Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
Proċeduri kriminali kontra DELTA STROY 2003.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okrazhen sad - Burgas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Applikabbiltà – Impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika għal nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn fiskali – Kunċett ta’ ‘konfiska’ – Artikoli 48, 49 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Sanzjonijiet ta’ natura kriminali – Prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni – Drittijiet tad-difiża – Impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fuq persuna ġuridika għal ksur imwettaq mir-rappreżentant ta’ din il-persuna ġuridika – Proċeduri kriminali parallela mhux magħluqa kontra dan ir-rappreżentant – Proporzjonalità.
Kawża C-203/21.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:865

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Applikabbiltà – Impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika għal nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn fiskali – Kunċett ta’ ‘konfiska’ – Artikolu 48, 49 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Sanzjonijiet ta’ natura kriminali – Prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni – Drittijiet tad-difiża – Impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fuq persuna ġuridika għal ksur imwettaq mir-rappreżentant ta’ din il-persuna ġuridika – Proċeduri kriminali parallela mhux magħluqa kontra dan ir-rappreżentant – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑203/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2021, fil-proċeduri kriminali kontra

DELTA STROY 2003,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Burgas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), kif ukoll tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija kontra DELTA STROY 2003 EOOD (iktar ’il quddiem “Delta Stroy”) għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq din il-kumpannija minħabba ksur kriminali relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) allegata fil-konfront tal-amministratriċi u rappreżentanta tagħha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/212

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

‘rikavati’ tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku minn reati kriminali. Dawn jistgħu jikkonsistu minn kwalunkwe forma ta’ proprjetà kif definita fl-inċiż li ġej,

‘proprjetà’ tinkludi proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk korporali jew mhux korporali, kemm mobbli jew immobbli, u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li juru t-titolu għal tali proprjetà jew l-interess fiha,

‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali,

‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà,

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jiddisponi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

2.   Fir-rigward ta’ reati fiskali, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċeduri oħra barra l-proċeduri kriminali sabiex jipprivaw lill-awtur tar-reat mir-rikavati tar-reat.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Rimedji legali”, jistabbilixxi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Protezzjoni”, jiddisponi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji fundamentali, inkluża b’mod partikolari l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI

7

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2006, L 159M, p. 256), intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

[…]

(b)

‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i)

somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

[…]

Penali finanzjarja ma għandhiex tinkludi:

ordnijiet għall-konfiska ta’ mezzi jew ta’ qligħ tal-kriminalità,

[…]”

Id‑Direttiva 2014/42/UE

8

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114) jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘rikavat’ tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta, direttament jew indirettament minn reat kriminali; dan jista’ jikkonsisti minn kwalunkwe forma ta’ proprjetà u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew kwalunkwe trasformazzjoni li jsiru sussegwentement ta’ rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur;

(2)

‘proprjetà’ tfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jixhdu dritt jew interess fi proprjetà bħal din;

[…]

(4)

‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

[…]”

9

L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI [tat‑3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 97)], il-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI [tas‑26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)], u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.”

Id‑dritt Bulgaru

Iż-Zann

10

Iż-zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92 tat‑28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“Zann”), tinkludi l-Kapitolu 4, intitolat “Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali kontra persuni ġuridiċi u imprendituri individwali”, li jinkludi huwa stess l-Artikoli 83, 83a, 83b, u 83d sa 83g ta’ din il-liġi.

11

L-Artikolu 83 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“(1)   Fil-każijiet previsti mil-liġi, id-digriet, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri jew id-deċiżjoni muniċipali rilevanti, tista’ tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq il-persuni ġuridiċi u fuq l-imprendituri individwali talli naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-Istat jew tal-muniċipalità fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

(2)   Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti hija imposta skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi, meta l-att normattiv korrispondenti ma jipprovdix mod ieħor.”

12

L-Artikolu 83a tal-istess liġi jipprevedi:

“(1)   Kull persuna ġuridika li arrikkixxiet ruħha jew li tista’ tiġi arrikkita wara ksur skont l-Artikolu 255 […] tal-Kodiċi Kriminali kif ukoll kull reat imwettaq, f’isem jew fuq l-inizjattiva ta’ grupp kriminali organizzat, minn:

1.

persuna li għandha s-setgħa torbot lill-persuna ġuridika;

2.

persuna li tirrappreżenta lill-persuna ġuridika;

3.

persuna eletta ma’ korp ta’ kontroll jew ta’ sorveljanza tal-persuna ġuridika, jew

4.

ħaddiem jew impjegat li lilu l-persuna ġuridika tkun attribwixxiet kompitu partikolari, meta l-ksur ikun twettaq fl-eżerċizzju jew fl-okkażjoni ta’ dan il-kompitu,

huwa punibbli b’sanzjoni pekunjarja tal-inqas ugwali għall-valur tal-vantaġġ, sa massimu ta’ 1000000 [lev Bulgaru (BGN), madwar EUR 511000], meta dan ikun vantaġġ patrimonjali […].

2   Is-sanzjoni pekunjarja hija imposta wkoll fuq kull persuna ġuridika li ma jkollhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, meta l-ksur imsemmi fil-paragrafu 1 ikun twettaq fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

3   Is-sanzjoni pekunjarja għandha tiġi imposta fuq il-persuna ġuridika anki meta l-persuni msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ikunu ħeġġew il-ksur indikat jew kienu kompliċi, kif ukoll meta l-ksur ma jkunx qabeż l-istadju tat-tentattiv.

4   Is-sanzjoni pekunjarja hija imposta, indipendentement mill-involviment effettiv tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni li pparteċipaw fil-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.

5   Il-vantaġġ dirett jew indirett li l-persuna ġuridika kisbet mill-ksur imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi adit favur l-Istat jekk ma għandux jitħallas lura jew irrimborsat, jew inkella jiġi adit konformement mal-Kodiċi Kriminali. Meta l-oġġett jew l-attiv li huwa s-suġġett tal-ksur ikun sparixxa jew ġie ttrasferit, jingħata ammont li jikkorrispondi għall-valur tiegħu f’leva (BGN).

[…]”

13

Skont l-Artikolu 83b taż-Zann:

“(1)   Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 83a tinbeda, fuq proposta mmotivata tal-prosekutur kompetenti sabiex jeżamina l-każ jew il-fajl relatat mal-ksur inkwistjoni, quddiem l-Okrazhen sad (il-Qorti Reġjonali, il-Bulgarija) tal-post tas-sede tal-persuna ġuridika, u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 83a(2) quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija):

1.

Wara l-preżentata quddiem il-qorti tal-att ta’ akkuża, tad-digriet li jipproponi li jeżenta lill-awtur tar-reat mir-responsabbiltà kriminali u li tiġi imposta fuqu sanzjoni amministrattiva, jew mill-ftehim ta’ negozjar tal-piena;

[…]

(2)   Il-proposta għandha:

1.

tinkludi deskrizzjoni tal-ksur, tindika ċ-ċirkustanzi li fihom dan twettaq u turi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur u l-vantaġġ għall-persuna ġuridika;

2.

tindika n-natura u l-valur tal-vantaġġ;

3.

tindika l-isem, l-għan tal-attività, is-sede u l-indirizz tal-amministrazzjoni tal-persuna ġuridika;

4.

tindika d-data personali tar-rappreżentant tal-persuna ġuridika;

5.

tindika d-data personali tal-persuni akkużati bir-reat jew ikkundannati għal din tal-aħħar;

6.

ikun fiha lista ta’ dokumenti bil-miktub li jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 1 u 2, jew kopji ċċertifikati ta’ dawn id-dokumenti;

7.

ikun fiha lista ta’ persuni li għandhom jiġu mħarrka;

8.

tindika d-data u l-post tar-redazzjoni tagħha kif ukoll l-isem, il-funzjoni u l-firma tal-prosekutur.

[…]”

14

L-Artikolu 83d ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“[…]

(2)   Il-qorti, fil-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, għandha teżamina l-proposta f’seduta pubblika li fiha l-Uffiċċju tal-Prosekutur jieħu sehem u l-persuna ġuridika hija msejħa.

(3)   In-nuqqas ta’ dehra tar-rappreżentant tal-persuna ġuridika, meta l-konvokazzjoni kienet regolari, ma jipprekludix lill-qorti milli tieħu konjizzjoni tal-kawża.

(4)   Il-qorti għandha tiġbor il-provi ex officio jew fuq talba tal-partijiet.

(5)   Il-qorti għandha teżamina l-kawża u, abbażi tal-provi miġbura, tevalwa:

1.

jekk il-persuna ġuridika inkwistjoni tkun kisbet vantaġġ illegali;

2.

jekk teżisti rabta bejn l-awtur tar-reat u l-persuna ġuridika;

3.

jekk teżisti rabta bejn ir-reat u l-vantaġġ miksub mill-persuna ġuridika;

4.

liema huma n-natura u l-valur tal-vantaġġ, jekk dan tal-aħħar huwa patrimonjali.

(6)   Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni li permezz tagħha:

1.

timponi sanzjoni pekunjarja, [jew]

2.

tirrifjuta li timponi sanzjoni pekunjarja.

(7)   Id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 6 għandu jkun fiha:

1.

id-data dwar il-persuna ġuridika;

2.

id-data dwar l-oriġini, in-natura, u l-valur tal-vantaġġ;

3.

l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja imposta;

4.

id-deskrizzjoni tal-proprjetà li, jekk ikun il-każ, hija kkonfiskata għall-benefiċċju tal-Istat;

5.

l-intaxxar tal-ispejjeż.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 83e tal-imsemmija liġi:

“[…]

(1)   Id-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [(il-Qorti Reġjonali)] skont l-Artikolu 83d(6) tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ rikors [tal-persuna ssanzjonata] jew permezz ta’ lment (“protest”) [tal-Uffiċċju tal-Prosekutur] quddiem l-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell, il-Bulgarija)], f’terminu ta’ 14‑il jum min-notifika tagħha lill-partijiet.

(2)   Il-kawża hija eżaminata f’seduta pubblika li fiha jieħu sehem l-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-persuna ġuridika hija msejħa wkoll għas-seduta.

(3)   Fil-proċedura […], huma biss il-provi bil-miktub li huma ammessi.

(4)   L-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)] għandha tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija tista’:

1.

tannulla d-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [(il-Qorti Reġjonali)] u tibgħat lura l-kawża sabiex din tiġi eżaminata mill-ġdid, meta jkun twettaq ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali matul il-proċedura fl-ewwel istanza;

2.

tannulla d-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [il-Qorti Reġjonali] u timponi sanzjoni pekunjarja;

3.

tannulla d-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [il-Qorti Reġjonali] u tirrifjuta li timponi sanzjoni pekunjarja;

4.

temenda d-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [il-Qorti Reġjonali];

5.

tikkonferma d-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [il-Qorti Reġjonali].

(5)   Id-deċiżjoni tal-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)] hija finali.”

16

L-Artikolu 83f taż-Zann huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(1)   Il-proċedura li biha l-Okrazhen sad (il-Qorti Reġjonali) jew l-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell) taw deċiżjoni definittiva tista’ terġa’ tinfetaħ meta:

1.

tiġi stabbilita permezz ta’ sentenza jew sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li ċerti provi bil-miktub li abbażi tagħhom ingħatat id-deċiżjoni huma foloz jew jinkludu informazzjoni falza;

2.

huwa stabbilit permezz ta’ sentenza jew sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li l-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, parti jew l-intervenjent fil-proċedura wettqu ksur relatat mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura;

3.

wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq il-persuna ġuridika, il-persuna msemmija fil-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 83(1) tkun tħallset permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, jew inkella l-l-Uffiċċju tal-Prosekutur temm il-proċedura preliminari sospiża fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 24(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali;

4.

jiġu żvelati wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni, iċ-ċirkustanzi jew il-provi li ma kinux magħrufa mill-parti u mill-qorti u li għandhom importanza sinjifikattiva għall-finijiet tal-kawża;

5.

deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li għandu importanza sinjifikattiva għall-finijiet tal-kawża;

6.

matul il-proċedura twettaq ksur sostanzjali tar-regoli tal-proċedura.

(2)   It-talba għal ftuħ mill-ġdid tista’ titressaq f’terminu ta’ sitt xhur mill-għarfien tal-fatt taxxabbli, u, fil-każijiet imsemmija fil-punt 6 tal-paragrafu 1, mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Okrazhen sad [(il-Qorti Reġjonali)] jew tal-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)].

(3)   It-talba għal ftuħ mill-ġdid ma tissospendix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li daħlet fis-seħħ, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

(4)   Jistgħu jressqu talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri:

1.

il-Prosekutur Pubbliku reġjonali;

2.

il-persuna ġuridika li ġiet imposta sanzjoni pekunjarja fuqha.

(5)   It-talba għall-ftuħ mill-ġdid hija eżaminata mill-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)] tad-distrett ġudizzjarju li fih tinsab l-awtorità li tat id-deċiżjoni li daħlet fis-seħħ.

(6)   L-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)] għandha teżamina t-talba f’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin. Meta din tirrigwarda deċiżjoni tal-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)], it-talba għall-ftuħ mill-ġdid għandha tiġi eżaminata minn awla differenti ta’ din l-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)].

(7)   Il-kawża hija eżaminata f’seduta pubblika bil-parteċipazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-persuna ġuridika hija msejħa wkoll għas-seduta.

(8)   Meta tqis li t-talba hija fondata, l-Apelativen sad [(il-Qorti tal-Appell)] tannulla d-deċiżjoni u tibgħat lura l-kawża sabiex din tiġi eżaminata mill-ġdid, billi tindika l-att proċedurali li minnu għandu jsir l-eżami.”

17

L-Artikolu 83g ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Għall-kwistjonijiet li ma humiex irregolati mill-Artikoli 83b u 83d sa 83f, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huma applikabbli.”

Il‑Kodiċi Kriminali

18

L-Artikolu 255(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali) jiddisponi:

“Kull min jevita l-iffissar jew il-ħlas ta’ debiti fiskali ta’ ammonti għoljin, sa fejn:

[…]

2.

jipprovdi informazzjoni falza jew jaħbi l-verità fid-dikjarazzjoni li huwa ppreżenta,

3.

jonqos milli joħroġ fattura jew dokument ieħor tal-kontabbiltà,

[…]

huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija minn sena sa sitt snin u b’multa sa BGN 2 000.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

ZK hija l-amministratriċi u r-rappreżentanta ta’ Delta Stroy, li hija stabbilita f’Burgas (il-Bulgarija). F’din il-kapaċità, fil‑5 ta’ Awwissu 2019, ZK ġiet akkużata li, f’kundizzjonijiet ta’ ksur kontinwu, evitat il-ħlas ta’ dejn fiskali għal total ta’ BGN 11 388.98 (madwar EUR 5 800), li jikkorrispondi għall-VAT dovuta għall-perijodi fiskali ta’ Marzu, April u Lulju 2009, ksur previst u ssanzjonat mill-punti 2 u 3 tal-Artikolu 255(1) tal-Kodiċi Kriminali. Din il-proċedura kriminali kienet pendenti quddiem l-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

20

Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, il-prosekutur tal-okrazhna prokuratura – Burgas (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija) ippropona lil din il-qorti tal-aħħar, fil-kuntest ta’ proċedura separata, li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq Delta Stroy, abbażi tal-Artikoli 83a et seq. taż-Zann, għar-raġuni li din il-kumpannija kienet irċeviet vantaġġ patrimonjali mir-reat imwettaq minn ZK. Ma’ din il-proposta ġie mehmuż l-att ta’ akkuża fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

21

L-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas) għandha dubji dwar il-konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 kif ukoll mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta, tal-Artikoli 83a et seq. taż-Zann, sa fejn jippermettu lill-qorti kriminali timponi sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika minħabba reat li huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali paralleli li għadhom ma ngħalqux definittivament.

22

Din il-qorti tfakkar, qabelxejn, li verżjoni preċedenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti taż-Zann kienet tipprovdi li sanzjoni pekunjarja ma setgħetx tiġi imposta fuq persuna ġuridika minħabba ksur imwettaq minn persuna fiżika b’rabta mal-attività ta’ din il-persuna ġuridika, ħlief wara li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkundanna lill-imsemmija persuna fiżika tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Issa, wara l-emenda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tali rekwiżit ma għadux meħtieġ.

23

L-imsemmija qorti tispjega li, f’din il-kawża, tressqu żewġ proċeduri paralleli, waħda kontra ZK, ibbażata fuq l-Artikolu 255(1) tal-Kodiċi Kriminali, għal reat ta’ natura fiskali li din wettqet, u l-oħra kontra Delta Stroy, ibbażata fuq l-Artikoli 83a et seq. taż-Zann, u intiżi sabiex din il-kumpannija tiġi imposta sanzjoni pekunjarja ta’ ammont ekwivalenti għall-vantaġġ patrimonjali miksub minn dan ir-reat. Din l-istess qorti tirrileva li ż-Zann ma jipprevedix il-possibbiltà li l-proċedura mibdija skont l-Artikoli 83a et seq. tiġi sospiża sakemm il-proċeduri kriminali mibdija kontra ZK jintemmu.

24

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li tiġi imposta fuq persuna ġuridika, minħabba t-twettiq ta’ reat minn persuna fiżika, sanzjoni pekunjarja li tikkorrispondi għall-vantaġġ li din il-persuna ġuridika kisbet jew tista’ tikseb minn dan ir-reat jikkostitwixxi konfiska tar-rikavat tar-reat kollu jew parti minnu skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.

25

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 49 tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, li jinkludi projbizzjoni li tiġi imposta sanzjoni qabel ma tkun ġiet stabbilita l-eżistenza tar-reat. Issa, fir-rigward taż-Zann, il-kwistjoni dwar jekk ksur effettivament twettaqx mill-persuna fiżika ma tidhirx fost l-elementi li l-qorti kriminali għandha tevalwa, skont l-Artikolu 83(5) ta’ din il-liġi, sabiex timponi sanzjoni kriminali pekunjarja fuq il-persuna ġuridika.

26

B’hekk, il-proċedura skont l-Artikolu 83a et seq. taż-Zann tippermetti, fil-prattika, li tiġi imposta sanzjoni fuq persuna ġuridika, ibbażata biss fuq l-elementi tal-akkuża mressqa kontra r-rappreżentant u l-amministratur ta’ din il-persuna ġuridika fir-rigward ta’ ksur partikolari li r-realtà tiegħu tkun għadha ma ġietx stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas [2005/212] kif ukoll l-Artikolu 49 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, timponi sanzjoni fuq persuna ġuridika għal reat konkret li t-twettiq tiegħu jkun għadu ma ġiex stabbilit minħabba li huwa s-suġġett ta’ proċedura kriminali parallela li għadha ma ġietx konkluża b’mod definittiv?

2)

L-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 kif ukoll l-Artikolu 49 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, timponi sanzjoni fuq persuna ġuridika filwaqt li tistabbilixxi, bħala l-ammont ta’ din is-sanzjoni, il-valur tal-vantaġġ li seta’ nkiseb minn reat konkret, li t-twettiq tiegħu jkun għadu ma ġiex stabbilit minħabba li huwa s-suġġett ta’ proċedura kriminali parallela li għadha ma ġietx konkluża b’mod definittiv?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Kummenti preliminari

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-kompitu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew espressament imsemmija fid-domandi magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani), C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, li tirrigwarda l-konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u beni relatati mal-kriminalità, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax tali proċedura ta’ konfiska.

30

Fil-fatt, fir-rigward, qabelxejn, tal-kunċett ta’ “konfiska”, għandu jsir riferiment mhux għad-definizzjoni li tinsab fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, iżda għal dik li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, peress li din id-direttiva, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1) tagħha, issostitwixxiet, b’mod partikolari, l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Issa, skont din l-aħħar definizzjoni, hija ċ-“ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali” li tikkostitwixxi konfiska.

31

Sussegwentement, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jeżiġi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

32

Fl-aħħar nett, mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42 jirriżulta li “prodott” jikkorrispondi għal kull vantaġġ ekonomiku minn reati kriminali u jista’ jikkonsisti fi kwalunkwe tip ta’ proprjetà.

33

F’dan il-kuntest, jekk somma flus tikkostitwixxi “proprjetà”, li tista’ tiġi kkonfiskata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 58), tali proprjetà tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, biss jekk tikkorrispondi għall-vantaġġ li jirriżulta minn reat kriminali, jiġifieri r-rikavat minn dan ir-reat, jew għall-mezzi strumentali għal dan ir-reat, jiġifieri l-oġġett użat jew intiż li jintuża sabiex jitwettaq l-imsemmi reat.

34

Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “sanzjoni pekunjarja”, kif iddefinit fl-Artikolu 1(b)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, jindika kull obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus wara l-kundanna għal reat, impost fil-kuntest ta’ deċiżjoni fil-qasam kriminali. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li dan il-kunċett ma jkoprix, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ta’ konfiska tal-mezzi strumentali jew tar-rikavat mill-kriminalità.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mhux ser jikkorrispondi neċessarjament għall-valur tal-vantaġġ ekonomiku miksub mir-reat li din is-sanzjoni tissanzjona. Tali sanzjoni tista’ fil-fatt tiġi ffissata għal ammont inqas, ugwali jew ogħla mill-valur ta’ dan il-vantaġġ u tista’ wkoll tiġi imposta fl-assenza ta’ tali vantaġġ jew b’mod konkomitanti mal-konfiska tar-rikavat li ġej mir-reat kriminali. Barra minn hekk, tali sanzjoni pekunjarja lanqas ma tista’ tiġi assimilata mal-konfiska tal-mezzi strumentali li permezz tiegħu twettaq ir-reat li qed jiġi kkunsidrat.

36

Għalhekk jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta d-Deċiżjonijiet Qafas 2005/212 u 2005/214, ried jiddistingwixxi l-miżuri relatati mal-konfiska ta’ proprjetà, li jikkostitwixxu r-rikavat jew il-mezzi strumentali ta’ reati kriminali, minn dawk relatati mas-sanzjoni pekunjarja marbuta ma’ tali reati.

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li tiġi imposta fuq persuna ġuridika, minħabba t-twettiq ta’ reat minn persuna fiżika, sanzjoni pekunjarja li tikkorrispondi għall-vantaġġ li din il-persuna ġuridika kisbet jew tista’ tikseb minn dan ir-reat, jikkostitwixxi konfiska tar-rikavat tar-reat kollu jew parti minnu, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212. Hija tippreċiża, madankollu, li d-dritt Bulgaru jawtorizza l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni pekunjarja anki meta ebda vantaġġ ma jkun effettivament inkiseb jew anki meta l-vantaġġ ma jkunx ta’ natura patrimonjali, u żżid li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 83a et seq. taż-Zann ma tiffokax esklużivament fuq proprjetà akkwistata illegalment. Barra minn hekk, minn dan l-Artikolu 83a(1) jirriżulta li l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li tista’ tiġi imposta jista’ jaqbeż il-valur tal-vantaġġ miksub.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, sanzjoni pekunjarja, bħal dik prevista fl-Artikolu 83a(1) taż-Zann, ma tikkostitwixxix miżura ta’ konfiska fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42, anki meta l-ammont ta’ din is-sanzjoni jikkorrispondi għall-valur tal-vantaġġ patrimonjali miksub mir-reat.

39

Minn dan isegwi li din id-deċiżjoni qafas ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, ma hemmx lok li l-Artikoli 4 u 5 tagħha jiġu interpretati fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

40

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 49 tal-Karta tal-Artikoli 83a et seq. taż-Zann, għandu, l-ewwel, jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali għandha bħala suġġett l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq kumpannija minħabba vantaġġ patrimonjali illegali miksub minnha minħabba reat kriminali mwettaq mir-rappreżentant u mill-amministratur tagħha fil-qasam tad-dikjarazzjoni tal-VAT.

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li huma intiżi li jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u l-ġlieda kontra l-frodi, sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali u proċeduri kriminali miftuħa għal reati fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 2627, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 26). L-istess japplika għas-sanzjonijiet imposti minn qorti fil-kuntest ta’ tali proċeduri kriminali. Minn dan isegwi li l-Karta hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

42

It-tieni, huwa stabbilit li s-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura kriminali. Il-qorti tar-rinviju tindika, b’mod partikolari, li l-proċedura tal-Artikoli 83a et seq. taż-Zann tippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ proċedura kriminali.

43

It-tielet, l-Artikolu 49 tal-Karta jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u jikkorrispondi, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), għall-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

44

Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet protetti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk mogħtija minn din il-konvenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-Artikolu 49 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 7 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, kif il-qorti tar-rinviju stess irrilevat, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-Artikolu 7 tal-KEDB jipprekludi li sanzjoni ta’ natura kriminali tista’ tiġi imposta fuq individwu mingħajr ma tiġi stabbilita u ddikjarata minn qabel ir-responsabbiltà kriminali personali tiegħu, taħt piena ta’ ksur ukoll tal-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB (Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2018, G.I.E.M s.r.l et vs L‑Italja, CE:ECHR:2018:0628JUD000182806, punt 251).

46

Sa fejn l-Artikolu 49 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-KEDB u li jissemmew fil-punt preċedenti, dan l-Artikolu 49 huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

47

Madankollu, kif tikkonferma l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, tali rekwiżiti huma ekwivalenti wkoll għal dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza previst fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta.

48

Għalhekk, fid-dawl tal-għan ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tikkonċerna, essenzjalment, l-attribuzzjoni, permezz ta’ preżunzjoni, ta’ responsabbiltà kriminali lil persuna ġuridika minħabba l-aġir tar-rappreżentant u tad-direttur tagħha, huwa biżżejjed, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, li jsir riferiment mhux għall-Artikolu 49 iżda għall-Artikolu 48(1) tal-Karta, li, bħall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi interpretat billi jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

49

Fir-rigward tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jidher ukoll rilevanti sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

50

Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 48 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qorti nazzjonali tista’ timponi fuq persuna ġuridika sanzjoni kriminali għal reat li għalih tkun responsabbli persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbot jew tirrappreżenta lil din il-persuna ġuridika, fil-każ fejn din ir-responsabbiltà tkun għadha ma ġietx stabbilita b’mod definittiv.

Fuq il‑mertu

51

Skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, kull akkużat għandu jkun preżunt innoċenti sa ma l-ħtija tiegħu tiġi stabbilita skont il-liġi. Dan il-prinċipju japplika meta jiġu ddeterminati l-elementi oġġettivi li jikkostitwixxu reat li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et, C‑546/18, EU:C:2021:711, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

52

Barra minn hekk, l-Artikolu 48(2) tal-Karta jistabbilixxi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi ggarantit lil kull akkużat. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi, f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 204).

53

Skont il-qorti tar-rinviju, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 83(1) kif ukoll tal-Artikoli 83b u 83f taż-Zann jirriżulta li sanzjoni kriminali tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika fil-każ li din tkun arrikkixxiet ruħha jew tista’ tiġi arrikkita wara reat imputat lil persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbotha jew li tirrappreżentaha, anki qabel ma din il-persuna fiżika tkun ġiet ikkundannata definittivament għal dan ir-reat.

54

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti adita bi proposta tal-prosekutur kompetenti li jimponi sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika, skont l-Artikolu 83a(1) taż-Zann, għandha, konformement mal-Artikolu 83d(5) ta’ din il-liġi, teżamina l-kawża abbażi biss tal-elementi msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jiġifieri, il-kisba ta’ vantaġġ illegali mill-persuna ġuridika inkwistjoni, l-eżistenza ta’ rabta bejn l-awtur tar-reat u l-persuna ġuridika, l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-reat u l-vantaġġ miksub, kif ukoll in-natura u l-valur tal-vantaġġ, jekk dan tal-aħħar huwa patrimonjali. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dawn l-elementi kollha huma bbażati fuq il-premessa li twettaq reat kriminali u żżid li l-qorti adita bil-proposta tal-prosekutur kompetenti ma hijiex awtorizzata tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-premessa, peress li huwa biss fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontra l-persuna fiżika li l-kwistjoni dwar jekk twettaqx reat kriminali tista’ tiġi ttrattata.

55

Fl-aħħar, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirriżulta li l-persuna ġuridika għandha rimedju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jippermettilha tikkontesta, fi stadju ulterjuri tal-proċedura miftuħa kontriha, ir-realtà tal-eżistenza ta’ reat.

56

Fil-fatt, għalkemm din il-persuna ġuridika tista’ tappella mill-kundanna tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 83e taż-Zann, il-qorti tal-appell lanqas ma tidher f’pożizzjoni li tevalwa r-realtà tal-imsemmija premessa.

57

Bl-istess mod, huwa biss f’ċerti ċirkustanzi partikolari ħafna li l-proċedura li wasslet sabiex il-persuna ġuridika tiġi ssanzjonata kriminalment tista’ tinfetaħ mill-ġdid, konformement mal-Artikolu 83 ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar jekk dawn il-kawżi ta’ ftuħ mill-ġdid jagħtux lill-qorti adita bil-kawża kompetenzi iktar estiżi minn dawk li hija kellha meta ddeċidiet, fl-ewwel istanza jew fl-appell, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa rimedju eċċezzjonali li ma jistax jiġi eżerċitat ipso jure mill-persuna ġuridika kkundannata kriminalment bis-saħħa tal-Artikoli 83a et seq. tal-imsemmija liġi.

58

Minn dan isegwi li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuna ġuridika tista’ tiġi ssanzjonata kriminalment, b’mod definittiv, bħala konsegwenza ta’ reat imputat lill-persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbotha jew li tirrappreżentaha, mingħajr ma l-qorti kompetenti tkun tista’ tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-reat u mingħajr ma l-persuna ġuridika tkun tista’ ssostni b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

59

Tali sitwazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika b’mod manifestament sproporzjonat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, li huma ggarantiti lil din il-persuna ġuridika bis-saħħa tal-Artikolu 48 tal-Karta.

60

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 48 tal-Karta ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, huwa dan l-Istat Membru li għandu jinkludi l-preżunzjonijiet li jinsabu fil-liġijiet repressivi tiegħu f’limiti raġonevoli, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u billi jippreżerva d-drittijiet tad-difiża, taħt piena li jippreġudika b’mod sproporzjonat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et, C‑546/18, EU:C:2021:711, punt 47).

61

Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-Istati kontraenti jistgħu b’mod partikolari, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħmlu punibbli fatt materjali jew oġġettiv ikkunsidrat fih innifsu. Madankollu, fil-qasam kriminali, il-KEDB tobbligahom josservaw ċertu limitu. Dan il-limitu jinqabeż meta preżunzjoni jkollha bħala effett li ċċaħħad lil persuna minn kull possibbiltà li tiskulpa ruħa fir-rigward tal-fatti imposti fuqha, u b’hekk iċċaħħadha mill-benefiċċju tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2018, G.I.E.M s.r.l et vs L‑Italja, CE:ECHR:2018:0628JUD000182806, punt 243 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-qorti msejħa sabiex tissanzjona lill-persuna ġuridika tista’ biss tiddeċiedi fuq ċerti elementi preċiżi, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa r-realtà tar-reat li jista’ jkun il-bażi ta’ tali sanzjoni. Minn dan isegwi li din il-persuna ġuridika ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita utilment id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li hija ma tistax tikkontesta l-eżistenza ta’ dan ir-reat u għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tbati l-konsegwenzi tal-eżistenza ta’ proċedura distinta mibdija kontra l-persuna fiżika, li għandha s-setgħa li torbotha jew li tirrappreżentaha.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża għandhom natura suġġettiva, minkejja li huma l-partijiet ikkonċernati stess li għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitawhom effettivament (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et, C‑546/18, EU:C:2021:711, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, diverġenza ta’ interessi bejn il-persuna ġuridika u l-persuna fiżika, li għandha s-setgħa li torbotha jew li tirrappreżentaha, bl-ebda mod ma tista’ tiġi eskluża.

64

Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-possibbiltà, għall-persuna ġuridika, bis-saħħa tal-Artikolu 83f taż-Zann, li titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura sabiex tikseb eżenzjoni mill-ħlas tas-sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbotha jew tirrappreżentaha tinħeles mill-akkużi kontriha. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, tali rimedju ġudizzjarju ma jistax jiġi assimilat ma’ rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jista’ jiġi eżerċitat ipso jure minn din il-persuna ġuridika.

65

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-proċedura stabbilita mill-Artikoli 83a et seq. taż-Zann tippermetti li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jiġi żgurat ġbir korrett tal-VAT, xorta jibqa’ l-fatt li tali għan ma jistax jiġġustifika li jkun hemm preġudizzju sproporzjonat għall-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 48 tal-Karta (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 36). Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja sabiex jiġi evitat riskju sistematiku ta’ impunità.

66

Minn dan isegwi li proċedura bħal dik prevista fl-Artikoli 83a et seq. taż-Zann tippreġudika b’mod manifestament sproporzjonat id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta.

67

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 48 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qorti nazzjonali tista’ timponi fuq persuna ġuridika sanzjoni kriminali għal reat li għalih tkun responsabbli persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbot jew tirrappreżenta lil din il-persuna ġuridika, fil-każ fejn din tal-aħħar ma tkunx tqiegħdet f’pożizzjoni li tikkontesta l-eżistenza ta’ dan ir-reat.

Fuq it‑tieni domanda

68

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qorti nazzjonali tista’ timponi fuq persuna ġuridika sanzjoni kriminali għal reat li għalih tkun responsabbli persuna fiżika li għandha s-setgħa li torbot jew tirrappreżenta lil din il-persuna ġuridika, fil-każ fejn din tal-aħħar ma tkunx tqiegħdet f’pożizzjoni li tikkontesta l-eżistenza ta’ dan ir-reat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq