EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0083

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Mejju 2021.
Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et vs Inspecţia Judiciară et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Olt et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni – Artikoli 37 u 38 – Miżuri xierqa – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni 2006/928/KE – Natura u effetti legali tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika u tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tiegħu – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Liġijiet u digrieti governattivi ta’ urġenza adottati fir-Rumanija matul is-snin 2018 u 2019 fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u tar-responsabbiltà tal-imħallfin – Ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju – Stabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ taqsima inkarigata mill-investigazzjoni tar-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju.
Kawżi magħquda C-83/19, C-127/19, C-195/19, C-291/19, C-355/19 u C-397/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:393

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

It-Trattat ta’ Adeżjoni

 

L-Att ta’ Adeżjoni

 

Id-Deċiżjoni 2006/928

 

Id-dritt Rumen

 

Il-Kostituzzjoni Rumena

 

Il-Kodiċi Ċivili

 

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

 

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

 

Il-Liġijiet dwar il-Ġustizzja

 

– Il-Liġi Nru 303/2004

 

– Il-Liġi Nru 304/2004

 

– Il-Liġi Nru 317/2004

 

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 

Elementi komuni għall-kawżi prinċipali

 

Kawża C‑83/19

 

Kawża C‑127/19

 

Kawża C‑195/19

 

Kawża C‑291/19

 

Kawża C‑355/19

 

Kawża C‑397/19

 

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq id-domandi preliminari

 

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni u l-ammissibbiltà

 

Kawża C‑83/19

 

Kawżi C‑127/19 u C‑355/19

 

Kawżi C‑195/19 u C‑291/19

 

Kawża C‑397/19

 

Fuq il-mertu

 

Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑355/19, C‑291/19 u C‑397/19

 

Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, it-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 kif ukoll it-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑127/19, C‑291/19 u C‑397/19

 

– Fuq in-natura ġuridika, il-kontenut u l-effetti ratione temporis tad-Deċiżjoni 2006/928

 

– Fuq l-effetti legali tad-Deċiżjoni 2006/928 u tar-rapporti tal-Kummissjoni stabbiliti fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni

 

Fuq ir-raba domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19 u t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19

 

Fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19

 

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19 kif ukoll it-tielet u r-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19

 

Fuq ir-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19

 

Fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19

 

Fuq l-ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni – Artikoli 37 u 38 – Miżuri xierqa – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni 2006/928/KE – Natura u effetti legali tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika u tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tiegħu – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Liġijiet u digrieti governattivi ta’ urġenza adottati fir-Rumanija matul is-snin 2018 u 2019 fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u tar-responsabbiltà tal-imħallfin – Ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju – Stabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ taqsima inkarigata mill-investigazzjoni tar-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju”

Fil-Kawżi magħquda C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19,

li għandha bħala suġġett sitt talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa, rispettivament, mit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2019 (C‑83/19); mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Frar 2019 (C‑127/19); mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2019 (C‑195/19); mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2019 (C‑291/19); mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Mejju 2019 (C‑355/19), kif ukoll mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2019 (C‑397/19), fil-proċeduri

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”

vs

Inspecţia Judiciară (C‑83/19),

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”,

Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”

vs

Consiliul Superior al Magistraturii (C‑127/19),

PJ

vs

QK (C‑195/19),

SO

vs

TP et,

GD,

HE,

IF,

JG (C‑291/19),

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”,

Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”,

OL

vs

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României (C‑355/19),

u

AX

vs

Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (C‑397/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, L. Bay Larsen, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, K. Jürimäe, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistraturi: R. Şereş, V. Giacobbo u R. Schiano, amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal‑20 u tal‑21 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, minn D. Călin, A. Codreanu u L. Zaharia,

għall‑Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, minn A. Diaconu, A. C. Lăncrănjan u A. C. Iordache,

għal OL, minn B. C. Pîrlog,

għall‑Inspecția Judiciară, minn L. Netejoru, bħala aġent,

għall-Consiliul Superior al Magistraturii, minn L. Savonea, bħala aġent, assistita minn R. Chiriță u Ş.‑N. Alexandru, avocaţi,

għall-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României, minn B. D. Licu u R. H. Radu, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.‑R. Canţăr, C. T. Băcanu, E. Gane u R. I. Haţieganu, sussegwentement minn C. T. Băcanu, E. Gane u R. I. Haţieganu, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn L. B. Kirketerp Lund u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, L. Noort u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, inizjalment minn H. Shev, H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, J. Lundberg u A. Falk, sussegwentement minn H. Shev, H. Eklinder u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Krämer, M. Wasmeier u I. Rogalski, sussegwentement minn M. Wasmeier u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 9 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 67(1) u tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn:

l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (l-Assoċjazzjoni “Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija”) (iktar ’il quddiem il-“Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija”) u l-Inspecţia Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jipprovdi informazzjoni ta’ interess pubbliku relatata mal-attività tiegħu (Kawża C‑83/19);

minn naħa, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija u l-Asociația “Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” (l-Assoċjazzjoni “Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi”) (iktar ’il quddiem il-“Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi”) u, min-naħa l-oħra, il-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija) dwar il-legalità ta’ żewġ deċiżjonijiet li japprovaw ir-regolamenti dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-prosekuturi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ ġestjoni jew ta’ eżekuzzjoni fi ħdan it-Taqsima tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Inkarigata mill-Investigazzjonijiet ta’ Reati Mwettqa fi ħdan is-Sistema Ġudizzjarja (iktar ’il quddiem is-“SIIJ”) (Kawża C‑127/19);

PJ u QK dwar ilment kontra mħallef għal abbuż tal-kariga (Kawża C‑195/19);

minn naħa, SO u, min-naħa l-oħra, TP et, GD, HE, IF u JG dwar ilmenti kontra prosekuturi u mħallfin għal abbuż tal-kariga u appartenenza f’organizzazzjoni kriminali (Kawża C‑291/19);

minn naħa, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija, il-Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi u OL u, min-naħa l-oħra, il-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Procurorul General al României (Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”) dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SIIJ (Kawża C‑355/19);

AX u Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (l-Istat Rumen – Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi) dwar talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li jirriżulta minn allegat żball ġudizzjarju (Kawża C‑397/19).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat ta’ Adeżjoni

3

L-Artikolu 2 tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”), li ġie ffirmat fil‑25 ta’ April 2005 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007, jistabbilixxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li:

“2.   Il-kondizzjonijiet ta’ l-ammissjoni u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni, li saru meħtieġa b’ din [l-adeżjoni], li se japplikaw mid-data ta’ l-adeżjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, qegħdin jiġu stabbiliti fl-Att anness ma’ dan it-Trattat. Id-disposizzjonijiet ta’ dak l-Att għandhom jagħmlu parti integrali minn dan it-Trattat.

3.   […]

Atti adottati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll imsemmi fl-Artikolu 1(3) abbażi ta’ dan it-Trattat jew l-Att imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom jibqgħu fis-seħħ u l-effetti legali tagħhom għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu emendati jew imħassra.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan it-trattat huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri u l-poteri u l-ġurisdizzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati li għalihom isiru Partijiet ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw għal dan it-Trattat.”

5

L-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi trattat jipprevedi li:

“2.   Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 sakemm l-istrumenti kollha ta’ ratifika jkunu ġew depożitati qabel dik id-data.

[…]

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-adeżjoni l-miżuri msemmija fl-Artikoli […] 37 [u] 38 […] tal-Protokoll imsemmi fl-Artikolu 1(3). Tali miżuri għandhom jiġu adottati taħt id-disposizzjonijiet ekwivalenti fl-Artikoli […] 37 [u] 38 […] ta’ l-Att imsemmi fl-Artikolu 2(2), qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ biss skond it-Trattat u fil-jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu.”

L-Att ta’ Adeżjoni

6

L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007, jipprevedi li:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati bil-kondizzjonijiet kif elenkati f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

7

L-Artikolu 37 ta’ dan l-att huwa fformulat kif ġej:

“Jekk il-Bulgarija jew ir-Rumanija tkun naqset milli timplimenta l-impenji assunti fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni, u tikkawża ksur kontra l-funzjonament tas-suq intern, inklużi kwalunkwe impenji fil-politika settorjali kollha li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi b’effett transkonfinali, jew toħloq xi riskju imminenti ta’ tali ksur, il-Kummissjoni tista’, sa l-aħħar ta’ perjodu ta’ mhux akar minn tliet snin wara l-adeżjoni, fuq talba motivata ta’ Stat Membru jew bl-inizjattiva tagħha stess, tieħu l-miżuri adatti.

Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u għandha tingħata prijorità lil miżuri li l-anqas ifixklu l-funzjonament tas-suq intern u, fejn kunsiljabbli, lill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ salvagwardja settorali. Tali miżuri ta’ salvagwardja ma għandhomx jiġu invokati bħala mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-klawsola ta’ salvagwardja tista’ tiġi invokata wkoll qabel l-adeżjoni abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-miżuri adottati għandhom jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ l-adeżjoni sakemm ma jipprovdux għal data aktar tard. Il-miżuri m’għandhomx jinżammu għal żmien aktar milli huwa strettament meħtieġ u, fi kwlunkwe każ, għandhom jitneħħew meta l-impenn rilevanti jiġi implementat. Madankollu jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-perjodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm l-impenji rilevanti ma jkunux ġew imwettqa. Bi tweġiba għall-progress li jagħmel l-Istat Membru l-ġdid konċernat fit-twettiq ta’ l-impenji tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tadatta l-miżuri kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien suffiċjenti qabel tirrevoka l-miżuri ta’ salvagwardja, u hija għandha tikkunsidra kif dovut kull osservazzjoni tal-Kunsill f’dan ir-rigward.”

8

L-Artikolu 38 tal-imsemmi att jistabbilixxi li:

“Jekk jeżistu nuqqasijiet serji jew xi riskji imminenti ta’ tali nuqqasijiet fil-Bulgarija jew fir-Rumanija fit-trasposizzjoni, fl-istat ta’ l-implimentazzjoni, jew fl-applikazzjoni tad-deċizjonijiet kwadru jew ta’ kwalunkwe impenn pertinenti ieħor, ta’ kwalunkwe strument ta’ koperazzjoni u deċizjoni konnessa mar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-liġi kriminali taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE u taħt id-Direttivi u r-Regolamenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku f’materji ċivili taħt it-Titolu IV tat-Trattat KE, il-Kummissjoni tista’, sa tmiem perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-adeżjoni, fuq it-talba motivata ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tieħu l-miżuri adatti u tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom dawn il-miżuri għandhom jiddaħħlu fis-seħħ.

Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ sospensjoni temporanja ta’ l-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet u deċiżjonijiet pertinenti fir-relazzjonijiet bejn il-Bulgarija jew ir-Rumanija u kwalunkwe wieħed jew aktar mill-Istati Membri oħra, mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib. Il-klawsola ta’ salvagwardja tista’ tiġi nvokata anki qabel l-adeżjoni abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-miżuri adottati għandhom jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ l-adeżjoni sakemm ma jipprovdux għal data iktar tard. Il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien minn dak strettament meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew meta n-nuqqasijiet jiġu rimedjati. Madanakollu jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-perjodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm dawn in-nuqqasijiet jippersistu. Bi tweġiba għall-progress li jagħmel l-Istat Membru l-ġdid konċernat fir-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni tista’ tadatta l-miżuri kif ikun adatt wara li tikkonsulta ma’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien debitu qabel tirrevoka l-miżuri ta’ salvagwardja, u hija għandha tikkunsidra kif dovut kwalunkwe osservazzjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.”

9

L-Artikolu 39(1) sa (3) tal-Att ta’ Adeżjoni jipprevedi li:

“1.   Jekk, abbażi tal-monitoraġġ kontinwu tal-Kummissjoni ta’ impenji meħuda mill-Bulgarija u mir-Rumanija fil-kuntest tan-negozjati ta’ l-adeżjoni u b’mod partikolari r-rapporti ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, hemm evidenza ċara li l-istat tat-tħejjijiet għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-acquis fil-Bulgarija u fir-Rumanija hu tali li hemm riskju serju li wieħed minn dawk l-Istati jinsab li huwa manifestament mhux ippreparat sabiex jilħaq il-ħtiġiet ta’ sħubija sad-data ta’ l-adeżjoni ta’ l‑1 ta’ Jannar 2007 f’numru ta’ oqsma importanti, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jiddeċiedi li d-data ta’ l-adeżjoni ta’ dak l-Istat tiġi posposta b’sena waħda sa l‑1 ta’ Jannar 2008.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata abbazi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tar-Rumanija jekk nuqqasijiet serji ġew osservati fit-twettiq mir-Rumanija ta’ wieħed jew iżjed mill-impenji u l-ħtiġijiet elenkati fl-Anness IX, punt I.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata abbazi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara valutazzjoni dettaljata li għandha ssir fil-ħarifa ta’ l-2005 tal-progress magħmul mir-Rumanija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tar-Rumanija jekk nuqqasijiet serji ġew osservati fit-twettiq mir-Rumanija ta’ l-obbligi assunti taħt il-Ftehim Ewropew jew ta’ wieħed jew iżjed mill-impenji u ħtiġijiet elenkati fl-Anness IX, punt II.”

10

L-Anness IX ta’ dan l-att, intitolat “Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati dwar l-adeżjoni fl‑14 ta’ Diċembru 2004 (imsemmija fl-Artikolu 39 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni)”, fih is-silta li ġejja:

“I. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 39(2)

[…]

(3)

Sabiex jiġi żviluppat u implimentat Pjan ta’ Azzjoni u Strateġija għar-Riforma tal-Ġudikatura aġġornat u integrat li jinkludi l-miżuri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġudikatura, tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u tal-Liġi dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura li daħlu fis-seħħ fit‑30 ta’ Settembru 2004. Iż-żewġ dokumenti aġġornati għandhom jiġu preżentati lill-Unjoni mhux iżjed tard minn Marzu 2005; għandhom jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u dan għandu jiġi implimentat mingħajr iżjed dewmien u skond l-iskeda kronoloġika stabbilita. Ir-Rumanija għandha wkoll turi prova sa’ Marzu 2005 tal-funzjonabbiltà sħiħa tas-sistema l-ġdida għad-distribuzzjoni, fuq bażi każwali, tal-każijiet.

(4)

Sabiex tiġi intensifikata konsiderevolment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u partikolarment kontra l-korruzzjoni fi gradi għolja billi jiġu żgurati l-infurzar rigoruż tal-leġislazzjoni ta’ kontra l-korruzzjoni u l-indipendenza effettiva ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekuturi Anti-Korruzzjoni (NAPO) u billi jiġi preżentat fuq bażi annwali, minn Novembru 2005, rendikont konvinċenti ta’ servizz dwar l-attivitajiet tan-NAPO fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi gradi għolja. In-NAPO għandu jingħata l-persunal, ir-riżorsi finanzjarji u ta’ taħriġ, kif ukoll it-tagħmir meħtieġ sabiex iwettaq il-funzjoni vitali tiegħu.

(5)

Sabiex issir verifika indipendenti tar-riżultati u ta’ l-impatt magħmul mill-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni attwali; sabiex jiġu riflessi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-verifika fl-istrateġija ġdida pluriennali kontra l-korruzzjoni li għandha tikkonsisti f’dokument wieħed komprensiv, stabbilita mhux iżjed tard minn Marzu 2005, akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni b’benchmarks, definiti b’mod ċar, li għandhom jintlaħqu u bir-riżultati li għandhom jinkisbu, kif ukoll disposizzjonijiet adatti ta’ budget; l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija u tal-Pjan ta’ Azzjoni għandha tkun sorveljata minn korp indipendenti wieħed u eżistenti, definit b’mod ċar; l-istrateġija għandha tinkludi l-impenn li tiġi riveduta sa tmiem l‑2005 il-proċedura kriminali protratta sabiex jiġi żgurat li każijiet ta’ korruzzjoni jiġu trattati rapidament u b’mod trasparenti, sabiex jiġu żgurati sanzjonijiet adegwati b’effett deterrenti; finalment, għandha tinkludi passi sabiex jitnaqqas konsiderevolment sa tmiem l‑2005 in-numru ta’ korpi li kollha għandhom poteri ta’ prevenzjoni u investigazzjoni kontra l-korruzzjoni, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ responsabbiltajiet.”

Id-Deċiżjoni 2006/928

11

Id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tagħha, abbażi tat-Trattat ta’ Adeżjoni “u b’mod partikolari [tal-]Artikolu 4(3) tiegħu”, kif ukoll tal-Att ta’ Adeżjoni “u b’mod partikolari [tal-]Artikolu 37 u 38 tiegħu”.

12

Il-premessi 1 sa 6 u 9 ta’ din id-deċiżjoni jgħidu li:

“(1)

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq l-istat ta’ dritt, prinċipju komuni għall-Istati Membri kollha.

(2)

Il-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u s-suq intern, maħluq mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma bbażati fuq il-fiduċja reċiproka li d-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri kollha jirrispettaw b’mod sħiħ l-istat ta’ dritt.

(3)

Dan jimplika għall-Istati Membri kollha l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja u amministrattiva imparzjali, indipendenti w effettiva mgħammra b’mod xieraq, inter alia, sabiex tiġġieled il-korruzzjoni.

(4)

Fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija se ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni, filwaqt li tinnota l-isforzi konsiderevoli sabiex jitlestu l-preparazzjonijiet tar-Rumanija għas-sħubija, identifikat kwistjonijiet pendenti fir-Rapport tagħha tas‑26 ta’ Settembru 2006, b’mod partikolari l-kontabilità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, fejn hemm bżonn ta’ aktar progress sabiex tiġi assigurata l-kapaċità tagħhom sabiex jimplimentaw u japplikaw il-miżuri adottati sabiex jiġu mwaqqafa s-suq intern u l-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(5)

L-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa f’każ ta’ riskju imminenti li r-Rumanija tikkawża ksur fil-funzjoni tas-suq intern b’nuqqas li jiġu implimentati l-impenji li ntrabtet bihom. L-Artikolu 38 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa f’każ imminenti ta’ nuqqasijiet serji mir-Rumanija fit-traspożizzjoni, l-istat ta’ implimentazzjoni, jew l-applikazzjoni ta’ atti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE u ta’ l-atti adottati taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE.

(6)

Il-kwistjonijiet li għad fadal fil-kontabilità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet ta’ l-infurzar jiġġustifikaw it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għal kooperazzjoni u verifika tal-progress tar-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

[…]

(9)

Id-Deċiżjoni preżenti għandha tiġi emendata jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tkun indika bżonn ta’ aġġustament fil-punti ta’ riferiment. Id-Deċiżjoni preżenti għandha titħassar meta il-punti ta’ riferiment kollha jiġu mwettqa b’mod sodisfaċenti.”

13

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi li:

“Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.

Il-Kummisjoni tistà, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistà, f’kull ħin, torganizza missjonijiet ta’ l-esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju f’dan il-kuntest.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi li:

“Il-Kummissjoni se tikkomunika lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill il-kummenti u r-riżultati tagħha dwar ir-rapport tar-Rumanija għall-ewwel darba f’Ġunju 2007.

Il-Kummissjoni se terġa tirraporta minn hemm ’il quddiem kif u meta jkun meħtieġ u mill-inqas kull sitt xhur.”

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li:

“Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ soġġetta biss għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni.”

16

Skont l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni:

“Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri kollha.”

17

L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 huwa fformulat kif ġej:

“Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:

(1)

Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.

(2)

Tistabbilixxi, kif previst, aġenzija ta’ integrità b’responsabbiltajiet ta’ verifikar ta’ assi, inkompatibbiltajiet u kunflitti potenzjali ta’ interess, u sabiex tagħti deċiżjonijiet mandatorji abbażi ta’ liema jistgħu jingħataw sanzjonijiet ta’ deterrent.

(3)

Tibni fuq il-progress li diġà sar, tkompli tagħmel investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.

(4)

Tieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali.”

Id-dritt Rumen

Il-Kostituzzjoni Rumena

18

L-Artikolu 115(4) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena) jipprevedi li:

“Il-Gvern jista’ jadotta digrieti ta’ urġenza biss f’każijiet eċċezzjonali, li r-regolamentazzjoni tagħhom ma tistax tiġi posposta, u għandu l-obbligu li jagħti r-raġunijiet għall-istatus urġenti tagħhom fil-kontenut tagħhom.”

19

L-Artikolu 133(1) u (2) tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li:

“(1)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura huwa l-garanti tal-indipendenza ġudizzjarja.

(2)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jkun kompost minn dsatax-il membru, fosthom:

a)

erbatax għandhom jiġu eletti fl-assemblea ġenerali tal-membri tal-ġudikatura u għandhom jiġu vvalidati mis-Senat; dawn jagħmlu parti minn żewġ sezzjonijiet, waħda għall-imħallfin u l-oħra għall-prosekuturi; l-ewwel sezzjoni għandha tkun komposta minn disa’ mħallfin, u t-tieni waħda minn ħames prosekuturi;

b)

żewġ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, speċjalisti fil-qasam tad-dritt, li jkollhom reputazzjoni tajba professjonali u morali, eletti mis-Senat; dawn jipparteċipaw biss fis-sessjonijiet plenarji;

c)

il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja u l-[Prosekutur Ġenerali].”

20

L-Artikolu 134 ta’ din il-kostituzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jipproponi lill-President tar-Rumanija l-ħatra fil-funzjonijiet rispettivi tagħhom tal-imħallfin u tal-prosekuturi, bl-eċċezzjoni ta’ stagiaires, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

(2)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jkollu r-rwol ta’ qorti, permezz tas-sezzjonijiet tiegħu, fil-qasam tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin u tal-prosekuturi, skont il-proċedura stabbilita mil-liġi organika tiegħu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja u l-[Prosekutur Ġenerali] ma għandhomx dritt tal-vot.

(3)   Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fil-qasam dixxiplinari jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja.

(4)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jissodisfa wkoll setgħat oħra stabbiliti mil-liġi organika tiegħu, fit-twettiq tar-rwol tiegħu bħala garanti tal-indipendenza ġudizzjarja.”

21

L-Artikolu 148(2) sa (4) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li:

“(2)   Wara l-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-leġiżlazzjonijiet Komunitarji l-oħra vinkolanti għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni.

(3)   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 japplikaw b’analoġija għall-adeżjoni mal-atti ta’ reviżjoni tat-Trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni Ewropea.

(4)   Il-Parlament, il-President tar-Rumanija, il-Gvern u l-awtorità ġudizzjarja għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Att ta’ Adeżjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.”

Il-Kodiċi Ċivili

22

Skont l-Artikolu 1381(1) tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili), “[k]ull dannu jagħti dritt għal kumpens”.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

23

L-Artikolu 82(1) tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jistabbilixxi li:

“Fejn il-qorti tikkonstata li ma ngħatatx prova li l-persuna li aġixxiet f’isem parti għandha l-kwalità ta’ rappreżentant, il-qorti għandha tagħti perijodu qasir sabiex is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata. Fin-nuqqas ta’ dan, it-talba għandha tiġi annullata. […]”

24

L-Artikolu 208 ta’ dan il-kodiċi jgħid li:

“(1)   Ir-risposta hija obbligatorja, bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja prevista espressament mil-liġi.

(2)   In-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta fit-terminu previst mil-liġi għandu jirriżulta fiċ-ċaħda tal-konvenut mid-dritt tiegħu li jipproduċi provi u li jqajjem eċċezzjonijiet, ħlief għall-eċċezzjonijiet ta’ ordni pubbliku, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji għal-liġi.”

25

L-Artikolu 248(1) tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti għandha tiddeċiedi qabelxejn fuq l-eċċezzjonijiet proċedurali, kif ukoll fuq l-eċċezzjonijiet sostantivi li jirrendu inutili, kompletament jew parzjalment, il-produzzjoni tal-prova jew, skont il-każ, l-eżami tal-kawża fuq il-mertu.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

26

L-Artikolu 539 tal-Codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jistabbilixxi li:

“(1)   Kull persuna li, matul il-proċeduri kriminali, tkun ġiet imċaħħda illegalment mil-libertà għandha wkoll dritt għal kumpens.

(2)   Iċ-ċaħda illegali tal-libertà għanda tiġi stabbilita, skont il-każ, permezz ta’ digriet ta’ prosekutur, permezz ta’ digriet finali ta’ mħallef responsabbli għal kwistjonijiet ta’ drittijiet u ta’ libertajiet jew ta’ mħallef li jmexxi s-smiegħ preliminari, jew permezz ta’ digriet jew deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-kawża.”

27

L-Artikolu 541(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li:

“(1)   Ir-rikors għal danni jista’ jiġi ppreżentat mill-persuna intitolata li tagħmel dan skont l-Artikoli 538 u 539, u, wara l-mewt ta’ din il-persuna, dan ir-rikors jista’ jitkompla jew jiġi ppreżentat minn persuni li kienu dipendenti tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu jew tagħha.

(2)   Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat fi żmien sitt xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti, id-digriet tal-prosekutur jew id-digriet tal-awtoritajiet ġudizzjarji li kkonstataw l-iżball ġudizzjarju jew iċ-ċaħda tal-libertà illegali jkunu saru definittivi.”

Il-Liġijiet dwar il-Ġustizzja

28

Bil-għan li ttejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tal-ġudikatura, ir-Rumanija adottat, matul is-sena 2004, fil-kuntest tan-negozjati għall-finijiet tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, tliet liġijiet, imsejħa “Liġijiet dwar il-Ġustizzja”, jiġifieri l-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar ir-Regoli li Jirregolaw lill-Imħallfin u lill-Prosekuturi), tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 303/2004”), il-Legea nr. 304/2004 privind organizarea judiciară (il-Liġi Nru 304/2004 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja), tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 827 tat‑13 ta’ Settembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 304/2004”) u l-Legea nr. 317/2004 privind Consiliul Superior al Magistraturii (il-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura), tal‑1 ta’ Lulju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 827 tat‑13 ta’ Settembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 317/2004”). Matul is-snin 2017 sa 2019, dawn ġew emendati permezz ta’ liġijiet u ta’ digrieti governattivi ta’ urġenza adottati abbażi tal-Artikolu 115(4) tal-Kostituzzjoni Rumena.

 Il-Liġi Nru 303/2004

29

Il-Liġi Nru 303/2004 ġiet emendata, b’mod partikolari, permezz ta’:

il-Legea nr. 242/2018 (il-Liġi Nru 242/2018), tat‑12 ta’ Ottubru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 868 tal‑15 ta’ Ottubru 2018);

l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 7/2019 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 7/2019), tad‑19 ta’ Frar 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 137 tal‑20 ta’ Frar 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Urġenza Nru 7/2019”).

30

L-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, kif emendat (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 303/2004 emendata”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Ir-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat tqum għad-danni li jirriżultaw minn żbalji ġudizzjarji.

(2)   Ir-responsabbiltà tal-Istat għandha tiġi stabbilita skont il-liġi u ma għandhiex teskludi r-responsabbiltà tal-imħallfin u tal-prosekuturi li, anki jekk ma jkunux għadhom fil-kariga, ikunu eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mala fide jew b’negliġenza gravi, fis-sens tal-Artikolu 991.

(3)   Ikun hemm żball ġudizzjarju meta:

a)

fil-kuntest tal-proċedura, it-twettiq ta’ atti proċedurali jkun ġie ordnat bi ksur ċar tar-regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, meta dawn l-atti jkunu wasslu għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, biex b’hekk ikkawżaw dannu li ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat permezz ta’ rimedju ordinarju jew straordinarju;

b)

tkun ġiet adottata deċiżjoni ġudizzjarja definittiva manifestament mhux konformi mal-liġi jew mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura, meta din id-deċiżjoni tkun wasslet għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, biex b’hekk ikkawżat dannu li ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat permezz ta’ rimedju ordinarju jew straordinarju;

(4)   Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew liġijiet speċjali oħra jistgħu jipprevedu każijiet speċifiċi ta’ żball ġudizzjarju.

(5)   Sabiex jinkiseb kumpens għad-danni, il-persuna leża tista’ taġixxi esklużivament kontra l-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi. L-azzjoni ċivili għandha taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Kontea fejn ir-rikorrent ikun iddomiċiljat.

(6)   Il-ħlas tas-somom dovuti mill-Istat bħala kumpens għandu jsir f’terminu ta’ sena mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

(7)   Fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li taqta’ l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi għandu jadixxi lill-Ispettorat Ġudizzjarju bil-kwistjoni sabiex ikun jista’ jivverifika jekk l-iżball ġudizzjarju ġiex ikkawżat mill-imħallef jew mill-prosekutur billi eżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mala fide jew b’negliġenza gravi, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 741 tal-Liġi Nru 317/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata.

(8)   L-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, għandu jressaq azzjoni għal rimedju kontra l-imħallef jew il-prosekutur meta, wara r-rapport konsultattiv tal-Ispettorat Ġudizzjarju msemmi fil-paragrafu 7 u wara l-evalwazzjoni rispettiva tiegħu, huwa jqis li l-iżball ġudizzjarju ġie kkawżat mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallef jew tal-prosekutur b’mala fide jew b’negliġenza gravi. L-azzjoni għal rimedju għandha titressaq f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-komunikazzjoni tar-rapport tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

(9)   L-Awla Ċivili tal-Curtea de Apel [(il-Qorti tal-Appell)] fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat għandha l-kompetenza sabiex taqta’ fl-ewwel istanza l-azzjoni għal rimedju. Jekk l-imħallef jew il-prosekutur li kontrih titressaq l-azzjoni għal rimedju jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan dik il-Qorti tal-Appell jew fl-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan tagħha, din l-azzjoni għandha titressaq quddiem Qorti tal-Appell fil-viċinanzi, magħżula mir-rikorrent.

(10)   Id-deċiżjoni mogħtija skont il-paragrafu 9 tista’ tkun is-suġġett ta’ appell quddiem l-awla kompetenti tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție [(il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), ir-Rumanija].

(11)   Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jistabbilixxi, f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-finijiet tal-assigurazzjoni professjonali obbligatorja tal-imħallfin u tal-prosekuturi. L-assigurazzjoni għandha titħallas fl-intier tagħha mill-imħallef jew mill-prosekutur u l-assenza tagħha ma għandhiex iddewwem, tnaqqas jew teskludi r-responsabbiltà ċivili ta’ mħallef jew ta’ prosekutur għal kull żball ġudizzjarju kkawżat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mala fide jew b’negliġenza gravi.”

31

L-Artikolu 991 tal-Liġi Nru 303/2004 emendata jistabbilixxi:

“(1)   Imħallef jew prosekutur għandu jitqies li aġixxa b’mala fide jekk jikser intenzjonalment ir-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali bil-għan li jikkawża jew li jaċċetta li jikkawża dannu lil persuna oħra.

(2)   Imħallef jew prosekutur iwettaq negliġenza gravi meta jikser b’mod żbaljat, gravi, indubitabbli u mhux skużabbli r-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali.”

– Il-Liġi Nru 304/2004

32

Il-Liġi Nru 304/2004 ġiet emendata, b’mod partikolari, permezz ta’:

il-Legea nr. 207/2018 (il-Liġi Nru 207/2018), tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 636 tal‑20 ta’ Lulju 2018), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Ottubru 2018 skont l-Artikolu III tagħha u li daħħlet fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III, intitolat “L-Uffiċċju tal-Prosekutur”, tal-Liġi Nru 304/2004 t-Taqsima 21, dwar is-“SIIJ” u li tinkludi l-Artikoli 881 sa 8811 ta’ din l-aħħar liġi;

l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 90/2018 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 90/2018), tal‑10 ta’ Ottubru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 862 tal‑10 ta’ Ottubru 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 90/2018”), li, fost oħrajn, emenda l-Artikolu 882(3) tal-Liġi Nru 304/2004 u stabbilixxa proċedura derogatorja mill-Artikoli 883 sa 885 ta’ din il-liġi bil-għan tal-ħatra provviżorja tal-Kap Prosekutur, tad-Deputat Kap Prosekutur u mill-inqas terz tal-prosekuturi tas-SIIJ;

l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 92/2018 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 92/2018), tal‑15 ta’ Ottubru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 874 tas‑16 ta’ Ottubru 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Urġenza Nru 92/2018”), li, fost oħrajn, daħħal fl-Artikolu 882 tal-Liġi Nru 304/2004 paragrafu 5 ġdid u emenda l-Artikolu 885(5) ta’ din il-liġi;

id-Digriet ta’ Urġenza Nru 7/2019, li, fost oħrajn, daħħal il-paragrafu 6 fl-Artikolu 881 tal-Liġi Nru 304/2004, kif ukoll il-paragrafi 111 u 112 fl-Artikolu 885 ta’ din il-liġi, il-punt (e) fl-Artikolu 888(1) tal-Liġi Nru 304/2004, u emenda l-punt (d) tal-Artikolu 888(1) ta’ din il-liġi;

l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 12/2019 pentru modificarea şi completarea unor acte normative în domeniul justiţiei (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 12/2019, li Jemenda u Jikkompleta Ċerti Atti Leġiżlattivi fil-Qasam tal-Ġustizzja), tal‑5 ta’ Marzu 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 185 tas‑7 ta’ Marzu 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Urġenza Nru 12/2019”), li, fost oħrajn, daħħal fil-Liġi Nru 304/2004 l-Artikoli 8810 u 8811 dwar, b’mod partikolari, il-kollokament ta’ uffiċjali u ta’ aġenti tal-pulizija ġudizzjarja fi ħdan is-SIIJ.

33

Skont l-Artikolu 881 tal-Liġi Nru 304/2004, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 304/2004 emendata”):

“(1)   Fil-kuntest tal-[Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja], qiegħda tiġi stabbilita s-[SIIJ], li għandha l-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-proċeduri kriminali għar-reati mwettqa minn imħallfin u prosekuturi, inklużi l-imħallfin u l-prosekuturi militari u dawk li huma membri tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.

(2)   Is-[SIIJ] għandha jkollha kompetenza fir-rigward ta’ proċeduri kriminali fejn persuni oħra jkunu s-suġġett ta’ azzjoni kriminali apparti dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]

(4)   Is-[SIIJ] għandha titmexxa minn kap prosekutur tas-[SIIJ], assistit minn deputat kap prosekutur, maħtura f’dawn il-funzjonijiet mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi.

(5)   Il-[Prosekutur Ġenerali] għandu jirregola l-kunflitti ta’ kompetenza bejn is-[SIIJ] u l-istrutturi jew l-unitajiet l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

(6)   Meta l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew liġijiet speċjali oħra jirreferu għall-“prosekutur ġerarkikament superjuri” fil-każ ta’ reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-[SIIJ], dan għandu jinftiehem bħala l-Kap Prosekutur tat-taqsima, inkluż fil-każ ta’ soluzzjonijiet miftiehma qabel ma kienet operazzjonali.”

34

L-Artikolu 882 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li:

“(1)   Is-[SIIJ] għandha twettaq l-attivitajiet tagħha skont il-prinċipji ta’ legalità, imparzjalità u kontroll ġerarkiku.

(2)   Id-delegazzjoni jew il-kollokament ta’ prosekuturi mas-[SIIJ] għandhom ikunu pprojbiti.

(3)   Is-[SIIJ] għandha teżerċita l-attivitajiet tagħha bi ħmistax-il pożizzjoni ta’ prosekuturi.

(4)   In-numru ta’ pożizzjonijiet fis‑[SIIJ] jista’ jinbidel, skont il-volum ta’ attività, permezz ta’ digriet tal-[Prosekutur Ġenerali], fuq talba tal-Kap Prosekutur tas-[SIIJ], fuq parir konformi tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.

(5)   Matul il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan is-[SIIJ], il-prosekuturi […] għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet tal-prosekuturi kkollokati, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.”

35

L-Artikolu 883(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“Il-Kap Prosekutur tas-[SIIJ] għandu jinħatar fil-funzjonijiet tiegħu mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, wara kompetizzjoni li tikkonsisti fis-sottomissjoni ta’ proġett relatat mat-twettiq ta’ inkarigi speċifiċi għall-pożizzjoni ta’ mmaniġġjar inkwistjoni, li hija intiża li tevalwa l-ħiliet ta’ mmaniġġjar tal-kandidat, l-immaniġġjar effettiv ta’ riżorsi, il-kapaċità li jieħu deċiżjonijiet u li jassumi responsabbiltajiet, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u r-reżiljenza għall-istress, kif ukoll l-integrità tiegħu, l-attività tiegħu bħala prosekutur u r-relazzjoni tiegħu ma’ valuri speċifiċi għal din il-professjoni, bħall-indipendenza ġudizzjarja u r-rispett għal drittijiet u libertajiet fundamentali.”

36

L-Artikolu 884(1) tal-istess liġi jistipula li:

“Id-Deputat Kap Prosekutur tas-[SIIJ] għandu jinħatar fil-funzjonijiet tiegħu mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, fuq proposta motivata tal-Kap Prosekutur tas-[SIIJ], minn fost il-prosekuturi diġà maħtura fis-[SIIJ].”

37

L-Artikolu 885 tal-Liġi Nru 304/2004 huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Is-[SIIJ] għandha timpjega lill-prosekuturi maħtura mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, wara kompetizzjoni, fil-limitu tal-pożizzjonijiet previsti fit-tabella tal-persunal, approvata skont il-liġi, għal perijodu ta’ tliet snin, bil-possibbiltà ta’ tiġdid għal perijodu totali ta’ mhux iktar minn disa’ snin.

(2)   Il-kompetizzjoni għandha ssir quddiem il-kummissjoni responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni komposta skont l-Artikolu 883(2), li fih jifforma parti ex officio l-Kap Prosekutur tas-[SIIJ].

[…]

(11)   Il-ħatra tal-pożizzjoni ta’ prosekutur fis-[SIIJ] issir mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, fil-limiti tal-pożizzjonijiet vakanti u fl-ordni tal-punti miksuba.

(111)   Il-membri tal-kummissjonijiet ta’ kompetizzjoni previsti f’dan l-artikolu ma jsirux inkompatibbli u jivvutaw fl-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.

(112)   Il-kummissjonijiet ta’ kompetizzjoni previsti fl-Artikolu 883 jew fl-Artikolu 885 għandhom jeżerċitaw legalment l-attività fil-preżenza ta’ mill-inqas tliet membri.

(12)   Il-proċeduri ta’ ħatra, ta’ tkomplija ta’ funzjonijiet u ta’ tneħħija ta’ funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ eżekuzzjoni fis-[SIIJ] għandhom ikunu ddettaljati f’regolament approvat mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.”

38

Skont l-Artikolu 887 ta’ din il-liġi:

“(1)   Il-prosekuturi maħtura fis-[SIIJ] jistgħu jitneħħew mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, fuq talba motivata tal-Kap Prosekutur tas-[SIIJ], fil-każ ta’ twettiq mhux xieraq tal-kompiti speċifiċi għall-pożizzjoni, meta tkun ġiet applikata sanzjoni dixxiplinari.

(2)   Fil-każ ta’ tneħħija, il-prosekutur għandu jmur lura lejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur oriġinali tiegħu u jerġa’ jkollu l-grad u r-remunerazzjoni korrispondenti għal dak li huwa kellu preċedentement jew li jkun kiseb wara promozzjoni, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fis-[SIIJ].”

39

L-Artikolu 888(1) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“Il-kompetenzi tas-[SIIJ] huma s-segwenti:

a)

teżerċita l-proċeduri kriminali, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-[Kodiċi tal-Proċedura Kriminali], għar-reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha;

b)

tadixxi lill-qrati sabiex dawn tal-aħħar jieħdu l-miżuri previsti mil-liġi u jiddeċiedu l-kawżi relatati mar-reati previsti taħt il-punt (a);

c)

toħloq u taġġorna d-database dwar ir-reati li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tagħha;

[…]

e)

teżerċita kompetenzi oħra previsti mil-liġi.”

40

Skont l-Artikolu II tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 90/2018:

“(1)   B’deroga mill-Artikoli 883 sa 885 tal-Liġi Nru 304/2004 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u kkompletata sussegwentement, qabel it-tlestija tal-kompetizzjonijiet organizzati għall-għoti tal-pożizzjoni ta’ kap prosekutur tas-[SIIJ] u tal-pożizzjonijiet eżekuttivi ta’ prosekutur tas-[SIIJ] u l-validazzjoni tar-riżultati ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, il-funzjonijiet ta’ kap prosekutur u mill-inqas terz tal-funzjonijiet eżekuttivi ta’ prosekutur għandhom jiġu eżerċitati provviżorjament minn prosekuturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi sabiex jinħatru f’dawn il-pożizzjonijiet, magħżula mill-kummissjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni komposta skont l-Artikolu 883(2) tal-Liġi Nru 304/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u kkompletata sussegwentement.

(2)   L-għażla tal-kandidati għandha ssir mill-kummissjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni prevista fil-paragrafu 1, skont proċedura li għandha tiżvolġi f’ħamest ijiem kalendarji b’effett mid-data tal-bidu tagħha mill-President tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura. Il-kummissjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni għandha teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-preżenza ta’ mill-inqas tliet membri.

[…]

(10)   Sabiex is-[SIIJ] issir operazzjonali, f’terminu ta’ ħamest ijiem kalendarji b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, il-[Prosekutur Ġenerali] għandu jipprovdi r-riżorsi umani u materjali neċessarji għall-funzjonament tiegħu, inklużi l-persunal awżiljarju speċjalizzat, uffiċjali u aġenti tal-pulizija ġudizzjarja, speċjalisti u kategoriji oħra ta’ persunal.

(11)   B’effett mid-data li fiha s-[SIIJ] issir operazzjonali, din it-taqsima għandha tieħu konjizzjoni tal-kawżi li jaqgħu fil-kompetenza tagħha u li jkunu pendenti quddiem id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni u quddiem diviżjonijiet oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, kif ukoll il-fajls tal-kawżi relatati mar-reati previsti fl-Artikolu 881(1) tal-Liġi Nru 304/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u kkompletata sussegwentement, li jkunu ngħalqu qabel id-data li fiha s-[SIIJ] saret operazzjonali.”

41

L-introduzzjoni ta’ din il-proċedura derogatorja kienet iġġustifikata, skont il-premessi tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 90/2018, bil-kliem li ġej:

“Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu III(1) tal-Liġi Nru 207/2018 li temenda u tikkompleta l-Liġi Nru 304/2004 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja, “[i]s-[SIIJ] għandha tibda l-attivitajiet tagħha f’terminu ta’ tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi”, jiġifieri fit‑23 ta’ Ottubru 2018,

peress li, sa issa, il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ma għalqitx fit-terminu legali l-proċedura intiża sabiex tirrendi operazzjonali s-[SIIJ],

fid-dawl tal-fatt li l-liġi tipprevedi espressament il-kompetenza ta’ din it-taqsima għall-prosekuzzjoni kriminali tar-reati mwettqa minn imħallfin u prosekuturi, inkluż minn imħallfin u prosekuturi militari u minn dawk li għandhom il-kwalità ta’ membri tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, kif ukoll tal-fatt li, mit‑23 ta’ Ottubru 2018, data stabbilita mil-liġi li fiha t-taqsima għandha ssir operazzjonali, id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni u l-Uffiċċji tal-Prosekutur l-oħra ma jibqgħux kompetenti għall-prosekuzzjoni kriminali tar-reati mwettqa minn dawn il-persuni, li jista’ jaffettwa serjament il-proċeduri ġudizzjarji fil-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tat-taqsima u jista’ joħloq imblukkar istituzzjonali,

fid-dawl tal-fatt li l-liġi fis-seħħ ma tinkludix regoli tranżitorji dwar il-modalitajiet konkreti li jgħidu li s-[SIIJ] ser issir operattiva, fil-każ li jinqabeż it-terminu stabbilit mil-Liġi Nru 207/2018, u li huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri leġiżlattivi urġenti li jirregolaw proċedura sempliċi, li tidderoga mill-Artikoli 883 sa 885 tal-Liġi Nru 304/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u kkompletata sussegwentement, għall-ħatra provviżorja tal-Kap Prosekutur, tad-Deputat Kap Prosekutur u ta’ mill-inqas terz tal-prosekuturi tat-taqsima, li ser tippermetti li t-taqsima ssir operazzjonali fit-terminu stabbilit mil-liġi, jiġifieri t‑23 ta’ Ottubru 2018,

peress li s-sitwazzjoni deskritta hawn fuq hija sitwazzjoni straordinarja li r-regolamentazzjoni tagħha ma tistax tiġi ddiferita”.

– Il-Liġi Nru 317/2004

42

Il-Liġi Nru 317/2004 ġiet emendata, b’mod partikolari, permezz ta’:

l-Ordonanța de Urgență a Guvernului nr. 77/2018 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 77/2018), tal‑5 ta’ Settembru 2018 (Monitorul Oficial al României, Nru 767, tal‑5 ta’ Settembru 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018”), li daħħal, bis-saħħa tal-Artikolu I tiegħu, il-paragrafi 7 u 8 fl-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 317/2004;

il-Legea nr. 234/2018 (il-Liġi Nru 234/2018), tal‑4 ta’ Ottubru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 850, tat‑8 ta’ Ottubru 2018), li, fost oħrajn, emendat l-Artikoli 65 u 67 tal-Liġi Nru 317/2004 u daħħlet fiha Artikolu 741;

id-Digriet ta’ Urġenza Nru 7/2019.

43

L-Artikolu 65(1) sa (3) tal-Liġi Nru 317/2004, fil-verżjoni tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 234/2018, kien jistabbilixxi li:

“(1)   L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jiġi stabbilit bħala organu li għandu personalità ġuridika fil-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, bis-sede tiegħu f’Bukarest, permezz tar-riorganizzazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

(2)   L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jkun immexxi minn kap spettur, assistit minn deputat kap spettur, li t-tnejn li huma għandhom jinħatru wara kompetizzjoni organizzata mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.

(3)   L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jaġixxi skont il-prinċipju ta’ indipendenza operazzjonali, billi jwettaq, permezz tal-Ispetturi Ġudizzjarji maħtura skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, inkarigi ta’ analiżi, ta’ verifika u ta’ kontroll f’oqsma speċifiċi ta’ attività.”

44

L-Artikolu 67 ta’ din il-liġi kien ifformulat kif ġej:

“(1)   Il-Kap Spettur u d-Deputat Kap Spettur għandhom jinħatru mill-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura minn fost l-ispetturi ġudizzjarji fil-kariga, wara kompetizzjoni li tikkonsisti f’sottomissjoni ta’ proġett relatat mal-eżerċizzju tas-setgħat speċifiċi għall-pożizzjoni ta’ mmaniġġjar inkwistjoni, u f’test bil-miktub tal-għarfien fil-qasam tal-immaniġġjar, tal-komunikazzjoni u tar-riżorsi umani u tal-kapaċità tal-kandidat li jieħu deċiżjonijiet u li jerfa’ r-responsabbiltà u kemm huwa reżiljenti għall-istress, kif ukoll f’test psikoloġiku.

(2)   Il-kompetizzjoni għandha tiġi organizzata mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, konformement mar-regolament approvat permezz ta’ deċiżjoni tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura […].

(3)   L-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet għall-pożizzjonijiet ta’ kap spettur u deputat kap spettur għandhom jiġu mħabbra mill-inqas tliet xhur qabel ma jinżammu.

(4)   Il-mandat tal-Kap Spettur u tad-Deputat Kap Spettur huwa ta’ tliet snin u jista’ jiġi mġedded darba biss, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

(5)   Il-Kap Spettur u d-Deputat Kap Spettur jistgħu jitneħħew mill-kariga mill-assemblea ġenerali tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, meta jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom ta’ mmaniġġjar jew ma jwettquhomx b’mod xieraq. It-tneħħija mill-kariga tiġi deċiża fuq il-bażi tar-rapport annwali ta’ awditu msemmi fl-Artikolu 68.

(6)   Id-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda mill-assemblea ġenerali tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura tista’ tiġi appellata, fi ħmistax-il ġurnata mill-komunikazzjoni tagħha, quddiem l-awla amministrattiva u fiskali tal-Înalta Curte de Casație și Justiție [(il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja)]. L-appell jissospendi l-infurzar tad-deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura. Deċiżjoni meħuda fl-appell għandha tkun irrevokabbli.

(7)   Fejn il-pożizzjoni ta’ kap spettur jew, skont il-każ, ta’ deputat kap spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju ssir vakanti bħala riżultat tal-iskadenza tal-mandat, il-Kap Spettur jew, skont il-każ, id-Deputat Kap Spettur li l-mandat tiegħu jkun spiċċa, għandu jaġixxi bħala sostitut sad-data li fiha din il-pożizzjoni timtela skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

(8)   Fejn il-mandat tal-Kap Spettur jispiċċa għal raġuni oħra għajr l-iskadenza tal-mandat, id-Deputat Kap Spettur għandu jaġixxi bħala sostitut sad-data li fiha din il-pożizzjoni timtela skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi. Fejn il-mandat tad-Deputat Kap Spettur jispiċċa għal raġuni oħra għajr l-iskadenza tal-mandat, spettur ġudizzjarju maħtur mill-Kap Spettur għandu jaġixxi bħala sostitut sad-data li fiha din il-pożizzjoni timtela skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.”

45

Skont l-Artikolu 741 tal-Liġi Nru 317/2004, li jirriżulta mil-Liġi Nru 234/2018:

“(1)   Fuq riferiment tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, fil-każijiet u fit-termini previsti fl-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, kif ippubblikata mill-ġdid, kif emendata sussegwentement u kkompletata, l-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jwettaq il-verifiki sabiex jiddetermina jekk l-iżball ġudizzjarju kkawżat mill-imħallef jew mill-prosekutur kienx dovut għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mala fide jew b’negliġenza gravi.

(2)   Il-verifika prevista fil-paragrafu 1 għandha titlesta fi żmien 30 jum mid-data tar-riferiment. Il-Kap Spettur jista’ jordna sa sitt xhur estensjoni tat-terminu jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet tajbin. It-terminu massimu ta’ verifika ma jistax jeċċedi 120 jum.

(3)   Il-verifika għandha titwettaq minn kummissjoni komposta minn tliet imħallfin, spetturi ġudizzjarji jew tliet prosekuturi, spetturi ġudizzjarji (skont il-kariga okkupata mill-persuna kkonċernata). Jekk kawża tikkonċerna simultanjament imħallfin u prosekuturi, għandhom jiġu stabbiliti żewġ kummissjonijiet sabiex jeżaminaw il-fatti b’mod differenti skont il-kariga okkupata mill-persuni kkonċernati.

(4)   Matul il-verifiki, l-imħallfin u l-prosekuturi taħt investigazzjoni għandhom ikunu preżenti għas-seduta; kull rifjut min-naħa tagħhom li jipparteċipaw jew li jagħmlu dikjarazzjoni għandu jiġi debitament irreġistrat fil-minuti u bl-ebda mod ma jwaqqaf it-twettiq tal-verifiki. L-imħallef jew il-prosekutur ikkonċernat għandu d-dritt li jkun jaf bl-atti kollha tal-proċedura ta’ verifika u li jitlob provi li jiskaġunaw. L-ispetturi jistgħu jisimgħu lill-persuni l-oħra kollha involuti fil-kawża li teżiġi dawn il-verifiki.

(5)   Għandu jitfassal rapport li jieħu kont tal-verifiki mwettqa u tal-provi miġbura, sabiex l-Ispettorat Ġudizzjarju jkun jista’ jiddetermina jekk l-imħallef jew il-prosekutur wettaqx atti b’mala fide jew b’negliġenza gravi li wasslu għal żball ġudizzjarju.

(6)   Il-verifiki previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu wkoll jekk l-imħallef jew il-prosekutur ma jkunx għadu fil-kariga.

(7)   Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi u lill-imħallef jew prosekutur ikkonċernat.

(8)   Ir-rapport previst fil-paragrafu 5 għandu jiġi kkonfermat mill-Kap Spettur. Dan tal-aħħar jista’ jordna, b’mod motivat, verifika komplementari darba biss. Din il-verifika komplementari għandha titwettaq mill-kummissjoni f’terminu ta’ 30 jum mid-data li fiha din tkun ġiet ordnata mill-Kap Spettur.”

46

L-Artikolu II tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018 jippreċiża dan li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(7) tal-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, li ġiet ippubblikata mill-ġdid, kif emendata sussegwentement u kif ikkompletata b’dan id-digriet ta’ urġenza, japplikaw ukoll għas-sitwazzjonijiet li fihom il-pożizzjoni ta’ kap spettur jew, skont il-każ, ta’ deputat spettur kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju tkun vakanti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Elementi komuni għall-kawżi prinċipali

47

Il-kawżi prinċipali jaqgħu taħt l-estensjoni ta’ riforma kbira fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, liema riforma hija s-suġġett ta’ monitoraġġ fuq il-livell tal-Unjoni mill‑2007 bis-saħħa tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“MKV”).

48

Matul is-snin 2017 sa 2019, il-leġiżlatur Rumen emenda diversi drabi l-Liġijiet Nri 303/2004, 304/2004 u 317/2004. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkontestaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ wħud minn dawn l-emendi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju (Kawża C‑83/19), l-istabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur tas-SIIJ (Kawżi C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19) kif ukoll is-sistema tar-responsabbiltà personali tal-membri tal-ġudikatura (Kawża C‑397/19).

49

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jirreferu għar-rapporti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress li sar mir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, tal‑25 ta’ Jannar 2017 (COM(2017) 44 final, iktar ’il quddiem ir-“Rapport MKV ta’ Jannar 2017”), tal‑15 ta’ Novembru 2017 (COM(2017) 751 final) u tat‑13 ta’ Novembru 2018 (COM(2018) 851 final, iktar ’il quddiem ir-“Rapport MKV ta’ Novembru 2018”), għall-Opinjoni Nru 924/2018 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia), tal‑20 ta’ Ottubru 2018 dwar l-abbozzi ta’ emendi għal-Liġi Nru 303/2004 dwar ir-Regoli li Jirregolaw lill-Imħallfin u lill-Prosekuturi, għal-Liġi Nru 304/2004 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja u għal-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ((CDL-AD(2018)017), għar-rapport mill-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) dwar ir-Rumanija, adottat fit‑23 ta’ Marzu 2018 [Greco-AdHocRep(2018)2], għall-opinjoni tal-Kunsill Konsultattiv ta’ Mħallfin Ewropej (KKME), tal‑25 ta’ April 2019 (CCJE-BU(2019)4), kif ukoll għall-opinjoni tal-Kunsill Konsultattiv ta’ Prosekuturi Ewropej, tas‑16 ta’ Mejju 2019 (CCPE-BU(2019)3). Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn ir-rapporti u dawn l-opinjonijiet jinkludu kritika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet adottati mir-Rumanija matul is-snin 2017 sa 2019 fir-rigward tal-effikaċja tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-garanzija tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, u jifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-finijiet ta’ emenda, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

50

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu, f’dan ir-rigward, dwar in-natura u l-effetti ġuridiċi tal-MKV kif ukoll dwar il-portata tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tiegħu. Huma josservaw, essenzjalment, li l-MKV, stabbilit fuq il-bażi tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, huwa intiż sabiex jirrimedja l-insuffiċjenza tar-riformi mwettqa fir-Rumanija fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sabiex dan l-Istat ikun jista’ jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-istatus ta’ Stat Membru. Huma jżidu li r-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni taħt il-MKV għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jorjentaw l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Rumeni u jifformulaw rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi. Skont l-imsemmija qrati, il-kontenut, in-natura ġuridika u t-tul tal-imsemmi mekkaniżmu għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni b’tali mod li r-rekwiżiti fformulati f’dawn l-istess rapporti għandhom ikunu ta’ natura obbligatorja għar-Rumanija.

51

F’dan il-kuntest, il-qrati tar-rinviju jirreferu għal diversi sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) li indirizzaw dawn il-kwistjonijiet, fosthom is-sentenza Nru 104 tas‑6 ta’ Marzu 2018. Skont din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ma għandux supremazija fuq l-ordni kostituzzjonali Rumen u d-Deċiżjoni 2006/928 ma tistax tikkostitwixxi regola ta’ riferiment fil-kuntest ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità skont l-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni, peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u ma kienet is-suġġett ta’ ebda interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kontenut, in-natura ġuridika u t-tul tagħha jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni.

Kawża C‑83/19

52

Permezz ta’ talba rreġistrata fis‑27 ta’ Awwissu 2018, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija adixxa lill-Ispettorat Ġudizzjarju b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura statistika dwar l-attività ta’ dan tal-aħħar matul il-perijodu 2014‑2018, b’mod partikolari dwar in-numru ta’ proċeduri dixxiplinari mibdija, ir-raġunijiet għall-ftuħ tagħhom u l-eżitu ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll dwar ftehim ta’ kooperazzjoni milħuq bejn l-Ispettorat Ġudizzjarju u s-Serviciul Român de Informaţii (is-Servizz tal-Intelliġenza Rumena) u l-parteċipazzjoni ta’ dan is-servizz fl-investigazzjonijiet imwettqa.

53

Peress li qieset li l-Ispettorat Ġudizzjarju, billi wieġeb biss parzjalment għal din it-talba li kienet tirrigwarda informazzjoni ta’ interess pubbliku, ma kienx osserva l-obbligi legali tiegħu, fl‑24 ta’ Settembru 2018, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija adixxa lit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) b’rikors intiż sabiex l-Ispettorat Ġudizzjarju jiġi ordnat jikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni.

54

Fis‑26 ta’ Ottubru 2018, l-Ispettorat Ġudizzjarju ppreżenta risposta quddiem din il-qorti, li fiha huwa sostna li d-drittijiet suġġettivi li l-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija nissel mil-Lege nr. 544/2001 privind liberul acces la informațiile de interes public (il-Liġi Nru 544/2001 dwar l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni ta’ Interess Pubbliku), tat‑12 ta’ Ottubru 2001 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 663 tat‑23 ta’ Ottubru 2001), ma kinux ġew miksura u li r-rikors kellu jiġi miċħud. Ir-risposta kienet iffirmata minn Lucian Netejoru, bħala l-Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

55

Fir-replika tiegħu, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija qajjem eċċezzjoni bbażata fuq il-fatt li l-firmatarju tar-risposta ma ġġustifikax il-locus standi tiegħu li jirrappreżenta lill-Ispettorat Ġudizzjarju. Huwa spjega li, għalkemm L. Netejoru kien effettivament inħatar bħala Kummissarju għall-Ispettorat Ġudizzjarju permezz ta’ deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura tat‑30 ta’ Ġunju 2015 mill‑1 ta’ Settembru 2015, il-mandat tiegħu, għal perijodu ta’ tliet snin, kien skada fil‑31 ta’ Awwissu 2018, jiġifieri f’data preċedenti għal dik tal-preżentata tar-risposta.

56

Huwa minnu li, skont il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(7) tal-Liġi Nru 317/2004 emendata jipprevedu li, fil-każ fejn il-pożizzjoni ta’ kap spettur ssir vakanti wara l-iskadenza tal-mandat, il-Kap Spettur li l-mandat tiegħu jkun spiċċa għandu jaġixxi bħala sostitut sad-data li fiha din il-pożizzjoni timtela fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet, li jirriżultaw mid-Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018, huma antikostituzzjonali, peress li jippreġudikaw il-kompetenzi tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, li jirriżultaw mir-rwol tiegħu ta’ garanti tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fl-Artikolu 133(1) tal-Kostituzzjoni, sabiex jaħtar il-Kap Spettur u d-Deputat Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju u, fil-każ fejn dawn il-pożizzjonijiet isiru vakanti, sabiex jinnomina persuni inkarigati sabiex jokkupaw dawn il-karigi bħala sostituti. Barra minn hekk, dan id-digriet ta’ urġenza ġie adottat sabiex jirrendi possibbli l-ħatra ta’ persuni speċifiċi, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmi digriet.

57

Il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija żied li, fid-dawl tal-kompetenzi estiżi li għandhom il-Kap Spettur u d-Deputat Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju, id-Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018 jikser il-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin li l-garanzija tagħhom hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inerenti għall-kompitu tagħhom u meħtieġa skont l-Artikolu 19 TUE, liema fatt huwa kkonfermat mir-rapport MKV ta’ Novembru 2018. Fil-fatt, il-Kap Spettur u d-Deputat Kap Spettur huma kompetenti fil-qasam tal-kontroll tas-selezzjoni tal-ispetturi ġudizzjarji, tal-ħatra tal-ispetturi ġudizzjarji responsabbli mill-funzjonijiet ta’ tmexxija, tal-kontroll tal-attività ta’ spezzjoni, kif ukoll tal-eżerċizzju tal-azzjoni dixxiplinari.

58

Minn dan, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija kkonkluda li r-risposta, sa fejn kienet iffirmata minn persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ kap spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju abbażi ta’ dispożizzjonijiet antikostituzzjonali u kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, kellha, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tiġi eskluża mill-proċess.

59

L-Ispettorat Ġudizzjarju wieġeb li L. Netejoru kien legalment awtorizzat jirrappreżentah skont id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015 tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u l-Artikolu 67(7) tal-Liġi Nru 317/2004.

60

It-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) tosserva li l-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija jqajmu l-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tal-proċedura dixxiplinari li tirrigwarda lill-imħallfin, billi jneħħu r-riskji kollha marbuta mal-influwenza politika fuq l-iżvolġiment ta’ tali proċedura, bħal dawk li jistgħu jwasslu għall-ħatra diretta mill-Gvern, anki fuq bażi provviżorja, tal-membri maniġerjali tal-korp responsabbli għat-tmexxija ta’ din il-proċedura.

61

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu ċċarati l-istatus u l-effetti legali tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni taħt il-MKV sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni proċedurali bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tal-firmatarju tar-risposta li jirrappreżenta lill-konvenut fil-kawża prinċipali u dwar l-eżitu tal-imsemmija risposta kif ukoll tal-provi u tal-eċċezzjonijiet invokati minn din il-parti. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-MKV huwa obbligatorju u li d-dritt primarju tal-Unjoni jipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018, ir-rappreżentanza tal-Ispettorat Ġudizzjarju kienet tkun, fid-data tal-preżentata tar-risposta, mingħajr bażi legali, u dan minkejja l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura li taħtar lil L. Netejoru fil-kariga ta’ kap spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

62

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] għandu jitqies bħala att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

2)

Il-kontenut, in-natura u t-tul ratione temporis tal-[MKV], jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat ta’ Adeżjoni]? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri garanziji ta’ proċedura dixxiplinari indipendenti għall-Imħallfin Rumeni, filwaqt li jitneħħew ir-riskji kollha marbuta mal-influwenza politika fuq l-iżvolġiment ta’ tali proċeduri, bħall-ħatra diretta mill-Gvern tad-Direttorat tal-[Ispettorat Ġudizzjarju], anki b’mod provviżorju?

4)

L-Artikolu 2 [TUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li josservaw il-kriterji tal-Istat tad-dritt, meħtieġa wkoll fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928], fil-każ tal-proċeduri ta’ ħatra diretta mill-Gvern tad-Direttorat tal-[Ispettorat Ġudizzjarju], anki b’mod provviżorju?”

63

Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Frar 2019, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), fuq talba tal-Ispettorat Ġudizzjarju, bagħtet il-kawża prinċipali lit-Tribunalul Mehedinţi (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mehedinţi, ir-Rumanija), filwaqt li żammet l-atti proċedurali mwettqa.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt), permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, iddeċidiet li ċċedi l-kawża prinċipali, li tittrażmetti l-proċess lit-Tribunalul Mehedinţi (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mehedinţi) u li tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din iċ-ċirkustanza, filwaqt li ppreċiżat li din tal-aħħar kienet għadha adita bit-talba għal deċiżjoni preliminari.

Kawża C‑127/19

65

Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija u l-Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi adixxew lill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti, ir-Rumanija) b’rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjonijiet Nri 910 u 911 tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura tad‑19 ta’ Settembru 2018, li japprovaw, rispettivament, ir-regoli dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-prosekuturi li jkollhom funzjonijiet ta’ ġestjoni fis-SIIJ, u r-regoli dwar il-ħatra, it-tkomplija tal-funzjonijiet u t-tneħħija ta’ prosekuturi li jkollhom funzjonijiet ta’ eżekuzzjoni f’din it-taqsima. Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn l-assoċjazzjonijiet sostnew li l-imsemmija deċiżjonijiet jiksru, b’mod partikolari, l-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni Rumena, li jgħid li r-Rumanija hija obbligata tosserva l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati li minnhom hija parti.

66

Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu atti amministrattivi ta’ natura normattiva u li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 885(12) tal-Liġi Nru 304/2004 emendata, li jirriżulta mil-Liġi Nru 207/2018. Għal dak li jirrigwarda l-ħolqien tas-SIIJ, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet, fis-sentenza tagħha Nru 33 tat‑23 ta’ Jannar 2018, l-ilmenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat li dan il-ħolqien imur kontra d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni Rumena, peress li ebda att vinkolanti tal-Unjoni ma seta’ jiġi invokat b’mod utli insostenn ta’ dawn l-ilmenti.

67

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirreferu għar-rapporti u għall-opinjonijiet imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, iqisu madankollu li l-ħolqien, bħala tali, tas-SIIJ, bħall-modalitajiet ta’ funzjonament tagħha kif ukoll ta’ ħatra u ta’ tneħħija tal-prosekuturi, huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-MKV.

68

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm il-MKV u r-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu joħolqu obbligu li l-Istat Rumen għandu jikkonforma miegħu, tali obbligu jaqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet amministrattivi, bħall-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura meta dan jadotta leġiżlazzjoni sekondarja bħal dik imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, kif ukoll fuq il-qrati nazzjonali. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), imsemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, ir-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali teżiġi li jiġu ċċarati n-natura u l-effetti legali tal-MKV kif ukoll tar-rapporti adottati abbażi tagħha.

69

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ indipendenza tal-imħallfin, jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-SIIJ. Fil-fatt, din tista’ tintuża ħażin bil-għan li jitneħħew mill-Uffiċċji tal-Prosekutur speċjalizzati ċerti fajls sensittivi pendenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u b’hekk tiġi ostakolata l-effikaċja ta’ din il-ġlieda.

70

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] għandu jitqies bħala att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

2)

Il-kontenut, in-natura u t-tul ratione temporis tal-[MKV] stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928], jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat ta’ Adeżjoni]? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

3)

L-Artikolu 2, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għar-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti imposti mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928], jaqa’ taħt l-obbligu tal-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-Istat tad-dritt?

4)

L-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-obbligu li jiġu osservati l-valuri tal-Istat tad-dritt, jipprekudi leġiżlazzjoni li permezz tagħha tinħoloq u tiġi organizzata [s-SIIJ], fil-kuntest tal-[Uffiċċju tal-Prosekutur anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja], minħabba l-possibbiltà li tiġi eżerċitata pressjoni indiretta fuq il-ġudikatura?

5)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117), jipprekludi l-ħolqien [tas-SIIJ], fil-kuntest tal-[Uffiċċju tal-Prosekutur anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja], fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ħatra/tneħħija ta’ prosekuturi li jagħmlu parti [mis-SIIJ], tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest tagħha kif ukoll tal-mod kif il-kompetenza hija stabbilita, b’rabta man-numru mnaqqas ta’ pożizzjonijiet fil-kuntest ta’ din it-taqsima?”

71

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2020, il-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti) informat lil din tal-aħħar li, permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2019, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) kienet bagħtet il-kawża prinċipali, fuq talba tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, lill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija). F’din l-ittra, ġie ppreċiżat li l-atti proċedurali mwettqa mill-Curtea de Apel Piteşti kienu nżammu.

Kawża C‑195/19

72

PJ ippreżenta quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ilment kontra QK minħabba abbuż tal-kariga. Insostenn ta’ dan l-ilment, PJ allega li QK kien, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef, wettaq dan ir-reat kriminali, billi ċaħad bħala infondata talba dwar tilwima ta’ natura fiskali mal-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi mingħajr ma osserva l-obbligu legali tiegħu li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu f’terminu ta’ 30 jum wara l-għoti tagħha. PJ allega wkoll li n-nuqqas ta’ motivazzjoni kien ipprekludih milli jeżerċita rimedji ġudizzjarji kontra din id-deċiżjoni.

73

Wara li, inizjalment, permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Settembru 2018, iddeċieda li jibda proċeduri kriminali kontra QK, il-prosekutur inkarigat mis-smigħ tal-ilment finalment, permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2018, għalaq il-kawża għar-raġuni li l-abbuż tal-kariga allegat ma kienx ġie stabbilit.

74

Fit‑18 ta’ Ottubru 2018, PJ ressaq ilment kontra dan id-digriet.

75

Fl‑24 ta’ Ottubru 2018, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 881 tal-Liġi Nru 304/2004 emendata u tal-Artikolu III tal-Liġi Nru 207/2018, il-Prosekutur fi ħdan il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) bagħat l-ilment lis-SIIJ, sa fejn dan l-ilment kien jirrigwarda persuna li għandha l-kwalità ta’ membru tal-ġudikatura.

76

Peress li d-Deputat Kap Prosekutur ta’ din it-taqsima ċaħad l-ilment bħala infondat, PJ ippreżenta rikors quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest).

77

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ li hija tilqa’ r-rikors ta’ PJ, hija għandha tibgħat l-kawża lis-SIIJ, b’tali mod li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet din it-taqsima hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, ser ikollha tiġi kkonstatata n-nullità tal-atti kollha stabbiliti mis-SIIJ fil-kawża prinċipali. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-unità futura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq l-ilment ta’ PJ.

78

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport MKV ta’ Novembru 2018, huwa importanti li wieħed jistaqsi dwar l-effetti legali tal-MKV, għaliex, fil-każ li dan il-mekkaniżmu jkun ta’ natura obbligatorja għar-Rumanija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-ħolqien tas-SIIJ għandhom jiġu sospiżi. B’mod iktar ġenerali, u indipendentement min-natura obbligatorja tal-imsemmi mekkaniżmu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 67(1) TFUE, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE jipprekludux il-ħolqien ta’ taqsima, bħas-SIIJ, li hija esklużivament kompetenti sabiex tinvestiga kull tip ta’ reat imwettaq minn prosekuturi jew minn imħallfin. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija taqbel kompletament mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

79

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jeżisti riskju serju li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi jkunu nieqsa minn effett fid-dritt intern.

80

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] u r-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

2)

L-Artikolu 67(1) TFUE, kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li hija esklużivament kompetenti sabiex tinvestiga dwar kull tip ta’ ksur imwettaq minn imħallfin jew minn prosekuturi?

3)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt [tal-Unjoni], kif stabbilit bis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, u mill-ġurisprudenza sussegwenti stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil istituzzjoni politico-ġuridika, bħall-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija), li tikser il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq permezz ta’ deċiżjonijiet li ma jista’ jkollhom ebda rimedju ġudizzjarju?”

Kawża C‑291/19

81

Matul ix-xhur ta’ Diċembru 2015 u ta’ Frar 2016, SO ressaq ilment kontra diversi prosekuturi u mħallfin għal abbuż tal-kariga u appartenenza f’organizzazzjoni kriminali. Dawn l-ilmenti ġew irreġistrati mit-Taqsima għall-Ġlieda Kontra Reati Relatati ma’ Reati ta’ Korruzzjoni fi ħdan id-Direcția Națională Anticorupție (DNA) (id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija), li tiddependi fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja).

82

Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017, il-prosekutur kompetenti fi ħdan din it-taqsima ordna li l-imsemmija lmenti jingħalqu. L-ilment imressaq kontra dan id-digriet ġie miċħud permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Ottubru 2017 tal-Kap Prosekutur tal-imsemmija taqsima.

83

SO ppreżenta rikors kontra dawn id-digrieti quddiem il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța, ir-Rumanija). Peress li din irrifjutat il-kompetenza tagħha, ir-rikors intbagħat lill-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija).

84

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien inizjalment irrappreżentat minn prosekutur tas-servizz territorjali ta’ Braşov tad-DNA. Mill‑1 ta’ Marzu 2019, minħabba l-emendi leġiżlattivi li saru fir-rigward tal-kompetenza fil-qasam ta’ reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, ir-rappreżentanza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kienet żgurata minn prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov).

85

Din il-qorti tippreċiża li t-tkomplija tal-proċedura fil-kawża prinċipali timplika, kemm fl-istadju tal-proċeduri kriminali kif ukoll fl-istadju ġudizzjarju, il-parteċipazzjoni tal-prosekuturi tas-SIIJ, sa fejn, jekk hija tqis li r-rikors ippreżentat minn SO huwa fondat, hija għandha tibgħat il-kawża lil din it-taqsima, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ proċeduri kriminali. Għalhekk, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li stabbilixxew is-SIIJ mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

86

Issa, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar il-portata ġuridika tad-Deċiżjoni 2006/928 u tal-MKV stabbilita minnha. Barra minn hekk, hija tosserva li r-rapporti MKV ta’ Jannar 2017 u ta’ Novembru 2018 kif ukoll ir-rapporti u l-opinjonijiet l-oħra li għalihom sar riferiment fihom urew li kienu kritiċi ħafna kontra l-ħolqien tas-SIIJ. Għalhekk, fil-każ li l-MKV ikun ta’ natura obbligatorja għar-Rumanija, huwa għandu jikkonstata li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li stabbilixxew din it-taqsima huma jew għandhom jiġu sospiżi.

87

Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ħolqien tas-SIIJ huwiex konformi mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bħall-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ indipendenza tal-imħallfin. Fuq dan l-aħħar punt, hija tenfasizza li, peress li l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra membru tal-ġudikatura jista’ jwassal għas-sospensjoni tiegħu, l-eżistenza tas-SIIJ tista’ tiġi pperċepita, fid-dawl tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tagħha, bħala fattur ta’ pressjoni ta’ natura li jaffettwa l-indipendenza tal-imħallfin.

88

Barra minn hekk, il-modalitajiet ta’ ħatra tal-Kap Prosekutur kif ukoll tal-erbatax-il prosekutur ieħor tas-SIIJ ma jippreżentawx biżżejjed garanziji fir-rigward tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, li jista’ jkollu effett fuq l-eżerċizzju tal-attività tas-SIIJ. F’dan ir-rigward, l-aħħar emendi magħmula lil-Liġi Nru 304/2004 permezz tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 7/2019 għandhom l-effett prattiku li s-SIIJ titqiegħed barra mill-awtorità tal-Prosekutur Ġenerali.

89

Il-qorti tar-rinviju żżid li, filwaqt li s-SIIJ hija komposta biss minn ħmistax-il prosekutur, hija għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-proċeduri kriminali mressqa mhux biss kontra l-membri tal-ġudikatura iżda wkoll kontra kull persuna fil-kawżi fejn huwa involut membru tal-ġudikatura, li jirrappreżenta numru għoli ta’ kawżi li jeħtieġu minimu ta’ investigazzjoni. Issa, sal-implimentazzjoni tas-SIIJ, l-ilmenti li jistgħu jagħtu lok għal tali proċeduri kriminali ġew eżaminati minn iktar minn 150 prosekutur li jappartjenu għal diversi fergħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħall-Uffiċċji tal-Prosekutur fi ħdan id-diversi qrati tal-appell, il-Prosekutur fi ħdan l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), id-DNA u d-Direcția de Investigare a Infracțiunilor de Criminalitate Organizată și Terorism (DIICOT) (id-Direttorat tal-Investigazzjonijiet dwar il-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu, ir-Rumanija) Għalhekk wieħed għandu jistaqsi dwar il-kapaċità ta’ din it-taqsima li tittratta l-kawżi pendenti quddiemha b’mod xieraq u fi żmien raġonevoli.

90

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-[MKV] stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928], għandu jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi ssuġġettat għall-interpretazzjoni tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

2)

Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-imsemmi mekkaniżmu huma ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija, b’mod partikolari (iżda mhux unikament) inkonnessjoni mal-ħtieġa li jitwettqu emendi leġiżlattivi li jkunu konformi mal-konklużjonijiet tal-MKV kif ukoll mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni ta’ Venezia u mill-[GRECO]?

3)

L-Artikolu 2, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tar-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti imposti mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-[MKV] stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] jaqa’ taħt l-obbligu tal-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-istat tad-dritt?

4)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati, sanċit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117), jipprekludi l-istabbiliment [tas-SIIJ] [fil-kuntest tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja)], fid-dawl tal-modalitajiet tal-ħatra u ta’ tneħħija tal-prosekuturi li jiffurmaw parti [mis-SIIJ], tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest ta’ din tal-aħħar kif ukoll tal-mod kif tiġi stabbilita il-kompetenza, b’rabta man-numru ridott ta’ pożizzjonijiet fi ħdan [is-SIIJ]?

5)

L-Artikolu 47, [it-tieni paragrafu], tal-[Karta], marbut mad-dritt għal smigħ xieraq permezz tas-soluzzjoni tal-kawża f’terminu raġonevoli, jipprekludi l-istabbiliment [tas-SIIJ] [fil-kuntest tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja)], fid-dawl tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest [tas-SIIJ] kif ukoll tal-mod kif tiġi stabbilita il-kompetenza, b’rabta man-numru ridott ta’ pożizzjonijiet fi ħdan [is-SIIJ]?”

Kawża C‑355/19

91

Fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija, il-Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi u OL ippreżentaw rikors quddiem il-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti) intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali, tat‑23 ta’ Ottubru 2018, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SIIJ. Din id-deċiżjoni, adottata għall-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 207/2018 u tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 90/2018, tikkonċerna l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ din it-taqsima.

92

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirreferu għar-rapporti u għall-opinjonijiet imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, iqisu li l-ħolqien tas-SIIJ, sa fejn huwa ta’ natura li jostakola l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jikkostitwixxi strument ta’ intimidazzjoni tal-membri tal-ġudikatura, imur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-MKV, dwar l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ indipendenza tal-imħallfin, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

93

Wara li fakkru li d-DNA kien wasal għal riżultati sinjifikattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li l-istabbiliment tas-SIIJ jista’ jqiegħed fid-dubju dawn ir-riżultati, peress li, issa, il-kawżi kollha ta’ korruzzjoni li jinvolvu membru tal-ġudikatura huma ttrasferiti lejn din it-taqsima, mingħajr ma l-prosekuturi li jikkostitwixxuha għandhom kompetenza speċifika f’dan il-qasam. Barra minn hekk, dawn it-trasferimenti jistgħu joħolqu kunflitti ta’ kompetenza mat-taqsimiet speċjalizzati f’dan il-qasam, jiġifieri d-DNA u d-DIICOT. Fl-aħħar nett, il-limitazzjoni għal ħmistax tan-numru ta’ prosekuturi fi ħdan is-SIIJ ma tippermettix lil din tal-aħħar tittratta l-ilmenti kollha rreġistrati kull sena kontra l-membri tal-ġudikatura. Il-leġiżlatur Rumen b’hekk ħoloq struttura mgħammra partikolarment ħażin għal dak li jirrigwarda l-kompetenzi mogħtija lilha u l-importanza tal-kawżi li hija tittratta, li jdgħajjef il-funzjonament tajjeb u l-indipendenza funzjonali ta’ din l-istruttura.

94

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-[MKV], stabbilit permezz tad-Deċiżjoni [2006/928] għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

2)

Il-kontenut, in-natura u t-tul tal-[MKV], stabbilit permezz tad-Deċiżjoni [2006/928], jaqgħu fl-ambitu tat-[Trattat ta’ Adeżjoni]? Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rapporti taħt l-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għall-Istat Rumen?

3)

L-Artikolu 2 [TUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-kriterji tal-Istat tad-dritt, li huma imposti wkoll mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-[MKV], stabbilit permezz tad-Deċiżjoni [2006/928], f’każ tal-ħolqien urġenti ta’ taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni sabiex tinvestiga esklużivament reati mwettqa minn maġistrati [membri tal-ġudikatura], li tagħti lok għal tħassib partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tista’ sservi bħala strument addizzjonali biex tintimida l-maġistrati u ssir pressjoni fuqhom?

4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], għandu jiġi interpretat bħala li jimponi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri billi jitneħħew ir-riskji kollha ta’ influwenza politika fuq l-investigazzjoni kriminali fir-rigward tal-imħallfin, fil-każ tal-ħolqien urġenti ta’ taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni sabiex tinvestiga esklużivament reati mwettqa minn maġistrati, fatt li jagħti lok għal tħassib partikolari dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jista’ jservi bħala strument addizzjonali sabiex jiġu intimidati l-maġistrati u ssir pressjoni fuqhom?”

Kawża C‑397/19

95

Fit‑3 ta’ Jannar 2019, AX ippreżenta rikors quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ibbażat b’mod partikolari fuq l-Artikolu 1381 tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll fuq l-Artikoli 9 u 539 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, u intiż sabiex l-Istat Rumen jiġi kkundannat iħallsu kumpens għad-danni materjali u morali li jirriżultaw minn kundanna kriminali u minn miżuri ta’ detenzjoni u ta’ restrizzjoni tal-libertà illegali.

96

Insostenn tar-rikors tiegħu, AX spjega li, permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) kienet ikkundannatu għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin sospiża minħabba frodi fiskali kontinwa kif ukoll għal piena addizzjonali u għal piena anċillari, kienet stabbilixxiet għal 1642970 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 336000) l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas, in solidum, lill-parti ċivili u kienet ordnat qbid kawtelatorju fuq il-beni mobbli kollha eżistenti u futuri tiegħu. Barra minn hekk, mill‑21 ta’ Jannar 2015 sal‑21 ta’ Ottubru 2015, AX kien tqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija, arrest preventiv u sussegwentement detenzjoni domiċiljari. Issa, sussegwentement, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ikkonstatat li huwa ma kienx wettaq ir-reat li għalih kien ġie kkundannat u neħħiet il-qbid kawtelatorju fuq il-beni tiegħu.

97

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors iqajjem kwistjonijiet dwar l-istatus u l-effetti legali tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-MKV kif ukoll dwar jekk id-dritt primarju tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ tippreġudika l-indipendenza tal-imħallfin u tal-prosekuturi.

98

Għal dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-imħallfin nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tosserva li din għandha tiġi ggarantita konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Issa, ir-regoli dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-iżbalji ġudizzjarji huma, minħabba l-modalitajiet tal-proċedura ta’ kumpens, ta’ natura li jiksru l-prinċipju ta’ kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża tal-membru tal-ġudikatura inkwistjoni, sa fejn l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju tista’ tiġi stabbilita fil-kuntest tal-ewwel proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma dan tal-aħħar jinstema’ jew ikollu d-dritt jikkontesta l-eżistenza ta’ tali żball fil-kuntest tal-proċedura mibdija mill-azzjoni għal rimedju sussegwenti mressqa kontrih. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk dan l-iżball twettaqx minn dan il-membru tal-ġudikatura b’mala fide jew b’negliġenza gravi titħalla għall-evalwazzjoni tal-Istat, peress li l-imsemmi membru tal-ġudikatura għandu biss possibbiltà limitata li jopponi l-ilmenti ta’ dan tal-aħħar jew tal-Ispettorat Ġudizzjarju, li jista’ jippreġudika, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, li hija waħda mill-bażijiet tal-Istat tad-dritt.

99

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-[MKV], stabbilit permezz tad-Deċiżjoni [2006/928] għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

2)

Il-[MKV] stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] huwa parti integrali tat-[Trattat ta’ Adeżjoni] u għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl ta’ dan it-trattat? Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rapporti taħt l-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għall-Istat Rumen u, jekk huma, il-qorti nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija obbligata li tiżgura l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jekk meħtieġ billi tirrifjuta ex officio li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontra l-imesemmija rekwiżiti?

3)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) [TUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ir-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ stabbiliti fil-kuntest tal-[MKV], stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, jaqa’ taħt l-obbligu impost fuq l-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-Istat tad-dritt?

4)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) [TUE] u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-[Liġi Nru 303/2004 emendata], li tiddefinixxi l-kunċett ta’ ‘żball ġudizzjarju’ b’mod lapidali u astratt, bħalma huma l-eżekuzzjoni tal-atti bi ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, mingħajr ma jispeċifikaw in-natura tar-regoli miksura, l-ambitu ratione materiae u ratione temporis ta’ dawk ir-regoli fil-kuntest tal-proċedura, il-modalitajiet, it-terminu u l-proċedura sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-imsemmija regoli tad-dritt, u lanqas l-entità kompetenti sabiex tikkonstata dan il-ksur, fatt li b’hekk jippermetti li ssir pressjoni fuq il-maġistrati [membri tal-ġudikatura]?

5)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) [TUE] u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-[Liġi Nru 303/2004 emendata], li tiddefinixxi l-kunċett ta’ żball ġudizzjarju bħala l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva manifestament kontra l-liġi jew inkonsistenti mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura, mingħajr ma tispeċifika l-proċedura ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità u lanqas tiddefinixxi in concreto dan in-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni ġudizzjarja mal-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-fatti, u b’hekk ikun possibbli li tipprekludi l-interpretazzjoni tal-liġi u l-provi mill-maġistrat (imħallef u prosekutur)?

6)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) [TUE] u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3) tal-[Liġi Nru 303/2004 emendata], skont liema r-responsabbiltà ċivili patrimonjali tal-maġistrat (imħallef jew prosekutur) fir-rigward tal-Istat, hija biss stabbilita abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess u, possibbilment, abbażi tar-rapport konsultattiv tal-[Ispettorat Ġudizzjarju], li tirrigwarda l-intenzjoni tal-maġistrat li jwettaq l-iżball materjali jew in-negliġenza kbira tiegħu f’dan ir-rigward, mingħajr ma l-maġistrat ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod sħiħ, u dan b’hekk jippermetti li tinbeda u li tiġi implimentata b’mod arbitrarju r-responsabbiltà materjali tal-maġistrat fir-rigward tal-Istat?

7)

L-Artikolu 2 [TUE] u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-dispożizzjonijiet magħquda tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 539(2) u tal-Artikolu 541(2) u (3) tal-[Kodiċi tal-Proċedura Kriminali], li taħtu l-persuna mixlija, impliċitament u sine die, għandha għad-dispożizzjoni tagħha rimedju straordinarju, sui generis, biex tappella mid-deċiżjoni finali tal-qorti li tirrigwarda l-legalità tad-detenzjoni provviżorja, f’każ li l-persuna tkun illiberata fuq il-mertu, peress li dan ir-rimedju jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti ċivili, filwaqt li l-illegalità tad-detenzjoni provviżorja ma tkunx ġiet stabbilita b’deċiżjoni ta’ qorti kriminali, fatt li jikser il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u aċċessibilità tal-liġi, il-prinċipju tal-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u s-sigurtà tar-relazzjonijiet ġuridiċi?”

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

100

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Marzu 2019, il-Kawżi C‑83/19, C‑127/19 u C‑195/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Novembru 2020, il-Kawżi C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

101

Il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑355/19 u C‑397/19 talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari f’dawn il-kawżi jkunu suġġetti għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħhom, dawn il-qrati sostnew li r-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt jeħtieġu r-riżoluzzjoni tal-kawżi prinċipali f’qasir żmien.

102

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

103

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża tagħmilha diffiċli sabiex tiġi applikata tali proċedura, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 4849 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Marzu 2019 (Kawżi C‑83/19, C‑127/19 u C‑195/19), tas‑26 ta’ Ġunju 2019 (Kawża C‑397/19) u tas‑27 ta’ Ġunju 2019 (Kawża C‑355/19), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li t-talbiet tal-qrati tar-rinviju msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza kellhom jiġu miċħuda.

105

Fil-fatt, għalkemm id-domandi magħmula, li jirrigwardaw dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jistgħu a priori jkunu ta’ importanza primordjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali għaliha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Uniparts, C‑668/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:1003, punt 12), in-natura sensittiva u kumplessa ta’ dawn id-domandi, li jaqgħu fil-kuntest ta’ riforma kbira fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, tagħmilha diffiċli sabiex tiġi applikata l-proċedura mħaffa.

106

Madankollu, fid-dawl tan-natura tad-domandi magħmula, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019, ta lill-kawżi kollha msemmija fil-punt 100 ta’ din is-sentenza trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

107

Il-Gvern Pollakk u dak Rumen iqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal ċerti domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju.

108

Il-Gvern Pollakk, li llimita ruħu li jifformula osservazzjonijiet dwar it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19, ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19, ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19 u r-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19, jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi. Fil-fatt, il-kwistjonijiet imqajma mill-qrati tar-rinviju fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Rumena mad-dritt tal-Unjoni jirrigwardaw, minn naħa, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, b’mod iktar partikolari l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Ispettorat Ġudizzjarju u l-organizzazzjoni interna tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, u, min-naħa l-oħra, is-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati mill-imħallfin lill-individwi minħabba ksur tad-dritt intern. Issa, dawn iż-żewġ oqsma jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u, konsegwentement, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

109

Għal dak li jirrigwarda l-Gvern Rumen, huwa jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19, għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19, għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19 kif ukoll għat-tielet sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19, sa fejn dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 67 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, minkejja li sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli għall-kawżi prinċipali kien ikun meħtieġ li r-Rumanija tkun implimentat id-dritt tal-Unjoni, ma jeżisti ebda att tal-Unjoni li jirregola l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa biss it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jista’, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), ikun rilevanti fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma mill-qrati tar-rinviju f’dawn id-domandi. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija kwistjonijiet jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, li ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Unjoni.

110

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 9 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 67 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, jew ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, jiġifieri d-Deċiżjoni 2006/928.

111

Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Pollakk u dak Rumen dwar l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja u tar-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ żbalji ġudizzjarji jirrigwarda, fir-realtà, il-portata stess u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula, liema interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, l-Istati Membru huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 6869 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu japplika wkoll fil-qasam tar-responsabbiltà patrimonjali tal-Istati Membri u tar-responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju, inkwistjoni fil-Kawża C‑397/19.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi, inklużi dawk imsemmija fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza.

Fuq l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni u l-ammissibbiltà

Kawża C‑83/19

113

L-Ispettorat Ġudizzjarju u l-Gvern Rumen isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑83/19 hija inammissibbli minħabba l-assenza ta’ rabta bejn id-domandi magħmula u l-kawża prinċipali. B’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba f’din il-kawża ma għandhiex effett dirett fuq l-eżitu ta’ din il-kawża, peress li din għandha tiġi deċiża abbażi tad-dritt nazzjonali biss.

114

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li d-domandi magħmula jidhru li tilfu r-rilevanza tagħhom għall-kawża prinċipali, sa fejn l-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ħatret, fil‑15 ta’ Mejju 2019, jiġifieri wara li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, lil L. Netejoru fil-kariga ta’ Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju għal mandat ġdid ta’ tliet snin abbażi tal-Liġi Nru 317/2004. Peress li din il-ħatra temmet l-interferenza tas-setgħa eżekuttiva fl-indipendenza tal-ġustizzja, li tirriżulta mid-Digriet ta’ Urġenza Nru 77/2018, L. Netejoru issa huwa f’pożizzjoni li jiġġustifika l-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-Ispettorat Ġudizzjarju, b’tali mod li, bħala prinċipju, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jqumux iktar u għalhekk ma hemmx iktar lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwarhom. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, difetti proċedurali tan-natura ta’ dawk invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu rrimedjati matul il-proċedura, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

115

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr dubju li l-qorti nazzjonali tqis li deċiżjoni preliminari hija neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi in limine litis dwar l-eċċezzjoni proċedurali mqajma mill-Forum tal-Imħallfin tar-Rumanija, ibbażata fuq il-fatt li L. Netejoru, firmatarju tar-risposta, ma ġġustifikax il-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Din il-qorti tesponi fil-fatt li hija għandha, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 248(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tiddeċiedi qabelxejn fuq din l-eċċezzjoni, sa fejn, jekk tintlaqa’, din ir-risposta kif ukoll il-provi u l-eċċezzjonijiet invokati mill-Ispettorat Ġudizzjarju għandhom jiġu esklużi mill-proċess.

119

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu.

120

Barra minn hekk, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, din l-interpretazzjoni tibqa’ neċessarja minkejja l-fatt li L. Netejoru sadanittant inħatar fil-kariga ta’ Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura. Fil-fatt, minn naħa, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-eċċezzjoni proċedurali fil-kawża prinċipali jew il-proċedura nnifisha fil-kawża prinċipali tilfu l-iskop tagħhom. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tirrappreżenta legalment l-Ispettorat Ġudizzjarju għandha, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, kif espost mill-qorti tar-rinviju, tiġi evalwata fid-data tal-preżentata tar-risposta, huwa minnu li din il-ħatra seħħet wara din id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni dwar il-persistenza tar-rilevanza tad-domandi magħmula minħabba din il-ħatra sussegwenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw l-imsemmija domandi u lanqas, għaldaqstant, jistgħu jwasslu sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dawn id-domandi.

121

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑83/19 hija ammissibbli u li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwarha.

Kawżi C‑127/19 u C‑355/19

122

Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑127/19 hija inammissibbli, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-Deċiżjoni 2006/928 ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv tal-Unjoni li għandu saħħa vinkolanti għar-Rumanija u li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Fi kwalunkwe każ, id-domandi magħmula f’din il-kawża ma jirrigwardawx l-applikazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-applikabbiltà għall-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt imsemmija fl-imsemmija domandi u ma jistgħux, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

123

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Rumen iqis li l-ewwel sat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19 u d-domandi kollha magħmula fil-Kawża C‑355/19 huma inammissibbli, peress li l-qrati tar-rinviju naqsu milli jistabbilixxu rabta bejn dawn id-domandi u l-kawżi prinċipali. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mitluba ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ dawn il-tilwimiet.

124

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura esposti fil-punt 122 ta’ din is-sentenza u li jirrigwardaw in-natura u l-effetti tad-Deċiżjoni 2006/928 kif ukoll l-applikabbiltà ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali jaqgħu, fir-realtà, taħt l-eżami tal-mertu tad-domandi magħmula fil-Kawża C‑127/19, u mhux taħt dak tal-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

125

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-oġġezzjonijiet tal-Gvern Rumen, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑127/19 u C‑355/19 jirrigwardaw il-legalità, rispettivament, ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u ta’ deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali intiżi li jimplimentaw wħud mill-emendi li jirriżultaw mil-Liġi Nru 207/2018, li l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari mad-Deċiżjoni 2006/928, mal-Artikolu 2, mal-Artikolu 4(3), mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, hija kkontestata quddiem il-qrati tar-rinviju. Għalhekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti għal dan il-għan mill-imsemmija qrati, ma jistax jitqies li d-domandi magħmula f’dawn il-kawżi ma humiex manifestament relatati mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali.

126

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑127/19 u C‑355/19 huma ammissibbli.

Kawżi C‑195/19 u C‑291/19

127

Il-Gvern Rumen jallega l-inammissibbiltà tad-domandi magħmula fil-Kawżi C‑195/19 u C‑291/19, billi jsostni li l-qrati tar-rinviju ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ rabta bejn id-domandi magħmula u l-proċeduri fil-kawżi prinċipali. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-riferiment għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE u għall-Artikolu 67(1) TFUE, li jinsab fit-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, il-Gvern Rumen josserva li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda element li jispjega kif dawn id-dispożizzjonijiet għandhom xi rabta mar-realtà tal-kawża prinċipali. Fir-rigward tat-tielet domanda magħmula f’din l-istess kawża, huwa jżid li din id-domanda u, b’mod partikolari, ir-riferimenti għall-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u għall-effetti tagħha huma fformulati b’mod wisq ġenerali u ma għandhom ebda rabta mar-realtà ta’ din it-tilwima.

128

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-proċeduri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑195/19 u C‑291/19, dwar it-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-imħallfin u tal-prosekuturi, jimplikaw il-parteċipazzjoni ta’ prosekuturi tas-SIIJ. Issa, fid-dawl tar-rapporti u tal-opinjonijiet imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-qrati tar-rinviju għandhom dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien tas-SIIJ mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari. Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn dawn il-qrati jirriżulta li huma għandhom jiddeċiedu b’mod inċidentali dwar din il-kwistjoni qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-eżitu tar-rikorsi li ġew ippreżentati quddiemhom.

129

Għalhekk ma jistax jitqies li d-domandi magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw id-Deċiżjoni 2006/928, l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, ma għandhomx rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew jirrigwardaw problema ta’ natura ipotetika.

130

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE u għall-Artikolu 67(1) TFUE, li jinsab fit-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda element li jippermetti li jinftiehem kif l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-tieni domanda hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 67(1) TFUE.

131

Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-tielet domanda fil-Kawża C‑195/19, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 179 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-fatt li d-domanda inkwistjoni tkun ifformulata, fuq livell formali, b’mod ġenerali ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli sabiex taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha, irrispettivament minn jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑195/19 jippermettu li tinftiehem il-portata tat-tielet domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali, kif interpretata mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li abbażi tagħha l-qorti tar-rinviju ma għandhiex is-setgħa tapplika t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’din il-kawża u ma tapplikax, jekk ikun il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

133

Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 42). Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni ta’ dritt magħmula f’livell ogħla, anki fuq livell kostituzzjonali, tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jħassbuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal dak li jirrigwarda l-Kawża C‑195/19, l-ewwel domanda, it-tieni domanda sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 2 TUE u t-tielet domanda huma ammissibbli. Fir-rigward tal-Kawża C‑291/19, id-domandi kollha magħmula huma ammissibbli.

Kawża C‑397/19

135

Il-Gvern Rumen jallega l-inammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi magħmula fil-Kawża C‑397/19, minħabba li dawn ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-fatti tagħha ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li r-rabta bejn din it-tilwima u l-MKV hija biss indiretta b’tali mod li risposta għal dawn id-domandi tkun mingħajr effett fuq l-eżitu tal-imsemmija tilwima. Għal dak li jirrigwarda r-raba’ sas-sitt domanda, il-Gvern Rumen isostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija minn dawn id-domandi lanqas ma huma relatati mal-kawża prinċipali. Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sitt domanda, dan il-gvern iqis li l-problema ġuridika li hija tqajjem tmur lil hinn mis-suġġett ta’ din it-tilwima peress li l-qorti tar-rinviju hija adita b’azzjoni għal responsabbiltà patrimonjali kontra l-Istat Rumen u mhux b’azzjoni għal rimedju kontra mħallef. Fir-rigward tas-seba’ domanda, huwa jqis li din hija inammissibbli, peress li l-allegazzjonijiet li jinsabu fiha, minbarra li huma infondati, iqajmu problema ta’ interpretazzjoni ipotetika.

136

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tesponi d-dubji tagħha dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel sas-sitt domanda. Fil-fatt, għalkemm l-emendi li saru għas-sistema ta’ responsabbiltà personali tal-imħallfin u tal-prosekuturi permezz tal-Liġi Nru 242/2018 tqiesu problematiċi, għal dak li jirrigwarda l-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, mir-rapport MKV ta’ Novembru 2018 kif ukoll minn rapporti u opinjonijiet oħra msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali għandha bħala għan l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba allegat żball ġudizzjarju, u mhux it-tqegħid inkwistjoni, fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju, tar-responsabbiltà personali tal-imħallef li wasslet għal dan l-iżball. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi tista’ tiġi aċċettata sakemm dawn jiġu fformulati mill-ġdid bħala li huma intiżi sabiex jitwettaq eżami tas-sistema ta’ responsabbiltà għal żball ġudizzjarju kollu kemm hu fid-dawl tar-rabtiet proċedurali eżistenti bejn iż-żewġ proċeduri kkonċernati u, b’mod partikolari, tal-fatt li tal-ewwel tista’ tinfluwenza l-eżitu tat-tieni waħda minkejja li l-qorti kkonċernata tinstema’ biss fl-istadju ta’ din it-tieni proċedura.

137

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li s-seba’ domanda hija inammissibbli. Din l-istituzzjoni tesponi li, bħala prinċipju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom rikors jista’ jiġi ppreżentat sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ miżura ta’ arrest preventiv fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu mġarrab, peress li dan l-aspett ma huwiex irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni li tippermetti li titqiegħed f’dubju l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 539 u 541 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali msemmija minn din is-seba’ domanda.

138

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-ammissibbiltà tal-ewwel sat-tielet domanda, dwar in-natura u l-portata tal-MKV stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ responsabbiltà personali tal-imħallfin tagħmel parti, kif osservat il-Kummissjoni, mil-liġijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija u kienet s-suġġett ta’ monitoraġġ żgurat fuq il-livell tal-Unjoni abbażi ta’ dan il-mekkaniżmu. Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba minn dawn id-domandi ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

139

Sussegwentement, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ sas-sitt domanda, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima.

140

Issa, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi u mill-motivi li jinsabu fihom jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-valur tal-Istat tad-dritt u mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbiliti fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tar-regoli nazzjonali li jirregolaw ir-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat għad-danni kkawżati minn żbalji ġudizzjarji kif ukoll ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ikun wassal għal dawn l-iżbalji, minħabba, b’mod partikolari, in-natura ġenerali u astratta tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” u ta’ ċerti modalitajiet proċedurali previsti.

141

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju hija stabbilita b’mod definittiv fil-kuntest ta’ proċedura mibdija kontra l-Istat, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-imħallef li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu wassal għall-allegat żball ġudizzjarju ma jipparteċipax fiha. Fil-każ fejn jiġi kkonstatat, fi tmiem din il-proċedura, l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju, il-prosekutur kompetenti jista’ jiddeċiedi, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, abbażi biss tal-evalwazzjoni tiegħu, li jibda jew le l-azzjoni għal rimedju kontra l-imħallef ikkonċernat, fejn dan tal-aħħar imbagħad ikollu possibbiltà limitata li jikkontesta l-ilmenti mqajma mill-Istat.

142

Fid-dawl tar-rabtiet sostanzjali u intrinsiċi li jeżistu bejn ir-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolaw is-sistema tar-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u dawk li jirregolaw is-sistema tar-responsabbiltà personali tal-imħallfin, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, permezz tar-raba’ sas-sitt domanda, jekk dawn ir-regoli, meħuda fl-intier tagħhom, jistgħux jippreġudikaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni mill-istadju tal-proċedura kontra l-Istat, sa fejn il-konstatazzjoni ta’ żball ġudizzjarju fil-kuntest ta’ din il-proċedura hija meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura kontra l-imħallef inkwistjoni, minkejja li dan tal-aħħar ma jkunx pparteċipa fl-ewwel proċedura.

143

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba fir-raba’ sas-sitt domanda ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma f’dawn id-domandi hija ta’ natura ipotetika.

144

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-seba’ domanda, għandu jiġi osservat li t-talba għal deċiżjoni preliminari la tippermetti li tinftiehem il-portata eżatta ta’ din id-domanda u lanqas ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmija domanda mal-Artikolu 2 TUE. Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi għas-seba’ domanda b’mod utli, din għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

145

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑397/19 hija, bl-eċċezzjoni tas-seba’ domanda, ammissibbli.

Fuq il-mertu

146

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari, sa fejn huma ammissibbli, jirrigwardaw:

il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni 2006/928 u r-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxux atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jiġu suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19);

il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni 2006/928 taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni u, fl-affermattiv, dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw għar-Rumanija (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑195/19, it-tieni domanda fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 kif ukoll it-tielet domanda fil-Kawżi C‑127/19, C‑291/19 u C‑397/19);

il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 (ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑83/19 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑355/19);

il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju (it-tielet domanda fil-Kawża C‑83/19);

il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-ħolqien tas-SIIJ (ir-raba’ u l-ħames domanda fil-Kawża C‑127/19, it-tieni domanda fil-Kawża C‑195/19, ir-raba’ u l-ħames domanda fil-Kawża C‑291/19 kif ukoll it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑355/19);

il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema Rumena tar-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u tar-responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju (ir-raba’ sas-sitt domanda fil-Kawża C‑397/19);

il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni (it-tielet domanda fil-Kawża C‑195/19).

Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑355/19, C‑291/19 u C‑397/19

147

Permezz tal-ewwel domanda tagħhom magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni 2006/928 kif ukoll ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tagħha jikkostitwixxux atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jiġu interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

148

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni tiddeċiedi, preliminarjament, fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 30, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149

Issa, id-Deċiżjoni 2006/928 hija att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni, abbażi tal-Att ta’ Adeżjoni, li jaqa’ taħt id-dritt primarju tal-Unjoni, u tikkostitwixxi, b’mod iktar partikolari, deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Fir-rigward tar-rapporti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, stabbiliti abbażi tal-MKV stabbilit b’din id-deċiżjoni, dawn għandhom ukoll jitqiesu bħala atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li għandhom bħala bażi legali d-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

150

Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni 2006/928 u r-rapporti tal-Kummissjoni stabbiliti abbażi ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, mingħajr ma huwa meħtieġ, għal dan il-għan, li jsir magħruf jekk dawn l-atti għandhomx, jew le, effetti vinkolanti.

151

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 hija li d-Deċiżjoni 2006/928, kif ukoll ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jiġu interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, it-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 kif ukoll it-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑127/19, C‑291/19 u C‑397/19

152

Permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, tat-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 kif ukoll tat-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑127/19, C‑291/19 u C‑397/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2, 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 49 TUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-Deċiżjoni 2006/928 taqa’, għal dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhuma l-konsegwenzi ġuridiċi għar-Rumanija li jirriżultaw minn dan il-fatt. B’mod partikolari, il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar jekk u sa fejn ir-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapporti tal-Kummissjoni adottati abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928 humiex obbligatorji għar-Rumanija.

– Fuq in-natura ġuridika, il-kontenut u l-effetti ratione temporis tad-Deċiżjoni 2006/928

153

Kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tagħha, id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata, fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, li seħħet fl‑1 ta’ Jannar 2007, abbażi tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni.

154

Issa, skont l-Artikolu 2(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, l-Att ta’ Adeżjoni, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u jistabbilixxi l-aġġustamenti għat-trattati li din l-adeżjoni tinvolvi, jagħmel parti integrali minn dan it-trattat.

155

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2006/928 taqa’, bħala miżura adottata fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni. Il-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni ma jinvalidax din il-konklużjoni, sa fejn l-Artikolu 4(3) ta’ dan it-trattat, li ġie ffirmat fil‑25 ta’ April 2005, awtorizza espressament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jadottaw qabel din l-adeżjoni l-miżuri elenkati fih, fosthom dawk imsemmija fl-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni.

156

Għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, dawn jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa fil-każ, rispettivament, ta’ riskju imminenti ta’ ksur serju kontra l-funzjonament tas-suq intern marbut man-nuqqas ta’ osservanza, mir-Rumanija, ta’ impenji meħuda fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni u ta’ riskju imminenti ta’ nuqqasijiet gravi tar-Rumanija fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

157

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 134 u 135 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata minħabba l-eżistenza ta’ riskji imminenti tan-natura ta’ dawk imsemmija fl-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni.

158

Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, tas‑26 ta’ Settembru 2006, dwar il-grad ta’ preparazzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Bulgarija u tar-Rumanija [KUMM(2006) 549 finali], li għalih tirreferi l-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2006/928, din l-istituzzjoni kkonstatat il-persistenza fir-Rumanija ta’ nuqqasijiet, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u pproponiet lill-Kunsill li jissuġġetta l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 6 ta’ din id-deċiżjoni u kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-imsemmija deċiżjoni stabbilixxiet il-MKV u stabbilixxiet il-punti ta’ riferiment, imsemmija fl-Artikolu 1 u fl-Anness tal-istess deċiżjoni, fil-qasam tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sabiex jiġu solvuti preċiżament l-imsemmija nuqqasijiet u sabiex tiġi ggarantita l-kapaċità ta’ din is-sistema u tal-korpi inkarigati mill-applikazzjoni tal-liġi li jimplimentaw u li japplikaw il-miżuri adottati sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern u tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

159

F’dan ir-rigward, u kif jgħidu l-premessi 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2006/928, dan is-suq u dan l-ispazju huma bbażati fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li d-deċiżjonijiet u l-prattiki amministrattivi u ġudizzjarji tagħhom jirrispettaw b’mod sħiħ l-Istat tad-dritt, fejn din il-kundizzjoni timplika l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ sistema ġudizzjarja u amministrattiva imparzjali, indipendenti u effikaċi, li għandha mezzi suffiċjenti, fost oħrajn, għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

160

Issa, l-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni, jippreċiża li din tiġbor fi ħdanha Stati li aderixxew liberament u volontarjament mal-valuri komuni attwalment imsemmija fl-Artikolu 2 TUE, li josservaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom. Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħall-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li tipprevedi li l-Istati Membri jaqsmu bejniethom sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif ippreċiżat f’dan l-artikolu (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 6162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

161

Għalhekk, l-osservanza tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi, kif enfasizzaw il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Belġjan, il-Gvern Daniż u l-Gvern Svediż, kundizzjoni preliminari għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-MKV ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt fir-Rumanija.

162

Barra minn hekk, l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jiżguraw li jiġi evitat kull rigressjoni, fir-rigward ta’ dan il-valur, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi jonqsu milli jadottaw regoli li jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 6364 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

163

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li fosthom tinsab id-Deċiżjoni 2006/928, jorbtu lir-Rumanija sa mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, u jibqgħu fis-seħħ, skont l-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, sat-tħassir tagħhom.

164

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-miżuri adottati abbażi tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, għalkemm huwa minnu li l-ewwel paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli awtorizza lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri li huma jsemmu “sa tmiem perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-adeżjoni”, it-tieni paragrafu ta’ kull wieħed mill-imsemmija artikoli madankollu ppreveda espressament li l-miżuri adottati b’dan il-mod jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-imsemmi perijodu sakemm l-impenji korrispondenti ma jkunux ġew issodisfatti jew sakemm in-nuqqasijiet ikkonstatati jippersistu, u li dawn ma jitneħħewx sakemm l-impenn korrispondenti jkun ġie ssodisfatt jew il-ksur inkwistjoni jkun ġie kkoreġut. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2006/928 stess tippreċiża, fil-premessa 9 tagħha, li hija “għandha titħassar meta il-punti ta’ riferiment kollha jiġu mwettqa b’mod sodisfaċenti”.

165

Id-Deċiżjoni 2006/928 taqa’ għalhekk, għal dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni u tkompli jkollha l-effetti tagħha sakemm ma tkunx tħassret.

– Fuq l-effetti legali tad-Deċiżjoni 2006/928 u tar-rapporti tal-Kummissjoni stabbiliti fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni

166

Għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprevedi, bħar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li deċiżjoni “għandha torbot fl-intier tagħha” lil dawk li lejhom tkun indirizzata.

167

Skont l-Artikolu 4 tagħha, id-Deċiżjoni 2006/928 hija indirizzata lill-Istati Membri kollha, li jinkludu r-Rumanija sa mill-adeżjoni tagħha. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni hija ta’ natura vinkolanti fl-elementi kollha tagħha għal dan l-Istat Membru mill-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni.

168

Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni timponi fuq ir-Rumanija l-obbligu li tilħaq il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tagħha u li kull sena tagħmel, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, rapport lill-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq f’dan ir-rigward.

169

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, dawn il-punti ta’ riferiment, għandu jingħad ukoll li dawn ġew iddefiniti, kif jirriżulta mill-punti 158 sa 162 ta’ din is-sentenza, minħabba nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni fl-oqsma, b’mod partikolari, tar-riformi ġudizzjarji u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-imsemmi Stat Membru.

170

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 152 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19 u kif osservaw il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan, l-imsemmija punti ta’ riferiment jikkonkretizzaw l-impenji speċifiċi assunti mir-Rumanija u r-rekwiżiti aċċettati minnha waqt l-għeluq tan-negozjati ta’ adeżjoni fl‑14 ta’ Diċembru 2004, li jinsabu fl-Anness IX tal-Att ta’ Adeżjoni, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-oqsma tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

171

Għalhekk, kif enfasizzat b’mod partikolari l-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-premessi 4 u 6 tad-Deċiżjoni 2006/928, l-istabbiliment tal-MKV u l-iffissar tal-punti ta’ riferiment kellhom l-għan li jikkompletaw l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni qabel din l-adeżjoni f’dawn l-oqsma.

172

Minn dan jirriżulta li l-punti ta’ riferiment huma ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija, b’tali mod li dan l-Istat Membru huwa suġġett għall-obbligu speċifiku li jilħaq dawn l-għanijiet u li jieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet tat-twettiq tagħhom mill-iktar fis possibbli. Bl-istess mod, l-imsemmi Stat Membru huwa obbligat jastjeni milli jimplimenta kull miżura li tirriskja li tikkomprometti t-twettiq ta’ dawn l-istess għanijiet.

173

Fir-rigward tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att tal-Unjoni jipproduċix effetti vinkolanti, għandha tingħata importanza lis-sustanza tiegħu u jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32).

174

F’dan il-każ, huwa minnu li r-rapporti stabbiliti abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928 huma, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, indirizzati mhux lir-Rumanija, iżda lill-Parlament u lill-Kunsill. Barra minn hekk, għalkemm dawn ir-rapporti jinkludu analiżi tas-sitwazzjoni fir-Rumanija u jifformulaw rekwiżiti fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, il-konklużjonijiet li jinsabu fihom jindirizzaw “rakkomandazzjonijiet” lill-imsemmi Stat Membru billi jibbażaw ruħhom fuq dawn ir-rekwiżiti.

175

Jibqa’ l-fatt li dawn ir-rapporti, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmija deċiżjoni, huma intiżi li janalizzaw u jevalwaw il-progress imwettaq mir-Rumanija fid-dawl tal-punti ta’ riferiment li dan l-Istat Membru għandu jilħaq. Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-rapporti, dawn huma, kif osservat ukoll il-Kummissjoni, ifformulati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u sabiex jiggwidaw ir-riformi tal-imsemmi Stat Membru f’dan ir-rigward.

176

Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur ta’ dan id-dritt, u li tali obbligu jaqa’, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq kull korp tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 119124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

177

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tikkonforma ruħha mal-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, ir-Rumanija għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni taħt din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma jistax jadotta jew iżomm fis-seħħ miżuri fl-oqsma koperti mill-punti ta’ riferiment li jirriskjaw li jikkompromettu r-riżultat li huma jippreskrivu. Fil-każ li l-Kummissjoni tesprimi, f’tali rapport, dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali ma’ wieħed mill-punti ta’ riferiment, hija r-Rumanija li għandha tikkollabora b’bona fide ma’ din l-istituzzjoni sabiex tegħleb, fl-osservanza sħiħa ta’ dawn il-punti ta’ riferiment u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, id-diffikultajiet li tkun iltaqgħet magħhom fir-rigward tat-twettiq tal-imsemmija punti ta’ riferiment.

178

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, għat-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19 kif ukoll għat-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑127/19, C‑291/19 u C‑397/19 hija li l-Artikoli 2, 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 49 TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-Deċiżjoni 2006/928 taqa’, għal dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni. Din id-deċiżjoni hija, sakemm ma tkunx tħassret, obbligatorja fl-elementi kollha tagħha għar-Rumanija. Il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tagħha huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u huma ta’ natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa obbligat jieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-imsemmija rapporti.

Fuq ir-raba domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19 u t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19

179

Permezz tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19 u tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija, bħal dawk dwar il-ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju u dwar l-istabbiliment tas-SIIJ, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u jekk għandhomx josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE.

180

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2006/928 tkopri, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha u mill-formulazzjoni partikolarment wiesgħa tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ punt ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tagħha, u kif jikkonferma r-rapport tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 158 ta’ din is-sentenza, is-sistema ġudizzjarja fir-Rumanija fl-intier tagħha kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, fil-punt 3.1. tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas‑27 ta’ Ġunju 2007, dwar il-progress tar-Rumanija fir-rigward ta’ miżuri supplimentari wara l-Adeżjoni (KUMM(2007) 378 finali), rapport imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, sa fejn kull wieħed mill-punti ta’ riferiment jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ sistema ġudizzjarja u amministrattiva indipendenti u imparzjali, dawn kellhom jitqiesu mhux separatament iżda flimkien, bħala li jagħmlu parti integrali minn kull riforma tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sakemm jintlaħqu dawn l-għanijiet.

181

Issa, f’dan il-każ, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 178 u 250 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżultaw mir-riformi li seħħew matul is-snin 2018 u 2019, emendaw id-diversi liġijiet dwar il-ġustizzja li kienu ġew adottati fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tas-setgħa ġudizzjarja u li jifformaw il-qafas leġiżlattiv li jirregola l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru.

182

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-Kawża C‑83/19, din tirrigwarda l-ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju, li huwa organu li għandu personalità ġuridika fi ħdan il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura li r-responsabbiltà tiegħu hija espressament is-suġġett tal-ewwel punt ta’ riferiment li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, bħala garanzija ta’ proċess ġudizzjarju kemm iktar trasparenti kif ukoll iktar effikaċi. Dan l-organu għandu kompetenzi essenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari fi ħdan is-setgħa ġudizzjarja kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri dwar ir-responsabbiltà personali tal-membri tal-ġudikatura. L-istruttura istituzzjonali u l-attività tagħha, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑83/19, kienu barra minn hekk is-suġġett ta’ rapporti tal-Kummissjoni, stabbiliti skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/928, b’mod partikolari fis-snin 2010, 2011 u 2017 sa 2019.

183

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-Kawżi C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, din tirrigwarda l-ħolqien tas-SIIJ u l-modalitajiet ta’ ħatra tal-prosekuturi li għandhom jeżerċitaw hemmhekk il-funzjonijiet tagħhom. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 180 u 181 tal-konklużjonijiet tiegħu f’dawn il-kawżi, il-ħolqien ta’ tali taqsima jaqa’ taħt l-ewwel, it-tielet u r-raba’ punt ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u, barra minn hekk, kien is-suġġett ta’ rapporti tal-Kummissjoni stabbiliti fis-snin 2018 u 2019 skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

184

Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u li, kif jirriżulta mill-punt 178 ta’ din is-sentenza, għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE.

185

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19 u għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19 hija li l-leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija, bħal dawk dwar il-ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju u dwar l-istabbiliment ta’ Taqsima tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Inkarigata mill-Investigazzjonijiet ta’ Reati Mwettqa fi ħdan is-Sistema Ġudizzjarja, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, b’tali mod li għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE.

Fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19

186

Permezz tat-tielet domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑83/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru, li tippermetti lil dan tal-aħħar li jwettaq ħatriet fuq bażi provviżorja fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-korp ġudizzjarju inkarigat mit-tmexxija ta’ investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi, mingħajr ma josserva l-proċedura ta’ ħatra ordinarja prevista għal tali pożizzjonijiet mid-dritt nazzjonali.

187

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda minħabba l-fatt li l-funzjonijiet mogħtija lil korp ġudizzjarju bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-portata tal-kompetenzi li għandhom, fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet, il-membri maniġerjali ta’ dan il-korp huma ta’ natura li jqajmu dubji fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin.

188

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jiksbu minn dan id-dritt (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 50; tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 98).

189

L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għal Stat tad-dritt (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 51).

190

Fuq din il-bażi, u kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li ġie affermat permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 109110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

191

Minn dan jirriżulta li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-qrati, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 37, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 52).

192

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

193

Leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, japplikaw għall-ġudikatura fl-intier tagħha u, għalhekk, għall-imħallfin tad-dritt komuni li huma msejħa, f’din il-kwalità, sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn dawn tal-aħħar jaqgħu għalhekk, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Rumena ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dawn għandhom jissodisfaw r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

194

Issa, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ggarantit li istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

195

Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt. Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi żgurata fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 116118 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

196

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-istanza inkwistjoni fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 117, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53).

197

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala mħallef għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 119139 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

198

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimponi, skont ġurisprudenza stabbilita, li din is-sistema jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67; tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 114).

199

Barra minn hekk, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 268 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, peress li l-perspettiva ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari tista’, bħala tali, teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, huwa essenzjali li l-korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari jaġixxi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv u imparzjali u li jkun, għal dan il-għan, protett minn kull influwenza esterna.

200

B’hekk, u peress li l-persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan tali korp jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-attività tiegħu, ir-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra f’dawn il-pożizzjonijiet għandhom ikunu mfassla, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 269 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, b’mod li ma jkunu jistgħu jqajmu ebda dubju leġittimu dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

201

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt wara li twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 132, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 96).

202

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li l-membri maniġerjali tal-korp li għandu l-kompitu li jwettaq investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi jinħatru mill-Gvern ta’ Stat Membru ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubji bħal dawk imsemmija fil-punt 200 ta’ din is-sentenza.

203

L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li s-sostituzzjoni ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija ta’ tali korp għandha tiġi eżerċitata, fil-każ ta’ pożizzjoni vakanti wara l-iskadenza tal-mandat inkwistjoni, mill-membru maniġerjali li l-mandat tiegħu jkun skada, sad-data li fiha l-imsemmija pożizzjoni timtela skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

204

Madankollu, jibqa’ neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra ta’ dawn il-membri maniġerjali jkunu maħsuba b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 199 ta’ din is-sentenza.

205

B’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ toħloq dubji bħal dawk imsemmija fil-punt 200 ta’ din is-sentenza meta jkollha, anki b’mod provviżorju, l-effett li tippermetti lill-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat li jipproċedi b’ħatriet fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-korp li għandu l-kompitu li jwettaq l-investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi, bi ksur tal-proċedura ordinarja ta’ ħatra prevista mid-dritt nazzjonali.

206

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhiex l-effett li tagħti lill-Gvern nazzjonali setgħa diretta ta’ ħatra f’dawn il-pożizzjonijiet u setgħetx toħloq dubji leġittimi dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività tal-imħallfin u tal-prosekuturi jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

207

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑83/19 hija li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru, li tippermetti lil dan tal-aħħar li jwettaq ħatriet fuq bażi provviżorja fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-korp ġudizzjarju inkarigat mit-tmexxija ta’ investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi, mingħajr ma josserva l-proċedura ta’ ħatra ordinarja prevista għal tali pożizzjonijiet mid-dritt nazzjonali, meta tali leġiżlazzjoni tkun ta’ natura li toħloq dubji leġittimi dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19 kif ukoll it-tielet u r-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19

208

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, tar-raba’ u tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19 kif ukoll tat-tielet u tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkollha l-kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet dwar reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi.

209

Il-qrati tar-rinviju jqisu li l-ħolqien fir-Rumanija ta’ tali taqsima, jiġifieri s-SIIJ, li lilha ngħatat din il-kompetenza esklużiva, jista’ jeżerċita pressjoni fuq l-imħallfin, inkompatibbli mal-garanziji previsti fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, ir-regoli li jirregolaw il-kompetenza u l-organizzazzjoni tas-SIIJ, il-modalitajiet tal-funzjonament tagħha kif ukoll il-ħatra u t-tneħħija tal-prosekuturi assenjati fiha jsaħħu din il-biża’ u, barra minn hekk, jistgħu jostakolaw il-ġlieda kontra r-reati ta’ korruzzjoni. Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-numru limitat ta’ pożizzjonijiet ta’ prosekuturi fi ħdan is-SIIJ, din ma hijiex f’pożizzjoni li tittratta l-kawżi pendenti quddiemha f’terminu raġonevoli.

210

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, inkluża dik tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

211

Għalhekk, jibqa’ essenzjali, kif ġie indikat fil-punti 191, 194 u 195 ta’ din is-sentenza, li din l-organizzazzjoni tkun maħsuba b’mod li tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dik tal-indipendenza tal-qrati msejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita lill-partijiet fil-kawża l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tagħhom ibbażati fuq l-imsemmi dritt.

212

Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 196 u 197 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin jeżiġi t-tfassil ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tagħhom, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

213

Meta Stat Membru jipprevedi regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċeduri kriminali kontra l-imħallfin u l-prosekuturi, bħal dawk li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ taqsima speċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkollha l-kompetenza esklużiva sabiex tinvestiga r-reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimponi, sabiex jiġi eskluż, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, kull dubju leġittimu kif imsemmi fil-punt preċedenti, li dawn ir-regoli speċifiċi jkunu ġġustifikati minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li, bħal fil-każ tar-regoli dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi, jipprevedu l-garanziji neċessarji li jiżguraw li dawn il-proċeduri kriminali ma jkunux jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-attività tal-imsemmija mħallfin u prosekuturi u li jiggarantixxu b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

214

Tali regoli speċifiċi ma jistgħux, b’mod partikolari, ikollhom l-effett li jesponu għal elementi esterni bħal dawk imsemmija fil-punt 212 ta’ din is-sentenza l-imħallfin jew il-prosekuturi li huma responsabbli mill-kawżi ta’ korruzzjoni, u dan taħt piena ta’ ksur mhux biss tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iżda wkoll, f’dan il-każ, tal-obbligi speċifiċi li għandha r-Rumanija skont id-Deċiżjoni 2006/928 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, huma ma jistax ikollhom il-konsegwenza li jtawlu t-tul tal-investigazzjonijiet dwar ir-reati ta’ korruzzjoni jew li jdgħajfu b’xi mod ieħor il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

215

L-ewwel, f’dan il-każ, għalkemm il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħolqien tas-SIIJ kien iġġustifikat min-neċessità li jiġu protetti l-imħallfin u l-prosekuturi kontra lmenti kriminali arbitrarji, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preambolu ta’ din il-liġi ma juri ebda ġustifikazzjoni marbuta ma’ rekwiżiti bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, fatt li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qrati tar-rinviju, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha.

216

It-tieni, struttura awtonoma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħas-SIIJ, li hija inkarigata li tinvestiga r-reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi pubbliċi, sa fejn din tista’, skont ir-regoli li jirregolaw il-kompetenzi, il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ tali struttura, kif ukoll il-kuntest nazzjonali rilevanti, tiġi pperċepita bħala intiża li tistabbilixxi strument ta’ pressjoni u ta’ intimidazzjoni fir-rigward tal-imħallfin, u b’hekk twassal għal apparenza ta’ assenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin, tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

217

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tressiq quddiem is-SIIJ ta’ lment kriminali kontra mħallef jew prosekutur huwa biżżejjed sabiex din tiftaħ proċedura, inkluż meta l-ilment jitressaq fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali pendenti fir-rigward ta’ persuna li ma hijiex imħallef jew prosekutur, fejn din l-aħħar investigazzjoni tiġi ttrasferita għalhekk lis-SIIJ, irrispettivament min-natura tar-reat li bih huwa akkużat il-membru tal-ġudikatura u mill-provi invokati kontrih. Anki fl-ipoteżi fejn l-investigazzjoni pendenti tkun tirrigwarda reat li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ taqsima speċjalizzata oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħalma huwa d-DNA, il-kawża tiġi ttrasferita wkoll lejn is-SIIJ meta tkun tinvolvi mħallef jew prosekutur. Fl-aħħar nett, is-SIIJ tista’ tippreżenta rikorsi kontra d-deċiżjonijiet adottati qabel il-ħolqien tagħha jew tirtira rikors ippreżentat mid-DNA jew mid-DIICOT jew mill-Prosekutur Ġenerali quddiem il-qrati superjuri.

218

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qrati tar-rinviju, is-sistema hekk implimentata tippermetti li jitressqu lmenti b’mod abbużiv, fost oħrajn għall-finijiet ta’ interferenza f’kawżi sensittivi pendenti, b’mod partikolari kawżi kumplessi u li jkunu fil-media marbuta mal-korruzzjoni ta’ livell għoli jew mal-kriminalità organizzata, peress li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ tali lment, il-fajl jaqa’ awtomatikament taħt il-kompetenza tas-SIIJ.

219

Mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2019 dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (COM(2019) 499 final, p. 5), jirriżulta li eżempji prattiċi meħuda mill-attivitajiet tas-SIIJ huma ta’ natura li jikkonfermaw ir-realizzazzjoni tar-riskju, imsemmi fil-punt 216 ta’ din is-sentenza, li din it-taqsima tixbah strument ta’ pressjoni politika u li hija teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tibdel l-iżvolġiment ta’ ċerti investigazzjonijiet kriminali jew ta’ proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw, fost oħrajn, fatti ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli b’mod li tqajjem dubji dwar l-oġġettività tagħha, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qrati tar-rinviju, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 201 ta’ din is-sentenza.

220

F’dan il-kuntest, huma wkoll dawn il-qrati li għandhom jivverifikaw jekk ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SIIJ kif ukoll dawk dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-prosekuturi assenjati fiha humiex, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-emendi li sarulhom permezz ta’ digrieti ta’ urġenza li jidderogaw mill-proċedura ordinarja prevista mid-dritt nazzjonali, ta’ natura li tirrendi l-imsemmija taqsima permeabbli għal influwenzi esterni.

221

It-tielet, fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, huwa importanti, b’mod partikolari, li r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħas-SIIJ, ikunu maħsuba b’mod li ma jipprekludux li l-kawża tal-imħallfin u tal-prosekuturi kkonċernati tkun tista’ tinstema’ fi żmien raġonevoli.

222

Issa, bla ħsara għal verifika mill-qrati tar-rinviju, mill-indikazzjonijiet ipprovduti minnhom jirriżulta li dan jista’ ma jkunx il-każ tas-SIIJ, b’mod partikolari mill-effett konġunt tan-numru apparentement imnaqqas kunsiderevolment ta’ prosekuturi assenjati f’din it-taqsima, li barra minn hekk la għandhom il-mezzi u lanqas il-kompetenza meħtieġa sabiex iwettqu investigazzjonijiet f’kawżi kumplessi ta’ korruzzjoni, u tal-piż addizzjonali tax-xogħol li jirriżulta għal dawn il-prosekuturi mit-trasferiment ta’ tali kawżi mit-taqsimiet kompetenti sabiex jittrattawhom.

223

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑127/19, għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19, għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑291/19 kif ukoll għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑355/19 hija li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkollha l-kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet dwar reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi, mingħajr ma l-ħolqien ta’ tali taqsima

ikun iġġustifikat minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u

ikun akkumpanjat minn garanziji speċifiċi li jippermettu, minn naħa, li jiġi eskluż kull riskju li din it-taqsima tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-attività ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi li jista’ jippreġudika l-indipendenza tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li din il-kompetenza tkun tista’ tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

Fuq ir-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19

224

Permezz tar-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin għad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju, fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni,

l-ewwel, tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” f’termini astratti u ġenerali,

it-tieni, tipprevedi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-iżball ġudizzjarju, imwettqa fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat mingħajr ma jkun nstema’ l-imħallef ikkonċernat, hija meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tiegħu,

it-tielet, tattribwixxi lil ministeru l-kompetenza sabiex jiftaħ l-investigazzjoni intiża sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx lok li tinbeda l-azzjoni għal rimedju kontra l-imħallef u sabiex iressaq, abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess, din l-azzjoni għal rimedju.

225

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi osservat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet kemm tar-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat kif ukoll tar-responsabbiltà personali tal-imħallef inkwistjoni. Fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt u, b’mod partikolari, mill-garanzija tal-indipendenza tal-imħallfin, għandha tiġi eżaminata separatament is-sistema li tippermetti lill-partijiet fil-kawża li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat għad-danni li jkunu ġarrbu minħabba żball ġudizzjarju u s-sistema li tirregola r-responsabbiltà personali tal-imħallfin minħabba tali żball ġudizzjarju fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju.

226

Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-responsabbiltà tal-Istat għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà li tiġi stabbilita, taħt ċerti kundizzjonijiet, din ir-responsabbiltà ma tidhirx li tinvolvi riskji partikolari li titqiegħed inkwistjoni l-indipendenza ta’ qorti tal-aħħar istanza (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 42).

227

Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta, mutatis mutandis, għall-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ivvizzjati bi żball ġudizzjarju.

228

Il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-kundizzjonijiet sostantivi dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju”, huma fformulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’termini astratti u ġenerali lanqas ma huwa ta’ natura, fih innifsu, li jipperikola l-indipendenza tal-imħallfin, peress li leġiżlazzjoni li tirregola din ir-responsabbiltà għandha, min-natura tagħha stess, tipprevedi, għall-finijiet ta’ tali definizzjoni, kriterji astratti u ġenerali li għandhom jiġu ppreċiżati mill-ġurisprudenza nazzjonali.

229

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin għad-danni li jirriżultaw minn żball ġudizzjarju tagħhom, għandu jiġi enfasizzat li din is-sistema ta’ responsabbiltà taqa’ taħt l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u, għalhekk, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. B’mod partikolari, il-possibbiltà għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqiegħdu inkwistjoni, permezz ta’ azzjoni għal rimedju, din ir-responsabbiltà tista’, skont l-għażla tal-Istati Membri, tikkostitwixxi element li jippermetti li jingħata kontribut għar-responsabbilizzazzjoni u għall-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni.

230

Għaldaqstant, u kif tfakkar fil-punti 191, 194 u 195 ta’ din is-sentenza, jibqa’ essenzjali li s-sistema ta’ responsabbiltà personali tal-imħallfin tkun maħsuba b’mod li tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak tal-indipendenza tal-imħallfin mitluba jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita lill-partijiet fil-kawża l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

231

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 196 u 197 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin jeżiġi l-eżistenza ta’ garanziji li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tagħhom, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

232

F’dan ir-rigward, ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-imħallfin għall-iżbalji ġudizzjarji li huma jwettqu jinvolvi riskju ta’ ndħil fl-indipendenza tal-imħallfin sa fejn dan jista’ jinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet minn dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu.

233

Konsegwentement, huwa importanti li t-tqegħid inkwistjoni, fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju, tar-responsabbiltà personali ta’ mħallef minħabba żball ġudizzjarju jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali u rregolat minn kriterji oġġettivi u verifikabbli, marbuta ma’ rekwiżiti bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif ukoll minn garanziji intiżi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u sabiex b’hekk jiġi eskluż, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, kull dubju leġittimu kif imsemmi fil-punt 231 ta’ din is-sentenza.

234

Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jkunu previsti regoli li jiddefinixxu b’mod ċar u preċiż, b’mod partikolari, l-aġir li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà personali tal-imħallfin, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza inerenti għall-kompitu tagħhom u sabiex jiġi evitat li dawn ikunu esposti għar-riskju li r-responsabbiltà personali tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita sempliċement minħabba d-deċiżjoni tagħhom. Għalkemm, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża C‑397/19, il-garanzija ta’ indipendenza ma tirrikjedix li l-imħallfin jingħataw immunità assoluta għall-atti adottati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, madankollu r-responsabbiltà personali tagħhom tista’ tiġi stabbilita għal danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom biss f’każijiet eċċezzjonali, li fihom il-ħtija individwali serja tagħhom tkun ġiet stabbilita. F’dan ir-rigward, il-fatt li deċiżjoni tinvolvi żball ġudizzjarju ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat.

235

Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet relatati mat-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi b’mod ċar u preċiż il-garanziji neċessarji li jiżguraw li la l-investigazzjoni intiża sabiex tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi li jistgħu jistabbilixxu din ir-responsabbiltà u lanqas l-azzjoni għal rimedju ma jkunu jidhru li jistgħu jinbidlu fi strumenti ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja.

236

Sabiex jiġi evitat li tali modalitajiet jista’ jkollhom effett dissważiv fir-rigward tal-imħallfin fl-eżerċizzju tal-kompitu tagħhom li jiddeċiedu b’mod kompletament indipendenti, b’mod partikolari f’oqsma sensittivi bħal dak tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, huwa essenzjali, kif osservat essenzjalment il-Kummissjoni, li l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiftħu u jmexxu l-investigazzjoni intiża sabiex tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi li jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà personali tal-imħallef kif ukoll sabiex titressaq l-azzjoni għal rimedju jkunu huma stess awtoritajiet li fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom jaġixxu b’mod oġġettiv u imparzjali u li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenzi jkunu tali li ma jistgħux joħolqu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dawn l-awtoritajiet.

237

Bl-istess mod, huwa importanti li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tal-imħallef, jiġu rrispettati b’mod sħiħ u li l-istanza li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallef tkun qorti.

238

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 233 sa 237 ta’ din is-sentenza humiex osservati, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha.

239

Fost dawn l-elementi, għandu importanza partikolari l-fatt li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju tiġi kkonstatata b’mod definittiv fil-kuntest tal-proċedura għad-danni mibdija kontra l-Istat u li din il-konstatazzjoni hija meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura mibdija permezz tal-azzjoni għal rimedju intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat, u dan minkejja li dan tal-aħħar ma jkunx instema’ fil-kuntest tal-ewwel proċedura. Tali regola mhux biss hija ta’ natura li toħloq riskju ta’ pressjoni esterna fuq l-attività tal-imħallfin, iżda tista’ wkoll tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

240

Għal dak li jirrigwarda, barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiftħu u jmexxu l-proċedura ta’ investigazzjoni intiża sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi li jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat u sabiex titressaq l-azzjoni għal rimedju kontrih, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rapport stabbilit għal dan il-għan mill-Ispettorat Ġudizzjarju ma għandux effett vinkolanti u li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa biss il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi li għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jekk dawn il-kundizzjonijiet u dawn iċ-ċirkustanzi humiex issodisfatti għall-finijiet tat-tressiq ta’ din l-azzjoni għal irkupru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali, jekk tali elementi, fid-dawl b’mod partikolari ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, humiex ta’ natura li jippermettu li l-imsemmija azzjoni għal rimedju tintuża bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja.

241

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑397/19 hija li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin għad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” f’termini ġenerali u astratti. Għall-kuntrarju, dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni meta hija tipprevedi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju, imwettqa fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u mingħajr ma l-imħallef ikkonċernat ikun instema’, hija meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti marbuta ma’ azzjoni għal rimedju intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tiegħu u meta din ma tinkludix, b’mod ġenerali, il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat li tali azzjoni għal rimedju tintuża bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja u sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallef ikkonċernat bil-għan li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tagħhom u jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira f’dawn l-istess partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

Fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19

242

Permezz tat-tielet domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑195/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ livell kostituzzjonali ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali tiegħu, li tipprovdi li qorti ta’ livell inferjuri ma hijiex awtorizzata ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, li hija tqis, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur kontra din id-deċiżjoni jew kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

243

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din id-domanda hija marbuta ma’ ġurisprudenza reċenti tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li tgħid li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2006/928, ma jistax jipprevali fuq id-dritt kostituzzjonali nazzjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, jeżisti riskju li d-dritt kostituzzjonali hekk interpretat mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprekludi l-applikazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑195/19.

244

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 214 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

245

Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, ma d-dispożizzjonijiet interni relatati mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

246

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247

Huwa wkoll bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija li, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 215 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

248

F’dan ir-rigward, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, b’mod iktar preċiż l-obbligu li ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li tkun adita biha (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 161).

249

F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2006/928, li tissemma speċifikament fil-kunsiderazzjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, din timponi fuq ir-Rumanija, kif ġie osservat fil-punt 172 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li tilħaq mill-iktar fis possibbli l-punti ta’ riferiment li hija tistabbilixxi. Sa fejn dawn l-għanijiet huma fformulati f’termini ċari u preċiżi u ma huma akkumpanjati minn ebda kundizzjoni, dawn għandhom effett dirett.

250

Barra minn hekk, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u peress li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 146), il-qorti tar-rinviju għandha tiggarantixxi wkoll, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 208 sa 223 ta’ din is-sentenza, l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni billi jekk ikun il-każ ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontriha.

251

Għaldaqstant, fil-każ tal-ksur ikkonstatat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tad-Deċiżjoni 2006/928, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tar-rinviju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kemm jekk ikunu ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ‐ Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 150 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

252

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑195/19 hija li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ livell kostituzzjonali ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali tiegħu, li tipprovdi li qorti ta’ livell inferjuri ma hijiex awtorizzata ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, li hija tqis, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur kontra din id-deċiżjoni jew kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Fuq l-ispejjeż

253

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jiġu interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

 

2)

L-Artikoli 2, 37 u 38 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 49 TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-Deċiżjoni 2006/928 taqa’, għal dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni hija, sakemm ma tkunx tħassret, obbligatorja fl-elementi kollha tagħha għar-Rumanija. Il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-anness tagħha huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u huma ta’ natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa obbligat jieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-imsemmija rapporti.

 

3)

Il-leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija, bħal dawk dwar il-ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju u dwar l-istabbiliment ta’ Taqsima tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Inkarigata mill-Investigazzjonijiet ta’ Reati Mwettqa fi ħdan is-Sistema Ġudizzjarja, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, b’tali mod li għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE.

 

4)

L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru, li tippermetti lil dan tal-aħħar li jwettaq ħatriet fuq bażi provviżorja fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-korp ġudizzjarju inkarigat mit-tmexxija ta’ investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi, mingħajr ma josserva l-proċedura ta’ ħatra ordinarja prevista għal tali pożizzjonijiet mid-dritt nazzjonali, meta tali leġiżlazzjoni tkun ta’ natura li toħloq dubji leġittimi dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

 

5)

L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkollha l-kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet dwar reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi, mingħajr ma l-ħolqien ta’ tali taqsima

ikun iġġustifikat minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u

ikun akkumpanjat minn garanziji speċifiċi li jippermettu, minn naħa, li jiġi eskluż kull riskju li din it-taqsima tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-attività ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi li jista’ jippreġudika l-indipendenza tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li din il-kompetenza tkun tista’ tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

6)

L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin għad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” f’termini ġenerali u astratti. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni meta hija tipprevedi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju, imwettqa fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u mingħajr ma l-imħallef ikkonċernat ikun instema’, hija meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti marbuta ma’ azzjoni għal rimedju intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tiegħu u meta din ma tinkludix, b’mod ġenerali, il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat li tali azzjoni għal rimedju tintuża bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja u sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallef ikkonċernat bil-għan li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tagħhom u jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira f’dawn l-istess partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

 

7)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ livell kostituzzjonali ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali tiegħu, li tipprovdi li qorti ta’ livell inferjuri ma hijiex awtorizzata ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, li hija tqis, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur kontra din id-deċiżjoni jew kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq