Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0308

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
    KU et vs SATA International – Azores Airlines SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca dos Açores.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Ħsara ġenerali tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant tal-ajruplani fl-ajruport.
    Kawża C-308/21.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:533

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Ħsara ġenerali tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant tal-ajruplani fl-ajruport”

    Fil-Kawża C‑308/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca dos Açores (Juízo Local Cível de Ponta Delgada – Juiz 4) (il-Qorti Distrettwali ta’ Açores, Awla Ċivili Nru 4 ta’ Ponta Delgada, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    KU,

    OP,

    GC

    vs

    SATA International – Azores Airlines SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), President tat-Tielet Awla, u N. Piçarra, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves, A. Luz u P. Pisco Santos, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Santiago de Albuquerque u K. Simonsson, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, KU, OP u GC u, min-naħa l-oħra, SATA International – Azores Airlines SA (iktar ’il quddiem “SATA International”) dwar id-dritt għal kumpens tal-passiġġieri skont dan ir-regolament, wara ħsara ġenerali tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant f’ajruport li wassal għal dewmien ta’ titjira ta’ iktar minn tliet sigħat jew kanċellazzjoni tat-titjira.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

    “(1)

    Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    […]

    (14)

    Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluż f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

    (15)

    Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    (i)

    huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

    (ii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

    (iii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

    […]

    3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

    […]”

    5

    L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

    ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

    […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    6

    GC xtara biljett għat-titjira S4321, operata minn SATA International fl‑10 ta’ Mejju 2017, bi tluq minn Lisbona (il-Portugall) fis-12:50pm u li tasal, fl-istess jum, fl-ajruport ta’ Ponta Delgada (Açores, il-Portugall) fis-2:15pm (ħin lokali). GC wasal fis-7:30pm, jiġifieri b’dewmien ta’ ħames sigħat u kwart wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat.

    7

    KU rriżerva titjira b’konnessjoni li tippermettilu jmur, fl‑10 ta’ Mejju 2017, minn Lisbona għal Santa Maria (Açores, il-Portugall) minn Ponta Delgada. Din it-titjira b’konnessjoni, li tat lok għal riżervazzjoni waħda, kienet komposta minn żewġ titjiriet operati minn SATA International, jiġifieri t-titjira S4321 u t-titjira SP107, li t-tluq tagħhom kien skedat fl-istess jum fis‑6:45pm (ħin lokali). Minħabba d-dewmien fil-wasla tat-titjira S4321, KU ma setax jimbarka fuq it-titjira SP107 lejn Santa Maria.

    8

    OP xtara biljett għat-titjira S4142, operata minn SATA International fl‑10 ta’ Mejju 2017, bi tluq minn Pico (Açores, il-Portugall) fil‑5:35pm u li tasal f’Lisbona fid‑9:05pm (ħin lokali). Peress li t-titjira S4142 ġiet ikkanċellata, fl‑10 ta’ Mejju 2017, OP intbagħat fuq it-titjira S4136 bi tluq minn Terceira (Açores, il-Portugall) fid‑9:25pm lejn Lisbona.

    9

    Id-dewmien tat-titjira S4321 u l-kanċellazzjoni tat-titjira S4142 ġew ikkawżati minn ħsara f’daqqa u mhux prevista tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant fl-ajruport ta’ Lisbona, li seħħet fl‑10 ta’ Mejju 2017 mis-1:19pm.

    10

    Din il-ħsara, li wasslet għal organizzazzjoni mill-ġdid tal-operazzjonijiet kollha tal-ajru tal-pjattaforma ta’ dan l-ajruport, kienet teħtieġ li jintużaw l-imħażen tal-karburant tal-ajruporti fil-viċinanzi.

    11

    GC, KU u OP, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, ippreżentaw kull wieħed talba fil-konfront ta’ SATA International sabiex jiġu kkumpensati għad-dannu li huma ġarrbu, li rriżulta, għall-ewwel tnejn, minn dewmien fit-titjira ta’ iktar minn tliet sigħat u, għall-aħħar wieħed, mill-kanċellazzjoni tat-titjira li wasslet ukoll għal dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat sal-wasla. SATA International ċaħdet dawn it-talbiet minħabba li dan id-dewmien ma kienx imputabbli lilha iżda jirriżulta minn ħsara fis-sistema ta’ provvista tal-karburant tal-ajruport, li barra minn hekk ma kinitx prevista jew mistennija.

    12

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw rikors quddiem it- Tribunal Judicial da Comarca dos Açores (Juízo Local Cível de Ponta Delgada – Juiz 4) (il-Qorti Distrettwali ta’ Açores, Awla Ċivili Nru 4 ta’ Ponta Delgada, il-Portugall). Din il-qorti tistaqsi jekk din il-ħsara tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li tippermetti lil SATA International tiġi eżentata minn kull responsabbiltà. Hija tistaqsi b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, bħal f’dan il-każ, id-dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira huma kkawżati minn ħsara fil-provvista tal-karburant fl-ajruport tat-tluq tat-titjiriet jew tal-ajruplan ikkonċernati u li dan l-ajruport huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema tal-provvista tal-karburant.

    13

    Filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt preċedenti taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” jew għandhiex titqies bħala inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’tali mod li dan it-trasportatur ma jistax jevita l-obbligu tiegħu ta’ kumpens f’tali sitwazzjoni.

    14

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca dos Açores (Juízo Local Cível de Ponta Delgada – Juiz 4) (il-Qorti Distrettwali ta’ Açores, Awla Ċivili Nru 4 ta’ Ponta Delgada, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Id-dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat jew il-kanċellament ta’ titjiriet ikkawżat minn nuqqas ta’ provvista ta’ kombustibbli fl-ajruport ta’ oriġini, fejn il-ġestjoni tas-sistema ta’ kombustibbli hija responsabbiltà ta’ dan l-ajurport, jikkostitwixxi “ċirkostanza straordinarja”, fis-sens u għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004]?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    15

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ajruport ta’ tluq tat-titjiriet jew tal-ajruplan ikkonċernati ikun responsabbli mill-ġestjoni tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant għall-ajruplani, ħsara ġenerali tal-provvista ta’ karburant tista’ titqies li hija “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    16

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li l-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens għad-dannu mingħand it-trasportatur bl-ajru effettiv, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunux ġew informati minn qabel b’din il-kanċellazzjoni b’osservanza tat-termini previsti fil-paragrafu (i) sa (iii) ta’ dan il-punt (ċ).

    17

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament, jeżenta madankollu lit-trasportatur bl-ajru effettiv minn dan l-obbligu ta’ kumpens jekk huwa jkun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni tkun dovuta għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma jkunux setgħu jiġu evitati anki li kieku jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

    18

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa t-trasportatur bl-ajru effettiv li għandu juri li huwa jkun adotta l-miżuri adattati għas-sitwazzjoni bl-implimentazzjoni minnu tal-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jevita li din twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata. Madankollu, ma jistax jiġi mistenni minnu li jagħti l-kunsens tiegħu għal sagrifiċċji mhux tollerabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li meta l-passiġġieri jsofru, fil-ħin tal-wasla, dewmien twil tat-titjira tagħhom, jiġifieri tul ekwivalenti għal tliet sigħat jew iktar, huma għandhom dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 60 u 61, kif ukoll tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 34 u 40). Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur bl-ajru jkun f’pożizzjoni li juri li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li jkunu ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69, kif ukoll tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 40).

    20

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, liema kundizzjonijiet huma kumulattivi u li għandhom jiġu evalwati każ b’każ (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Fl-ewwel lok, għandu għalhekk jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk ħsara ġenerali tal-provvista tal-karburant tistax tikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tagħha, avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat meta l-ajruport ta’ tluq tat-titjiriet jew tal-ajruplan ikkonċernati ikun responsabbli mill-ġestjoni tas-sistema ta’ provvista tal-karburant.

    22

    Peress li l-karburant huwa indispensabbli għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, l-operazzjonijiet ta’ provvista tal-karburant jaqgħu għalhekk, bħala prinċipju, taħt l-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru. Anki problema teknika li tinqala’ waqt l-operazzjoni ta’ provvista mwettqa b’kollaborazzjoni mal-persunal tat-trasportaturi bl-ajru kkonċernata tista’ tikkostitwixxi avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali ta’ din l-attività (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 30).

    23

    Għall-kuntrarju, meta din il-problema ta’ provvista tal-karburant tirriżulta minn ħsara ġenerali tas-sistema tal-provvista ġestita mill-ajruport, għandha tiġi distinta mill-każ imsemmi fil-punt preċedenti, peress li tali avveniment ma jistax jiġi assimilat ma’ problema teknika, min-natura tagħha limitata għal ajruplan wieħed. L-imsemmija problema ta’ provvista ma tistax titqies li hija intrinsikament marbuta mal-funzjonament tal-ajruplan li kellu jwettaq it-titjira kkanċellata jew li kellu jwettaq it-titjira li kienet suġġett għal dewmien (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 18). Għaldaqstant, dan l-avveniment ma jistax jikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

    24

    Madankollu, peress li ż-żewġ kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “ċirkustanzi staordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 huma kumulattivi, għandu, fit-tieni lok, jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi avveniment jevitax kompletament il-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

    25

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom tkun “interna” għandhom jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom tkun “esterna” għat-trasportatur bl-ajru effettiv (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 39). Jaqgħu għalhekk taħt dan il-kunċett, bħala avvenimenti “esterni”, dawk li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur bl-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur bl-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex huma joriġinaw minn fatt naturali jew minn terz, bħal trasportatur bl-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jfixkel l-attività tal-ajru jew tal-ajruport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punti 40 u 41).

    26

    Huwa għalhekk li, meta s-sistema ta’ provvista ta’ karburant ta’ ajruport hija ġestita minn dan tal-aħħar jew minn terz, il-ħsara ġenerali tal-provvista ta’ karburant għandu jiġi kkunsidrat bħala avveniment li l-oriġini tiegħu hija esterna għat-trasportatur bl-ajru u li, għaldaqstant, ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tiegħu.

    27

    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza, sa fejn, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, it-trasportatur bl-ajru li t-titjira tiegħu ġarrbet dewmien twil jew li ġiet ikkanċellata minħabba ċirkustanza straordinarja, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament, huwa obbligat juri li din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tiġi evitata anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li huwa adotta l-miżuri xierqa għall-istess sitwazzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża prinċipali u tal-provi prodotti mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, jekk dan, ħlief b’sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, adotta tali miżuri, b’mod partikolari, bl-implimentazzjoni tal-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura arranġament għall-vjaġġ raġonevoli, sodisfaċenti u li sseħħ fl-iqsar żmien għall-passiġġieri affettwati minn dewmien twil jew mill-kanċellazzjoni ta’ titjira, konformement, b’mod partikolari, mal-għan li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, imsemmija fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Marzu 2022, Orbest, C‑659/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:254, punt 26).

    28

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ajruport ta’ tluq tat-titjiriet jew tal-ajruplan ikkonċernati jkun responsabbli mill-ġestjoni tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant għall-ajruplani, ħsara ġenerali tal-provvista tal-karburant tista’ titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    29

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ajruport ta’ tluq tat-titjiriet jew tal-ajruplan ikkonċernati ikun responsabbli mill-ġestjoni tas-sistema ta’ provvista ta’ karburant għall-ajruplani, ħsara ġenerali tal-provvista tal-karburant tista’ titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Fuq