SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Mejju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 1(1) – Kunċetti ta’ ‘materja ċivili u kummerċjali’ u ta’ ‘materja amministrattiva’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Attivitajiet ta’ kumpanniji ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti – Acta iure imperii et acta iure gestionis – Prerogattivi ta’ setgħa pubblika – Immunità ġudizzjarja”
Fil-Kawża C‑641/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura
LG et
vs
Rina SpA,
Ente Registro Italiano Navale,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader (Relature), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal LG et, minn R. Ambrosio, S. Commodo, S. Bertone, M. Bona, A. Novelli, u F. Pocar, avvocati, C. Villacorta Salis, abogado, J-P Bellecave, avocat, kif ukoll minn N. Taylor, solicitor, |
– |
għal Rina SpA u Ente Registro Italiano Navale, minn G. Giacomini, F. Siccardi, R. Bassi, M. Campagna, T. Romanengo, F. Ronco u M. Giacomini, avvocati, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Dubois kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller kif ukoll minn S. L. Kalėda u L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta”) u tal-premessa 16 tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi regoli u standards komuni għal korpi awtorizzati li jwettqu l-ispezzjoni u ż-żjara tal-vapuri u l-attivitajiet marittimi (ĠU 2009, L 131, p. 47). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LG et u Rina SpA u Ente Registro Italiano Navale (iktar ’il quddiem, flimkien, “kumpanniji Rina”), dwar il-kumpens minn dawn tal-aħħar, abbażi tar-responsabbiltà ċivili, tad-dannu patrimonjali u extrapatrimonjali subit minn LG et minħabba n-nawfraġju tat-tanker Al Salam Boccaccio ’98, li seħħ, bejn it-2 ta’ Frar u t-3 ta’ Frar 2006, fil-Baħar l-Aħmar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Din ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260). |
4 |
Skont l-Artikolu 90 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dritt ta’ navigazzjoni”, “[k]ull Stat għandu d-dritt li bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jinnavigaw lejn l-ibħra internazzjonali”. |
5 |
L-Artikolu 91 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Nazzjonalità tal-bastimenti”, jipprevedi: “1. Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom jissuġġetta l-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti fit-territorju tiegħu u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex huma jkollhom id-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu. Il-bastimenti għandhom in-nazzjonalità tal-Istat li tiegħu huma awtorizzati jtajru l-bandiera […] 2. Kull Stat għandu joħroġ dokumenti għall-bastimenti li lilhom ikun ta d-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu.” |
6 |
L-Artikolu 94(1) u (3) sa (5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprovdi: “1. Kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. […] 3. Kull Stat għandu jieħu, fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà fuq il-baħar, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
4. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li huma neċessarji sabiex jiġi assigurat li:
[…] 5. Meta jieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 u 4, kull Stat għandu jikkonforma mar-regoli, proċeduri u prattiċi internazzjonali ġeneralment aċċettati u li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura l-konformità magħhom.” |
7 |
F’dan il-kuntest, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (iktar ’il quddiem, il-“Konvenjoni SOLAS”), li l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fiha, għandha bħala l-għan prinċipali tagħha li tispeċifika l-istandards minimi dwar il-kostruzzjoni, it-tagħmir u l-użu tal-bastimenti, kompatibbli mas-sigurtà tagħhom. |
8 |
Skont ir-Regola 3-1 tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 ta’ din il-konvenzjoni, il-bastimenti għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u miżmuma skont il-preskrizzjonijiet ta’ natura strutturali, mekkanika u elettrika ta’ kumpannija ta’ klassifikazzjoni rrikonoxxuta mill-Amministrazzjoni, jiġifieri, skont il-kliem tal-imsemmija konvenzjoni, mill-Gvern tal-Istat li l-bastiment huwa awtorizzat li jtajjar il-bandiera tiegħu, skont il-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regola XI/1, jew konformement mal-istandards nazzjononali applikabbli tal-amministrazzjoni li jipprovdu grad ta’ sigurtà ekwivalenti. |
9 |
Ir-Regola 6 fil-Kapitolu I tal-Konvenzjoni SOLAS tipprovdi:
|
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 44/2001
10 |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dan “japplika f’materji ċivili u kummerċjali indipendentement min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.” |
11 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. |
Id-Direttiva 2009/15
12 |
Il-premessa 16 tad-Direttiva 2009/15 tipprevedi: “Meta organizzazzjoni rikonoxxuta, l-ispetturi jew il-persunal tekniku tagħha, joħorġu ċertifikati rilevanti f’isem l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jassuġġettawhom, fir-rigward tal-attivitajiet delegati, għal salvagwardji legali proporzjonati u protezzjoni ġudizzjarja, inkluż l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża adegwata, minbarra l-immunità, li hija prerogattiva invokabbli biss mill-Istat Membru, bħala dritt inseparabbli tas-sovranità u għalhekk mhux delegabbli”. |
13 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fir-relazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet responsabbli mill-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri għall-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, filwaqt li tmexxi ’l quddiem l-objettiv tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Dan jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza għall-buq, il-makkinarju, u l-istallazzjonijiet elettriċi u tal-kontroll tal-vapuri li jidħlu fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
LG et, membri tal-familji tal-vittmi u passiġġieri li salvaw fin-nawfraġju tal-bastiment Al Salam Boccaccio ’98, li seħħ, bejn it-2 ta’ Frar u t-3 ta’ Frar 2006, fil-Baħar l-Aħmar, u li ħallew iktar minn 1000 vittma, ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova, l-Italja), kontra Rina, kumpanniji ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-bastimenti, li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab f’Genova. |
15 |
LG et jitolbu kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirriżultaw mir-responsabbiltà ċivili eventwali tal-kumpanniji Rina, billi jsostnu li l-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-imsemmi bastiment, imwettqa mill-kumpanniji Rina, skont kuntratt konkluż mar-Repubblika tal-Panama, għall-finijiet tal-kisba minn dan l-istess bastiment tal-bandiera ta’ dan l-Istat, joriġinaw mill-imsemmi nawfraġju. |
16 |
Il-kumpanniji Rina jeċċepixxu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju billi jinvokaw il-prinċipju tad-dritt internazzjonali tal-immunità ġudizzjarja tal-Istati barranin. B’mod partikolari, skont dawn il-kumpanniji, l-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni li huma wettqu permezz tad-delegazzjoni tar-Repubblika tal-Panama u, konsegwentement, jikkostitwixxu manifestazzjoni ta’ prerogattivi sovrani tal-Istat li jiddelega. |
17 |
Skont LG et, min-naħa l-oħra, peress li l-kumpanniji Rina għandhom is-sede tagħhom fl-Italja u li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura ċivili, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qrati Taljani għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, LG et iqisu li l-eċċezzjoni ta’ immunità ġudizzjarja, invokata mill-kumpanniji Rina, ma tkoprix attivitajiet irregolati minn regolamenti tekniċi li ma humiex ta’ natura diskrezzjonali u, fi kwalunkwe każ, li ma għandhomx x’jaqsmu mal-għażliet politiċi u mal-prerogattivi ta’ Stat. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani sa fejn, għalkemm huwa paċifiku li l-kumpanniji Rina għandhom is-sede tagħhom fl-Italja, huma aġixxew fuq delega tar-Repubblika tal-Panama. |
19 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għall-ġurisprudenza tal-Corte constituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) fil-qasam tal-immunità ġudizzjarja. Konformement mal-ġurisprudenza ta’ dawn il-qrati supremi, ir-rikonoxximent tal-immunità ġudizzjarja huwa eskluż biss għall-atti tal-Istati barranin li jikkonsistu f’delitti ta’ gwerra u kontra l-umanità jew meta tali rikonoxximent jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati – dan ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE, tal-Artikolu 6(1) [Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”,] u tal-premessa 16 tad-Direttiva [2009/15]– bħala li jipprekludu li, fil-kuntest ta’ tilwima mressqa sabiex jinkiseb kumpens għad-danni b’riżultat tal-mewt u l-feriment ta’ persuni kkawżati mill-għarqa ta’ vapur tal-passiġġieri bl-invokazzjoni ta’ responsabbiltà b’riżultat ta’ aġir negliġenti, qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha, billi tirrikonoxxi l-immunità ġurisdizzjonali favur organi u persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat li jwettqu attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u/jew ta’ ċertifikazzjoni u li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru, u dan minħabba l-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u/jew ta’ ċertifikazzjoni f’isem Stat [terz]?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
21 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-kumpanniji Rina jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni tal-immunità ġudizzjarja, imqajma fil-kawża prinċipali u li dwarha l-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi qabel ma tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina l-eventwali ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, skont il-kumpanniji Rina, ir-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex applikabbli ratione materiae għall-kawża prinċipali, peress li din hija, f’dan il-każ, pretensjoni li toriġina minn att ta’ setgħa pubblika, li huwa biżżejjed sabiex l-azzjoni tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 29). |
23 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li teżisti rabta reali u diretta bejn l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, u t-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti sabiex tiddeċiedi din it-tilwima. |
24 |
Fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà tal-imsemmi regolament għall-kawża prinċipali, din ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 28). |
25 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli mhux biss meta t-tilwima tikkonċerna diversi Stati Membri, iżda wkoll meta tikkonċerna Stat Membru wieħed jekk ikun jeżisti element barrani minħabba l-involviment ta’ Stat terz. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni hija ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 24 sa 27, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Taser International, C‑175/15, EU:C:2016:176, punt 20). |
26 |
Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
27 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li rikors għad-danni, ippreżentat kontra persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, li jeżerċitaw attività ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti f’isem u fuq delega ta’ Stat terz, jaqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u, f’tali każ, jekk il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju jipprekludix l-eżerċizzju, mill-qorti nazzjonali adita, tal-ġurisdizzjoni prevista mill-imsemmi regolament. |
28 |
F’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha, fl-ewwel lok, tiġi ddeterminata l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “materji ċivili u kummerċjali” u ta’ “materji amministrattivi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mill-kumpanniji Rina, sabiex jiġi stabbilit jekk il-qrati Taljani humiex kompetenti skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, u fit-tieni lok, li jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-eventwali rikonoxximent tal-immunità ġudizzjarja lil korpi rregolati mid-dritt privat, bħalma huma l-kumpanniji Rina, għall-implimentazzjoni tal-imsemmi regolament u b’mod partikolari għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li għandha l-qorti tar-rinviju abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001. |
29 |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Ma jkoprix b’mod partikolari, il-materji fiskali, doganali u amministrattivi. |
30 |
Huwa importanti, l-ewwel nett, li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. Dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319 punt 24). |
31 |
Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, kif tiddikjara b’mod partikolari l-premessa 7 tar-Regolament Nru 44/2001, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jagħti kunċett wiesa’ tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas-6 ta’ Frar 2019, NK, C-535/17, EU:C:2019:96, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrelevat li, sabiex jiġi stabbilit jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 26). |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk tilwima tikkonċernax atti mwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, għandhom jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjoni mibdija minn LG et hija bbażata fuq l-Artikoli 2043, 2049, 2050 u 2055 tal-Kodiċi Ċivili Taljan li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali kif ukoll l-Artikoli 1218 u 1228 ta’ dan il-kodiċi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ta’ sigurtà. |
37 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti, imwettqa mill-kumpanniji Rina fuq delegazzjoni u f’isem ir-Repubblika tal-Panama, jaqgħux, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika. |
38 |
Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tikklassifika legalment dawn it-tranżazzjonijiet f’dan ir-rigward. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, hemm lok li jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin. |
39 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa irrilevanti li ċerti attivitajiet ġew eżerċitati permezz ta’ delega ta’ Stat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li ċerti setgħat huma ddelegati minn att ta’ awtorità pubblika ma jimplikax li dawn is-setgħat huma eżerċitati iure imperii (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C-551/15, EU:C:2017:193, punt 35). |
40 |
Tali konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt li l-imsemmija operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni twettqu mill-kumpanniji Rina għan-nom u fl-interess tar-Repubblika tal-Panama. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li wieħed jaġixxi f’isem l-Istat mhux dejjem jimplika l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 1993, Sonntag, C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 21). |
41 |
Kif jirrilevaw LG et fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-fatt li ċerti attivitajiet għandhom għan pubbliku ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala “imwettqa iure imperii”, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti fir-rigward tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 1993, Sonntag, C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 22). Issa, minkejja li l-attività tal-kumpanniji Rina hija intiża sabiex tiżgura s-sigurtà tal-passiġġieri ta’ bastiment, dan ma jimplikax li l-attività tagħha tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika. |
42 |
Bl-istess mod, il-fatt li, fid-dawl tal-għan tagħhom, ċerti atti jitwettqu fl-interess ta’ Stat ma għandux, fih innifsu, il-konsegwenza li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettqu fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, peress li l-kriterju rilevanti huwa l-użu tas-setgħat eżorbitanti fir-rigward tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. |
43 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni huma rregolati mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, bħalma huma l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u l-Konvenzjoni SOLAS. B’mod iktar preċiż, l-attività ta’ klassifikazzjoni tal-bastimenti tikkonsisti fil-ħruġ ta’ ċertifikat min-naħa ta’ kumpannija ta’ klassifikazzjoni magħżula mill-proprjetarju tal-bastiment. Dan iċ-ċertifikat jiċċertifika li l-bastiment huwa ddisinjat u mibni skont ir-regoli tal-klassi stabbiliti minn din il-kumpannija skont il-prinċipji previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Il-kisba ta’ ċertifikat ta’ klassifikazzjoni hija prerekwiżit għaċ-ċertifikazzjoni regolatorja, li sseħħ wara li l-proprjetarju tal-bastiment ikun għażel l-Istat tal-bandiera. |
44 |
L-attività ta’ ċertifikazzjoni tikkonsisti fil-ħruġ ta’ ċertifikat regolatorju mill-Istat tal-bandiera jew f’ismu minn wieħed mill-organi awtorizzati mill-imsemmi Stat sabiex iwettqu spezzjonijiet kif ukoll il-ħruġ ta’ ċerti dokumenti u ċertifikati, skont il-Konvenzjoni SOLAS. L-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni huma spiss eżerċitati mill-istess kumpannija. |
45 |
Skont l-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni twettqu mill-kumpanniji Rina bi ħlas u skont kuntratt kummerċjali rregolat mid-dritt privat, konkluż direttament mall-proprjetarju tal-bastiment Al Salam Boccaccio ’98, li jipprovdi li s-servizzi pprovduti mill-kumpanniji Rina kienu jikkonsistu biss f’li jiġi stabbilit li l-bastiment eżaminat kien jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-atti applikabbli u, jekk iva, il-ħruġ taċ-ċertifikati korrispondenti. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni u l-għażla tar-rekwiżiti tekniċi applikabbli kienu rriżervati għall-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Panama. |
46 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 91 u mill-Artikolu 94(3) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirriżulta li għall-interpretazzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 85 u tal-11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44), li huma l-Istati li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom huma jissuġġettaw il-vapuri għall-finijiet tal-kisba tal-bandiera u li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà fuq il-baħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kostruzzjoni u t-tagħmir tal-bastiment u l-adegwatezza tiegħu għan-navigazzjoni. |
47 |
Għalhekk, ir-rwol tal-korpi awtorizzati, bħall-kumpanniji Rina, jikkonsisti fil-verifika tal-bastiment skont ir-rekwiżiti previsti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli, li jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għar-revoka taċ-ċertifikat minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu ma’ dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali revoka ma tirriżultax mis-setgħa deċiżjonali tal-imsemmija korpi awtorizzati, li jaġixxu f’kuntest leġiżlattiv iddefinit minn qabel. Jekk, wara r-revoka ta’ ċertifikat, bastiment ma jistax jibqa’ jbaħħar, dan ikun minħabba s-sanzjoni li, hekk kif ammettew il-kumpanniji Rina matul is-seduta, hija imposta mil-liġi. |
48 |
Barra minn hekk, mir-Regola 6(c) u (d) tal-Kapitolu I, tal-Konvenzjoni SOLAS jirriżulta li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-bastiment, il-korp awtorizzat għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-Istat ikkonċernat, li jibqgħu responsabbli u garanti għall-eżekuzzjoni kompleta u tal-effikaċja tal-ispezzjoni u taż-żjara u għandhom jintrabtu li jieħdu l-miżuri neċessarji. |
49 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni, bħal dawk imwettqa fuq il-bastiment Al Salam Boccaccio ’98 mill-kumpanniji Rina, fuq delega u f’isem ir-Repubblika tal-Panama, ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li azzjoni għal kumpens għall-imsemmija operazzjonijiet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
50 |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika iktar wiesgħa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mill-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 51 TFUE, minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji huma impriżi bi skop ta’ lukru li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li ma għandhom l-ebda setgħa deċiżjonali marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 16 sa 21). |
51 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-eċċezzjoni dwar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE, l-attivitajiet tal-korpi rregolati mid-dritt privat inkarigati li jivverifikaw u jiċċertifikaw il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi mill-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 50). |
52 |
B’mod iktar partikolari, il-verifika, minn dawn il-kumpanniji, tal-kapaċità teknika u finanzjarja tal-impriżi suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, tal-veraċità u tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, taċ-ċertifikati u tad-dokumenti ppreżentati mill-persuni li lilhom jinħarġilhom iċ-ċertifikat ma tistax titqies li hija attività li taqa’ fi ħdan l-awtonomija deċiżjonali inerenti fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, peress li din il-verifika, imwettqa taħt sorveljanza Statali diretta, hija kompletament iddeterminata mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 54; u, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 41, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 56). |
53 |
Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar l-effett, għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kawża prinċipali, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja, invokata mill-kumpanniji Rina, sabiex jiġi ddeterminat jekk, billi tirrikonoxxi din l-immunità minħabba l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni mill-imsemmija kumpanniji, il-qorti nazzjonali adita tistax tastjeni mill-kawża. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli li jikkostitwixxu l-espressjoni tad-dritt konswetudinarju internazzjonali jorbtu, bħala tali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 46, tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 42 kif ukoll tat-23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra, C‑537/11, EU:C:2014:19, punt 39). |
55 |
Madankollu, qorti nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni billi tapplika r-Regolament Nru 44/2001 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal-25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 44). Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li, jekk tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ immunità ġudizzjarja, LG et ma jkunux imċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-qrati, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsabu fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
56 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-Istati hija stabbilita fid-dritt internazzjonali u hija bbażata fuq il-prinċipju par in parem non habet imperium, peress li Stat ma jistax jiġi suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor. Madankollu, fl-istat attwali tal-prattika internazzjonali, din l-immunità ma għandhiex valur assolut, iżda hija ġeneralment irrikonoxxuta meta t-tilwima tikkonċerna atti ta’ sovranità mwettqa iure imperii. Min-naħa l-oħra, din tista’ tiġi eskluża jekk l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti li ma jaqgħux taħt is-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punti 54 u 55). |
57 |
F’dan il-każ, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 108 sa 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-immunità ġudizzjarja tal-korpi rregolati mid-dritt privat, bħall-kumpanniji Rina, ma hijiex ġeneralment irrikonoxxuta f’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ċertifikazzjoni tal-bastimenti, meta dawn ma jkunux twettqu iure imperii fis-sens tad-dritt internazzjonali. |
58 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 f’kawża għall-kumpens għad-danni kontra korpi rregolati mid-dritt privat, bħall-kumpanniji Rina, minħabba attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni li ġew eżerċitati, fuq delega u f’isem Stat terz, meta l-qorti adita tikkonstata li tali korpi ma użawx il-prerogattivi tas-setgħa pubblika, fis-sens tad-dritt internazzjonali. |
59 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa paċifiku li d-Direttiva 2009/15 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li tikkonċerna esklużivament lill-Istati Membri, il-premessa 16 tagħha, li tinsab fid-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, tikkorrobora r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti portata limitata lill-interpretazzjoni tiegħu tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju fuq l-immunità ġudizzjarja fir-rigward tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-bastimenti. Fil-fatt, skont din il-premessa, meta organizzazzjoni irrikonoxxuta, l-ispetturi jew il-persunal tekniku tagħha, joħorġu ċertifikati rilevanti f’isem l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jissuġġettawhom, fir-rigward tal-attivitajiet delegati, għal salvagwardji legali proporzjonati u protezzjoni ġudizzjarja, inkluż l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża adegwata, minbarra l-immunità, li hija prerogattiva invokabbli biss mill-Istat Membru, bħala dritt inseparabbli tas-sovranità u għalhekk mhux delegabbli. |
60 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors għad-danni, ippreżentat kontra persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, li jeżerċitaw attività ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti f’isem u fuq delega ta’ Stat terz, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li din l-attività ma hijiex eżerċitata abbażi ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa. Il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja ma jipprekludix l-eżerċizzju, mill-qorti nazzjonali adita, tal-ġurisdizzjoni prevista mill-imsemmi regolament f’tilwima dwar tali rikors, meta din il-qorti tikkonstata li tali korpi ma użawx il-prerogattivi tas-setgħa pubblika fis-sens tad-dritt internazzjonali. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors għad-danni, ippreżentat kontra persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, li jeżerċitaw attività ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti f’isem u fuq delega ta’ Stat terz, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li din l-attività ma hijiex eżerċitata abbażi ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa. Il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja ma jipprekludix l-eżerċizzju, mill-qorti nazzjonali adita, tal-ġurisdizzjoni prevista mill-imsemmi regolament f’tilwima dwar tali rikors, meta din il-qorti tikkonstata li tali korpi ma użawx il-prerogattivi tas-setgħa pubblika fis-sens tad-dritt internazzjonali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.