Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62023CJ0494

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
QE u IJ vs DP u EB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu (1)(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Kunċett – Proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut għar-rilaxx mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ oġġett mis-sekwestru ġudizzjarju – Il-punt 2 tal-Artikolu 8 – Talba għal intervent – Kunċett ta’ terz.
Kawża C-494/23.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:848

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu (1)(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Kunċett – Proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut għar-rilaxx mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ oġġett mis-sekwestru ġudizzjarju – Il-punt 2 tal-Artikolu 8 – Talba għal intervent – Kunċett ta’ ‘terz’”

Fil-Kawża C‑494/23 [Mahá] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

QE,

IJ

vs

DP,

EB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u J. Simon, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn QE u IJ, żewġ residenti Ċeki, u DP u EB, żewġ residenti Franċiżi, dwar ir-rilaxx ta’ tqegħid taħt sekwestru ġudizzjarju ta’ vettura mixtrija minn QE u IJ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Konvenzjoni ta’ Brussell

3

It-Titolu I tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) jiddisponi:

“Din il-Konvenzjoni hija applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali, indipendentament mill-qorti jew mit-tribunal. […]”

Ir‑Regolament (KE) Nru 44/2001

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), fis-seħħ sad‑9 ta’ Jannar 2015 u mħassar bir-Regolament Nru 1215/2012, kien jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

Ir‑Regolament Nru 1215/2012

5

Skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]”

6

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

7

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

[…]

(2)

bħala parti terza f’azzjoni dwar garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li quddiemha jitressqu l-proċedimenti oriġinali, sakemm dawn ma kinux ġew mibdija biss bl-objettiv uniku li titneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tismal-każ tagħha […]”

8

Skont l-Artikolu 26(1) tal-istess regolament:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. […]”

Id‑dritt Ċek

Il-Liġi Nru 141/1961 dwar il-Proċeduri Kriminali (Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali)

9

L-Artikolu 80(1) u (3) taz-zákon č. 141/1961 Sb., o trestním řizení soudním (trestní řád) (il-Liġi Nru 141/1961 dwar il-Proċeduri Kriminali (Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali)), jipprevedi:

“(1)   Jekk l-oġġett ikkonsenjat jew imneħħi ma jkunx iktar neċessarju għas-segwitu tal-proċedura u jekk il-konfiska jew il-qbid ma jkunx possibbli, dan għandu jingħata lura lill-persuna li tkun ikkonsenjatu jew lill-persuna li lilha jkun tneħħa. Jekk persuna oħra tinvoka dritt fuq dan, dan jingħata lura lill-persuna li d-dritt tagħha fuq l-oġġett ma huwiex ikkontestat. F’każ ta’ dubju, l-oġġett għandu jiġi miżmum taħt sekwestru u l-persuna li titolbu tiġi informata bil-fatt li hija għandha titlob dan fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili. […]

[…]

(3)   Id-deċiżjoni msemmija [fil-paragrafu 1] għandha tittieħed mill-President tal-Awla jew, fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew mill-pulizija fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari. […]”

Il-Liġi Nru 99/1963 dwar il-Proċedura Ċivili

10

L-Artikolu 88(d) taż-zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 dwar il-Proċedura Ċivili) jiddisponi:

“Minflok il-qorti ordinarja, […] il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-proċedura ta’ sekwestru għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima jekk din tkun deċiżjoni li tobbliga lill-parti li topponi li l-oġġett issekwestrat jingħata lura lill-applikant sabiex jagħti l-kunsens tiegħu.”

Il‑Liġi Nru 292/2013 dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali

11

L-ewwel taqsima tat-Titolu IV taz-zákon č. 292/2013 Sb., o zvláštních řízeních soudních (il-Liġi Nru 292/2013 dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali), hija intitolata “Proċedura ta’ sekwestru”. Din b’mod partikolari tinkludi l-Artikolu 298 u 299 ta’ din il-liġi/

12

L-Artikolu 298(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Restituzjoni tal-oġġett taħt sekwestru ġudizzjarju”, jiddisponi:

“Il-qorti għandha tagħti l-oġġett imqiegħed taħt sekwestru lill-persuna li lilha jkun ġie deċiż li jingħata lura, li tkun talbitha tagħmel dan. Meta l-oġġett ikun tqiegħed f’idejn il-qrati għaliex persuna li ma tkunx dik li lilha jkun ingħata lura titlob ir-rilaxx tas-sekwestru jew għaliex persuna oħra li l-kunsens tagħha huwa mitlub ma tagħtix il-kunsens tagħha għar-rilaxx favur il-persuna li lilha jkun ingħata lura, il-kunsens tal-partijiet kollha u tal-persuna li n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-eżekuzzjoni jkun wassal għas-sekwestru huwa meħtieġ għall-finijiet tar-restituzzjoni. […]”

13

L-Artikolu 299 tal-istess liġi, intitolat “Sostituzzjoni tal-kunsens għar-restituzzjoni tal-oġġett taħt sekwestru”, jistabbilixxi:

“1)

Jekk il-kunsens għar-restituzzjoni tal-oġġett taħt sekwestru jkun ġie rrifjutat, dan jista’ jiġi ssostitwit b’sentenza definittiva tal-qorti li ddeċidiet li l-persuna li opponiet ir-rilaxx għandha tagħti l-kunsens sabiex l-oġġett issekwestrat jingħata lura lill-applikant.

2)

Il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-proċedura ta’ sekwestru għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens, prevista fil-paragrafu 1.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Fid‑19 ta’ Awwissu 2017, QE u IJ, żewġ residenti Ċeki, xtraw vettura fil-Ġermanja, għal ammont ta’ EUR 13000. Fit‑12 ta’ Settembru 2017, il-vettura ġiet issekwestrata mill-pulizija Ċeka minħabba li kienet involuta f’serqa ġewwa Franza. Insegwitu għal dan is-sekwestru, din il-vettura ma ġietx mogħtija lura lil QE u IJ, iżda tqiegħdet taħt sekwestru ġudizzjarju quddiem l-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), minħabba li, fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti, DP u EB, żewġ residenti Franċiżi, kienu wkoll asserixxu li kellhom dritt fuqha.

15

QE u IJ ippreżentaw, quddiem din il-qorti, talba għar-restituzzjoni tal-oġġett taħt sekwestru ġudizzjarju. Peress li d-dritt Ċek jeżiġi, f’tali każ, il-kunsens tal-persuni kkonċernati kollha, QE u IJ ippreżentaw wkoll talba intiża sabiex din il-qorti tadotta deċiżjoni li tissostitwixxi l-kunsens ta’ DP u EB għall-finijiet ta’ din ir-restituzzjoni. Din it-talba ġiet innotifikata lil DP u EB, li ma ppreżentawx osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

16

Il-qorti adita, bħala qorti tal-ewwel istanza, irrifjutat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tiddeċiedi fuq it-talba intiża għas-sostituzzjoni tal-kunsens, billi qieset, essenzjalment, li din il-ġurisdizzjoni tista’ tiġi stabbilita biss abbażi tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda li DP u EB, fil-kwalità tagħhom ta’ konvenuti, ma kinux dehru quddiemha.

17

Adita b’appell minn QE u minn IJ, il-Krajský soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Reġjonali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) ikkonfermat, permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Novembru 2021, id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.

18

QE u IJ ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn sostnew li l-proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens hija proċedura speċjali li ma tirriżultax minn relazzjoni ta’ dritt sostantiv bejn il-partijiet, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikawx.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li ċerti kunsiderazzjonijiet jippermettu li jiġi konkluż li l-proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens għal rilaxx ta’ sekwestru taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, l-għan tat-tqegħid taħt sekwestru huwa li jitneħħa, fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili, kull dubju dwar il-kwistjoni ta’ liema mill-persuni kkonċernati jistgħu jingħataw lura l-oġġett skont dritt għall-proprjetà jew dritt ieħor. Barra minn hekk, din il-proċedura, li hija ta’ natura kontradittorja, hija rregolata minn regoli ta’ proċedura ċivili, b’mod iktar preċiż minn dawk relatati mal-proċeduri ġudizzjarji speċjali.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li jista’ jkun hemm dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 minħabba n-natura inċidentali tal-proċedura inkwistjoni. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru u l-proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens għar-rilaxx ta’ sekwestru huma żewġ proċeduri ta’ natura differenti, l-eżistenza tat-tieni proċedura tiddependi strettament fuq il-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru.

21

Wara li fakkret li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki sabiex jiddeċiedu dwar proċeduri ta’ sekwestru hija bbażata fuq l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi parallel mas-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel (C‑47/18, EU:C:2019:754), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza, hija marbuta mill-qrib magħha u toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, jekk jiġi aċċettat li l-ġurisdizzjoni internazzjonali dwar il-proċeduri intiżi sabiex jissostitwixxu l-kunsens għal rilaxx ta’ sekwestru jiġu ddeterminati skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, il-partijiet fil-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru jistgħu jiġu mħeġġa jistabbilixxu aġir strateġiku, fis-sens li ċerti partijiet fil-proċedura jibqgħu passivi u jistennew li jiġu mħarrka quddiem il-qorti tad-domiċilju tagħhom bis-saħħa tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

23

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ukoll l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fir-rigward ta’ talba għal intervent b’mod partikolari minħabba li diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-kunċett ta’ “terz” u ta’ “proċedura li timplika lil terz”.

24

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda dwar jekk il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi l-kunsens għal rilaxx ta’ sekwestru taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk il-punt 2 tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jistax jiġi interpretat fis-sens li japplika għal tali proċedura.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut għar-rilaxx ta’ oġġett mis-sekwestru ġudizzjarju, li hija proċedura inċidentali għall-proċedura ta’ sekwestru ġudizzjarju mibdija permezz tat-tqegħid taħt sekwestru tal-oġġett issekwestrat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens għar-rilaxx ta’ oġġett mis-sekwestru ġudizzjarju, imressqa minn waħda mill-partijiet fil-proċedura ta’ sekwestru ġudizzjarju tal-oġġett kontenzjuż kontra parti oħra f’din il-proċedura tikkostitwixxi talba fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut fil-kuntest ta’ talba għar-rilaxx ta’ oġġett mis-sekwestru, meta din l-azzjoni tkun proċedura inċidentali għall-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru tal-oġġett issekwestrat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung, C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Dan huwa l-każ tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprovdi li dan ir-regolament “għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal […]”, sa fejn din id-dispożizzjoni hija ekwivalenti għall-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

29

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1215/2012 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. Dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina,C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Movic et, C‑73/19, EU:C:2020:568, punt 33)

30

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, repetutament iddeċidiet li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-azzjoni ġudizzjarja tkun tirrigwarda atti mwettqa jure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading, C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

31

Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jmorru lil hinn mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, teskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading, C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk materja taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u s-suġġett tagħha, jew, alternattivament, li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading, C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni, jidher madankollu utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiemha, ċerti preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

34

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” tilwima bejn żewġ impriżi fi proċedura ta’ rilaxx ta’ mandat ta’ qbid li jirrigwarda l-provvista ta’ karburanti għall-bżonnijiet ta’ operazzjoni militari, peress li l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala mwettqa iure imperii (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punti 6566). Madankollu, hija qieset li dan ma kienx il-każ ta’ talba intiża sabiex tingħata l-kompetenza li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur futur permezz ta’ sempliċi minuti redatti minn uffiċjal tal-awtorità pubblika inkwistjoni, peress li tali talba tirrigwarda fir-realtà setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading, C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens għar-rilaxx ta’ sekwestru ġudizzjarju tikkostitwixxi proċedura li tippermetti li n-nuqqas ta’ ftehim tal-konvenut jiġi ssostitwit bit-talba għar-rilaxx tas-sekwestru b’deċiżjoni ġudizzjarja, sabiex tiġi ddeterminata l-persuna li lilha l-oġġett issekwestrat għandu jingħata lura mill-awtorità ġudizzjarja.

36

Kif speċifikat mill-qorti tar-rinviju, din l-azzjoni, li l-bażi tagħha tinsab fil-proċeduri ta’ sekwestru ordnata mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta’ tqegħid taħt sekwestru tal-oġġett inkwistjoni, tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għar-rilaxx tas-sekwestru ġudizzjarju u għall-konsenja tal-oġġett.

37

Minn dan jirriżulta li kemm fir-rigward tal-għan tagħha kif ukoll tal-bażi tagħha, il-proċedura intiża li tissostitwixxi l-kunsens hija marbuta b’mod indissoċjabbli mas-sekwestru tal-oġġett inkwistjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mat-tqegħid sussegwentement taħt sekwestru, b’tali mod li hija ma tistax tiġi eżaminata billi jiġu injorati dawn il-proċeduri.

38

Issa, is-sekwestru ta’ oġġett fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u t-tqegħid taħt sekwestru ġudizzjarju sussegwenti jikkostitwixxu emanazzjonijiet karatteristiċi tal-awtorità pubblika, b’mod partikolari sa fejn dawn jiġu deċiżi b’mod unilaterali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u peress li huma vinkolanti għall-partijiet inkwistjoni fil-kawża.

39

Tilwima ta’ din in-natura tirriżulta, fil-fatt, minn manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minnha ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 34).

40

Minn dan jirriżulta li azzjoni sabiex jiġi ssostitwit il-kunsens, sa fejn tikkostitwixxi proċedura inċidentali għat-tqegħid taħt sekwestru ġudizzjarju tal-oġġett issekwestrat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u qabel ir-rilaxx ta’ dan is-sekwestru, għandha wkoll titqies li taqa’ taħt manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jekk, minħabba s-suġġett tagħha, tilwima hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, l-eżistenza ta’ domanda preliminari, li dwarha għandha tiddeċiedi l-qorti sabiex tiddeċiedi din it-tilwima, ma tistax, ikun xi jkun il-kontenut ta’ din il-kwistjoni, tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Rich, C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 26).

42

Barra minn hekk, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament tista’ tvarja skont l-eżistenza ta’ kwistjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 42).

43

Tali interpretazzjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li din il-proċedura preliminari tiżvolġi bejn individwi, fl-assenza tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li l-proċedura hija ta’ natura kontradittorja u li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju huma rregolati minn regoli ta’ proċedura ċivili.

44

Fil-fatt, il-fatt li l-applikant għar-rilaxx ta’ sekwestru ġudizzjarju jaġixxi abbażi ta’ azzjoni li toriġina minn att ta’ awtorità pubblika huwa biżżejjed sabiex din il-proċedura tiġi kkunsidrata, tkun xi tkun in-natura tar-regoli proċedurali segwiti, bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-fatt li r-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju huwa ppreżentat bħala li għandu natura ċivili sa fejn huwa intiż li jiddetermina lil min għandu jingħata lura l-oġġett issekwestrat u miżmum taħt sekwestru huwa, konsegwentement, irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludux azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut fil-kuntest ta’ talba għar-rilaxx ta’ oġġett mis-sekwestru, meta din l-azzjoni tkun proċedura inċidentali għall-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru tal-oġġett issekwestrat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Fuq it‑tieni domanda

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludux azzjoni intiża li tissostitwixxi l-kunsens tal-konvenut fil-kuntest ta’ talba għar-rilaxx ta’ oġġett mis-sekwestru, meta din l-azzjoni tkun proċedura inċidentali għall-proċedura ta’ tqegħid taħt sekwestru tal-oġġett issekwestrat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Fuq