – Anson’s Herrenhaus (BERG), T-224/11, EU:T:2013:81, punti 1415 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    30

    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ inklużjoni li jinsabu fir-regolament ikkontestat ma humiex ta’ natura rilevanti u leġittima, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-talba billi tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-opinjoni tal-EFSA, id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fatturi oħra leġittimi u rilevanti għad-domanda ineżami. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 30 tar-Regolament Nru 1924/2006, li tinsab irrepetuta fil-premessa 3 tar-regolament ikkontestat, f’ċerti każijiet, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji waħedha ma tistax tipprovdi l-informazzjoni kollha li fuqha deċiżjoni ta’ ġestjoni tar-riskji trid tiġi bbażata, u għaldaqstant għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, lill-Kummissjoni għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li, min-naħa tagħha, jinvolvi għażliet ta’ natura politika, ta’ natura ekonomika u ta’ natura soċjali, u li fih hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra, EU:C:2005:449, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni,T-296/12, Ġabra, EU:T:2015:375, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni fil-fatt ma tistax tuża l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika minflok tal-istituzzjonijiet li lilhom, waħedhom, it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-236/01, Ġabra, EU:C:2003:431, punt 135; tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine,C-15/10, Ġabra, EU:C:2011:504, punt 60, u Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2015:375, punt 73).

    32

    Mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni rrifjutat li tawtorizza l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni billi qieset li stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa ma setgħetx tkun inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u ta’ saħħa ġeneralment aċċettati. Skont il-Kummissjoni, l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jwassal messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi, għaliex jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet li, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati, l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jirrakkomandaw li wieħed għandu jnaqqas il-konsum tagħhom. Il-Kummissjoni għaldaqstant qieset li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma kinux konformi mal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 li jipprevedi li l-istqarrijiet la jistgħu jkunu ambigwi u lanqas qarrieqa.

    33

    L-argument tar-rikorrenti ma jurix li l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, skont il-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, ma humiex ta’ natura rilevanti u leġittima għall-kwistjoni ineżami. Huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma indikax il-fatturi leġittimi u rilevanti msemmija fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006. Il-premessa 30 u l-Artikolu 17(1) tal-istess regolament ukoll jillimitaw ruħhom li jsemmu l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami. Billi l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovda ebda preċiżazzjoni li tikkonċerna dawn il-fatturi, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkomunikati f’kull każ ineżami billi jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-għan tar-Regolament Nru 1924/2006 imsemmi fil-premessa 36 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern sa fejn jikkonċerna l-istqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u dwar l-effetti fuq is-saħħa filwaqt li lill-konsumaturi jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni.

    34

    F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat b’mod validu li l-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jikkostitwixxu fattur leġittimu u rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni setgħux jiġu awtorizzati. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-prinċipji jservi sabiex lill-konsumaturi jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni. Ir-rilevanza tal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati għall-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa tistax tiġi awtorizzata ġiet, barra minn hekk, enfasizzata b’mod espress mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1924/2006, li tgħid li stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa ma għandhiex tiġi fformulata jekk hija tkun inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.

    35

    Għalhekk, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball relatat mal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati

    36

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 sa fejn din, bi żball, allegatament qieset li d-diversi allegazzjonijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kienu inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Skont ir-rikorrenti, li kieku kienet teżisti inkompatibbiltà, l-EFSA ma kinitx tagħti opinjonijiet pożittivi. Ir-relazzjonijiet li hija tistabbilixxi fl-istqarrijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa bejn element nutrizzjonali, jiġifieri l-glukożju, minn naħa waħda, u s-saħħa, min-naħa l-oħra, huma allegatament xjentifikament stabbiliti. Billi għamlet riferiment għal opinjoni xjentifika mogħtija mill-EFSA, dwar il-valuri nutrizzjonali ta’ referenza għall-konsum ta’ karboidrati u fibri alimentari, ir-rikorrenti ssostni li l-importanza nutrizzjonali tal-karboidrati hija ġeneralment aċċettata fuq il-pjan xjentifiku, l-istess bħall-importanza partikolari tal-glukożju għall-alimentazzjoni tal-bniedem.

    37

    Skont il-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa ma setgħetx tkun inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Hija rrilevat li, minkejja li l-EFSA kienet ikkonkludiet li rabta kawżali kienet ġiet stabbilita bejn il-konsum ta’ glukożju u l-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku, l-użu ta’ tali stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa jibgħat messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi, għaliex huwa jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet, li tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jirrakkomandaw it-tnaqqis tal-konsum, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati.

    38

    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-formulazzjoni tad-diversi stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, din għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ma ċaħditx l-awtorizzazzjoni tad-diversi stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni minħabba l-fatt li l-formulazzjoni tagħhom bħala tali kienet inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Skont il-Kummissjoni, huwa l-fatt li l-użu mill-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni allegatament jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet li jmur kontra dawn il-prinċipji, peress li, skont dawn il-prinċipji, il-konsum ta’ zokkrijiet għandu jitnaqqas.

    39

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-EFSA ma tatx opinjonijiet pożittivi dwar l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni li kieku dawk kienu inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-EFSA huwa biss ta’ natura limitata. Hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 16(3) tal-istess regolament, sabiex tfassal l-opinjoni tagħha l-EFSA għandha biss tivverifika jekk l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa hijiex ibbażata fuq provi xjentifiċi u jekk il-formulazzjoni tal-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa tissodisfax il-kriterji msemmija fir-Regolament Nru 1924/2006. B’mod partikolari, fuq il-pjan materjali, l-EFSA għandha tiżgura li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa huma bbażati fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati u li huma ġġustifikati minn tali provi, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont il-punt (5) tal-Artikolu 2(2), u l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, tali evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-EFSA għandha tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba tesprimix ġustament rabta kawżali bejn il-konsum ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, prodott tal-ikel jew wieħed mill-komponenti tiegħu u l-effett fiżjoloġiku benefiku ddikjarat.

    40

    It-tieni nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-EFSA għandha tkun distinta mill-ġestjoni tar-riskji mwettqa mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-premessa 30 tar-Regolament Nru 1924/2006 tistabbilixxi li, f’ċerti każijiet, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, waħedha, ma tistax tipprovdi l-informazzjoni kollha li fuqha deċiżjoni ta’ ġestjoni tar-riskji għandha tiġi bbażata u li fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami għaldaqstant għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    41

    It-tielet nett, hekk kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-opinjonijiet tal-EFSA dwar l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni li skonthom ġiet stabbilita rabta kawżali bejn il-konsum tal-glukożju u l-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku. Madankollu, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-evalwazzjoni xjentifika tal-EFSA, id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, b’mod partikolari ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati li ma kinux għamlu parti mill-evalwazzjoni mwettqa mill-EFSA. Il-fatt li, skont l-opinjonijiet ta’ din tal-aħħar, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni huma xjentifikament stabbiliti għaldaqstant ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-użu ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet kien inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati.

    42

    Fit-tielet lok, billi għamlet riferiment għal opinjoni xjentifika mogħtija mill-EFSA, dwar il-valuri nutrizzjonali ta’ referenza għall-konsum ta’ karboidrati u ta’ fibri alimentari, ir-rikorrenti ssostni li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma humiex inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, peress li l-importanza nutrizzjonali tal-karboidrati hija ġeneralment aċċettata fuq il-pjan xjentifiku, l-istess bħall-importanza partikolari tal-glukożju għall-alimentazzjoni tal-bniedem.

    43

    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, peress li din l-opinjoni xjentifika tal-EFSA ma ġietx ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax juri li l-Kummissjoni, bi żball, qieset li l-użu ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet kien inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati.

    44

    Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-glukożju huwa ta’ importanza għall-alimentazzjoni tal-bniedem, kif issostni r-rikorrenti, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat skont liema konstatazzjoni l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jirrakkomandaw li l-konsum ta’ zokkrijiet jitnaqqas abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati u li skontha, konsegwentement, l-użu ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet huwa inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati.

    45

    It-tieni nett, sa fejn fir-replika r-rikorrenti ssostni li d-data li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha ma tippermettix li wieħed jiġġeneralizza f’dak li jirrigwarda l-glukożju, iżda kienet tirreferi għall-konsum għoli ta’ zokkor miżjud, għall-ħlewwiet u għax-xarbiet dolċifikati, għall-konsum ta’ xarbiet dolċifikati fit-tfal jew għall-ikel b’ammont għoli ta’ zokkor miżjud u hija biss parzjalment konklużiva, l-argument tagħha lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    46

    Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati, huwa rrakkomandat li wieħed inaqqas il-konsum taz-zokkrijiet, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat li hija bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ qbil fuq il-livell internazzjonali, il-livell tal-Unjoni u l-livell nazzjonali, dwar il-ħtieġa li jonqos il-konsum taz-zokkor pur u ta’ zokkor miżjud mal-prodotti tal-ikel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat hija suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-kompatibbiltà tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-preċiżazzjonijiet tal-motivazzjoni tal-att inkwistjoni pprovduti matul il-proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni,C-398/13 P, Ġabra, EU:C:2015:535, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fuq il-livell internazzjonali, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal rapport ta’ grupp ta’ studju tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar id-dieta, in-nutrizzjoni u l-prevenzjoni tal-mard kroniku tal-1989, liema rapport jgħid li għandhom jiġu inkoraġġuti diskussjonijiet bl-għan li jiġu indikati b’mod preċiż prodotti tal-ikel li ma fihomx ħafna xaħam, zokkrijiet irraffinati sempliċi u melħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal direttiva tad-WHO tal-2015 dwar il-konsum ta’ zokkrijiet mill-adulti u mit-tfal, li fiha rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont ta’ zokkrijiet liberi bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ mard kroniku. Skont id-definizzjoni li tinsab f’din id-direttiva, “zokkrijiet liberi” huma l-monosakkaridi u d-disakkaridi miżjuda mal-ikel u max-xarbiet mill-produttur, mill-kok jew mill-konsumatur, kif ukoll iz-zokkrijiet li jinsabu b’mod naturali fl-għasel, fil-ġuleppi, fil-meraq tal-frott u fil-konċentrati ta’ meraq tal-frott. Minbarra dan, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-pjan ta’ azzjoni Ewropew tad-WHO għal politika tal-ikel u nutrizzjonali 2015-2020, skont liema pjan huwa rrakkomandat li jiġu adottati miżuri stretti li jillimitaw l-impatt globali, fuq it-tfal, ta’ kull xorta ta’ marketing ta’ ikel li fih ħafna kaloriji, ħafna xaħam saturat, ħafna aċidu xaħmi trans, ħafna zokkor jew ħafna melħ.

    48

    Fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari semmiet l-adozzjoni, mill-grupp fuq livell għoli dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika, tal-qafas tal-Unjoni dwar l-inizjattivi nazzjonali relatati ma’ nutrijenti magħżula. Dan il-qafas huwa intiż li jnaqqas il-prodotti tal-ikel li fihom ħafna kaloriji, bħall-prodotti tal-ikel li fihom zokkrijiet miżjuda. Minbarra dan, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika (ĠU 2014, C 213, p. 1), li huma intiżi li jnaqqsu l-konsum tal-prodotti tal-ikel li fihom zokkrijiet miżjuda.

    49

    Fl-aħħar nett, fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni b’mod partikolari għamlet riferiment għall-pożizzjoni tad-Deutsche Gesellschaft für Ernährung (kumpannija Ġermaniża għan-nutrizzjoni, DGE), tal-2011, dwar il-valuri indikattivi tal-kontenut enerġetiku fi karboidrati u lipidi, skont liema pożizzjoni, fil-Ġermanja, parti sostanzjali tal-ammont ta’ karboidrati riżultanti mill-konsum ta’ monosakkaridi u ta’ disakkaridi użati speċjalment fil-ħlewwiet u x-xarbiet dolċifikati, kien neċessarju trasferiment lejn il-konsum ta’ prodotti abbażi ta’ ċereali biż-żerriegħa sħiħa. Barra minn hekk, hija semmiet il-programm nazzjonali “Nutrition Santé” 2011-2015 tar-Repubblika Franċiża li jirrakkomanda żieda fil-konsum ta’ karboidrati kumplessi u tnaqqis tal-konsum ta’ zokkrijiet, u r-rakkomandazzjonijiet bl-għan li jitnaqqas il-konsum taz-zokkrijiet, intitolati “Sugar reduction: Responding to the challenge” (tnaqqis taz-zokkor: rispons għall-isfida) tal-aġenzija eżekuttiva indipendenti Public Health England, stabbilita mill-ministeru tas-saħħa tar-Renju Unit, tal-2014. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għamlet riferiment għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tat-Tramuntana tal-2004, applikati fid-Danimarka, fil-Finlandja u fl-Isvezja, li jipprevedu valur massimu għall-konsum ta’ zokkrijiet miżjuda.

    50

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, wieħed ma jistax jargumenta b’mod validu li, fuq il-livell internazzjonali, fuq il-livell tal-Unjoni u fuq il-livell nazzjonali, ma jeżistix qbil dwar il-ħtieġa li jitnaqqas il-konsum taz-zokkor. Il-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 47 sa 49 iktar ’il fuq, juru li tali qbil jeżisti għat-tnaqqis tal-konsum kemm taz-zokkrijiet miżjuda mal-prodotti tal-ikel kif ukoll taz-zokkor pur. Peress li r-rikorrenti ma tikkontestax li ġeneralment huwa rrakkomandat li l-konsum ta’ zokkrijiet miżjuda jitnaqqas, hija ma tistax issostni b’mod validu li tali rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-konsum ta’ zokkor pur. Barra minn hekk, huwa minnu li l-prodotti tar-rikorrenti li jikkostitwixxu ikel b’kontenut għoli ta’ zokkor miżjud moħbi u lanqas xarbiet dolċifikati għat-tfal. Madankollu għandu jitfakkar li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jikkonċernaw preċiżament il-glukożju bħala tali, li huwa zokkor (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) u li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati mill-Kummissjoni jistgħu jintużaw, skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, minn kull operatur tas-settur tal-ikel. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti tar-rikorrenti huma komposti kważi esklużivament mill-glukożju.

    51

    Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball dwar il-konstatazzjoni ta’ messaġġ kontradittorju u ambigwu

    52

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 sa fejn din allegatament qieset li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jibgħat messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi. Kuntrarjament għal dak li allegatament issostni l-Kummissjoni, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma jinkoraġġixxux il-konsum ta’ zokkrijiet. Dawn allegatament jiddeskrivu biss l-effetti tal-glukożju f’kuntest ta’ attivitajiet fiżiċi sportivi. Fi tlieta mill-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, l-irġiel u n-nisa ttrenjati tajjeb huma allegatament imsemmija b’mod speċifiku bħala l-popolazzjoni mmirata. Għal dawn, il-konsum ta’ zokkor għadu importanza differenti milli, pereżempju, għall-grupp ta’ konsumaturi partikolarment sensittivi. Skont ir-rikorrenti, is-sempliċi rakkomandazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet li wieħed inaqqas il-konsum taz-zokkor ma tibdel xejn lill-fatt li l-glukożju fih il-proprjetajiet ta’ benefiċċju għas-saħħa msemmija mill-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, indipendentement mill-fatt li, skont l-awtoritajiet, ċerti persuni jikkonsmaw wisq zokkor. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ilha preżenti fis-suq għal madwar sebgħin sena u l-benefiċċji tal-prodotti tagħha għas-saħħa għaldaqstant huma ġeneralment aċċettati. Il-konsumaturi ma jitfixklux dwar is-sens tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni u huma lanqas ma jadottaw, minħabba fihom, aġir potenzjalment mhux mixtieq, bħal konsum eċċessiv. Skont ir-rikorrenti, il-konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat, jaf li ma għandux jikkonsma wisq zokkor. Jekk il-loġika tal-Kummissjoni tiġi segwita, din tal-aħħar lanqas ma kellha tawtorizza żewġ stqarrijiet oħra li jikkonċernaw xarbiet li fihom il-glukożju.

    53

    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa jwassal messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi, għaliex jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet li dwarhom l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jirrakkomandaw li wieħed inaqqas il-konsum tagħhom, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati.

    54

    L-argument tar-rikorrenti ma jurix li din il-kunsiderazzjoni hija vvizzjata minn żball.

    55

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet. Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, dan tal-aħħar għandu japplika għall-istqarrijiet nutrizzjonali u dwar l-effetti fuq is-saħħa magħmula fil-komunikazzjonijiet ta’ natura kummerċjali, kemm jekk dawn jidhru fit-tikketta kif ukoll fil-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel jew fir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom, ġaladarba l-prodotti tal-ikel inkwistjoni huma intiżi sabiex jiġu forniti bħala tali lill-konsumatur finali. Hekk kif ġie kkonstatat fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, il-prodotti tal-ikel li l-promozzjoni tagħhom issir permezz ta’ stqarrijiet jistgħu jidhru li għandhom vantaġġ nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, jew xi vantaġġ ieħor marbut mas-saħħa meta mqabbel ma’ prodotti simili jew prodotti oħra li fihom ma ġewx miżjuda dawn in-nutrijenti u sustanzi oħra. Għaldaqstant, dan jista’ jwassal lill-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet li jinfluwenzaw direttament il-kwantità totali tad-diversi nutrijenti jew ta’ sustanzi oħra li huma jassorbu, b’mod li jmur kontra l-opinjonijiet xjentifiċi fil-qasam (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor,C-544/10, Ġabra, EU:C:2012:526, punt 37). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1924/2006, l-għoti ta’ stqarrija nutrizzjonali jew dwar l-effetti fuq is-saħħa tagħti lill-prodotti tal-ikel ikkonċernati immaġni pożittiva. Peress li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni minn operatur tas-settur tal-ikel jagħti lill-prodotti tiegħu konnotazzjoni pożittiva billi jippreżenta benefiċċju u billi joħloq immaġni pożittiva tagħhom, ma jistax jiġi konkluż li dan ma jinkoraġġixxix il-konsum ta’ dawn il-prodotti li, skont l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq), għandhom ikunu sors sinjifikattiv ta’ glukożju sabiex ikunu jistgħu jġorru dawn l-istqarrijiet.

    56

    F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li għal snin twal, hija użat dikjarazzjonijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa speċifiċi għall-glukożju mingħajr ma dan kellu influwenza notevoli fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-argument ma huwa appoġġjat minn ebda prova. Min-naħa l-oħra, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li l-partijiet tas-suq tar-rikorrenti, skont din tal-aħħar, żviluppaw b’mod kontinwu pjuttost jippermetti li wieħed jikkonkludi li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-effett tal-glukożju seta’ kellhom effetti fuq il-bejgħ tal-prodotti abbażi tal-glukożju tagħha.

    57

    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa l-grupp immirat li huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, sa fejn tlieta mill-ħames talbiet isemmu b’mod espress l-irġiel u n-nisa ttrenjati sew bħala l-grupp immirat, lanqas dan ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, mill-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar it-tliet talbiet inkwistjoni jirriżulta li l-effetti allegati jirreferu b’mod indifferenti għall-parteċipazzjoni tal-glukożju fil-metaboliżmu enerġetiku tal-bnedmin kollha attivi fiżikament. Skont dawn l-opinjonijiet, il-metaboliżmu enerġetiku huwa indispensabbli għall-funzjonijiet kollha tal-ġisem u għall-attivitajiet fiżiċi, inklużi l-eżerċizzju fiżiku u l-funzjoni muskolari normali. L-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni għaldaqstant jistgħu wkoll jintużaw għal prodotti abbażi tal-glukożju intiżi għall-popolazzjoni ġenerali, iktar u iktar peress li ġie kkonstatat li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati mill-Kummissjoni jistgħu jintużaw, skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, minn kull operatur tas-settur tal-ikel (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

    58

    It-tieni nett, mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 36 sa 51 iktar ’il fuq) jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni, bi żball, ikkonstatat, fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, li l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kienu jirrakkomandaw li wieħed inaqqas il-konsum ta’ zokkrijiet abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati u li, konsegwentement, l-użu ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet kien inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, li allegatament jinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet, minkejja li tali inkoraġġiment huwa inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, jibgħat messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi. Dan huwa iktar u iktar minnu fejn, skont l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA, sabiex ikunu jistgħu jġorru dawn l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, il-prodotti kkonċernati għandhom ikunu sors sinjifikattiv ta’ glukożju (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward għandu wkoll jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-użu ta’ stqarrijiet nutrizzjonali u dwar l-effetti fuq is-saħħa huwa awtorizzat biss jekk in-nutrijent jekk kull sustanza oħra li tkun is-suġġett tal-istqarrija tkun tinsab fil-prodott finali fi kwantità sinjifikattiva, kif iddefinita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew, fl-assenza ta’ regoli f’dan is-sens, fi kwantità li tippermetti li l-effett nutrizzjonali jew fiżjoloġikament mistqarr, kif stabbilit minn provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati, ikun prodott.

    59

    F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat, ma jikkonsmax ammont ikbar ta’ zokkor minħabba l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, għaliex ikun jaf li ma għandux jikkonsma wisq zokkrijiet, dan ukoll għandu jiġi miċħud.

    60

    Fil-fatt, minn naħa, anki jekk wieħed jippreżupponi li dan ikun il-każ, dan ma jċaħħadx il-messaġġi mibgħuta mill-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni min-natura kontradittorja u ambigwa tagħhom kif deskritta fil-punt 58 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ċertament huwa minnu, hekk kif issostni r-rikorrenti, li, skont l-Artikolu 9(1)(1) u skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, il-prodotti tal-ikel għandhom, bħala prinċipju, jinkludu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, li għandha tinkludi b’mod partikolari l-kwantità ta’ zokkrijiet u li, skont l-Artikolu 32(4) ta’ dan ir-regolament, il-kwantità ta’ zokkrijiet tista’ wkoll tiġi espressa f’perċentwali mill-konsum ta’ referenza stabbilit fil-Parti B tal-Anness XIII tal-imsemmi regolament, li għaz-zokkrijiet issemmi 90 g għal adult medju (8,400 kilojoules (kJ)/2 000 kilokalorija (kcal). Madankollu, hekk kif tammetti r-rikorrenti, mhux il-prodotti tal-ikel kollha għandhom jinkludu dikjarazzjoni nutrizzjonali. L-ommissjoni ta’ tali dikjarazzjoni għal ċerti prodotti tal-ikel hija prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1169/2011. Minbarra dan, skont l-Artikolu 32(2) u (4) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex obbligatorju li l-kwantità ta’ zokkrijiet tiġi espressa f’perċentwali tal-konsum ta’ referenza; din tista’ tiġi espressa anki għal kull 100 g. Minkejja li l-konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat, li għalih għandu jsir riferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne,C-195/14, Ġabra, EU:C:2015:361, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), kien jaf li ma għandux jikkonsma wisq zokkrijiet, għaldaqstant ikun jista’, permezz tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, jiġi influwenzat sabiex jikkonsma iktar zokkrijiet, iktar u iktar għaliex, skont l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA, sabiex ikunu jistgħu jġorru l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, il-prodotti kkonċernati għandhom ikunu sors sinjifikattiv ta’ glukożju (ara l-punti 55 u 58 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-prodotti tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-konsum ta’ kubu klassiku kompost minn tmien tabletti, li għandu piż unitarju ta’ 48 g (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), diġà jipprovdi iktar minn nofs il-kwantità ta’ zokkrijiet stabbilita bħala konsum ta’ referenza fil-Parti B tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1169/2011 għal adult medju.

    61

    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-awtorizzazzjoni ta’ żewġ stqarrijiet oħra li jikkonċernaw xarbiet li fihom il-glukożju, l-argument tagħha essenzjalment jikkonċerna allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għaldaqstant ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv (ara l-punti 113 u 114 iktar ’il quddiem).

    62

    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball dwar l-evalwazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni bħala li huma ambigwi u qarrieqa

    63

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, sa fejn hija qieset li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kienu ambigwi jew qarrieqa fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006. L-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li l-konsumaturi jsiru vittmi ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa qarrieqa. L-unika kwistjoni, li tqum fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik dwar jekk ir-riferiment konkret għas-saħħa li jinsab fl-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jikkostitwixxix qerq fir-rigward tal-konsumaturi. L-allegata kontradizzjoni msemmija mill-Kummissjoni għaldaqstant tkun irrilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li ma hijiex obbligata tindika rakkomandazzjonijiet mhux magħrufa maħruġa minn awtoritajiet. L-assenza ta’ indikazzjoni ta’ rakkomandazzjoni għaldaqstant lanqas ma tista’ tikkostitwixxi qerq.

    64

    Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa, li allegatament tinkoraġġixxi l-konsum ta’ zokkrijiet, li tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jirrakkomandaw li wieħed inaqqas il-konsum, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati, ma kinitx konformi mal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, liema dispożizzjoni tipprevedi li l-istqarrijiet la jistgħu jkunu ambigwi u lanqas qarrieqa.

    65

    Skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament dwar il-prinċipji ġenerali, bla ħsara għad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 [ta’] Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), u d-Direttiva tal-Kunsill, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227), l-istqarrijiet nutrizzjonali u dwar l-effetti fuq is-saħħa ma għandhomx ikunu ineżatti, ambigwi jew qarrieqa.

    66

    F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kliem “ambigwu jew qarrieqi” fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, diġà ġie deċiż li stqarrija dwar xarba alkoħolika, jekk wieħed jippreżupponi li din tista’ titqies fiha nnifisha li hija materjalment eżatta, li tirriżulta li hija inkompleta u tindika biss ċertu kwalità tal-prodott inkwistjoni, filwaqt li tibqa’ siekta dwar il-perikoli inerenti għall-konsum ta’ dan il-prodott, hija ambigwa u saħansitra qarrieqa (sentenza Deutsches Weintor, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2012:526, punti 50 sa 52). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006, sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk stqarrija hijiex qarrieqa jew le, hemm lok li jsir riferiment għall-aspettattiva preżunta relatata ma’ din l-indikazzjoni fuq konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teekanne, punt 60 iktar ’il fuq, EU:C:2015:361, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-effett benefiku fuq il-metaboliżmu enerġetiku huwa deskritt b’mod korrett mill-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, hekk kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat. Madankollu, mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 36 sa 51 iktar ’il fuq) jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni, bi żball, kienet ikkonstatat li l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kienu jirrakkomandaw li wieħed inaqqas il-konsum ta’ zokkrijiet abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati u li, konsegwentement, l-użu ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tinkoraġġixxi l-konsum ta’ glukożju kien inkompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. Barra minn hekk, diġà ġie rrilevat (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) li l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jista’ jinkoraġġixxi lill-konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat, sabiex jikkonsma iktar zokkrijiet, minkejja l-fatt li, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati, kien irrakkomandat li wieħed inaqqas il-konsum ta’ zokkrijiet.

    68

    Konsegwentement, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jindikaw ċerta kwalità ta’ natura li ttejjeb il-metaboliżmu enerġetiku, filwaqt li jibqgħu siekta dwar il-fatt li, indipendentement mill-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku, il-perikoli inerenti għall-konsum ta’ iktar zokkrijiet bl-ebda mod ma huma mwarrba minnhom u lanqas limitati madankollu. Billi jindikaw biss l-effetti benefiċi għall-metaboliżmu enerġetiku, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni huma ta’ natura li jinkoraġġixxu l-konsum ta’ zokkrijiet u, finalment, ta’ natura li jżidu r-riskji inerenti għal konsum eċċessiv ta’ zokkrijiet għas-saħħa tal-konsumaturi. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jirriżultaw li huma inkompleti u għaldaqstant ambigwi u qarrieqa, u dan anki fil-każ li l-informazzoni mogħtija tkun veraċi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-Kawża Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra, EU:C:1998:102, punti 86 sa 90, u tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Neptune Distribution, C-157/14, Ġabra, EU:C:2015:460, punt 52).

    69

    Huwa minnu li, fis-sentenza Deutsches Weintor, punt 55 iktar ’il fuq (EU:C:2012:526, punti 50 sa 52), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat in-natura ambigwa u qarrieqa ta’ stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa relatata ma’ xarba alokoħolika li l-konsum tagħha fih innifsu għal kull persuna jġib miegħu perikoli inerenti, filwaqt li l-konsum ta’ ċertu kwantità ta’ zokkor ma jistax iġib miegħu riskji għal kull persuna individwali. Hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), il-glukożju huwa ta’ importanza għall-alimentazzjoni tal-bniedem. Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk l-allegazzjonijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa kienu awtorizzati, huma jistgħu jintużaw, skont il-kundizzjonijiet applikabbli għalihom, minn kull operatur tas-settur tal-ikel jekk l-użu tagħhom ma kienx limitat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar il-protezzjoni ta’ data (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta mill-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar it-talbiet inkwistjoni, l-effetti allegati jirreferu b’mod indifferenti għall-parteċipazzjoni tal-glukożju fil-metaboliżmu enerġetiku tal-bnedmin kollha attivi fiżikament (ara l-punt 57 iktar ’il fuq). Minkejja li huwa minnu li, għal tlieta mill-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti, il-popolazzjoni mmirata hija magħmula minn irġiel u nisa attivi u f’qagħda tajba tas-saħħa ttrenjati tajjeb għar-reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance) (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), xorta waħda jibqa’ l-fatt li stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mal-glukożju bħala tali jistgħu wkoll jintużaw għal prodotti abbażi tal-glukożju intiżi għall-popolazzjoni ġenerali. Fil-kuntest tal-eżami tan-nautra ambigwa u qarrieqa tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, għaldaqstant għandu jsir riferiment għall-konsumatur medju, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006. Peress li l-konsumatur medju għandu, skont il-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati, inaqqas il-konsum tiegħu ta’ zokkrijiet, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkonstatat li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, li jindikaw biss l-effetti benefiċi għall-metaboliżmu enerġetiku, filwaqt li jibqgħu siekta dwar il-perikoli inerenti għall-konsum ta’ iktar zokkrijiet, kienu ambigwi u qarrieqa.

    70

    Barra minn hekk, għal finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-leġiżlatur li jinsabu fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), l-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jistgħu jwasslu lill-konsumatur rilevanti sabiex jemmen li teżisti rabta kawżali unikament bejn il-konsum ta’ glukożju u l-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku, filwaqt li tali rabta teżisti anki bejn karboidrati oħra u l-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku.

    71

    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija ma kinitx taf bir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-konsum ta’ zokkrijiet, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi kkonstatat li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jirriżultaw li huma ambigwi u qarrieqa, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kinitx taf bir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati ma għandha ebda rwol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi,C-446/07, Ġabra, EU:C:2009:530, punt 62). Hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), għandu jsir riferiment għall-aspettattiva preżunta relatata mal-indikazzjoni inkwistjoni ta’ konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat. Il-konstatazzjoni ta’ natura qarrieqa, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma tiddependix fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti aġixxietx b’għarfien ta’ din in-natura jew saħansitra deliberament.

    72

    Għalhekk, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew ta’ spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali.

    73

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 sa fejn hija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika jekk l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni setgħux jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew akkumpanjati minn spjegazzjonijiet jew minn twissijiet addizzjonali. Ir-regolament ikkontestat allegatament ma jippermettix li wieħed ikun jaf liema kundizzjonjiet għall-użu speċifiċi setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u lanqas liema spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali setgħu jgħaddu l-messaġġ inqas ta’ konfużjoni għall-konsumatur. Skont ir-rikorrenti, iż-żieda ta’ indikazzjoni obbligatorja intiża li tindika r-rakkomandazzjoni ta’ awtoritajiet internazzjonali sabiex wieħed inaqqas jew jissorvelja l-konsum ta’ zokkrijiet setgħet tkun biżżejjed sabiex tipprekludi milli l-messaġġ ikun ta’ konfużjoni għall-konsumatur, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bħal fil-każ ta’ stqarrijiet oħra dwar l-effetti fuq is-saħħa, il-Kummissjoni setgħet ukoll teħtieġ li r-rikorrenti żżid l-informazzjoni li tgħid li żieda fil-konsum ta’ zokkrijiet jista’ jkollha riskji għas-saħħa, bl-għan li l-allegata probabbiltà ta’ konfużjoni tiġi evitata.

    74

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika jekk l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni setgħux jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew akkumpanjati minn spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li anki jekk l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa kkonċernati kellhom jiġu awtorizzati biss taħt kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi u/jew jekk ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali, il-messaġġ ma jkunx inqas ta’ konfużjoni għall-konsumatur u, għaldaqstant, dawn l-istqarrijiet ma għandhomx jiġu awtorizzati. Konsegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li jiġu awtorizzati l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet jew minn twissijiet addizzjonali.

    75

    F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regolament ikkontestat ma jippermettix li wieħed ikun jaf liema kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u lanqas liema spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali setgħu jgħaddu l-messaġġ l-inqas ta’ konfużjoni għall-konsumatur, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li, skont il-Kummissjoni, ma kienx possibbli li wieħed jifformula kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi jew dikjarazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali b’mod li jiġi evitat b’mod suffiċjenti li l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

    76

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma setgħux jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi u/jew akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet jew minn twissijiet addizzjonali, dan essenzjalment jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għaldaqstant ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni motiv (ara l-punti 87 sa 91 iktar ’il quddiem). Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, f’numru kbir ta’ każijiet, il-Kummissjoni pprevediet li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati ma’ prodotti tal-ikel għal ċerti kundizzjonijiet bħal twissijiet obbligatorji, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, iżda li ma għandu ebda rilevanza għall-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni qisitx b’mod żbaljat li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni relatati preċiżament mal-glukożju ma setgħux jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi u/jew akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet jew minn twissijiet addizzjonali.

    77

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-ħames parti u, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità

    78

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi adottat ir-regolament ikkontestat, l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ ċaħda la kienet xierqa u lanqas ma kienet neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri l-użu ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa li jkunu suffiċjentement stabbiliti fuq il-pjan xjentifiku. Fil-każ ta’ projbizzjoni assoluta ta’ reklamar, ikun hemm lok li wieħed jagħmel stħarriġ strett tal-proporzjonalità billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 1924/2006 ma jipprevedix iċ-ċaħda ta’ talbiet għal motivi mhux xjentifiċi ħlief b’mod eċċezzjonali u għal raġunijiet solidi. Ir-regola allegatament hija li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tiġi allinjata fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ kontroll xjentifiku li tkun twila b’mod estrem u li tkun tiswa ħafna flus. Skont ir-rikorrenti, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kellhom ikunu awtorizzati tal-inqas akkumpanjati minn kundizzjonijiet limitattivi jew minn dikjarazzjonijiet bħala mezz inqas sever. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet temenda jew tikkompleta l-formulazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, b’tali mod li, filwaqt li żżomm l-istess kontenut tagħhom, l-allegat qerq kien ikun evitat. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni ksur tad-drittijiet tagħha msemmija fl-Artikoli 6 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tmur ukoll kontra l-għan tar-Regolament Nru 1924/2006 li skontu l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-istqarrijiet qarrieqa għandha tiġi żgurata permezz tal-użu esklużiv ta’ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa ġġustifikati xjentifikament b’mod suffiċjenti. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija allegatament sproporzjonata, għaliex din ixxekkel milli l-konsumaturi jkunu jafu b’informazzjoni li fuq il-mertu hija inkontestabbli.

    79

    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C-174/05, Ġabra, EU:C:2006:170, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrenti billi tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-opinjoni tal-EFSA, id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami. Hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li, min-naħa tagħha, jinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Alliance for Natural Health et, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2005:449, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2015:375, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    81

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li s-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward tal-kwistjoni li jiġi ddeterminat fejn jinsab il-bilanċ ġust bejn il-libertà tal-espressjoni u l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa, tvarja għal kull wieħed mill-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ta’ dan id-dritt u skont in-natura tal-attivitajiet inkwistjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, Ġabra, EU:C:2006:772, punt 155; ara, ukoll, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Damgaard,C-421/07, Ġabra, EU:C:2009:222, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, hemm ukoll lok li wieħed jirrikonoxxi lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna, b’mod speċifiku, l-użu kummerċjali tal-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari f’messaġġi ta’ natura promozzjonali (ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Neptune Distribution, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2015:460, punt 55).

    82

    F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hemm lok li jitwettaq stħarriġ strett tal-proporzjonalità fil-każ ta’ projbizzjoni assoluta ta’ reklamar, huwa ċertament minnu li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa huma pprojbiti ħlief jekk dawn ikunu konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament u mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament u jekk dawn ikunu awtorizzati skont l-imsemmi regolament u jkunu jidhru fil-listi ta’ stqarrijiet awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tal-istess regolament. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-introduzzjoni, permezz tar-Regolament Nru 1924/2006, tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ dawn l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, flimkien ma’ possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix projbizzjoni assoluta ta’ reklamar. Barra minn hekk, jeżistu diġà stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa li r-rikorrenti tista’ tuża. B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/7, tas-6 ta’ Jannar 2015 (ĠU L 3, p. 3), jipprevedi stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati relatati ma’ soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti kif ukoll dwar l-effett tal-karboidrati fuq l-irkupru ta’ funzjoni muskolari normali wara sforz qawwi.

    83

    F’dak li jirrigwarda, f’dan il-kuntest, ir-riferiment tar-rikorrenti għall-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13 u għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Douwe Egberts (C-239/02, Ġabra, EU:C:2004:445), għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/13 kien jipprojbixxi kull indikazzjoni relatata mal-mard fil-bniedem, indipendentement mill-fatt li din tista’ jew ma tistax tqarraq bil-konsumatur, kif ukoll l-istqarrijiet li, filwaqt li ma fihom ebda riferiment għall-mard, iżda pjuttost, pereżempju għas-saħħa, jirriżultaw li huma qarrieqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Douwe Egberts, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:2004:445, punt 43), li projbizzjoni assoluta tal-inklużjoni, fit-tikketti tal-oġġetti tal-ikel, ta’ ċerti indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-ħxuna jew ir-rakkomandazzjonijiet mediċi mingħajr ma jsir eżami, każ b’każ, tal-kapaċità effettiva tagħhom li jqarrqu bix-xerrej, ikollha bħala konsegwenza li l-prodotti tal-ikel li jkollhom dawn l-indikazzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu kkummerċjalizzati liberament fi Stat Membru, anki fl-ipoteżi fejn dawn ma jkunux qarrieqa. Peress li, f’dan il-każ, ġie kkonstatat b’mod xieraq li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kienu ambigwi u qarrieqa, l-argument tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13 u dwar is-sentenza Douwe Egberts, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:2004:445), ma jippermettix li jiġi konkluż li jkun hemm lok li jitwettaq stħarriġ tal-proporzjonalità usa’ minn dak imsemmi fil-punt 80 iktar ’il fuq.

    84

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, minkejja li, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 1924/2006, huwa minnu li l-ġustifikazzjoni xjentifika hija l-aspett prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jsir użu minn stqarrijiet nutrizzjonali u dwar l-effetti fuq is-saħħa, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-istess regolament ma jipprevedix iċ-ċaħda ta’ talbiet għal raġunijiet mhux xjentifiċi ħlief f’każi rari u b’mod eċċezzjonali, kif ukoll kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta tiddeċiedi dwar talba għal stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni tliet elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni xjentifika li tkun tinsab fl-opinjoni tal-EFSA, it-tieni nett, id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, it-tielet nett, fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami.

    85

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar għandu bħala bażi legali l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006. Mill-Artikolu 1(1) u mill-premessi 1 u 36 tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern f’dak li jikkonċerna l-istqarrijiet nutrizzjonali u dwar l-effetti fuq is-saħħa filwaqt li fl-istess ħin jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 18 tar-Regolament Nru 1924/2006, il-protezzjoni tas-saħħa hija waħda mill-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-regolament (sentenza Deutsches Weintor, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2012:526, punt 45). Skont il-premessa 9 tal-istess regolament, il-prinċipji stabbiliti minn dan tal-aħħar għandhom jiżguraw li l-konsumatur jingħata livell għoli ta’ protezzjoni, għandhom ituh l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-għażliet tiegħu jagħmilhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, u għandhom joħolqu kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fl-industrija tal-ikel. Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006 tipprovdi li huwa importanti li l-istqarrijiet dwar il-prodotti tal-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u tipprovdi li huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jkunu protetti minn stqarrijiet qarrieqa. F’dan il-kuntest, huwa preċiżament sabiex il-konsumaturi jkunu protetti minn stqarrijiet ambigwi u qarrieqa li l-Kummissjoni ċaħdet li tawtorizza l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat.

    86

    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti ma jurix li r-regolament ikkontestat huwa manifestament mhux xieraq fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.

    87

    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa kellhom jiġu awtorizzati tal-inqas jekk ikunu akkumpanjati minn kundizzjonijiet limitattivi jew minn dikjarazzjonijiet bħala mezz inqas sever, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrietx li, fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li dan ma kienx possibbli, għaliex il-messaġġ tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma jkunx inqas ta’ konfużjoni għall-konsumatur u, għaldaqstant, dawn l-istqarrijiet ma għandhomx ikunu awtorizzati. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni li jinkoraġġixxu l-konsum taz-zokkrijiet, flimkien ma’ dikjarazzjoni obbligatorja li essenzjalment titlob li jitnaqqas il-konsum taz-zokkrijiet jew sabiex wieħed joqgħod attent għall-kwantitajiet ta’ zokkor ikkonsmati, allegatament tgħaddi messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi. Id-dikjarazzjoni ta’ limiti kwantitattivi jew ta’ twissijiet dwar prodott li huwa sors sinjifikattiv ta’ zokkor, li fl-istess waqt iġorr stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tagħti lil dan il-prodott immaġni pożittiva u li għaldaqstant il-konsumaturi jarawh bħala li jagħti vantaġġ nutrizzjonali jew fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor marbut mas-saħħa hija, fiha nnifisha, kontradittorja u ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji nutrizzjonali u ta’ saħħa ġeneralment aċċettati intiżi li jitnaqqas il-konsum taz-zokkrijiet.

    88

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li, f’dan il-każ, ebda kundizzjoni, dikjarazzjoni jew twissija ma setgħet tiggarantixxi protezzjoni suffiċjenti tal-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 15(3)(f) ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti setgħet tinkludi, fit-talbiet tagħha, proposta ta’ kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu, xi ħaġa li madankollu hija ma għamlitx.

    89

    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C-267/91 u C-268/91, Ġabra, EU:C:1993:905; tad-9 ta’ Frar 1999, van der Laan,C-383/97, Ġabra, EU:C:1999:64, u Douwe Egberts, punt 83 iktar ’il fuq, EU:C:2004:445), li tistabbilixxi li, fil-każ ta’ projbizzjoni nazzjonali ta’ reklamar, il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tkun iggarantita b’mod suffiċjenti minn obbligu xieraq ta’ mmarkar bħal, pereżempju, ittikkettjar li jiżgura t-trasparenza tal-prodotti offruti lill-konsumaturi, l-argument tagħha lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    90

    Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tikkonċerna miżuri nazzjonali mhux armonizzati. Issa, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat għandu bħala bażi legali l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006. Min-naħa tiegħu, dan l-aħħar regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 95 KE li jgħid li l-leġiżlatur għandu jadotta l-miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE jistabbilixxi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni, u l-Artikolu 95(3) KE kif ukoll l-Artikolu 114(3) TFUE jirrikjedu b’mod espliċitu li, fl-armonizzazzjoni mwettqa għandu jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni (ara s-sentenza Alliance for Natural Health et, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2005:449, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, b’applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-Kummissjoni messha fformulat mill-ġdid il-kliem tal-proposta tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, kien biss neċessarju li tinżamm l-essenza tal-istqarrija dwar is-saħħa fid-dawl tal-bażi xjentifika tagħha. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssemmi ebda formulazzjoni tal-kliem tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni li l-Kummissjoni messha eżaminat. Min-naħa l-oħra, skont il-premessa 14 tar-regolament ikkontestat, kien preċiżament il-kontenut intrinsiku tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni li ma kienx kompatibbli mal-prinċipji nutrizzjonali u tas-saħħa ġeneralment aċċettati. L-argument tar-rikorrenti għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

    92

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regolament ikkontestat jippreġudika l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 6 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dwar id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà kif ukoll dwar il-libertà tal-impriża, għandu jiġi rrilevat li kulma tagħmel ir-rikorrenti huwa li telenka l-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod astratt fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Issa, ksur tal-Artikoli 6 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jikkostitwixxi motiv separat u indipendenti minn dan il-motiv li huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Għaldaqstant, hija għandha tispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi indikazzjoni astratta tiegħu ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il‑Kummissjoni, T-17/12, Ġabra, EU:T:2014:234, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti dwar ksur tal-Artikoli 6 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    93

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li huwa minnu li l-projbizzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni timponi ċerti restrizzjonijiet għall-attività professjonali tar-rikorrenti fuq aspett preċiż, l-osservanza ta’ dawn il-libertajiet hija madankollu żgurata fuq l-aspetti essenzjali. Fil-fatt, lil hinn milli tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-rikorrenti jew ir-reklamar relatat ma’ dawn il-prodotti, kulma jagħmel ir-regolament ikkontestat, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 huwa li jistabbilixxi qafas għall-ittikkettjar, il-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel inkwistjoni u r-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom bl-għan li tiġi protetta s-saħħa pubblika li tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali (ara s-sentenza Deutsches Weintor, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2012:526, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, iċ-ċaħda li jiġu awtorizzati l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-essenza stess tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 6 u 16 tal-Karta tal-Drittijiet Fundamentali u għandha titqies li hija konformi mar-rekwiżit intiż li jikkonċilja d-diversi drittijiet fundamentali inkwistjoni u intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsches Weintor, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2012:526, punti 56 sa 59).

    94

    Il-ħames nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda tat-talba tagħha kienet sproporzjonata, għaliex hija allegatament kienet prekluża milli tgħaddi lill-konsumaturi b’informazzjoni, li fuq il-mertu hija inkontestabbli, relatata mal-attività fiżika u muskolari, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1924/2006, il-prinċipji stabbiliti minn dan tal-aħħar għandhom jiżguraw lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni, jipprovduh bl-informazzjoni neċessarja sabiex jagħmel għażliet b’għarfien tal-fatti u joħolqu kundizzjonijiet indaqs ta’ kompetizzjoni fl-industrija tal-ikel. Issa, diġà ġie kkonstatat li, minn naħa, l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jagħtu biss informazzjoni inkompleta, li speċifikament ma jippermettux lill-konsumatur medju, informat b’mod normali u raġonevolment attent u avżat, jagħmel għażliet b’għarfien tal-fatti, u, min-naħa l-oħra, stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa fir-rigward tal-effett tal-karboidrati fuq l-irkupru ta’ funzjoni muskolari wara sforz kbir diġà ġiet awtorizzata (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). L-argument tar-rikorrenti għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

    95

    Sa fejn fir-replika r-rikorrenti tagħmel riferiment għal-libertà tal-informazzjoni rrikonoxxuta mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li ksur ta’ din id-dispożizzjoni ma ġiex invokat fir-rikors u li motiv ibbażat fuq tali ksur għaldaqstant għandu, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni f’dak li jikkonċerna preżentazzjoni fl-istadju tar-replika, jiġi miċħud bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għall-konsumatur li jikseb informazzjoni fuq l-effetti tal-glukożju ma tiddependix mill-użu tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa li huma s-suġġett tar-rikors preżenti.

    96

    Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li ċ-ċaħda li jiġu awtorizzati l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma kinitx xierqa, għaliex ma kinitx tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konsum ta’ zokkrijiet, diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), li l-prodotti tal-ikel li r-reklamar tagħhom kien żgurat permezz ta’ stqarrijiet setgħu jiġu kkonċeputi mill-konsumaturi bħala li għandhom vantaġġ nutrizzjonali jew fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor marbut mas-saħħa meta mqabbla ma’ prodotti simili jew prodotti oħra li magħhom ma kinux ġew miżjuda tali nutrijenti u sustanzi oħra. Dan jista’ jwassal lill-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet li jinfluwenzaw direttament il-kwantità totali tad-diversi nutrijenti jew ta’ sustanzi oħra li huma jassorbu, b’mod li jmur kontra l-parir xjentifiku fil-qasam. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    97

    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament

    98

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li tawtorizza l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni diġà awtorizzat stqarrijiet komparabbli relatati mal-kontribuzzjoni ta’ vitamini u mluħa minerali għall-metaboliżmu enerġetiku mingħajr indikazzjoni ta’ limiti kwantitattivi jew twissijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament awtorizzat diversi stqarrijiet li jagħmlu riferiment għal prodotti tal-ikel li ma huwiex irrakkomandat li l-konsum tagħhom ikun eċċessiv, bħal-laħam u l-ħut, il-fruttożju, il-laktulosju u l-polifenoli taż-żejt taż-żebbuġa. Minbarra dan, fil-lista tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati hija allegatament inkludiet żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mas-soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti kif ukoll stqarrija oħra relatata mal-karboidrati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni allegatament awtorizzat żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa għall-glukomannan (konjak mannan), minkejja li l-konsum ta’ dan il-prodott tal-ikel jista’ jikkawża soffokazzjoni segwit minn mewt immedjata.

    99

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi Alliance for Natural Health et, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2005:449, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Health Food Manufacturers’ Association vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2015:375, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istqarrijiet relatati mal-kontribuzzjoni ta’ vitamini u ta’ mluħa minerali għall-metaboliżmu enerġetiku, huwa minnu li, hekk kif issostni r-rikorrenti, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012 li fih il-lista tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati, il-Kummissjoni awtorizzat, mingħajr ma stabbilixxiet il-kundizzjonijiet tal-użu tal-prodott tal-ikel jew restrizzjonijiet għal dan l-użu jew mingħajr ma ħtieġet dikjarazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali, stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mal-fatt li l-aċidu pantoteniku, il-biotina, il-kalċju, ir-ram, il-ħadid, l-odju, il-manjeżju, il-manganeżju, in-niaċina, il-fosfru, ir-riboflavin (vitamina B2), it-tiamina, il-vitamina B6, il-vitamina B12 u l-vitamina C jikkontribwixxu għal metaboliżmu enerġetiku normali.

    101

    Madankollu, ir-rikorrenti ma turix sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati ma’ dawn il-vitamini u minerali hija komparabbli mal-każ ineżami. Is-sempliċi fatt li, fiż-żewġ każijiet, l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa tikkonċerna l-kontribuzzjoni ta’ sustanza għall-metaboliżmu enerġetiku normali ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-glukożju huwa nutrijent differenti mill-vitamini u mill-minerali. Filwaqt li huwa permess li wieħed iqis li alimentazzjoni bbilanċjata b’mod normali tipprovdi biss kwantità limitata tal-vitamini u l-minerali, il-glukożju huwa, min-natura tiegħu, sustanza bażi li tinsab f’numru kbir ta’ prodotti tal-ikel u huwa assorbit mill-ġisem malli l-karboidrati jiddekomponu. Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li konsum eċċessiv ta’ vitamini u ta’ minerali f’ċerti każijiet jista’ jkollu effetti ħżiena fuq is-saħħa, hija bl-ebda mod ma ppreċiżat dawn il-każijiet u għaldaqstant ma wrietx l-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli mal-każ ineżami.

    102

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni awtorizzati relatati mal-vitamini u minerali huma wkoll użati għal prodotti tal-ikel li fihom iz-zokkor, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-istqarrijiet ma jikkonċernawx effetti taz-zokkor, b’mod illi ma teżistix sitwazzjoni komparabbli mal-każ ineżami.

    103

    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tagħha relatat mal-awtorizzazzjoni ta’ diversi stqarrijiet billi għamlet riferiment għal prodotti tal-ikel li l-konsum eċċessiv tagħhom ma huwiex irrakkomandat, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa relatata mal-laħam u mal-ħut, minkejja li huwa ġeneralment aċċettat li l-konsumaturi tal-Unjoni jikkonsmaw wisq laħam u li ma għandhomx jieklu laħam kuljum.

    104

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Anness għar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tgħid li l-laħam u l-ħut jikkontribwixxu sabiex il-ħadid jiġi assorbit aħjar fil-każ ta’ konsum flimkien ma’ prodotti tal-ikel oħra li fihom il-ħadid. Din l-istqarrija tista’ tintuża biss għal prodott tal-ikel li jkun fih mill-inqas 50 g ta’ laħam jew ta’ ħut għal kull porzjon ikkwantifikat. L-istqarrija tista’ tintuża jekk il-konsumatur ikun informat bil-fatt li l-effett benefiku jinkiseb permezz tal-konsum ta’ 50 g ta’ laħam jew ta’ ħut flimkien ma’ prodott jew prodotti tal-ikel li jkun fihom ħadid mhux eminiku.

    105

    Permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tappoġġja l-istqarrija tagħha li tikkonċerna l-eżistenza ta’ rakkomandazzjonijiet li jirrakkomandaw, b’mod ġenerali, sabiex ma jiġix ikkonsmat wisq laħam jew ħut. Minkejja li fir-replika hija tagħmel riferiment għal xi studji, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma ġewx prodotti. Min-naħa l-oħra għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-glukożju huwa nutrijent, il-laħam u l-ħut imsemmija fl-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzata huma, hekk kif issostni l-Kummissjoni, prodotti tal-ikel b’ammont kbir ta’ nutrijenti u, konsegwentement, kompletament differenti mill-glukożju. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli fil-każ ineżami ma teżistix.

    106

    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti relatat mal-fruttożju, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li skontha l-konsum ta’ prodotti tal-ikel li fihom il-fruttożju jwassal għal żieda tal-glukożju fid-demm inferjuri għal dik li jikkawża l-konsum ta’ prodotti tal-ikel li jkun fihom is-sukrożju jew il-glukożju. Din l-istqarrija tista’ tintuża għal prodotti tal-ikel jew xarbiet dolċifikati li l-glukożju u/jew is-sukrożju li jkun hemm fihom ikunu ssostitwiti mill-fruttożju, b’tali mod li l-ammont ta’ glukożju u/jew ta’ sukrożju f’dawn il-prodotti jew f’dawn ix-xarbiet jitnaqqas b’minn tal-inqas 30 %.

    107

    Dan l-argument ma jurix l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzata relatata mal-fruttożju tirreferi għas-sostituzzjoni tal-glukożju u/jew tas-sukrożju mill-fruttożju sabiex iż-żieda tal-glukożju fid-demm titnaqqas. Peress li hija sitwazzjoni li tikkonċerna s-sostituzzjoni ta’ tip ta’ zokkor minn zokkor ieħor li l-effett tiegħu huwa li tiġi limitata ż-żieda tal-glukożju fid-demm, ma hemm ebda riskju ta’ żieda fil-konsum ta’ zokkrijiet globalment minħabba l-awtorizzazzjoni ta’ din l-istqarrija. L-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli fil-każ ineżami għaldaqstant ma teżistix.

    108

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti relatat mal-laktulosju, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li skontha l-laktulosju jikkontribwixxi sabiex it-tranżitu intestinali jiġi aċċelerat. Din l-istqarrija tista’ tintuża biss għal ikel li jkun fih 10 g ta’ laktulosju li għandu jiġi kkonsmat f’porzjon wieħed ikkwantifikat. L-istqarrija tista’ tintuża jekk il-konsumatur huwa informat li l-effett benefiku jinkiseb billi jiġu kkonsmati 10 g ta’ laktulosju f’doża waħda kull jum.

    109

    Dan l-argument lanqas ma juri li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzata relatata mal-laktulosju tirreferi għall-effett lassativ ta’ dan id-disakkarid ta’ sinteżi kkonsmat fi kwantità limitata. Din l-istqarrija ġiet awtorizzata biss għal doża preċiża ta’ laktulosju neċessarja sabiex dan l-effett jinkiseb, liema doża l-konsumaturi għandhom ukoll ikunu informati biha. Fid-dawl tal-effett lassativ miksub anki bil-konsum ta’ kwantità limitata ta’ laktulosju, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli mal-każ ineżami ma teżistix.

    110

    Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti relatat mal-polifenoli taż-żejt taż-żebbuġa, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Anness tar-Regolament 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li skontha l-polifenoli taż-żejt taż-żebbuġa jikkontribwixxu sabiex il-lipidi tad-demm jiġu protetti mill-istress ossidativ. Din l-istqarrija tista’ tintuża biss għal żejt taż-żebbuġa li jkun fih mill-inqas 5 milligrammi (5 mg) ta’ hydroxytyrosol u tad-derivattivi tiegħu (pereżempju l-oleuropein kumpless u t-tirosol) għal kull 20 g ta’ żejt taż-żebbuġa. L-istqarrija tista’ tintuża jekk il-konsumatur ikun informat bil-fatt li l-effett benefiku jinkiseb b’doża ta’ kuljum ta’ 20 g ta’ żejt taż-żebbuġa.

    111

    L-argument tar-rikorrenti ma jurix li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija ttrattat, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tistabbilixxi li, abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġeneralment aċċettati huwa rrakkomandat li jitnaqqas il-konsum ta’ polifenoli taż-żejt taż-żebbuġa kif inhu l-każ għall-konsum ta’ zokkrijiet. Min-naħa l-oħra, ċertament huwa minnu, hekk kif issostni r-rikorrenti, li l-kwantità ta’ 20 g ta’ żejt taż-żebbuġa tirrappreżenta madwar 30 % tal-kwantità ta’ referenza għall-konsum totali f’xaħmijiet imsemmi fil-Parti B tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1169/2011, li hija ta’ 70 g. Madankollu, tali argument ma jistax juri l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli f’dan il-każ.

    112

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta fil-lista tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati hija inkludiet żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mas-soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti kif ukoll stqarrija oħra relatata mal-karboidrati.

    113

    L-ewwel nett, fir-rigward taż-żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mas-soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tgħid li s-soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti jikkontribwixxu għaż-żamma tar-rendiment matul eżerċizzju ta’ reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance) fit-tul, u l-istqarrija dwar l-effetti fuq is‑saħħa li tgħid li dawn is-soluzzjonijiet iżidu l-ammont ta’ ilma assorbit waqt eżerċizzju fiżiku. Sabiex ikunu jistgħu jġibu dawn l-istqarrijiet, is-soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti għandu jkun fihom minn 80 sa 350 kcal/L provenjenti minn karboidrati u mill-inqas 75 % tal-enerġija għandha tkun derivata minn karboidrati li jinduċu rispons glikemiku għoli, bħall-glukożju, il-polimeri tal-glukożju u s-sukrożju. Barra minn hekk, dawn ix-xarbiet għandu jkun fihom bejn 20 mmol/L (460 mg/L) u 50 mmol/L (1150 mg/L), ta’ sodju u għandu jkollhom osmolalità ta’ bejn 200 u 330 mOsm/kg ilma.

    114

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzati ma jikkonċernawx il-glukożju bħala tali, iżda soluzzjonijiet tal-karboidrati u tal-elettroliti li huma prodotti speċifiċi użati f’kuntest ta’ eżerċizzju (training) ta’ reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance) fit-tul u ta’ eżerċizzju fiżiku. Min-naħa l-oħra, minkejja li huwa minnu li, għal tlieta mill-ħames stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti, il-popolazzjoni mmirata hija magħmula minn irġiel u nisa attivi u f’qagħda tajba tas-saħħa ttrenjati tajjeb għar-reżistenza fiżika waqt attivitajiet sportivi (endurance) (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), xorta waħda jibqa’ l-fatt li stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa relatati mal-glukożju bħala tali, li huma awtorizzati mill-Kummissjoni, jistgħu wkoll jintużaw minn kwalunkwe operatur tas-settur tal-ikel għal prodotti abbażi tal-glukożju intiżi għall-popolazzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 1924/2006. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li mir-reklamar tar-rikorrenti dwar il-prodotti tagħha, ippreżentat mill-Kummissjoni, jirriżulta li t-tfal u l-istudenti wkoll jagħmlu parti mill-popolazzjoni mmirata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tista’ tuża ż-żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa għall-prodotti tagħha, jekk il-kundizzjonijiet tal-użu jkunu ssodisfatti. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli. L-argument tar-rikorrenti għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

    115

    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa relatata mal-karboidrati, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tgħid li l-karboidrati jikkontribwixxu għall-irkupru ta’ funzjoni muskolari normali (kontrazzjoni) wara sforz fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul li jwassal għal għejja tal-muskoli u tnaqqis fil-ħażniet tal-glajkoġen fil-muskoli skelettali. L-istqarrija tista’ tintuża biss għal prodotti tal-ikel li jipprovdu karboidrati li l-bniedem jimmetabolizza (ħlief il-polioli). Il-konsumatur għandu jiġi mgħarraf li l-effett benefiku jinkiseb bil-konsum ta’ karboidrati, minn kull sors, jekk b’kollox jiġu kkonsmati 4 g għal kull kg piż tal-ġisem, b’dożi maqsuma li jibdew fl-ewwel 4 sigħat qabel sforz fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul, li jikkawża għeja fil-muskoli u tnaqqis fil-ħażniet tal-glajkoġen fil-muskoli skelettali, u mhux iktar tard minn sitt sigħat wara dan l-isforz. L-istqarrija għandha tintuża biss għal prodotti tal-ikel maħsuba għall-adulti li jkunu għamlu sforz fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul li jikkawża għeja fil-muskoli u t-tnaqqis fil-ħażniet tal-glajkoġen fil-muskoli skelettali.

    116

    Minkejja li huwa minnu, hekk kif issostni r-rikorrenti, li l-glukożju huwa karboidrat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-metaboliżmu enerġetiku normali waqt sforz fiżiku, mingħajr speċifikazzjoni tal-intensità jew tat-tul ta’ dan l-isforz jew deskrizzjoni tal-proċessi fiżjoloġiċi partikolari tal-metaboliżmu tal-isportivi, kuntrarjament għall-każ f’dak li jikkonċerna l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzata relatata mal-karboidrati. Hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), fit-talba tagħha għal awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti setgħet tipproponi kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu għall-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba, xi ħaġa li hija madankollu ma għamlitx. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tista’ tuża din l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa awtorizzata għall-prodotti tagħha, jekk il-kundizzjonijiet tal-użu jkunu ssodisfatti. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    117

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat żewġ stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa għall-glukomannan (konjak mannan), minkejja li l-konsum ta’ dan il-prodott tal-ikel jista’ jikkawża soffokazzjoni segwita minn mewt immedjata.

    118

    Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Anness tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li skontha l-glukomannan (konjak mannan) jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ livelli normali ta’ kolesterol u dik li skontha l-glukomannan (konjak mannan) ikkonsmat bħala parti minn dieta ta’ enerġija ristretta jikkontribwixxi għat-telf tal-piż. Huwa minnu li l-użu ta’ dawn l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa ġie awtorizzat mill-Kummissjoni biss bi twissija rigward ir-riskju ta’ soffokazzjoni fil-każ ta’ diffikultajiet biex wieħed jibla’ jew fil-każ li wieħed jibla’ bi fluwidu mhux xieraq. Konsum b’ħafna ilma huwa rrakkomandat sabiex jiggarantixxi li s-sustanza tasal fl-istonku. Madankollu, peress li minn opinjoni tal-EFSA dwar din is-sustanza jirriżulta li din tal-aħħar ma tinsabx fl-ikel b’mod naturali, iżda hija addittiv alimentari użat bħala emulsifjant u bħala sustanza li tħaxxen il-materja u li hija tiġi wkoll ikkonsmata fil-forma ta’ suppliment għall-ikel, liema fatt ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, ma hemmx lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli.

    119

    Fil-ħames lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, imressaq matul is-seduta, dwar abbozz ta’ regolament li jikkonċerna l-istqarrija għall-kafeina. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li dan il-proġett ġie adottat mill-Kummissjoni. Minn naħa oħra, fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ dan l-abbozz, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli fil-każ ineżami.

    120

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 432/2012 jirriżulta li l-Kummissjoni rrifjutat li tawtorizza stqarrija dwar l-effetti tax-xaħmijiet fuq l-assorbiment normali ta’ vitamini solubbli u stqarrija oħra li tikkonċerna l-effett tas-sodju fuq iż-żamma ta’ funzjoni muskolari normali, essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-premessa 14 tar-regolament ikkontestat għall-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti. Barra minn hekk, fir-rigward tat-trattament, mill-Kummissjoni, taz-zokkrijiet, għandu jiġi kkonstatat li mill-Anness tar-Regolament Nru 432/2012 jirriżulta li stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa relatata mal-karboidrati ġiet awtorizzata biss għaliex kien fiha kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi li jillimitaw l-użu tagħha għal prodotti tal-ikel li huma konformi mal-istqarrijiet nutrizzjonali “B’kontenut baxx ta’ zokkrijiet” jew “Mingħajr zokkor miżjud” iddefiniti fl-Anness tar-Regolament Nru 1924/2006. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 18 tar-Regolament Nru 432/2012, il-miżuri previsti f’dan ir-regolament la qajmu l-oppożizzjoni tal-Parlament Ewropew u lanqas tal-Kunsill, jiġifieri l-istituzzjonijiet li adottaw ir-Regolament Nru 1924/2006.

    121

    Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    122

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha b’mod suffiċjenti. Ir-regolament ikkontestat allegatament ma jippreċiżax l-argumenti li jinsabu fl-osservazzjonijiet ippreżentati minnha u mill-BSNA, u lanqas f’liema forma l-Kummissjoni allegatament ħadithom inkunsiderazzjoni. Iċ-ċaħda purament formali tagħti x’jifhem li l-Kummissjoni ma ħadithomx inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, mir-regolament ikkontestat ma jirriżultax li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn id-diversi gruppi ta’ persuni mmirati. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat pjuttost juri li l-Kummissjoni vverifikat, b’mod insuffiċjenti, b’mod awtonomu l-osservazzjonijiet ippreżentati minnha u mill-BSNA. Il-motivazzjoni inkompleta tar-regolament ikkontestat allegatament ma tippermettix li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ppreżentati f’dawn l-osservazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament ma spjegatx ir-raġuni għaliex l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, akkumpanjati jew minn kundizzjonijiet partikolari, jew minn spjegazzjonijiet jew twissijiet addizzjonali, ma jistgħux jikkostitwixxu miżura inqas severa.

    123

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jqajmu quddiemha, imma huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:2014:234, punt 173, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    124

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat ma tippreċiżax l-argumenti li jinsabu fl-osservazzjonijiet ippreżentati minnha u mill-BSNA, u lanqas f’liema forma l-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 17 tar-regolament ikkontestat jindika li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ kull persuna oħra mgħoddija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1924/2006 ittieħdu inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil tal-miżuri previsti fir-regolament ikkontestat. Din il-motivazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 123 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda li kien ikun biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:2014:234, punt 179). F’dan il-każ, ir-raġunijiet taċ-ċaħda tat-talbiet għal awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni jinsabu fil-premessi 4 sa 14 tar-regolament ikkontestat, fejn fihom huma esposti t-talbiet tar-rikorrenti, il-konklużjonijiet tal-EFSA fuq id-diversi stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskji, li minħabba fihom l-awtorizzazzjonijiet finalment ma ngħatawx, minkejja l-opinjonijiet pożittivi tal-EFSA. Din il-motivazzjoni ppermettiet li r-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha.

    125

    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni vverifikat, b’mod insuffiċjenti, b’mod awtonomu l-osservazzjonijiet ippreżentati minnha u mill-BSNA, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ motivazzjoni hija kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivi tal-att ikkontestat. L-argument dwar l-insuffiċjenza ta’ eżami tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti u mit-terzi interessati jirrigwarda l-legalità sostantiva tar-regolament ikkontestat u għalhekk ma jistax iservi ta’ bażi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il‑Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:2014:234, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kienu ta’ natura xjentifika u l-fatt li hija għaldaqstant għaddiethom lill-EFSA għat-teħid ta’ pożizzjoni (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), filwaqt li hija ma għaddietx lill-EFSA l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-BSNA, jippermettu, fl‑assenza ta’ xi elementi rilevanti li jistgħu jappoġġjaw l-argument tar-rikorrenti, li wieħed jikkonkludi li l-Kummissjoni eżaminat b’mod suffiċjenti l-osservazzjonijiet kollha riċevuti skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1924/2006.

    126

    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li mir-regolament ikkontestat ma jirriżultax li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn id-diversi gruppi ta’ persuni mmirati, l-argument tagħha wkoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, il-premessi 5, 7, 9, 11 u 13 tar-regolament ikkontestat jagħmlu riferiment għall-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA relatati mal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, liema opinjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-popolazzjoni mmirata, indikata mir-rikorrenti, ta’ kull stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li d-diversi popolazzjonijiet immirati msemmija mir-rikorrenti fit-talbiet tagħha għal awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni ma humiex ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni.

    127

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għaliex l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa inkwistjoni, akkumpanjati jew minn kundizzjonijiet partikolari, minn spjegazzjonijiet jew minn twissijiet addizzjonali, ma setgħux jikkostitwixxu miżura inqas severa. Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-premessa 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li, skont il-Kummissjoni, il-fatt li wieħed jawtorizza l-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mitluba mir-rikorrenti allegatament bagħat messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi.

    128

    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

    129

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    130

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Dextro Energy GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Dittrich

    Schwarcz

    Tomljenović

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Marzu 2016.

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq