EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0208

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 20(2)(a) TFUE – Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1206/2001 – Kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali – Artikolu 1(2)(a) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(1) – Djun mhux imħallsa – Deċiżjonijiet ġudizzjarji – Ordnijiet ta’ ħlas – Notifika – Debitur residenti f’indirizz mhux magħruf fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita.
Kawżi magħquda C-208/20 u C-256/20.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:719

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 20(2)(a) TFUE – Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1206/2001 – Kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali – Artikolu 1(2)(a) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(1) – Djun mhux imħallsa – Deċiżjonijiet ġudizzjarji – Ordnijiet ta’ ħlas – Notifika – Debitur residenti f’indirizz mhux magħruf fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita”

Fil-Kawżi magħquda C‑208/20 u C‑256/20,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-14 ta’ Mejju 2020 (C‑208/20) u tal-10 ta’ Ġunju 2020 (C‑256/20), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-14 ta’ Mejju 2020 u fl-10 ta’ Ġunju 2020, fil-proċeduri

“Toplofikatsia Sofia” EAD

“Chez Elektro Bulgaria” AD,

“Agentsia za control na prosrocheni zadalzhenia” EOOD (C‑208/20),

u

“Toplofikatsia Sofia” EAD (C‑256/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u M. Safjan, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Agentsia za control na prosrocheni zadalzhenia” EOOD, minn Y. B. Yanakiev,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 121), kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C 208/20, “Toplofikatsia Sofia” EAD, “CHEZ Elektro Bulgaria” AD u “Agentsia za control na prosrocheni zadalzhenia” EOOD kif ukoll, fil-Kawża C‑256/20, Toplofikatsia Sofia u persuni fiżiċi, mhux ikkostitwiti partijiet fil-proċedura, dwar l-irkupru ta’ krediti mhux imħallsa.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1206/2001.

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1206/2001:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ dak l-Istat, titlob:

(a)

lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

(b)

li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2.   M’għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m‘hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.

[…]”

4

L-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“It-talba għandha ssir permezz ta’ formola A jew, fejn xieraq, formola I fl-Anness. Għandu jkollha d-dettalji li ġejjin:

[…]

(b)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-kuntratti għall-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm;

Ir-Regolament Nru 1215/2012.

5

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

6

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑208/20

8

Il-qorti tar-rinviju, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), hija adita bi tliet kawżi.

9

L-ewwel kawża tikkonċerna rikors ippreżentat minn Toplofikatsia Sofia sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kreditu dwar il-provvista tal-enerġija termali fi proprjetà immobbli li tinsab f’Sofija (il-Bulgarija) fir-rigward ta’ persuna fiżika, wara li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas kontra din il-persuna, din tal-aħħar ma nstabitx fl-indirizz indikat fir-rikors. Ir-riċerki mwettqa minn din il-qorti kkonfermaw li dan l-indirizz kien l-indirizz permanenti u attwali tiegħu, kif irreġistrat fir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni. Madankollu, skont ġar, l-imsemmija persuna ilha seba’ snin tgħix fi Franza.

10

Fit-tieni kawża, l-imsemmija qorti, fuq talba ta’ CHEZ Elektro Bulgaria, ħarġet ordni ta’ ħlas kontra persuna fiżika għal fatturi mhux imħallsa dwar il-provvista tal-elettriku fi proprjetà immobbli f’Sofija u ordnat li din tiġi nnotifikata lilha fl-indirizz indikat minn CHEZ Elektro Bulgaria, li jikkorrispondi għall-indirizz permanenti u attwali ta’ din il-persuna, kif jinsab fir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni. Madankollu, kien impossibbli li tinstab hemmhekk l-imsemmija persuna, li, skont l-informazzjoni pprovduta minn ġar, ilha sena tgħix fil-Ġermanja.

11

Fit-tielet kawża, il-qorti tar-rinviju, fuq talba ta’ kumpannija ta’ rkupru ta’ djun, Agentsia za control na prosrocheni zadalzhenia, ħarġet ordni ta’ ħlas kontra persuna fiżika, li ma ħalsitx lura s-self tagħha lil stabbiliment ta’ kreditu stabbilit f’Sofija, u ordnat li tiġi nnotifikata lilha fl-indirizz indikat minn din il-kumpannija, li jikkorrispondi għall-indirizz permanenti u attwali ta’ din il-persuna, kif jinsab fir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni. Madankollu, kien impossibbli li tinsab hemmhekk l-imsemmija persuna, li, skont l-informazzjoni pprovduta minn ommha, ilha tliet snin tgħix fil-Ġermanja.

12

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-dritt Bulgaru, bl-istess mod bħalma hija obbligata twettaq verifiki ex officio fir-rigward tal-indirizz fil-Bulgarija tal-persuni li lilhom għandu jiġi nnotifikat att ġudizzjarju, hija għandhiex ukoll twettaq tali verifiki mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, meta jkun jidher li d-destinatarju ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jgħix f’dan l-aħħar Stat Membru.

13

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li jkun jidher probabbli jew ċert li debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ġurisdizzjonali tiegħu, hija tipprekludi l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fil-konfront ta’ dan id-debitur jew li din l-ordni tikseb saħħa eżekuttiva. Hija tistaqsi wkoll jekk, f’dan il-każ, l-imsemmija dispożizzjoni timponilha li tinvalida tali ordni ex officio.

14

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li s-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 20(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ekwivalenza tal-miżuri proċedurali fil-proċessi ġudizzjarji nazzjonali, kif ukoll mal-Artikolu 1[(1)](a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dritt nazzjonali tal-qorti adita jipprevedi li din tal-aħħar għandha tieħu miżuri ex officio sabiex tfittex fil-pajjiż tagħha l-indirizz tal-konvenut u meta tikkonstata li dan il-konvenut jinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-qorti adita hija meħtieġa tivverifka l-indirizz tal-konvenut anki billi titlob lill-korpi kompetenti tal-Istat fejn jirrisjedi l-konvenut?

2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-debitur, bħala rekwiżit preliminari tad-dritt nazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura formali unilaterali mingħajr kompilazzjoni ta’ provi, bħalma huwa l-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tinterpreta kull dubju raġonevoli dwar jekk id-debitur għandux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni bħala assenza ta’ bażi legali għall-ħruġ ta’ tali ordni, jew bħala bażi li tipprekludi li l-ordni tikseb saħħa eżekuttiva?

3)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali, li wara li tkun ħarġet l-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra d-debitur tikkonstata li dan id-debitur probabbilment ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti u fil-każ li dan jikkostitwixxi ostakolu għall-ħruġ tal-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra tali debitur fid-dritt nazzjonali, tinvalida ex officio l-ordni li għandha tinħareġ, u dan minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita f’dan is-sens?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, dan ifisser li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-istess domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-qorti nazzjonali tinvalida l-ordni li għandha tinħareġ jekk tkun fittxet u kkonstatat b’ċertezza li d-debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti adita?”

Il-Kawża C‑256/20

15

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), fuq talba ta’ Toplofikatsia Sofia, ħarġet ordni ta’ ħlas kontra persuna fiżika għal fatturi mhux imħallsa relatati mal-provvista ta’ enerġija termali f’proprjetà immobbli li tinsab f’Sofija u ordnat li din tiġi nnotifikata lilha fl-indirizz permanenti u attwali tagħha. Wara żewġ tentattivi, madankollu ma kienx possibbli li tinstab hemmhekk din il-persuna, li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-amministratur ta’ din il-proprjetà immobbli, tgħix fil-Ġermanja u hija rarament preżenti fl-imsemmi indirizz.

16

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li s-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari, ifformulati fi kliem identiku għal dawk tat-tieni sar-raba’ domandi fil-Kawża C‑208/20.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑208/20

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑208/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ekwivalenza, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1206/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-ipoteżi fejn, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-qrati tiegħu huma obbligati li jfittxu ex officio l-indirizz, f’dan l-Istat Membru, tal-persuni li għalihom ikun jidher li dawn il-qrati għandhom ukoll ikunu nnotifikati, dawn il-qrati huma meħtieġa wkoll, fejn jidher li persuna li lilha għandha tiġi nnotifikata deċiżjoni tal-qorti tgħix fi Stat Membru ieħor, biex tfittex l-indirizz ta’ dik il-persuna mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

18

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta, kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar qabelxejn li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, għandu jkun hemm bejn it-tilwima li biha l-qorti tar-rinviju hija adita u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba rabta ta’ konnessjoni tali li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (digriet tal-20 ta’ Jannar 2021, Bezirkshauptmannschaft Kirchdorf, C‑293/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:44, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti li huwa importanti għall-qorti nazzjonali li tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa. Dawn huma mfakkra fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1) (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C-686/18, EU:C:2020:567, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑208/20 bl-ebda mod ma jirriżulta li l-kawżi prinċipali għandhom xi rabta mal-Artikolu 20(2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ekwivalenza.

22

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi u lanqas ma tispjega r-rabta li hija tistabbilixxi bejniethom u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Konsegwentement, l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tal-imsemmija prinċipji.

24

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1206/2001, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, dan ir-regolament huwa applikabbli f’materji ċivili jew kummerċjali, meta qorti ta’ Stat Membru, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha, titlob lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda.

25

Issa, it-tfittxija tal-indirizz ta’ persuna li lilha għandha tiġi nnotifikata deċiżjoni ġudizzjarja ma tikkostitwixxix “kumpilazzjoni ta’ xhieda”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, tali talba għandha, b’mod partikolari, tindika l-isem u l-indirizz tal-partijiet.

27

Minn dan isegwi li talba ta’ qorti ta’ Stat Membru li għandha bħala suġġett it-tfittxija, fi Stat Membru ieħor, tal-indirizz ta’ persuna li lilha għandha tiġi nnotifikata deċiżjoni ġudizzjarja ma hijiex irregolata mir-Regolament Nru 1206/2001, b’tali mod li dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑208/20 għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1206/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha qorti ta’ Stat Membru tfittex l-indirizz, fi Stat Membru ieħor, ta’ persuna li lilha għandha tiġi nnotifikata deċiżjoni ġudizzjarja.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑208/20 u fuq it-tliet domandi fil-Kawża C‑256/20

29

Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha fil-Kawża C‑208/20 u t-tliet domandi tagħha fil-Kawża C‑256/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti ta’ Stat Membru toħroġ ordni fil-konfront ta’ debitur u, jekk ikun il-każ, li din l-ordni tikseb is-saħħa eżekuttiva jew li huwa jobbligaha tinvalida l-imsemmija ordni, meta jidher probabbli jew ċert li dan id-debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

30

Skont din id-dispożizzjoni, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġ” sabiex il-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, f’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju diġà ħarġet ordnijiet ta’ ħlas fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u li kien biss fl-istadju tan-notifika ta’ dawn l-ordnijiet lil dawn il-konvenuti li din il-qorti kkonstatat li dawn ma kinux għadhom jirrisjedu fit-territorju tagħha, iżda probabbilment fi Stat Membru ieħor, f’indirizzi mhux magħrufa.

33

Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tidhirx manifestament neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex toħroġ l-imsemmija ordnijiet, peress li din il-qorti diġà ħarġet dawn tal-aħħar u li, għalhekk, qabel ma ħarġet dawn id-deċiżjonijiet, hija neċessarjament irrikonoxxiet din il-ġurisdizzjoni.

34

Minn dan isegwi li t-tieni domanda fil-Kawża C‑208/20 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑256/20 huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw il-punt dwar jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li, f’tali ċirkustanzi, qorti ta’ Stat Membru toħroġ ordni sabiex tagħmel fil-konfront ta’ debitur, meta jidher probabbli jew ċert li dan id-debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ din il-qorti.

35

F’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ordnijiet ta’ ħlas maħruġa mill-qorti kkonċernata jiksbu saħħa eżekuttiva jew li jimponi fuq din il-qorti li tinvalida dawn l-ordnijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma għandha ebda rabta mar-regoli proċedurali tal-Istati Membri li jirregolaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiksbu saħħa eżekuttiva u, min-naħa l-oħra, il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1215/2012 ma għandux l-għan li jgħaqqad ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri, iżda li jirregola l-ġurisdizzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim f’materji ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati u li jiffaċilita l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Peress li dan ir-regolament la jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiksbu saħħa eżekuttiva u lanqas dawk li jirregolaw il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet, dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li s-soluzzjoni li sejra tieħu inkunsiderazzjoni l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kisba ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni sabiex tagħmel jew fir-rigward tal-validità ta’ tali ordni f’tali sitwazzjoni tista’ ċċaħħad l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effettività.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domandi fil-Kawża C‑208/20 u għat-tliet domandi fil-Kawża C‑256/20 għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ordni li ssir fil-konfront ta’ debitur tikseb saħħa eżekuttiva u li ma jimponix li tali ordni tiġi invalidata.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha qorti ta’ Stat Membru tfittex l-indirizz, fi Stat Membru ieħor, ta’ persuna li lilha għandha tiġi nnotifikata deċiżjoni ġudizzjarja.

 

2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ordni li ssir fil-konfront ta’ debitur tikseb saħħa eżekuttiva u li ma jimponix li tali ordni tiġi invalidata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq