Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CC0174
Opinion of Advocate General Pitruzzella delivered on 11 March 2021.#Scandlines Danmark ApS and Scandlines Deutschland v European Commission.#Appeal – Action for annulment – State aid – Public financing of the Fehmarn Belt fixed rail-road link – Individual aid – Notified aid declared compatible with the internal market – Execution of an important project of common European interest – Decision not to raise any objections – Monopoly – Distortion of competition and effect on trade.#Joined Cases C-174/19 P and C-175/19 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2021.
Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn – Għajnuna individwali – Għajnuna nnotifikata ddikjarata kompatibbli mas-suq intern – Twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Monopolju – Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ.
Kawżi magħquda C-174/19 P u C-175/19 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2021.
Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn – Għajnuna individwali – Għajnuna nnotifikata ddikjarata kompatibbli mas-suq intern – Twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Monopolju – Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ.
Kawżi magħquda C-174/19 P u C-175/19 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:199
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
ippreżentati fil‑11 ta’ Marzu 2021 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑174/19 P u C‑175/19 P
Scandlines Danmark ApS,
Scandlines Deutschland GmbH (C‑174/19 P)
Stena Line Scandinavia AB (C‑175/19 P)
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni bil-ferrovija fuq l-istrett ta’ Fehmarn – Deċiżjoni li tiddikjara li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tmiem tal-fażi preliminari ta’ eżami – Rekwiżit tal-kapaċità tal-ħolqien ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni – Monopolju legali – Appell inċidentali – Ammissibbiltà”
1. |
Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw żewġ kawżi relatati ma’ żewġ appelli kważi identiċi ppreżentati minn żewġ operaturi ta’ linji ta’ navigazzjoni (Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH, minn naħa, u Stena Line Scandinavia AB, min-naħa l-oħra, iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) li huma attivi fl-istrett ta’ Fehmarn, medda ta’ baħar li tissepara l-gżira ta’ Fehmarn fil-Ġermanja minn dik ta’ Lolland fid-Danimarka. Iż-żewġ appelli (iktar ’il quddiem, l-“appelli prinċipali”) huma intiżi għall-annullament ta’ żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), anki huma kważi identiċi, li permezz tagħhom hija ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, skont il-fażi preliminari tal-eżami, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka għal proġett ta’ kollegament fiss fl-istrett ta’ Fehmarn (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 3 ). |
2. |
Fiż-żewġ kawżi l-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali (iktar ’il quddiem l-“appelli inċidentali”) li permezz tagħhom tqiegħed inkwistjoni l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. |
3. |
Minbarra l-importanza tagħhom minħabba l-entità rilevanti tal-proġett li jikkonċerna l-istrett ta’ Fehrmarn li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn il-kawżi joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet dwar ir-rekwiżit, neċessarju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, li l-miżura stess tkun kapaċi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha hemm monopolju legali. Dawn il-kawżi jqajmu wkoll, fil-parti relatata mal-appelli inċidentali, kwistjonijiet interessanti dwar l-ammissibbiltà ta’ dan it-tip ta’ appell. |
I. Fatti
4. |
Il-fatti tat-tilwima huma esposti fis-sentenzi appellati, li għalihom qiegħed nagħmel riferiment għal iktar dettalji ( 4 ). Għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-proċeduri qiegħed nillimita ruħi nfakkar dan li ġej. |
A. Il-proġett ta’ konnessjoni fl-istrett ta’ Fehmarn
5. |
Permezz ta’ trattat internazzjonali konkluż fl‑2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tad-Danimarka approvaw proġett ta’ konnessjoni fl-istrett ta’ Fehmarn (iktar ’il quddiem, il-“Proġett”). |
6. |
Il-Proġett jikkonsisti, minn naħa, f’mina taħt il-baħar li għandha tgħaqqad minn kosta għall-oħra (coast-to-coast) il-lokalità ta’ Rødby, fuq il-gżira ta’ Lolland, u dik ta’ Puttgarden, fuq il-gżira ta’ Fehmarn, permezz ta’ linja ferrovjarja elettrika u awtostrada (iktar ’il quddiem, il-“Konnessjoni Fissa”), u min-naħa l-oħra, f’konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija fid-Danimarka (iktar ’il quddiem, il-“Konnessjonijiet Interni”). |
7. |
B’mod iktar speċifiku, ix-xogħlijiet tal-parti tal-Konnessjonijiet Interni relatata mal-konnessjonijiet bil-ferrovija (iktar ’il quddiem il-“Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija”) sejrin jikkonsistu fit-twessigħ u fit-titjib tal-linja ferrovjarja attwali li teżisti bejn Ringsted u Rødby, twila kważi 120 km, li tappartjeni lil Banedanmark, l-operatur pubbliku tal-infrastruttura ferrovjarja statali fid-Danimarka ( 5 ). |
8. |
Konformement mat-trattat internazzjonali u ma’ liġi Daniża tal‑2015 dwar il-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-Konnessjoni Fissa u tal-Konnessjonijiet Interni ( 6 ), ġew inkarigati żewġ impriżi pubbliċi Daniżi bl-eżekuzzjoni tal-Proġett. L-ewwel waħda, A/S Femern, hija inkarigata bil-finanzjament, bil-kostruzzjoni u bl-operat ( 7 ) tal-Konnessjoni Fissa, filwaqt li t-tieni waħda, A/S Femern Landanlæg, hija inkarigata bil-finanzjament, bil-kostruzzjoni u bl-operazzjoni tal-Konnessjonijiet Interni. Femern hija kkontrollata minn Femern Landanlæg, li min-naħa tagħha hija kkontrollata minn kumpannija proprjetà tal-Istat Daniż. |
9. |
Għal dak li speċifikament jirrigwarda l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija ( 8 ), Femern Landanlæg għandha tkun responsabbli mill-kostruzzjoni tagħhom u mill-ġestjoni tagħhom, inkluża l-manutenzjoni tagħhom. Ix-xogħlijiet ta’ titjib ta’ dawn il-konnessjonijiet għandhom jitwettqu minn Banedanmark li għandha tkun inkarigata mill-operat ta’ dawn il-konnessjonijiet bl-istess kundizzjonijiet applikati għat-taqsimiet l-oħra tas-sistema ferrovjarja statali Daniża ( 9 ). Wara l-eżekuzzjoni tal-Proġett, il-proprjetà tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija għandha tinqasam bejn Banedanmark (b’sehem ta’ 20 %) u Femern Landanlæg (b’sehem ta’ 80 %). Banedanmark għandha ssostni l-ispejjeż relatati mal-operat tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, filwaqt li l-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni tagħhom għandhom jinqasmu bejn Femern Landanlæg u Banedanmark proporzjonalment għat-tqassim tal-ishma tal-proprjetà tagħhom. |
10. |
Il-Proġett huwa ffinanzjat minn Femern u Femern Landanlæg. F’dan ir-rigward l-awtoritajiet Daniżi adottaw miżuri li jinkludu kontribuzzjoni ta’ kapital favur Femern u garanziji statali u self statali favur Femern u Femern Landanlæg. B’mod iktar partikolari, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat kemm tal-Konnessjoni Fissa, kif ukoll tal-Konnessjonijiet Interni huma ffinanzjati permezz ta’ self miġbur fuq is-swieq finanzjarji internazzjonali, bil-garanzija tal-Istat Daniż jew, bħala finanzjament alternattiv, permezz ta’ self sussidjarju tal-Bank Nazzjonali Daniż. |
11. |
Femern għandha tiġbor il-korrispettiv imħallas mill-utenti tal-Konnessjoni Fissa sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha u għandha tħallas id-dividendi lil Femern Landanlæg li din għandha tuża sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha. Femern Landanlæg għandha tirċievi wkoll 80 % tal-korrispettiv imħallas mill-operaturi ferrovjarji għall-użu tad-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, miġbura minn Banedanmark proporzjonalment għat-tqassim tal-proprjetà ta’ dawn l-infrastrutturi bejnha u Banedanmark. |
B. Id-deċiżjoni kontenzjuża
12. |
Wara t-tressiq ta’ ċerti lmenti li fihom ġiet ikkontestata l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tal-Proġett, kif ukoll wara n-notifika ta’ dawn il-miżuri mill-awtoritajiet imsemmija skont l-Artikolu 108(3) TFUE, fit‑23 ta’ Lulju 2015 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
13. |
Id-deċiżjoni kontenzjuża tinqasam f’żewġ partijiet. |
14. |
Fl-ewwel parti l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg għall-finanzjament tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-opert tal-Konnessjonijiet Interni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 10 ). |
15. |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni kkunsidrat li l-operat u l-ġestjoni tan-network ferrovjarju nazzjonali fid-Danimarka jsir f’suq magħluq għall-kompetizzjoni. Iktar speċifikament, wara li osservat li Banedanmark hija inkarigata bit-titjib u bl-operat ta’ dawn il-konnessjonijiet bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għat-taqsimiet l-oħra tas-sistema ferrovjarja statali Daniża, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba n-natura tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali, fid-Danimarka ma teżistix kompetizzjoni fis-suq jew għas-suq tal-operat u tal-ġestjoni tan-network ferrovjarju nazzjonali ( 11 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li minħabba li l-operat u l-ġestjoni tan-network nazzjonali inkwistjoni jitwettqu f’suq nazzjonali, separat u ġeografikament magħluq, is-sostenn finanzjarju mogħti lil Femern Landanlæg ma kienx jista’ jinfluwenza l-iskambji bejn l-Istati Membri ( 12 ). |
16. |
Fit-tieni parti tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 13 ), dwar il-miżuri mogħtija lil Femern għall-finanzjament tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-Konnessjoni Fissa, il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki li kieku kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-finanzjament pubbliku ta’ Femern jibqa’ madankollu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. |
II. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati
17. |
Permezz ta’ rikorsi promoturi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fl‑10 u fil‑11 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw żewġ rikorsi differenti, irreġistrati bin-numri T‑630/15 u T‑631/15, quddiem il-Qorti Ġenerali, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
18. |
Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, Naturschutzbund Deutschland eV (iktar ’il quddiem, “NABU”), Föreningen Svensk Sjöfart (iktar ’il quddiem, “FSS”) intervjenew insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Ir-Renju tad-Danimarka intervjena insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
19. |
Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża. |
20. |
Hija, qabel kollox, ċaħdet bħala infondati l-motivi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg għall-finanzjament tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija ( 14 ). |
21. |
Il-Qorti Ġenerali minflok laqgħet ir-rikorsi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tal-analiżi tal-finanzjament pubbliku mogħti lil Femern għall-parti tal-Proġett relatata mal-Konnessjoni Fissa minħabba li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 108(2) TFUE, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-preżenza ta’ diffikultajiet serji ( 15 ). |
22. |
Wara l-għoti tas-sentenzi appellati, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u adottat deċiżjoni ġdida li kienet suġġetta għal tliet rikorsi għal annullament attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali ( 16 ). |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
23. |
Permezz tal-appelli prinċipali, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH fil-Kawża C‑174/19 P, minn naħa, u Stena Line Scandinavia AB fil-Kawża C‑175/19 P, min-naħa l-oħra, jitolbu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fl-ewwel lok, tannulla, rispettivament, l-ewwel u t-tieni sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi mqajma minnhom u, fit-tieni lok, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. L-appellanti jitolbu wkoll iċ-ċaħda tal-appelli inċidentali mressqa mill-Kummissjoni u li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
24. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli prinċipali u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. Barra minn hekk, permezz tal-appelli inċidentali tagħha, din titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex l-ewwel, tannulla d-deċiżjoni taċita li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikorsi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg; it-tieni, li tiddikjara r-rikors inammissibbli fir-rigward ta’ dawn il-miżuri; u, it-tielet, li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
25. |
Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad l-appelli prinċipali tal-appellanti u biex tilqa’ l-appelli inċidentali ppreżentati mill-Kummissjoni. |
26. |
It-talbiet ta’ NABU u FSS, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, huma essenzjalment simili għal dawk imressqa minn dawn tal-aħħar. |
27. |
Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Rederi AB Nordö-Link (iktar ’il quddiem, “Rederi”), Trelleborg Hamn AB (iktar ’il quddiem, “Trelleborg”) u Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung eV (iktar ’il quddiem, “Aktionsbündnis”) ġew awtorizzati jintervjenu fiż-żewġ Kawżi C‑174/19 P u C‑175/19 P, insostenn tat-talbiet tal-appellanti. L-aggravji tagħhom huma essenzjalment simili għal dawk imressqa minn dawn tal-aħħar. |
IV. Analiżi
28. |
Fl-appelli prinċipali tagħhom, li għandhom pjuttost l-istess kontenut, l-appellanti jressqu sitt aggravji. |
29. |
L-ewwel żewġ aggravji jirrigwardaw il-partijiet tas-sentenzi appellati relatati mal-analiżi tal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg dwar il-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Permezz ta’ dawn l-aggravji l-appellanti jsostnu li, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi bi ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji u ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji, billi kkunsidrat li dawn il-miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat peress li ma humiex kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni (l-ewwel aggravju) u li jinfluwenzaw il-kummerċ bejn Stati Membri (it-tieni aggravju). |
30. |
Il-ħames aggravji l-oħra mqajma mill-appellanti jirrigwardaw, pjuttost, il-partijiet tas-sentenzi appellati relatati mal-analiżi tal-miżuri adottati favur Famern u li jirrigwardaw il-Konnessjoni Fissa. |
31. |
Fl-appelli inċidentali tagħha, bl-istess kontenut, il-Kummissjoni tressaq aggravju uniku li permezz tiegħu tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg. |
32. |
Konformement ma’ dak mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, sejjer nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni u fuq l-ewwel żewġ aggravji tal-appelli prinċipali. |
A. Dwar l-appelli inċidentali
1. Argumenti tal-partijiet
33. |
L-appelli inċidentali mressqa mill-Kummissjoni, sostnuta f’dan ir-rigward mir-Renju tad-Danimarka, huma intiżi li jikkontestaw d-deċiżjonijiet taċiti li, skont din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali adottat fis-sentenzi appellati fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg. |
34. |
Il-Kummissjoni tqis, qabel kollox, li l-appelli inċidentali tagħha huma ammissibbli. Hija tirrikonoxxi li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza relatata mas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Boehringer”), deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħaqqad eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu tal-kawża mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar din l-eċċezzjoni ma tistax tkun suġġetta għal appell. Madankollu skont il-Kummissjoni din il-ġurisprudenza tapplika esklużivament għall-appelli prinċipali u mhux għall-appelli inċidentali li attwalment huma rregolati mill-Artikolu 178(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tammetti l-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni taċita relatata mal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. |
35. |
Fuq il-mertu, fl-appelli inċidentali tagħha l-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kienu inammissibbli fil-parti li dawn kienu jirrigwardaw il-miżuri adottati favur Femern Landanlæg peress li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment minn dawn il-miżuri. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-fatt ma wrewx, kif mitlub mill-ġurisprudenza, li l-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwistjoni tikkonċernahom individwalment u b’mod partikolari li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun kompromessa serjament minn din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet proċedurali li l-Artikolu 108(2) TFUE jiżgura lill-partijiet ikkonċernati peress li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tali fir-rigward tal-miżuri relatati mal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. |
36. |
Ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, sostnuti minn FSS u minn NABU, jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni u jsostnu li, fi kwalunkwe każ, dawn huma infondati fil-mertu. |
2. Evalwazzjonijiet
a) Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali
37. |
L-appelli inċidentali mressqa mill-Kummissjoni huma intiżi li jikkontestaw id-deċiżjonijiet taċiti li l-Qorti Ġenerali allegatament adottat fis-sentenzi appellati fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-partijiet tar-rikorsi tar-rikorrenti quddiemha relatati mal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg. |
38. |
Jeħtieġ qabel kollox li tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali proposti mill-Kummissjoni. |
39. |
Mis-sentenzi appellati jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Renju tad-Danimarka qiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sa fejn dawn ikkonċernaw il-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg, minħabba l-assenza ta’ interess individwali li jappellaw mill-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tirrigwarda dawn il-miżuri ( 17 ). |
40. |
Madankollu, fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ma analizzax l-aspett relatat mal-ammissibbiltà mqajjem mir-Renju tad-Danimarka. Hija indikat, mingħajr ma għamlet riferiment espliċitu għall-ġurisprudenza tas-sentenza Boehringer imsemmija iktar ’il fuq, li jeħtieġ “li jiġi eżaminat, qabel kollox, il-mertu tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti” ( 18 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], u sussegwentement ċaħdet dawn l-argumenti fuq il-mertu. |
41. |
Il-Kummissjoni tqis li b’hekk il-Qorti Ġenerali adottat deċiżjoni taċita dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg. Hija ssostni li, skont l-Artikolu 178(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jiġi ppreżentat appell inċidentali kontra deċiżjoni taċita bħal din. |
42. |
Infakkar li skont din id-dispożizzjoni l-konklużjonijiet tal-appell inċidentali jistgħu jtendu lejn l-annullament ta’ deċiżjoni, espressa jew taċita, relatata mal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. |
43. |
F’dan il-każ, madankollu, preċiżament bħal fil-każ relatat mas-sentenza Boehringer, u kif ġie mill-bqija rrikonoxxut mill-Kummissjoni stess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad fuq il-mertu l-motivi mressqa mir-rikorrenti quddiemha kontra l-parti tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg, mingħajr ma esprimiet ruħha permezz ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tar-rikors. Fi kliem ieħor, b’mod simili għas-sentenza Boehringer, fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali qieset iġġustifikat għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà. |
44. |
Mis-sentenza Boehringer ( 19 ) jirriżulta li, peress li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġġustifikat, minħabba raġunijiet relatati ma’ amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja, li ma tesprimix ruħha dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà peress li, fi kwalunkwe każ, il-konklużjonijiet għandhom jiġu miċħuda fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ma adottat ebda deċiżjoni, la espressa u lanqas taċita, li tikkonkludi kwistjoni proċedurali relatata ma’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Isegwi li għandu jiġi kkunsidrat inammissibbli rikors intiż li jikkontesta deċiżjoni bħal din peress li ma hemm ebda deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ( 20 ) li hija appellabbli. |
45. |
Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li, billi l-Qorti Ġenerali, hawnhekk, ma adottat ebda deċiżjoni appellabbli, lanqas taċita, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi, ma jkun jista’ jiġi ppreżentat ebda appell, la b’mod prinċipali, u lanqas b’mod inċidentali, f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-invokazzjoni mill-Kummissjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 178(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma tistax tiġġustifika l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali tagħha. |
46. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-appelli inċidentali mressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
47. |
Madankollu, xorta jeħtieġ jiġi mfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiddeċiedi, jekk hemm bżonn ex officio, dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament u, għalhekk, dwar ir-raġuni ta’ ordni pubbliku bbażata fuq il-ksur tal-kundizzjoni, magħmula fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tgħid li rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tagħha ma huwiex destinatarju biss jekk huwa jkun ikkonċernat direttament u individwalment minnha ( 21 ). |
48. |
Fil-każ li, kuntrarjament għal dak li qiegħed nissuġġerixxi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-appelli inċidentali huma ammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi tanalizza ex officio l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-partijiet tagħhom li jikkonċernaw il-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg, il-kunsiderazzjonijiet segwenti huma fil-fehma tiegħi pertinenti. |
b) Fuq il-locus standi tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali rigward il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg
49. |
F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg tikkostitwixxi deċiżjoni adottata wara l-fażi preliminari tal-eżami ( 22 ) li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, konsegwentement, iddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE ( 23 ). Ir-Renju tad-Danimarka huwa d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni. |
50. |
Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li ma hijiex att ta’ portata ġenerali ( 24 ), jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-appellanti humiex ikkonċernati direttament u individwalment minn din id-deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
51. |
F’dan ir-rigward infakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur lura sas-sentenza magħrufa tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni ( 25 ), persuni differenti minn dawk li huma d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu isostnu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba ċirkustanzi li fihom huma jistgħu jiġu identifikati fost persuni oħrajn u, b’hekk, jiġu identifikati individwalment bħal fil-każ ta’ destinatarju ta’ tali deċiżjoni ( 26 ). |
52. |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi ddeterminat locus standi ta’ rikorrent, li jkun differenti mid-destinatarju tad-deċiżjoni, li jikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, għandhom jiġu identifikati żewġ possibbiltajiet. |
53. |
Fil-każ fejn ir-rikors tar-rikorrent ikun intiż li jħares id-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE, is-sempliċi kwalità ta’ persuna kkonċernata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 659/1999, hija suffiċjenti sabiex tiddistingwixxih b’mod simili għad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, u bħala konsegwenza tali rikors għal annullament għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli ( 27 ). |
54. |
Għall-kuntrarju, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE (jew b’riżultat ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali), is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala persuna interessata fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. F’dan il-każ, ir-rikorrent ikollu jipprova li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann imsemmija fil-punt 51 preċedenti ( 28 ). |
55. |
F’dan il-każ, kif jirriżulta espressament mis-sentenzi appellati ( 29 ), fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikorrenti fl-ewwel istanza kkontestaw kemm il-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg (fil-kuntest tal-ewwel motiv), kif ukoll il-ksur tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 108(2) TFUE peress li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami (fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom). Madankollu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tanalizza dawn il-motivi b’mod konġunt ( 30 ) fejn ċaħdithom fuq il-mertu, mingħajr, kif ikkonstatat fil-punti 40 u 43 preċedenti, ma affrontat il-kwistjoni tal-ammissibbiltà. |
56. |
F’dan il-kuntest, sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-appelli tal-appellanti jeħtieġ, l-ewwel, li jiġi vverifikat jekk huma għandhomx locus standi, fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann imsemmija fil-punt 51 preċedenti, sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg. Fil-każ fejn dan ma jkunx minnu, jeħtieġ allura, it-tieni, li jiġi vverifikat jekk, permezz tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 preċedenti, dawn għandhomx, mill-inqas, bħala persuni kkonċernati, locus standi sabiex jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali li jirriżultawlhom mid-dispożizzjoni fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
57. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-locus standi tal-appellanti sabiex jkkontestaw il-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg, nirrileva li, quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jissostanzjaw l-interess individwali tagħhom li jikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża r-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw il-kwalità tagħhom ta’ kompetituri tal-Konnessjoni Fissa, bħala operaturi ta’ trasport marittimu, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess ta’ eżami preliminari mwettaq mill-Kummissjoni. Huma semmew ukoll l-użu tal-finanzjament riżultanti mill-miżuri kontenzjużi għat-tneħħija tal-punti ta’ aċċess ferrovjarji (binarji u stazzjon) għal portijiet li jippermettu lill-passiġġieri tal-ferroviji jaċċedu l-laneċ tagħhom. Quddiem il-Qorti Ġenerali, huma invokaw ukoll il-pożizzjoni tagħhom bħala kompetituri diretti tal-Proġett ikkunsidrat b’mod sħiħ. |
58. |
F’dan ir-rigward nirrileva li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri tagħha li wettqu rwol attiv fl-ambitu tal-proċess, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun tiġi ppreġudikata sostanzjalment mill-għoti tal-għajnuna li hija suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni ( 31 ), huma rrikonoxxuti b’mod partikolari bħala kkonċernati individwalment għall-għanijiet tal-kontestazzjoni tal-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-evalwazzjoni ta’ għajnuna. |
59. |
F’dan il-każ huwa paċifiku li l-benefiċjarja tal-miżuri kkontestati fil-partijiet tar-rikorsi inkwistjoni hija Femern Landanlæg, li, kif jirriżulta mill-punt 8 preċedenti hija inkarigata bil-finanzjament, bil-kostruzzjoni u bl-operat tal-Konnessjonijiet Interni, inklużi l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Anki li kieku wieħed kellu jammetti li, kuntrarjament għal dak stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, is-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jitqies, għal dak li jirrigwarda l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, li huwa miftuħ għall-kompetizzjoni ( 32 ), jeħtieġ madankollu li jiġi kkonstatat li l-appellanti, bħala operaturi ta’ trasport marittimu attivi fl-istrett ta’ Fehmarn, ma wrew b’ebda mod li kienu attivi f’suq li fih hija attiva Femern Landanlæg u li għalhekk huma kompetituri tagħha. |
60. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li l-approċċ adottat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa kemxejn restrittiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, fil-fatt, l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma tista’ f’ebda każ tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att ( 33 ). |
61. |
Minn din il-perspettiva, la l-argument li skontu l-finanzjament riżultanti mill-miżuri kkontestati jiġu użati għat-tneħħija tal-punti ta’ aċċess ferrovjarji, u lanqas l-argumenti relatati man-natura integrata tal-Proġett, imsemmija fil-punt 57 preċedenti, ma huma kapaċi juru l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta bejn l-appellanti u l-benefiċjarja tal-miżuri kkontestati, jiġifieri Femern Landanlæg. |
62. |
Għal dak li jirrigwarda mbagħad il-parteċipazzjoni attiva fil-fażi preliminari tal-eżami, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-proċedura ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex tintwera l-inċidenza individwali fuq il-kompetitur iżda sempliċement “element rilevanti” f’dan ir-rigward ( 34 ). |
63. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-appellanti ma għandhomx locus standi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg. |
64. |
Madankollu, fit-tieni lok, jeħtieġ li xorta jiġi vverifikat jekk dawn eventwalment għandhomx locus standi sabiex jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali li jistgħu jirriżultawlhom bħala “persuni kkonċernati” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 preċedenti. |
65. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, li jerġa’ jtenni sostanzjalment id-definizzjoni diġà żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata” bħala “kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati [ippreġudikati] bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. |
66. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-definizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi kkwalifikata bħala parti interessata, sa fejn hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna ( 36 ). Filwaqt li impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna tinsab mingħajr dubju fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ( 37 ), organu li ma huwiex kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jiġi rrikonoxxut bil-kwalifika bħala “persuna kkonċernata” jekk ikun wera li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu ppreġudikati bl-għoti tal-għajnuna, li skont il-ġurisprudenza, jippreżupponi t-turija li l-miżura jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu ( 38 ). |
67. |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, pereżempju, li impriża li ma kinitx kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha kienet teħtieġ l-istess materja prima, kienet tikkwalifika bħala parti interessata fil-mument li ssostni li l-interessi tagħha setgħu jiġu ppreġudikati mill-għoti tal-għajnuna u fil-mument li turi b’mod suffiċjenti li l-għajnuna setgħet kellha effetti konkreti fuq is-sitwazzjoni tagħha ( 39 ). |
68. |
F’dan il-każ inqis li, għalkemm l-argumenti tal-appellanti mfakkra fil-punt 57 preċedenti ma jurux l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta ta’ kompetizzjoni ma’ Femern Landanlæg, dawn juru, madankollu, b’mod suffiċjenti kemm il-fatt li l-interessi tal-appellanti jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-miżuri favur Femern Landanlæg, kif ukoll ir-riperkussjonijiet konkreti ta’ dawn il-miżuri fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Dawn l-argumenti jiġġustifikaw għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ persuni kkonċernati fir-rigward tal-appellanti. |
69. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-appellanti, bħala persuni kkonċernati, għandhom locus standi biex jappellaw mill-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri adottati favur Femern Landlæg, sa fejn l-appelli tagħhom huma intiżi li jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 108(2) TFUE. Madankollu huma ma għandhomx locus standi biex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Kif sejjer nispeċifika aħjar iktar ’il quddiem, sejjer nieħu inkunsiderazzjoni dawn il-konstatazzjonijiet fl-analiżi tal-appelli prinċipali. |
B. Fuq l-ewwel żewġ aggravji tal-appelli prinċipali
1. Osservazzjonijiet preliminari
70. |
Fil-kuntest tal-ewwel żewġ aggravji tal-appelli prinċipali tagħhom l-appellanti – sostnuti minn NABU, FSS, Rederi, Trelleborg u Aktionsbündnis – isostnu li s-sentenzi appellati huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi, bi ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE billi l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji u ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet gravi, meta kkunsidrat li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg ma kinux kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li jinfluwenzaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li, għalhekk, dawn il-miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. |
71. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 40 ). |
72. |
Fit-tieni lok, mill-analiżi mwettqa fil-punti 49 sa 69 preċedenti jirriżulta li l-appellanti għandhom locus standi biex jappellaw mill-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża relatata mal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg biss sa fejn l-appelli tagħhom huma intiżi li jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali li mogħtija lilhom mill-Artikolu 108(2) TFUE, u mhux, minflok, biex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
73. |
F’dan il-każ, madankollu, kif jirriżulta mill-punt 55 preċedenti, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma affrontat il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi, ittrattat b’mod konġunt il-motivi relatati mal-ksur tad-drittijiet proċedurali u l-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwistjoni. Isegwi minn din l-għażla tal-Qorti Ġenerali li l-appellanti fl-appelli tagħhom ikkontestaw l-analiżi fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti. |
74. |
Madankollu f’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi indikat li, skont il-ġurisprudenza, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment dan iqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’tali mod li jiġu miksura d-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kwalità tal-għajnuna ta’ din il-miżura u l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant l-użu ta’ tali argumenti ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE ( 41 ). |
75. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament. L-istess prinċipji japplikaw ukoll meta l-Kummissjoni jkollha dubji fir-rigward tan-natura stess bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżura eżaminata ( 42 ). |
76. |
F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li billi l-kriterju ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fi tmiem l-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni ( 43 ). |
77. |
Isegwi minn dan kollu li, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punti 69 u 72 preċedenti, l-ewwel żewġ aggravji tal-appelli prinċipali, li fil-kuntest tagħhom l-appellanti jindikaw ukoll żbalji tad-dritt tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE, għandhom jiġu analizzati esklużivament minn din il-perspettiva biss. Aggravji intiżi li jqiegħdu f’dubju l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fondatezza tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwistjoni huma fil-fatt inammissibbli. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti preċedenti minn 74 sa 76, madankollu, l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali rigward l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kontenzjuża jista’ u għandu jiġi analizzat ukoll bl-għan li jiġi vverifikat jekk dawn l-evalwazzjonijiet iġġustifikawx il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kwistjoni tal-kwalifika tal-miżuri eżaminati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
2. Fuq l-ewwel aggravji, relatati ma’ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-kapaċità li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni
78. |
L-ewwel aggravji sostnuti mill-appellanti huma intiżi, rispettivament, kontra l-punti minn 87 sa 127 tal-ewwel sentenza appellata u minn 62 sa 102 tat-tieni sentenza appellata u jinqasmu f’erba’ partijiet, li jikkorrispondu għal erba’ żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali. |
a) Fuq l-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji bbażati fuq in-natura integrata tal-Proġett
1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet
79. |
Fl-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji tal-appelli tagħhom, l-appellanti, sostnuti mill-partijiet intervenjenti, jikkontestaw il-parti tas-sentenzi appellati ( 44 ) li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħhom li, peress li l-Konnessjoni Fissa u l-Konnessjonijiet Interni jikkostitwixxu proġett integrat u peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri mogħtija lil Femern għall-Konnessjoni Fissa kienu kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, allura anki l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg għall-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija kellhom jitqiesu li kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
80. |
L-appellanti, li bbażaw ruħhom fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ryanair (C‑615/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:310) ( 45 ) isostnu li l-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li skontha l-attivitajiet ta’ Femern Landanlæg kienu limitati għall-ġestjoni tal-Konnessjonijiet Interni u ma jinkludux il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fl-istrett fa’ Fehmarn, hija bbażata fuq klassifikazzjoni ġuridika skorretta tal-fatti. Fil-fatt, min-natura u mill-għanijiet tal-Proġett jirriżulta li l-Konnessjoni Fissa u l-Konnessjonijiet Interni jagħmlu parti minn proġett integrat u li l-Konnessjonijiet Interni huma mibnija bl-għan li jipprovdu servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehrmarn. Minn perspettiva finanzjarja, ma huwiex ikkontestat li l-pedaġġ tal-Konnessjoni Fissa sejjer ikopri anki l-ispejjeż tal-Konnessjonijiet Interni peress li Femern hija marbuta tħallas id-dividendi lil Femern Landanlæg. Minn perspettiva prattika, il-Konnessjoni Fissa tiddependi mill-Konnessjonijiet Interni u, mingħajrhom, Femern ma tkunx kapaċi tipprovdi servizzi ta’ trasport. Barra minn hekk, il-Konnessjonijiet Interni, min-naħa tagħhom, ma jeżistux jekk ma jkunx hemm il-Konnessjoni Fissa. Il-miżuri adottati għall-Konnessjonijiet Interni huma għalhekk miżuri neċessarji għall-Konnessjoni Fissa. Minn dan jista’ jiġi konkluż li jekk l-miżuri mogħtija lil Femern huma kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, allura anki dawk mogħtija lil Femern Landanlæg jistgħu jagħmlu dan. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest meta kkunsidrat li ż-żewġ miżuri għandhom għanijiet differenti ( 46 ). Fil-fatt, l-għan li għandu jintlaħaq huwa l-istess, jiġifieri dak li Femern tkun tista’ tipprovdi servizzi ta’ trasport tul l-istrett ta’ Fehmarn. |
81. |
NABU, FSS u Aktionsbündnis iżidu li jkun illegali li proġett uniku jiġi diviż artifiċjalment f’iktar partijiet bl-għan li tiġi prekluża evalwazzjoni koerenti bħala għajnuna mill-Istat. NABU ssostni wkoll li l-Konnessjoni Fissa u l-Konnessjonijiet Interni għandhom jiġu kkunsidrati bħala proġett uniku, mhux biss minħabba l-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom, iżda wkoll minħabba dawk ambjentali. Rederi u Aktionsbündnis isostnu li l-Kollegamenti Interni bil-Ferrovija jikkostitwixxu infrastruttura essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi żgurat it-trasport ferrovjarju tul l-istrett ta’ Fehmarn u li l-kostruzzjoni tagħhom tikkontribwixxi sabiex tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Femern. Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg manifestament għandhom effett fuq is-suq tas-servizzi tat-trasport fl-istrett ta’ Fehmarn. |
82. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti inklużi fl-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji tal-appelli prinċipali huma inammissibbli peress li, kuntrarjament għal dak previst mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellanti ma identifikawx il-punti tas-sentenzi appellati li fihom jinsabu l-konklużjonijiet żbaljati tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta fuq il-mertu l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom. |
83. |
Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li dawn l-ilmenti huma inammissibbli peress li, minn naħa, dawn sempliċiment jirriproduċu motiv diġà miċħud mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, jerġgħu jqiegħdu inkwistjoni kwistjonijiet ta’ fatt deċiżi mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jqajmu l-iżnaturament ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta fuq il-mertu l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom. |
2) Evalwazzjoni
84. |
Fl-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji tagħhom l-appellanti jikkontestaw iċ-ċaħda fis-sentenzi appellati tal-argument tagħhom rigward in-natura integrata tal-Proġett. Quddiem il-Qorti Ġenerali dawn, essenzjalment, sostnew li, minħabba din in-natura integrata, il-konstatazzjoni li l-miżuri adottati favur Femern rigward il-Konnessjoni Fissa huma kapaċi li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni twassal sabiex, b’ċertu “effett kontaġġjuż” ( 47 ), anki l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg rigward il-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jkunu kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, partikolarment b’riferiment għas-servizzi tat-trasport tul l-istrett ta’ Fehmarn. |
85. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali wieġbet dan l-argument billi kkunsidrat li ma kienx possibbli jiġi konkluż li l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg li jirrigwardaw il-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat sempliċement minħabba li dawn kienu ġew adottati fil-kuntest tal-istess proġett li kien jipprevedi l-miżuri favur Femern rigward il-Konnessjoni Fissa u li dawn kienu ġew ikkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, dawn kienu żewġ miżuri li, minħabba li kienu relatati mal-istess proġett, għandhom għanijiet u benefiċjarji differenti ( 48 ). |
86. |
Preliminarjament, għandhom jiġu affrontati l-argumenti mressqa, rispettivament, mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka, li permezz tagħhom tqiegħdet f’dubju l-ammissibbiltà tal-ilmenti inklużi fil-partijiet inkwistjoni peress li l-appellanti naqsu milli jidentifikaw il-punti pertinenti tas-sentenzi appellati u sempliċiment irripetew motivi diġà miċħuda mill-Qorti Ġenerali. |
87. |
F’dan ir-rigward, minn naħa, ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex issodisfatti. Fl-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji tagħhom, fil-fatt, l-appellanti indikaw espressament il-punti tas-sentenzi appellati li għandhom l-intenzjoni jikkontestaw permezz tal-argumenti tagħhom ( 49 ) u ma hemmx dubju li dawn l-argumenti huma intiżi li jqiegħdu inkwistjoni r-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż f’dawn il-punti. |
88. |
Min-naħa l-oħra, nosserva li, għalkemm ċertament skont il-ġurisprudenza stabbilita aggravju li jikkonsisti f’sempliċi riproduzzjoni ta’ motivi u argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali huwa inammissibbli ( 50 ), fil-partijiet inkwistjoni, madankollu, kuntrarjament għal dak sostnut mir-Renju tad-Danimarka, l-appellanti ma llimitawx ruħhom li jipproponu mill-ġdid sempliċiment argument imressaq fl-ewwel istanza, iżda jikkontestaw ir-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fis-sentenzi appellati u l-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul appell meta, jekk parti ma setgħetx tibbaża l-appell tagħha fuq motivi u argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tiġi miċħuda minn parti mis-sens tagħha ( 51 ). |
89. |
Fuq il-mertu, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali magħmul fis-sentenzi appellati huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti fir-rigward tal-portata tal-attivitajiet ta’ Femern Landanlæg. |
90. |
F’dan ir-rigward inqis, l-ewwel, li ma huwiex pertinenti r-riferiment għall-punt 32 tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ryanair (C‑615/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:310), li tirrigwarda dispożizzjonijiet legali mhux rilevanti f’dawn il-kawżi, u li tinkludi l-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fil-klassifikazzjoni ġuridika ta’ ittra. Fi kwalunkwe każ, dan ir-riferiment ma huwa kapaċi jikkorrobora b’ebda mod l-argumentazzjoni tal-appellanti. |
91. |
It-tieni, inqis, li, sa fejn l-ilment imqajjem mill-appellanti għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż kontra konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-attivitajiet ta’ Femern Landanlæg kienu limitati għas-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, fir-rigward tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, u ma kinux estiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehmarn, anki li kieku kellu jiġi konċess li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq konstatazzjoni bħal din – xi ħaġa li, fil-fehma tiegħi, ma tirriżultax mill-punti kkontestati mis-sentenzi appellati –, dan l-ilment għandu fil-fehma tiegħi jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli. Dan fil-fatt huwa intiż, essenzjalment, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali – speċifikament fir-rigward tal-portata tal-attivitajiet ta’ Femern Landanlæg –, mingħajr, madankollu, ma tiġi konkluża ineżattezza materjali tal-fatti riżultanti mill-atti tal-proċess jew żnaturament tal-fatti, xi ħaġa li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita ma hijiex ammissibbli fil-kuntest ta’ appell ( 52 ). |
92. |
Mill-bqija, l-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tan-natura integrata tal-Proġett u l-identità tal-għanijiet tal-miżuri adottati favur Femern u Femern Landanlæg ma humiex kapaċi jikkorroboraw id-dikjarazzjoni li skontha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti fir-rigward tal-portata tal-attivitajiet ta’ Femern Landanlæg. Fil-fatt, ma jista’ jiġi konkluż b’ebda mod la mill-karattru integrat tal-Proġett minn perspettiva finanzjarja u prattika, u lanqas minn identità possibbli ta’ għanijiet tal-miżuri adottati favur Femern u Femern Landanlæg, li l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar jestendu għall-offerta ta’ servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehmarn. |
93. |
It-tielet, anki li kieku kellu jiġi konċess, b’ċertu sforz interpretattiv, li l-ilment tal-appellanti fil-kuntest ta’ dawn l-ewwel partijiet tal-aggravju għandu jiġi mifhum fis-sens li dawn qegħdin jinvokaw żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-“effett kontaġġjuż” li jirriżulta min-natura integrata tal-Proġett u li għalhekk din bi żball naqset milli tikkonstata li, peress li l-miżuri adottati favur Femern kienu kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport fuq l-istrett ta’ Fehmarn allura l-istess kellu jgħodd għall-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg, inqis li dan ma jistax jiġi aċċettat. |
94. |
Fil-fatt kif jista’ jiġi konkluż mill-punt 85 preċedenti, fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali wieġbet dan l-argument, mingħajr fil-fehma tiegħi ma wettqet żbalji ta’ liġi, fis-sens li, peress li l-miżuri ġew adottati favur Femern u Femern Landanlæg, anki jekk fir-rigward tal-istess Proġett, żewġ miżuri ta’ għajnuna separati li għandhom benefiċjarji, suġġett u għanijiet differenti, ir-rikonoxximent tal-karattru ta’ għajnuna ta’ waħda minn dawn il-miżuri ma setax iwassal awtomatikament – jew fit-termini użati mill-Qorti Ġenerali, “għal dan l-għan uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – għall-karattru ta’ għajnuna anki tal-miżura l-oħra. |
95. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-appellanti ma kkontestawx il-fatt li l-Kummissjoni u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ttrattaw il-miżuri bħala żewġ miżuri ta’ għajnuna separati, minkejja li relatati ma’ proġett uniku. La fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma sostnew li l-miżuri inkwistjoni kellhom jiġu eżaminati b’mod konġunt jew li dawn wasslu sabiex għajnuna unika mill-Istat li kellha tiġi analizzata b’mod konġunt. Huma lanqas ma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-benefiċjarji, minkejja li huwa paċifiku li għandhom rabta bejniethom, huma differenti ( 53 ). |
96. |
FSS biss, u b’mod inqas espliċitu NABU, fin-noti ta’ risposta tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sostnew li l-proġett kellu jiġi eżaminat fl-intier tiegħu mingħajr ma jiġi artifiċjalment maqsum fi tnejn. Madankollu, nindika li ebda wieħed miż-żewġ intervenjenti ma ressaq dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, quddiem il-Qorti Ġenerali, la r-rikorrenti fl-ewwel istanza u lanqas l-intervenjenti ma sostnew b’mod ċar u espliċitu żball eventwali dovut għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehmarn tal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg, fihom innifishom ( 54 ). |
97. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza ( 55 ). Għalhekk ma huwiex possibbli li l-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi billi ma kkunsidratx motivi li ma tqajjmux quddiemha mill-partijiet. Argumenti ġodda mhux imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli fl-appell ( 56 ). |
98. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali n-natura integrata tal-Proġett ġie invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sempliċiment u esklużivament bl-għan li jibbażaw l-argument tagħhom relatat ma’ tip ta’ “effett kontaġġjuż awtomatiku” jiġifieri l-fatt li peress li l-miżuri adottati favur Femern huma kapaċi jkollhom effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehmarn, allura anki l-miżuri, differenti iżda adottati fil-kuntest tal-istess proġett favur Femern Landanlæg, huma kapaċi jkollhom effett bħal dan ( 57 ). Il-Qorti Ġenerali wieġbet dan l-argument, kif indikat fil-punt 94 preċedenti, fil-fehma tiegħi mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, mis-sempliċi ċirkustanza li żewġ miżuri differenti li għandhom benefiċjarji u suġġett differenti ( 58 ) ġew adottati fil-kuntest tal-istess proġett, u li waħda minnhom hija għajnuna mill-Istat, ma jistax jiġi konkluż li allura awtomatikament it-tnejn li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. |
99. |
Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-għanijiet tal-Proġett u tal-miżuri adottati favur Femern u Femern Landlæg f’dan il-kuntest, inżid – sempliċiment għall-kompletezza u mingħajr ma nixtieq nieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet ta’ fatt li jmorru lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura tal-appell – li għalkemm ma hemmx dubju li l-għan tal-Proġett intiż fit-totalità tiegħu huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ trasport tal-passiġġieri u tal-prodotti bejn il-pajjiżi nordiċi u l-Ewropa ċentrali ( 59 ), madankollu ma huwiex ikkontestat li, kif isostni r-Renju tad-Danimarka, il-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija sejrin jintużaw fil-kuntest tat-trasport ferrovjarju reġjonali, indipendentement mill-użu tal-Konnessjoni Fissa. Minn dan jirriżulta li l-għan tal-miżuri adottati favur Femern Landanlæg, minkejja li jikkoinċidi parzjalment ma’ dak tal-miżuri adottati favur Femern, sa fejn il-ħolqien tal-Konnessjonijiet Interni jippermetti l-użu tal-Konnessjoni Fissa, jippreżenta madankollu aspetti speċifiċi għalih. Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball billi kkonstatat li l-għanijiet tal-miżuri kienu differenti. |
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nqis li l-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji tal-appelli prinċipali għandhom jiġu miċħuda. |
b) Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravji, ibbażati fuq il-ftuħ de lege u de facto tas-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka
1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet
101. |
Fit-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravji tal-appelli prinċipali, l-appellanti, sostnuti mill-partijiet intervenjenti, jikkontestaw it-taqsimiet tas-sentenzi appellati li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti li permezz tagħhom dawn sostnew li kienet żbaljata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li skontha ma teżistix kompetizzjoni “fil-” u “għas-” suq tan-network ferrovjarju nazzjonali fid-Danimarka. Skont l-appellanti, fil-fatt, is-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka huwa fil-fatt de lege u de facto miftuħ għall-kompetizzjoni ( 60 ). |
102. |
Fil-kuntest tat-tieni partijiet tal-ewwel aggravji, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li ċ-ċirkustanza li l-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji ( 61 ) tippermetti li kwalunkwe impriża li tissodisfa rekwiżiti ddeterminati tikseb liċenzja għall-operat, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka ma tfissirx li s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huwa miftuħ għall-kompetizzjoni ( 62 ). Skont l-appellanti, il-possibbiltà li tinkiseb din il-liċenzja turi li fid-Danimarka s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huwa de lege miftuħ għall-kompetizzjoni almenu għal dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni “għas-” suq. F’dan ir-rigward, dak li jgħodd huwa l-possibbiltà għal impriża li tibni l-infrastruttura tagħha u li tiġġestiha hija stess jew li tipprovdi servizzi lil infrastrutturi eżistenti, inkluż dik statali. |
103. |
Dan l-approċċ huwa konformi mal-pożizzjoni li esprimiet il-Kummissjoni stess, li skontha fid-dritt tal-Unjoni s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jista’ jiġi kkunsidrat magħluq għall-kompetizzjoni biss jekk dawn l-attivitajiet ikunu suġġetti għal monopolju legali, li jeskludi mhux biss il-kompetizzjoni “fis-” suq, iżda anki dik “għas-”suq ( 63 ). |
104. |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ fid-Danimarka. Fil-fatt, fid-Danimarka, ebda impriża ma tingħata d-dritt esklużiv jew il-monopolju legali rigward l-operat jew il-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Bil-maqlub, il-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji tipprevedi din is-sistema ta’ liċenzji li tippermetti espliċitament lil kwalunkwe impriża twettaq attivitajiet ta’ operat u ta’ ġestjoni tan-networks ferrovjarji, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti ta’ sigurtà. Din is-sistema ta’ liċenzji, minn naħa, tiżgura li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jikkompetu waħedhom, peress li jistgħu jsiru huma stess monopolji naturali billi jibnu l-infrastruttura. B’hekk, setgħet tintgħażel impriża differenti minn Femern Landanlæg sabiex tirċievi l-fondi għall-kostruzzjoni tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Min-naħa l-oħra, din is-sistema turi li l-impriżi kompetittivi jistgħu joperaw fuq monopolji naturali ta’ oħrajn. Dan jista’ jkun il-każ jekk, pereżempju, Femern Landanlæg jew Banedanmark kellhom jirċievu kuntratti pubbliċi għall-kostruzzjoni jew il-ġestjoni tal-infrastruttura tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. |
105. |
Mill-kumplament, mis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, iktar ’il quddiem is-“sentenza Arriva Italia”) u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità (C‑659/17, EU:C:2019:633, iktar ’il quddiem is-“sentenza Azienda Napoletana Mobilità”) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għoti dirett ta’ drittijiet esklużivi ma jeskludix il-kompetizzjoni għas-suq preċiżament meta l-Istat ma jiġix prekluż milli jorganizza sejħiet għal offerti pubbliċi rigward l-operat u l-ġestjoni tan-networks ferrovjarji. |
106. |
Bħal setturi ekonomiċi oħra li jippreżupponu l-użu ta’ infrastruttura ta’ network, bħal pereżempju t-telekomunikazzjonijiet, l-elettriku jew il-gass, li fihom is-swieq ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni sempliċiment billi jippermettu lill-operaturi jipprovdu servizzi fuq parti mill-infrastrutturi tan-network, bl-istess mod, peress li l-kuntest ġuridiku Daniż għall-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-ġestjoni ta’ networks ferrovjarji eżistenti (inkluża dik statali), is-suq tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka għandu jiġu kkunsidrat miftuħ għall-kompetizzjoni, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, almenu għal dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni “għas-” suq. |
107. |
Għall-istess raġunijiet huwa żbaljat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li skontu l-impriżi, differenti minn Banedanmark, li kisbu l-liċenzji msemmija joperaw taqsimiet lokali tan-network ferrovjarju li jikkostitwixxu monopolji naturali ( 64 ). Barra minn hekk, l-argumenti fis-sentenzi appellati dwar l-operaturi ta’ Stati Membri oħra li għandhom liċenzja ( 65 ) u dwar in-nuqqas tan-natura obbligatorja tal-liberalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju ( 66 ) ma humiex pertinenti peress li s-sistema Daniża ta’ liċenzji turi li s-suq huwa miftuħ u ġie liberalizzat. |
108. |
Fil-kuntest tat-tielet partijiet tal-ewwel motivi, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li s-suq għall-operat u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka ma kienx de facto miftuħ għall-kompetizzjoni. Fir-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax, fil-fatt, l-aspett fundamentali li, fin-nuqqas ta’ monopolju legali u fil-preżenza ta’ sistema ta’ liċenzji li tippermetti lil kwalunkwe impriża tiġġestixxi infrastruttura ferrovjarja, huwa irrilevanti fejn tinsab l-infrastruttura jew min huwa s-sid tagħha. L-eżistenza ta’ kompetituri f’ċerti partijiet tan-network ferrovjarju, li s-sentenzi appellati jirrikonoxxu, hija l-ikbar prova li s-suq huwa miftuħ għall-kompetizzjoni anki de facto. Filwaqt li wħud mis-sidien tan-network jistgħu jagħżlu li jiġġestixxu partijiet min-network huma stess, dan ma jibdilx il-fatt li s-suq huwa miftuħ għall-kompetizzjoni speċifikament minħabba li l-impriżi jistgħu jikkompetu sabiex isiru s-sidien ta’ monopolju naturali billi huma stess jibnu n-network. |
109. |
Finalment, l-appellanti, sostnuti fuq dan il-punt minn uħud mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom, isostnu li fi kwalunkwe każ, anki jekk għandu jiġu konkluż li l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg ma humiex kapaċi joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, ma hemmx dubju li dawn il-miżuri joħolqu distorsjoni fis-swieq tal-input (is-suq għall-provvista ta’ materjal għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ferrovjarji) u tal-output (is-suq għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji fid-Danimarka). |
110. |
NABU, FSS, Rederi, Trelleborg u Aktionsbündnis iressqu argumenti simili għal dawk imressqa mill-appellanti. |
111. |
B’mod partikolari, NABU ssostni li fid-dritt tal-Unjoni sabiex suq jiġi kkwalifikat bħala magħluq għall-kompetizzjoni għandha teżisti projbizzjoni ġuridika li kwalunkwe operatur ieħor iwettaq kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni u li din il-projbizzjoni ma teżistix fid-Danimarka. Fl-istess sens Rederi, Aktionsbündnis u Trelleborg sostnew li l-Kummissjoni stess indikat li monopolju legali jeżisti biss meta servizz partikolari jkun irriżervat bil-liġi jew b’regolamentazzjoni għal fornitur esklużiv u l-provvista tiegħu huwa espliċitament ipprojbit għall-operaturi l-oħra ( 67 ). Rederi u Aktionsbündnis isostnu li f’dan il-każ id-dritt mogħti lil Banedanmark rigward l-operat u l-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji ma jikkostitwixxix dritt esklużiv, xi ħaġa li tintwera mill-fatt li operaturi ferrovjarji oħra, kemm nazzjonali kif ukoll barranin, ġew awtorizzati jiġġestixxu infrastrutturi ferrovjarji u ma hemm ebda projbizzjoni ġuridika tal-ġestjoni ta’ infrastrutturi ferrovjarji fid-Danimarka. Rederi żżid li anki jekk, quod non, dan id-dritt kien esklużiv, id-dritt Daniż ma jeskludi b’ebda mod il-kompetizzjoni “għas‑” suq, peress li kwalunkwe impriża awtorizzata fid-Danimarka tista’ tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u teżerċita kompetizzjoni għall-operat u l-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji, kemm pubbliċi kif ukoll privati. |
112. |
Rederi u Trelleborg isostnu wkoll li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-preżenza ta’ operaturi privati fin-networks miżmuma mill-organi lokali ma turix l-eżistenza ta’ kompetizzjoni tkun daqslikieku jiġi sostnut li s-suq jista’ jkun miftuħ għall-kompetizzjoni biss jekk l-impriżi jiġġestixxu b’mod kompetittiv l-infrastrutturi ferrovjarji miżmuma mill-Istat. Dan, madankollu, ma jkunx eżatt fid-dawl tal-fatt li l-infrastrutturi inkwistjoni ma humiex miżmuma mill-Istat iżda minn Femern Landanlæg u li l-parti tan-network ferrovjarju tal-Istat hija totalment integrata man-networks muniċipali u ma’ dawk privati. Kemm Rederi kif ukoll Trelleborg iqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni potenzjali. |
113. |
Waqt is-seduta Rederi sostniet li anki jekk id-dritt Daniż jattribwixxi lil operatur (Banedanmark) il-ġestjoni ta’ parti mill-infrastruttura ferrovjarja, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li fid-Danimarka s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa mmonopolizzat. Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li monopolju uniku fuq parti biss mis-suq ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi eskluża distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 68 ) u, min-naħa l-oħra, fid-Danimarka diversi impriżi jistgħu joffru u fil-fatt joffru dawn is-servizzi fis-suq. F’dan ir-rigward Trelleborg iżżid li minħabba n-natura integrata tan-networks ferrovjarji, ikun biżżejjed li parti biss tas-suq tkun miftuħa għall-kompetizzjoni sabiex in-network kollu jkollu jiġi kkunsidrat miftuħ għall-kompetizzjoni. |
114. |
FSS issostni li l-possibbiltà li jinkisbu liċenzji, li hija miftuħa għal kwalunkwe operatur nazzjonali jew barrani, timplika awtomatikament li teżisti kompetizzjoni “għas-” suq, peress li kwalunkwe operatur ikkonċernat huwa ġuridikament awtorizzat li jiġġudika l-operat u l-ġestjoni tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, permezz tal-miżuri tal-finanzjament li jakkumpanjawh. Għalhekk, anki jekk kull waħda mill-infrastrutturi ferrovjarji tippreżenta karatteristiċi ta’ monopolju naturali, dan ma jfissirx li l-operaturi ta’ infrastrutturi ma jistgħux ikunu f’kompetizjoni “għas-” suq. FSS issostni barra minn hekk li l-finanzjament tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija għandu impatt kbir fuq il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju għad-detriment tal-modijiet l-oħra tat-trasport bħat-trasport bit-triq, it-trasport bl-ajru jew it-trasport marittimu. |
115. |
Preliminarjament il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti inklużi fit-tieni partijiet tal-ewwel aggravji huma inammissibbli. Is-sentenzi appellati, fil-fatt, ma jinkludu ebda konstatazzjoni li skontha s-suq għall-operat u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka ma huwiex de lege miftuħ għall-kompetizzjoni. Aggravju intiż kontra konstatazzjoni bħal din huwa għaldaqstant inammissibbli. Il-Kummissjoni ssostni, ukoll, li, bħall-ewwel partijiet, anki t-tielet partijiet tal-ewwel aggravji għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli peress li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura msemmija fil-punt 82 preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta fuq il-mertu l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom. |
116. |
Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li kemm it-tieni kif ukoll it-tielet partijiet tal-ewwel aggravji huma inammissibbli peress li jillimitaw ruħhom għar-riproduzzjoni tal-motivi sostnuti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Gvern Daniż jikkontesta fuq il-mertu l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom. |
2) Evalwazzjoni
117. |
Fit-tieni u fit-tielet partijiet tal-ewwel aggravji l-appellanti, appoġġati mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom, jikkontestaw it-taqsimiet tas-sentenzi appellati li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom li bihom huma sostnew li s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka huwa de lege u de facto miftuħ għall-kompetizzjoni. |
i) Sunt qasir tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali
118. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza ( 69 ), ma jimplikawx li l-eżerċizzju u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huma miftuħa għall-kompetizzjoni u li l-possibbiltà li tinkiseb liċenzja għall-ġestjoni ta’ infrastruttura ferrovjarja ma tfissirx li teżisti kompetizzjoni “fis-” jew “għas-” suq tal-operat u tal-ġestjoni tan-network ferrovjarju nazzjonali Daniż, inklużi l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija ( 70 ). Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li ċerti impriżi li kisbu din il-liċenzja jistgħu joperaw fuq partijiet tan-network ferrovjarju, li għandhom natura ta’ monopolju naturali differenti min-network ferrovjarju nazzjonali, ma huwiex suffiċjenti sabiex jintwera li dan tal-aħħar, li huwa ġestit minn Banedanmark f’sistema ta’ monopolju legali, huwa miftuħ għall-kompetizzjoni. Dan japplika ugwalment għall-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, li jinkludu t-twessigħ u t-titjib tal-infrastrutturi eżistenti li diġà jappartjenu lil Banedanmark u li, wara t-tlestija tal-Proġett, għandhom jinżammu b’mod konġunt minnha u minn Femern Landanlæg ( 71 ) u jibqgħu jagħmlu parti integrali min-network nazzjonali eżistenti ( 72 ). |
119. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżistenza ta’ networks lokali – li jikkostitwixxu monopolji naturali differenti mill-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali inklużi l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija – ġestiti minn impriżi differenti minn Banedanmark ma turix li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija wkoll huma, bħala tali networks lokali, iġġestiti wara li sseħħ proċedura kompetittiva, u lanqas ma turi li Femern Landanlæg hija attiva fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni ( 73 ). |
ii) Fuq l-ammissibbiltà u fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali
120. |
Qabel ma nanalizza fuq il-mertu l-ilmenti sostnuti mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti kontra dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka. F’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għal dak indikat fil-punti 87 u 88 preċedenti u nqis li, għall-istess raġunijiet, anki t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravji jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura u ma jirriproduċux esklużivament argumenti sostnuti fl-ewwel istanza. |
121. |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li permezz tagħha l-Kummissjoni ssostni li s-sentenzi appellati ma jinkludu ebda konstatazzjoni li skontha s-suq tal-eżerċizzju u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka ma huwiex de lege miftuħ għall-kompetizzjoni, anki din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ma wettqitx espliċitament konstatazzjoni ta’ dan it-tip, madankollu ma hemmx dubju li hija ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiemha li permezz tagħhom huma sostnew il-ftuħ de lege tas-suq inkwistjoni, kif jidher barra minn hekk mit-titolu tat-taqsima 2 fil-punti 108 tal-ewwel sentenza appellata u 83 tat-tieni sentenza appellata. Permezz tat-tieni partijiet tal-ewwel aggravji tagħhom, l-appellanti jikkontestaw, fl-appell, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż f’dawn it-taqsimiet tas-sentenzi appellati. Isegwi li dawn il-partijiet huma ammissibbli. |
122. |
Dejjem fir-rigward tal-ammissibbiltà sussegwentement għandu jitfakkar li, kif diġà indikat fil-punt 91 preċedenti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, fuq il-bażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, bħall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu tad-dritt nazzjonali, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 74 ). |
123. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-Qorti Ġenerali, għandha biss il-kompetenza, fil-kuntest ta’ appell, li tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess ( 75 ). |
124. |
F’dan ir-rigward nindika li fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet li hija waslet għalihom u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni fl-appell. |
125. |
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-fatt li fid-Danimarka jeżisti monopolju legali mogħti lil Banedanmark fuq l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali statali ( 76 ) u li, bis-saħħa tal-Liġi Daniża dwar id-Dritt Ferrovjarju ( 77 ), Banedanmark hija responsabbli mill-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat u tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija ( 78 ). |
126. |
It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-fatt li l-linja bejn Ringsted u Rødby ( 79 ), diġà proprjetà ta’ Banedanmark, li fuqha għandhom isiru x-xogħlijiet ta’ twessigħ u ta’ titjib, tagħmel u sejra tkompli tagħmel parti integrali min-network nazzjonali eżistenti u sejra tkompli tiġi ġġestita minn Banedanmark skont ir-regoli applikabbli għat-totalità tan-network ferrovjarju nazzjonali ( 80 ). |
127. |
It-tielet, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 109 et seq. tal-ewwel sentenza appellata u 84 et seq. tat-tieni sentenza appellata, ipprovdiet interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni għall-operat u għall-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji ( 81 ). |
128. |
Huwa, għalhekk, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-ilmenti u l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom iqiegħdux inkwistjoni r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, ikkontestat minnhom, fis-sentenzi appellati. |
129. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ, qabel kollox, jiġi indikat li l-argumentazzjoni mressqa mill-appellanti hija bbażata fil-parti l-kbira fuq il-premessa, ripetuta espliċitament diversi drabi fil-kitbiet tagħhom, li skontha fid-Danimarka ma hemmx monopolju legali fuq l-infrastruttura ferrovjarja kkunsidrata f’termini ġenerali. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 122 u 123 preċedenti huwa ċar li, fir-rigward tal-infrastruttura ferrovjarja statali, din il-premessa hija inkompatibbli mal-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 125, fejn għalhekk l-argumenti bbażati fuq din il-premessa għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
130. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ, ukoll, li jiġi indikat li fl-appelli tagħhom l-appellanti b’ebda mod ma indikaw żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt. Huma ma qajmu ebda lment intiż li jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt Daniż billi kkonstatat fis-sentenzi appellati l-eżistenza ta’ monopolju legali favur Banedanmark fuq l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali ( 82 ). |
131. |
Fir-repliki tagħhom, l-appellanti ċċaraw il-portata tal-ilmenti mqajma minnhom fir-rigward tal-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-dritt Daniż. Dawn l-ilmenti kienu intiżi jsostnu żball dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt (jiġifieri tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali) imwettqa mill-Qorti Ġenerali. Indipendentement miċ-ċirkustanza li, skonti, ilment ta’ dan it-tip jikkorrispondi essenzjalment għat-tqegħid inkwistjoni tal-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tad-dritt nazzjonali, u li għalhekk, kif intqal, dan huwa inammissibbli, fi kwalunkwe każ inqis li kien mingħajr ma wettqet żball tad-dritt li l-Qorti Ġenerali, kif wara kollox għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ikklassifikaw il-konsegwenzi ġuridiċi li rriżultaw mill-eżistenza ta’ monopolju legali favur Banedanmark fuq l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali. Fil-fatt, mill-eżistenza ta’ dan il-monopolju legali jirriżulta li l-attivitajiet tal-operat u ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet miftuħa, la de lege, u lanqas de facto, għall-kompetizzjoni, peress li, minħabba l-eżistenza ta’ dan il-monopolju, ebda operatur ieħor differenti minn Banedanmark ma jista’, ġuridikament, joffri servizzi ta’ operat u ta’ ġestjoni ta’ din l-infrastruttura ferrovjarja. |
132. |
Sussegwentement, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 126 preċedenti, li skontha l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jagħmlu parti min-network ferrovjarju nazzjonali, nindika li fl-appelli tagħhom, l-appellanti llimitaw ruħhom li jaffermaw li l-kunsiderazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ftuħ de lege tas-suq għall-operat u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jikkonċernaw din il-kwistjoni wkoll ( 83 ). Madankollu huma ma żviluppaw ebda argument speċifiku f’dan ir-rigward u lanqas, iktar u iktar, ma sostnew żnaturament tal-fatti. Ilment ta’ dan it-tip, li ma huwa akkumpanjat minn ebda espożizzjoni, lanqas sommarja, tal-argumenti insostenn tiegħu huwa, fil-fehma tiegħi, inammissibbli. Barra minn hekk dan huwa inammissibbli wkoll peress li huwa intiż kontra konstatazzjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali. |
133. |
Finalment, jeħtieġ li jiġi indikat li l-ilmenti li permezz tagħhom l-appellanti u ċerti intervenjenti jsostnu li l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg huma fi kwalunkwe każ kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-input u tal-output tas-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja ma tressqux quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk dawn huma aggravji ġodda inammissibbli fl-appell fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 97 preċedenti. Għall-istess raġunijiet inqis li huwa inammissibbli l-argument imressaq minn FSS rigward l-impatt tal-finanzjament tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija fuq il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju għad-detriment ta’ modalitajiet oħra ta’ trasport. |
iii) Fuq il-mertu
134. |
Fuq il-mertu, jeħtieġ qabel kollox li jiġu ttrattati ċerti argumenti rigward il-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza tal-imsemmi monopolju legali favur Banedanmark, li huma inammissibbli, peress li jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi. |
135. |
Nagħmel riferiment, fl-ewwel lok, għall-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti u wħud mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom isostnu żball tal-Qorti Ġenerali peress li, fil-fehma tagħhom, fid-dritt tal-Unjoni monopolju legali jista’ jiġi kkonstatat biss fil-każ li servizz partikolari jiġi rriżervat minn miżuri leġiżlattivi jew regolamentari lil fornitur esklużiv u jiġi espliċitament ipprojbit lil kwalunkwe operatur ieħor milli jipprovdi dan is-servizz, xi ħaġa li ma huwiex il-każ fid-Danimarka fejn ma teżisti ebda projbizzjoni ta’ dan it-tip. Insostenn tal-argumenti tagħhom l-appellanti u l-intervenjenti msemmija jagħmlu riferiment għall-punt 188 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u tad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Infrastructure Analytical Grid for Railway, Metro and Local Transport Infrastructure” ( 84 ). |
136. |
F’dan ir-rigward nindika, qabel kollox, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, id-dokumenti ċċitati b’ebda mod ma huma vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja meta din tinterpreta d-dritt tal-Unjoni ( 85 ). |
137. |
Sussegwentement, inqis li l-enfasi fuq l-eżistenza f’suq speċifiku ta’ monopolju legali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni ssir każ b’każ bit-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tas-suq inkwistjoni u tal-ispeċifiċitajiet tiegħu, u, min-naħa l-oħra, tal-kuntest ġuridiku inkwistjoni. |
138. |
F’dan il-każ, kif indikat fil-punti 125 u 126 preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Daniża, Banedanmark hija responsabbli mill-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali, li minnha jagħmlu parti, u sejrin ikomplu jagħmlu parti, il-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Minn din il-konstatazzjoni jista’ jiġi konkluż li sakemm ir-Renju tad-Danimarka ma jiddeċidix li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u li jiftaħ għall-kompetizzjoni permezz tat-tnedija ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi l-funzjonijiet attwalment mogħtija lil Banedanmark, ebda operatur ieħor differenti minn Banedanmark ma jista’ joffri jew iwettaq servizzi ta’ operat u ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali. Isegwi li, rigward din l-infrastruttura, legalment ma teżisti ebda kompetizzjoni la “fis-”, u lanqas “għas-” suq. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, kif indikat wara kollox mill-Qorti Ġenerali, id-dritt tal-Unjoni ma imponiex lill-Istati Membri jiftħu l-eżerċizzju u l-ġestjoni ta’ din l-infrastruttura għall-kompetizzjoni ( 86 ). Inqis li, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkonstatat l-eżistenza ta’ monopolju legali, li jeskludi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni għall-attivitajiet ta’ operat u ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali fid-Danimarka. |
139. |
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi ttrattat l-argument li permezz tiegħu l-appellanti sostnew li s-sentenzi appellati huma kuntrarji għall-ġurisprudenza riżultanti mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-kawżi Arriva Italia u Azienda Napoletana Mobilità ( 87 ). |
140. |
F’dan ir-rigward nindika li s-sentenza Arriva Italia kienet tikkonċerna rinviju għal deċiżjoni preliminari li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Istat Taljan talab, fost affarijiet oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kienx jikkonsisti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE l-għoti ta’ somma flus favur impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultajiet finanzjarji serji li kienet tibbenefika, fuq il-bażi ta’ kuntratt mar-Reġjun ta’ Puglia, minn dritt esklużiv fir-rigward tal-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali, kif ukoll fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq din l-infrastruttura ( 88 ). |
141. |
Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit tal-kapaċità tal-miżura inkwistjoni li toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, ġie sostnut, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-għoti ta’ dawn l-inkarigi favur din l-impriża kien suġġett għal monopolju legali fid-dritt Taljan li kien tali li jeskludi l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti ( 89 ). Il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-punt 188(b) tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, madankollu ċaħdet dan l-argument. |
142. |
F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tkun tista’ tiġi eskluża distorsjoni bħal din f’ċirkustanzi simili huwa neċessarju li l-monopolju legali mhux biss jeskludi l-kompetizzjoni fis-suq iżda anki l-kompetizzjoni għas-suq jiġifieri kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali għall-kariga ta’ fornitur esklużiv tas-servizz inkwistjoni ( 90 ). Hija sussegwentement iddeċidiet li sabiex jiġi kkonstatat li dan huwa suq li fih ġiet eskluża l-kompetizzjoni, kellu jkun neċessarju li jintwera li r-Reġjun ta’ Puglia kien obbligat, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolamentari, jattribwixxi l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni u tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-passiġġieri b’mod esklużiv lill-impriża inkwistjoni, liema fatt ma rriżultatx mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tagħha ( 91 ). |
143. |
Madankollu f’dan il-każ jeħtieġ li jiġi indikat li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jikkostitwixxu infrastruttura ferrovjarja li, kif ikkonstatat fil-fatt mill-Qorti Ġenerali u kif imsemmi fil-punt 126 preċedenti, diġà qabel it-tlestija tal-Proġett kienet tagħmel parti mill-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali ġestita minn Banedanmark fuq il-bażi tal-imsemmi monopolju legali u li wara t-tlestija tal-Proġett sejra tkompli tagħmel parti minn din l-infrastruttura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza Arriva Italia, jidher għalhekk li huwa ġuridikament eskluż li f’dan il-każ il-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni tista’ tiġi attribwita lil operatur differenti minn Banedanmark. |
144. |
F’dan l-istess sens il-każ inkwistjoni huwa differenti minn dak analizzat fis-sentenza Azienda Napoletana Mobilità, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna l-ġestjoni ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku lokali. |
145. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument imressaq minn Rederi li l-attribuzzjoni ta’ monopolju legali biss fuq parti tal-infrastruttura ferrovjarja, f’sitwazzjoni fejn diversi impriżi jistgħu joffru u fil-fatt joffru servizzi ta’ operat u ta’ ġestjoni ta’ infrastrutturi ferrovjarji ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li s-suq huwa mmonopolizzat u li għalhekk il-kompetizzjoni hija eskluża, fil-fehma tiegħi dan ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, kif indikat barra minn hekk mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati ( 92 ), id-diversi networks ferrovjarji li fuqhom joperaw l-impriżi msemmija li għandhom il-liċenzji fid-Danimarka huma differenti mill-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u jikkostitwixxu monopolji naturali fihom infushom u dan indipendentement miċ-ċirkustanza, esposta minn Trelleborg, li dawn in-networks huma marbuta mal-infrastruttura ferrovjarja statali. Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-fatt li jeżistu impriżi li joffru servizzi ta’ eżerċizzju u ta’ ġestjoni ta’ dawn l-infrastrutturi b’ebda mod ma jfisser li l-attività ta’ operat u ta’ ġestjoni tan-network ferrovjarju nazzjonali hija miftuħa għall-kompetizzjoni u li għalhekk miżuri li jikkonċernaw il-finanzjament ta’ din l-infrastruttura huma kapaċi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
146. |
Isegwi li, filwaqt li huwa veru li mis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51) jirriżulta li għajnuna mill-Istat tista’ thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minkejja li s-suq ikkonċernat ikun biss parzjalment miftuħ għall-kompetizzjoni ( 93 ), madankollu dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward nindika li din is-sentenza wara kollox ma kinitx tikkonċerna s-settur ferrovjarju, u lanqas ma kienet tikkonċerna setturi ekonomiċi oħra li jippreżupponu l-użu ta’ infrastruttura ta’ network, iżda kienet tirrigwarda każ fejn kienu ngħataw sussidji qabel il-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni. |
147. |
Fir-raba’ lok, dwar l-argumenti varji proposti, mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom li skonthom is-sistema ta’ liċenzji prevista mid-dritt Daniż turi li, fid-Danimarka, is-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huwa de lege miftuħ għall-kompetizzjoni almenu għal dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni “għas-” suq, dawn huma kollha bbażati fuq il-premessa li ma jeżistix monopolju legali favur Banedanmark fuq in-network ferrovjarju nazzjonali, inklużi l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Din il-premessa hija inkompatibbli mal-konstatazzjoni ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali u msemmija fil-punt 125 preċedenti. |
148. |
B’mod partikolari, l-argument li ma huwiex eskluż, fid-dawl tas-sistema ta’ liċenzji, li impriżi jistgħu jibnu l-infrastruttura tagħhom u jsiru huma stess monopolisti naturali jew li jiġġestixxu dik ta’ oħrajn f’sistema ta’ kompetizzjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija diġà kienu jeżistu u jagħmlu parti u jibqgħu jagħmlu parti min-network ferrovjarju nazzjonali tal-Istat li fuqu Banedanmark teżerċita l-imsemmi monopolju legali u li x-xogħlijiet marbuta mal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, sa fejn kienu fuq entità rilevanti ħafna, kienu jirrigwardaw it-twessiegħ u t-titjib ta’ linji diġà eżistenti u diġà suġġetti għall-imsemmi monopolju legali eżistenti taħt Banedanmark. L-eżistenza ta’ dan il-monopolju kkonstatat fil-fatt mill-Qorti Ġenerali teskludi għalhekk li l-operat u l-ġestjoni ta’ dawn il-linji tista’ tiġi attribwita lil suġġetti oħra. |
149. |
Barra minn hekk, l-argument li kwalunkwe impriża li għandha liċenzja fid-Danimarka tista’ tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għall-operat u l-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji tal-Istat b’ebda mod ma huwa kkorroborat. Fl-istess sens ma hijiex assolutament ikkorroborata d-dikjarazzjoni li permezz tal-imsemmija sistema ta’ liċenzji impriżi differenti minn Banedanmark jistgħu jwettqu l-kostruzzjoni jew il-ġestjoni ta’ partijiet mill-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali li taqa’ taħt il-monopolju legali msemmi. |
150. |
Fir-rigward tal-argument imqajjem minn Rederi li permezz tiegħu hija tenfasizza li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija ma humiex miżmuma mill-Istat iżda minn Femern Landanlæg, nindika li jekk huwa minnu, kif jirriżulta mill-punt 9 preċedenti, li wara t-tlestija tal-Proġett 80 % ta’ din l-infrastruttura sejra tkun miżmuma minn Femern Landanlæg u 20 % lil Banedanmark, għandu madankollu jitqies li ġie kkonstatat ( 94 ) li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija sejrin jagħmlu parti min-network nazzjonali li fuqu Banedanmark teżerċita l-monopolju tal-ġestjoni kif fil-fatt ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li n-network tal-Istat hija integrata ma’ dawk muniċipali u privati din ma tidhirx li hija rilevanti għall-għanijiet ta’ dan l-argument. |
151. |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argumenti li l-appellanti jisiltu mill-analoġija ma’ setturi ekonomiċi oħra li jippreżupponu l-użu ta’ infrastruttura ta’ network, bħal dawk tat-telekomunikazzjoni, tal-elettriku jew tal-gass, nindika qabel kollox li dawn jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi fuq in-network u mhux il-ġestjoni tiegħu u għalhekk ma humiex pertinenti fil-fehma tiegħi. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji billi kkunsidrat li, minħabba l-eżistenza tal-monopolju legali favur Banedanmark, il-ġestjoni tan-network ferrovjarju nazzjonali ma kinitx liberalizzata fid-Danimarka. Din il-konstatazzjoni ma tqiegħdet inkwistjoni minn ebda analoġija mas-sistema ġuridika eżistenti f’setturi ekonomiċi oħra. |
152. |
Finalment, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom rigward l-allegata eżistenza ta’ kompetizzjoni de facto. Anki dawn l-argumenti huma bbażati, fil-fatt, fuq il-premessa li fid-Danimarka ma jeżistix monopolju legali favur Banedanmark. Kif intqal diġà, din il-premessa hija inkompatibbli mal-konstatazzjoni ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 125 preċedenti, li skontha jeżisti monopolju legali fuq l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali, li l-operat u l-ġestjoni tagħha ma jistgħux għalhekk ikunu suġġett għal kompetizzjoni, minkejja s-sistema ta’ liċenzji invokata mill-appellanti. |
153. |
Fid-dawl tal-analiżi preċedenti nqis li anki t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravji għandhom jiġu miċħuda. |
c) Fuq ir-raba’ partijiet tal-ewwel aggravji bbażati fuq id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja.
1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet
154. |
Fir-raba’ partijiet tal-ewwel aggravji tal-appelli prinċipali, l-appellanti, sostnuti mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom, jikkontestaw it-taqsimiet tas-sentenzi appellati ( 95 ) li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti li permezz tagħhom huma sostnew li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni tan-network ferrovjarju, li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, jagħmlu parti mill-attivitajiet inklużi fil-kunċett ta’ operat tal-infrastruttura ferrovjarja ( 96 ), attività li minnha Femern Landanlæg hija inkarigata bis-saħħa tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni ( 97 ). |
155. |
L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li peress li s-sistema ta’ liċenzji prevista mil-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji msemmija fil-punt 102 preċedenti tirrigwarda mingħajr distinzjoni l-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tan-network ferrovjarju, huwa evidenti li dawn l-attivitajiet kollha huma miftuħa għall-kompetizzjoni fid-Danimarka fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
156. |
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-punt 2 tal-Artikolu 3, u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34 ( 98 ) ikkunsidrati flimkien jikkontradixxu l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jikkostitwixxu żewġt iswieq separati. Fil-fatt, mill-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li l-funzjonijiet uffiċjali ta’ maniġer tal-infrastruttura jinkludu kemm il-ġestjoni kif ukoll il-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, liema fatt juri li ż-żewġ attivitajiet jagħmlu parti mill-istess suq. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34, li minnu jirriżulta li d-distinzjoni bejn funzjonijiet essenzjali u mhux essenzjali hija irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk l-attività ta’ ġestjoni hijiex separata minn dik ta’ manutenzjoni. F’kull każ mid-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “maniġer tal-infrastruttura” fid-dritt Daniż jirriżulta li dawn l-operaturi jwettqu attività kemm ta’ ġestjoni kif ukoll ta’ manutenzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-raġuni għalfejn ikkonkludiet li l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni, minn naħa, u l-operat u l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġt iswieq separati. |
157. |
Fit-tielet lok, l-appellanti jsostnu li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha mid-dispożizzjonijiet normattivi Daniżi ċċitati minnha jirriżulta li Femern Landanlæg ma kinitx kapaċi topera l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni tan-network f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra hija żbaljata ( 99 ). Fil-fatt, mil-Liġi dwar il-Kostruzzjoni jirriżulta li Femern Landanlæg, eżattament bħal Femern, hija awtorizzata tibni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk żnaturat il-provi. |
158. |
Il-partijiet intervenjenti insostenn tal-appellanti jappoġġjaw l-argumenti mressqa minnhom. Rederi u Trelleborg iżidu li, kuntrarjament għal dak iddikjarat mill-Qorti Ġenerali, id-Digriet Nru 1222 dwar l-Inkarigi u s-Setgħat ta’ Banedanmark ( 100 ) ma jafdalhiex ir-responsabbiltà tal-kostruzzjoni, tat-titjib u tal-manutenzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi, iżda biss dawk tal-Istat. Il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tikkostitwixxi lex specialis li tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet billi tatribwixxi lil Femern Landanlæg id-dritt li tibni u tiġġestixxi l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. Femern Landanlæg hija mill-inqas kompetitur potenzjali tal-maniġers l-oħra ta’ infrastrutturi ferrovjarji. |
159. |
Il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka jikkontestaw fuq il-mertu l-argumenti tal-appellanti u tal-intervenjenti. |
2) Evalwazzjoni
160. |
Qabel kollox jeħtieġ li jiġi indikat li fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ddikjarat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-swieq tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji huma miftuħa għall-kompetizzjoni. Din madankollu kkunsidrat li dan jinvolvi swieq differenti minn dak tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji f’sens ristrett u li Femern Landanlæg ma hijiex attiva fuq dawn is-swieq. |
161. |
Sussegwentement il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat li mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal-Konnessjoni Fissa ( 101 ), tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, mill-Istatut ta’ Femern Landanlæg, kif ukoll mill-imsemmi Digriet Nru 1222 dwar l-Inkarigi u s-Setgħat ta’ Banedanmark irriżulta li, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lil Femern Landanlæg ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, din il-kumpannija ma hijiex kapaċi teżerċita l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni tan-network f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura teknikament tagħmilx parti mill-attivitajiet ta’ operat jew ta’ ġestjoni tagħha stess, minn naħa, Femern Landanlæg ma toperax direttament din l-attività u lanqas dik tal-kostruzzjoni, u min-naħa l-oħra, ir-riferiment fid-deċiżjoni kontenzjuża għall-attivitajiet ta’ operat u ġestjoni tan-network ferrovjarju ma jinkludux l-operat tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni. |
162. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti relatat mas-sistema ta’ liċenzji previst mil-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji, nindika li dan huwa bbażat fuq il-premessa li skontha din is-sistema fetħet għall-kompetizzjoni s-suq tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka. Din il-premessa ġiet miċħuda, fir-rigward tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, fl-analiżi tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju fil-punti minn 124 sa 153 preċedenti. Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. |
163. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu l-appellanti jsostnu li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha s-swieq tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni tan-network ferrovjarju huma distinti minn dak tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja dan huwa kuntrarju għal dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva 2012/34, u anki dan fil-fehma tiegħi għandu jiġi miċħud. |
164. |
F’dan ir-rigward nosserva, fil-fatt, qabel kollox, li l-fatt li diversi funzjonijiet jistgħu jiġu attribwiti lil operatur bħala “maniġer tal-infrastruttura” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/34 b’ebda mod ma jimplika li dawn il-funzjonijiet għandhom neċessarjament jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti minn suq rilevanti uniku. L-istess operatur jista’ jkun attiv fuq swieq rilevanti differenti. Barra minn hekk mill-aħħar frażi stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-funzjonijiet imsemmija hemm jistgħu jiġu assenjati lil operaturi differenti. Mill-istess perspettiva d-dispożizzjoni fuq il-funzjonijiet essenzjali inkluża fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34 b’ebda mod ma tikkorrobora d-dikjarazzjoni li skontha l-funzjonijiet inkwistjoni jagħmlu parti minn suq rilevanti uniku. L-appellanti ma jistgħux għalhekk, fil-fehma tiegħi, jinvokaw dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 sabiex isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball f’dan ir-rigward. |
165. |
Fir-rigward tal-ilment relatat mal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenzi appellati nfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, li jaqa’ fuq il-Qorti Ġenerali, ma jimponix li din tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha spjegati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell ( 102 ). |
166. |
F’dan il-każ huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti minn 121 sa 127 tal-ewwel sentenza appellata u minn 96 sa 102 tat-tieni sentenza appellata jippermetti kemm lill-appellanti jagħrfu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom, kif ukoll lill-Qorti Ġenerali jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha. Fil-fatt minn dan ir-raġunament jirriżulta mingħajr ambigwità li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li, minkejja li ma huwiex eskluż li l-attività ta’ manutenzjoni tista’ tkun teknikament inkluża fil-kunċett iktar ġenerali ta’ ġestjoni tan-network, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huma attivitajiet speċifiċi li jikkostitwixxu swieq minnhom innifishom, differenti minn dak tal-operat u tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, u, min-naħa l-oħra, li minħabba d-dispożizzjonijiet normattivi msemmija fil-punt 161 preċedenti Femern Landanlæg ma setgħetx twettaq dawn l-attivitajiet f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra. L-ilment relatat mal-allegat difett ta’ motivazzjoni għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud. |
167. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment relatat ma’ żnaturament tal-provi fir-rigward tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, dan huwa, fil-fehma tiegħi, ineffettiv. Kif jirriżulta fil-fatt mill-punt 161 preċedenti sabiex il-Qorti Ġenerali tikkorrobora l-konklużjoni tagħha li skontha Femern Landanlæg ma hijiex kapaċi topera l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni tan-network f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra hija bbażat ruħha fuq diversi dispożizzjonijiet normattivi u mhux biss fuq il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni. Fl-appelli tagħhom l-appellanti b’ebda mod ma jispjegaw għalfejn, anki bil-premessa li l-Qorti Ġenerali żnaturat it-tifsira tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, id-dispożizzjonijiet l-oħra li hija bbażat ruħha fuqhom ma jistgħux jikkorroboraw il-konklużjoni tagħha. |
168. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi osservat li kif ġie rrikonoxxut fl-argumenti ulterjuri mressqa minn Rederi u Trelleborg, id-Digriet Nru 1222 dwar l-Inkarigi u s-Setgħat ta’ Banedanmark imsemmi iktar ’il fuq jafdalha r-responsabbiltà tal-kostruzzjoni, tat-titjib u tal-manutenzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji statali. F’dan ir-rigward fil-punt 126 preċedenti ġie indikat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-fatt li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jagħmlu parti min-network ferrovjarju nazzjonali statali, konstatazzjoni li kif jirriżulta mill-punt 132 preċedenti ma tqiegħditx inkwistjoni b’suċċess mir-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball billi kkonstatat li fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 161 preċedenti Femern Landanlæg ma hijiex kapaċi topera l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni tan-network f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra fir-rigward tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija. |
169. |
Fir-rigward tal-argument li l-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tikkostitwixxi lex specialis li tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 1222 dwar l-Inkarigi u s-Setgħat ta’ Banedanmark dan huwa argument ġdid u intiż li jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali rigward id-dritt nazzjonali. Dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 122 u 123 preċedenti. |
170. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, anki r-raba’ partijiet tal-ewwel aggravji għandhom jiġu miċħuda. |
171. |
Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravji għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
3. Fuq it-tieni aggravji, relatati ma’ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-kapaċità tal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg li jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri
a) Argumenti tal-partijiet
172. |
Fit-tieni aggravji tal-appelli prinċipali tagħhom l-appellanti, sostnuti minn FSS u Rederi, isostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE billi kkonkludiet fis-sentenzi appellati ( 103 ) li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg ma kinux kapaċi jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. L-appellanti jillimitaw ruħhom jiddikjaraw, minn naħa, li, għar-raġunijiet indikati fil-kuntest tal-ewwel aggravji, u b’mod partikolari peress li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg huma kapaċi jkollhom effett fuq il-kompetizzjoni kemm fis-suq tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll fuq dak tat-trasport fuq l-istrett ta’ Fehmarn dawn il-miżuri huma kapaċi jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Iktar minn hekk, min-naħa l-oħra, il-Proġett huwa relatat mal-kostruzzjoni u mal-operat ta’ infrastruttura li tgħaqqad żewġ Stati Membri. |
173. |
Il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, minn naħa, iqisu li t-tieni aggravji huma inammissibbli peress li, anki hawn, ma ġewx osservati r-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, jikkontestawhom fuq il-mertu. |
b) Evalwazzjoni
174. |
F’dan ir-rigward, inqis, qabel kollox, li għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punt 87 preċedenti, anki fir-rigward tat-tieni aggravji tal-appelli prinċipali għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
175. |
Fis-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti dwar il-kapaċità tal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg li jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri billi kkunsidrat, minn naħa, li kienet l-assenza ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali li timpedixxi lil kumpanniji oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jippenetraw dan is-suq u, min-naħa l-oħra, li l-Liġi dwar l-Ippjanar, imsemmija fil-punt 161 preċedenti, ma tippermettix lil Femern Landanlæg twettaq attivitajiet oħra differenti minn attivitajiet relatati mal-Konnessjonijiet Interni. |
176. |
F’dan ir-rigward nindika li l-kunsiderazzjonijiet hawn indikati tal-Qorti Ġenerali jikkostitwixxu fundamentalment konstatazzjoni ta’ fatt li l-argumenti mressqa mill-appellanti, li ma jsostnu ebda żnaturament tal-fatti, ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni. Jeħtieġ ukoll li jiġi indikat li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg jikkonċernaw il-finanzjament ta’ infrastruttura, jiġifieri l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija, li tinsab fl-intern ta’ Stat Membru wieħed u li ma tgħaqqadx direttament żewġ Stati Membri. Għalhekk din l-infrastruttura ma tippreżentax il-karattru transkonfinali attribwit lilha mill-appellanti. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 95 preċedenti, l-appellanti ma kkontestawx il-ħtieġa ta’ analiżi magħquda tal-miżuri mogħtija, fil-kuntest tal-Proġett, lil benefiċjarji differenti u b’għan differenti. |
177. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, anki t-tieni aggravji tal-appelli prinċipali għandhom jiġu miċħuda. |
V. Konklużjoni
178. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”), u Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata”; iktar ’il quddiem nirreferi għaż-żewġ sentenzi kkunsidrati flimkien bħala s-“sentenzi appellati”).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5023 final, tat‑23 ta’ Lulju 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (id-Danimarka), li tirrigwarda l-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq fl-istrett ta’ Fehmarn (ĠU 2015, C 325, p. 5).
( 4 ) Ara l-punti 2 sa 22 taż-żewġ sentenzi appellati. F’dan ir-rigward, ara, għal iktar dettall, il-premessi minn 4 sa 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 5 ) Iktar speċifikament, il-Proġett jipprevedi t-trasformazzjoni f’linja ferrovjarja fuq binarju doppju tal-linja fuq binarju uniku li attwalment teżisti bejn il-bliet ta’ Vordingborg u Rødby kif ukoll l-elettrifikazzjoni tat-taqsima tal-linja ferrovjarja bejn Ringsted u Rødby u l-allokazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ senjaletika ferrovjarja (ara l-premessa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Rigward il-konnessjonijiet interni bit-triq, dawn ma humiex ikkonċernati b’dawn il-kawżi.
( 6 ) Lov no575 om anlæg og drift af en fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (il-Liġi Nru 575 dwar il-Kostruzzjoni u l-Ġestjoni tal-Konnessjoni Fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet Interni fid-Danimarka) tal‑4 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kostruzzjoni”).
( 7 ) Qabel kollox, għandu jiġi ċċarat, minn perspettiva terminoloġika, li, konformement ma’ dak indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 100 tal-ewwel sentenza appellata u 75 tat-tieni sentenza appellata, f’dawn il-kawżi t-terminu “operat” (bl-Ingliż “operation”, bil-Franċiż “exploitation”) tal-infrastruttura ferrovjarja huwa intiż bħala t-tqegħied għad-dispożizzjoni b’titolu oneruż ta’ din l-infrastruttura lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport ferrovjarju, filwaqt li t-terminu “ġestjoni” (bl-Ingliż “management”, bil-Franċiż “gestion”) huwa intiż bħala l-kostituzzjoni u l-manteniment tal-infrastruttura fiżika. Kif jirriżulta mill-punti minn 99 sa 107 tal-ewwel sentenza appellata u minn 74 sa 82 tat-tieni sentenza appellata din it-tifsira ta’ dawn it-termini ma tikkorrispondix neċessarjament għal dik skont id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifika fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 24, fil-verżjoni oriġinali, mingħajr emendi suċċessivi, applikabbli mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża).
( 8 ) Għal dak li jirrigwarda l-Konnessjonijiet bit-Triq, dawn għandhom jitwettqu direttament mill-Istat Daniż u għandhom jitqiegħdu gratwitament għad-dispożizzjoni tal-utenti kollha (ara l-punt 9 tas-sentenzi appellati).
( 9 ) Mill-premessa 53 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-attività tal-operat tal-infrastruttura tinkludi l-ġestjoni tal-kapaċità, l-assenjazzjoni tal-islots fl-infrastruttura ferrovjarja u l-ġbir tal-korrispettiv mingħand l-operaturi ferrovjarji li jużaw il-linji.
( 10 ) Premessi minn 50 sa 57 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 11 ) Ara l-premessi minn 53 sa 55 tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-punt 19 tas-sentenzi appellati.
( 12 ) Ara l-premessa 55 tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-punt 19 tas-sentenzi appellati.
( 13 ) Premessi minn 58 sa 124 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 14 ) Ara l-punti minn 78 sa 134 tas-sentenzi appellati.
( 15 ) Ara l-punti minn 135 sa 280 tas-sentenzi appellati.
( 16 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1472, tal‑20 ta’ Marzu 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (ĠU 2020, L 339, p.1). Permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Kummissjoni ddikjarat li wħud mill-miżuri adottati favur Femern ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u oħrajn minn dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda huma kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara l-artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni). Din id-deċiżjoni ġiet appellata fil-Kawżi T‑364/20, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni; T‑390/20, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni; u T‑391/20, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni.
( 17 ) Ara l-punt 80 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 55 tat-tieni sentenza appellata.
( 18 ) Ara l-punt 81 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 56 tat-tieni sentenza appellata.
( 19 ) Kif diġà kelli l-opportunità li nindika reċentement (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 114 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni Ewropea u Ir‑Renju ta’ Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P tal‑21 ta’ Jannar 2021, EU:C:2021:51) fejn hemm riferimenti ta’ ġurisprudenza pertinenti), minkejja li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Boehringer kienet suġġetta għal kritika minn diversi Avukati Ġenerali din tkompli tiġi applikata kemm mill-Qorti Ġenerali u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja (għal applikazzjoni reċenti fil-qafas ta’ proċedura ta’ appell, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 68).
( 20 ) Ara l-punti minn 50 sa 54 tas-sentenza Boehringer.
( 21 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 18) kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 44).
( 22 ) Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami stipulata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), abrogat sadanittant mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Ara b’mod speċifiku l-premessa 57 u l-ewwel inċiż tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 24 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 29 et seq.).
( 25 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 220).
( 26 ) Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ara, ex multis, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑3/09 P, EU:C:2011:341, punt 48), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dawn il-prinċipji għal deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 53).
( 28 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara l-punt 36 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 32 tat-tieni sentenza appellata.
( 30 ) Ara l-punt 39 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 33 tat-tieni sentenza appellata.
( 31 ) Din il-ġurisprudenza tmur lura għas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni (169/84, EU:C:1986:42, punt 25). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal eżami komplet reċentissimu ta’ din il-ġurisprudenza ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2020:862, punti 39 et seq.).
( 32 ) F’dan ir-rigward ara l-punti 101 u s-segwenti infra.
( 33 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punti 56 u 57), kif ukoll il-punt 41 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 iktar ’il fuq.
( 35 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:255, punti 36 et seq. fejn hemm riferimenti oħra għall-ġurisprudenza).
( 39 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 64 u 65).
( 40 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 78 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata hemm).
( 42 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 31).
( 44 ) Punti minn 87 sa 93 tal-ewwel sentenza appellata u minn 62 sa 68 tat-tieni sentenza appellata.
( 45 ) L-appellanti jagħmlu riferiment għall-punt 32 ta’ din is-sentenza.
( 46 ) Ara l-punt 88 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 63 tat-tieni sentenza appellata.
( 47 ) Din l-espressjoni intużat mir-Renju tad-Danimarka fil-kitbiet tagħha.
( 48 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 88 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 63 tat-tieni sentenza appellata.
( 49 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq.
( 50 ) Ara, ex multis, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, ND u OE vs Il‑Kummissjoni (C‑317/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:688, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 51 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Ara, reċentement, ex multis, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal vs Il‑Kummissjoni (C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 122 infra.
( 53 ) Peress li dawn l-aspetti kollha ma ġewx ikkontestati, dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett tal-analiżi la tal-Qorti Ġenerali u lanqas, iktar u iktar fl-appell, mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 54 ) L-appellanti lanqas ma qajmu dan l-argument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kien biss fit-tweġibiet tagħhom għall-appelli inċidentali tal-Kummissjoni li huma sostnew, għas-sempliċi għan li jikkorroboraw argumenti relatati mal-ammissibbiltà, li l-“operat tal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jipproduċi effetti fis-suq tat-trasport tul l-istrett ta’ Fehmarn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Uħud mill-intervenjenti –fosthom Rederi li fis-seduta għamlet riferiment għas-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533) – sostnew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq “konness” tas-servizzi ta’ trasport fl-istrett ta’ Fehmarn peress li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Femern jew iwasslu għal żieda fid-domanda f’dan is-suq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma ġewx imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk jikkostitwixxu argumenti ġodda li huma inammissibbli fil-kuntest ta’ appell fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 97. L-istess diskors japplika għall-argument li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jikkostitwixxu infrastruttura essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport ferrovjarju fuq l-istrett ta’ Fehmarn. F’dan ir-rigward nerġa’ nindika li l-appellanti mhux biss ma sostnewx li l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg iffavorixxew il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Femern, iżda għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-dokumenti tal-kawża fl-ewwel istanza, lanqas ma kkontestaw l-argument imressaq mill-Kummissjoni li skontu l-miżuri inkwistjoni kienu jibbenefikaw esklużivament lil Banedanemark u Femern Landanlæg iżda mhux Femern. F’dan ir-rigward, ara speċifikament il-punt 8 tan-noti ta’ intervent tar-replika ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 55 ) F’dan ir-rigward ara, ex multis, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni (C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni (C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Ara l-punti 38 u 39 tar-rikorsi u l-punt 7 tan-noti ta’ intervent tar-replika ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 58 ) F’dan ir-rigward ma huwiex ikkontestat li ż-żewġ miżuri għandhom suġġett differenti, jiġifieri l-miżuri adottati favur Femern, il-finanzjament, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa u l-miżuri adottati favur Femern Landanlæg, il-finanzjament, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjonijiet Interni.
( 59 ) Ara l-premessa 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 60 ) Ara rispettivament il-punti 108 sa 116 u 117 sa 120 tal-ewwel sentenza appellata, 83 sa 91 u 92 sa 95 tat-tieni sentenza appellata. Fl-appelli tagħhom l-appellanti jsostnu li qed jikkontestaw ukoll, rispettivament, il-punt 96 tal-ewwel sentenza appellata u l-punti 69 u 70 tat-tieni sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija jagħmlu parti min-network ferrovjarju nazzjonali, iżda ma jiżviluppaw ebda argument speċifiku f’dan ir-rigward. Ara f’dan ir-rigward il-punt 132 infra.
( 61 ) Bekendtgørelse af lov no 1249 om jernbane (il-Liġi Nru 1249 dwar il-ferroviji) tal‑11 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Daniża dwar il-Ferroviji”).
( 62 ) Punti 108 et seq. tal-ewwel sentenza appellata u punti 83 et seq. tat-tieni sentenza appellata.
( 63 ) L-appellanti jagħmlu riferiment għal dokument tal-Kummissjoni intitolat “Infrastructure Analytical Grid for Railway, Metro and Local Transport Infrastructure”, li jista’ jitniżżel mill-indirizz https://ec.europa.eu/competition/state_aid/modernisation/grid_rail_metro_en.pdf
( 64 ) Punt 112 tal-ewwel sentenza appellata u punt 87 tat-tieni sentenza appellata.
( 65 ) Punt 113 tal-ewwel sentenza appellata u punt 88 tat-tieni sentenza appellata.
( 66 ) Punt 111 tal-ewwel sentenza appellata u punt 86 tat-tieni sentenza appellata.
( 67 ) Rederi, Trelleborg u Aktionsbündnis jagħmlu riferiment fil-punt 11 tad-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 preċedenti, li jeżisti biss fil-lingwa Ingliża kif ukoll għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 272, punt 188(a), tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1; iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat”).
( 68 ) Rederi għamlet riferiment għall-punt 39 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51).
( 69 ) Jiġifieri t-taqsimiet 2 u 3 ta’ § 3 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61 preċedenti.
( 70 ) Punti minn 108 sa 112 tal-ewwel sentenza appellata u minn 83 sa 87 tat-tieni sentenza appellata.
( 71 ) Punt 112 tal-ewwel sentenza appellata u punt 87 tat-tieni sentenza appellata.
( 72 ) Punt 95 tal-ewwel sentenza appellata u punt 70 tat-tieni sentenza appellata.
( 73 ) Punti 119 u 120 tal-ewwel sentenza appellata u punti 94 u 95 tat-tieni sentenza appellata.
( 74 ) Ara, ex multis, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 78 u 79 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 75 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, (minn C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 107) u mill‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C 524/14 P, EU:C:2016:971, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 76 ) Ara l-punt 112 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 87 tat-tieni sentenza appellata.
( 77 ) Il-Kapitolu 5, § 16 tal-Liġi 686 dwar id-Dritt Ferrovjarju (Jernbanelov Nru 686) tas‑27 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Daniża dwar id-Dritt Ferrovjarju”).
( 78 ) Ara l-punt 114 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 89 tat-tieni sentenza appellata.
( 79 ) Ara l-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.
( 80 ) Ara l-punt 95 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 70 tat-tieni sentenza appellata.
( 81 ) Kapitolu 3, §§ 2 u 3 tal-Liġi Daniża dwar il-Ferroviji ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61.
( 82 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il‑Kummissjoni (C‑320/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:858, punt 125). Għal eżempju ta’ aggravju, imqajjem f’kawża fi kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, relatat mal-iżnaturament tal-Qorti Ġenerali tad-dritt nazzjonali ara l-punti 161 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Fondo interbancario di tutela dei depositi (C‑425/19 P, EU:C:2020:878). Għall-istess raġuni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli l-argument li permezz tiegħu Reder sostniet fis-seduta, mingħajr ma qajmet żnaturament tal-fatti, li fl-applikazzjoni tal-Kapitolu 5, § 16 tal-Liġi Daniża dwar id-Dritt Ferrovjarju (ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 77 iktar ’il fuq) il-monopolju legali mogħti lil Banedanmark ma jestendix għal-Konnessjonijiet Interni bil-Ferrovija.
( 83 ) Ara l-punt 34 tal-appell ta’ Scandlines Denmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH u l-punt 32 tal-appell ta’ Setna Line Scandinavia AB.
( 84 ) Ara, speċifikament, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 63 u 67 iktar ’il fuq.
( 85 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexas vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 86 ) Ara l-punt 111 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 86 tat-tieni sentenza appellata.
( 87 ) Ara l-punt 105 iktar ’il fuq.
( 88 ) Ara l-punti 13, 29, 30 u 58 tas-sentenza Arriva Italia.
( 89 ) Ara l-punt 54 tas-sentenza Arriva Italia.
( 90 ) Ara l-punt 57 tas-sentenza Arriva Italia.
( 91 ) Ara l-punt 58 tas-sentenza Arriva Italia.
( 92 ) Ara l-punt 112 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 87 tat-tieni sentenza appellata.
( 93 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51).
( 94 ) Ara l-punt 132 preċedenti.
( 95 ) Punti minn 121 sa 127 tal-ewwel sentenza appellata u punti minn 96 sa 102 tat-tieni sentenza appellata.
( 96 ) Għal dak li jirrigwarda l-portata ta’ dawn il-kunċetti f’dawn il-kawżi ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.
( 97 ) Ara n-nota 6 iktar ’il fuq.
( 98 ) Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “maniġer tal-infrastruttura”, bħala “kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar” u jistabbilixxi li “[l]-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti”. L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet essenzjali li jiddeterminaw aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura, ikunu fdati lil korpi jew ditti li ma jkunux jipprovdu huma nfushom servizzi ta’ trasport ferrovjarju” u jiddefinixxi dawn il-funzjonijiet bħala essenzjali.
( 99 ) Ara l-punt 125 tal-ewwel sentenza appellata u 100 tat-tieni sentenza appellata. Ir-rikorrenti jikkontestaw għall-istess raġunijiet anki l-konklużjoni inkluża fil-punti 127 u 102 rispettivi tas-sentenzi appellati.
( 100 ) Bekendtgørelse no 1222 om Banedanmarks opgaver og beføjelser tal‑21 ta’ Novembru 2014. Ara l-punt 124 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 99 tat-tieni sentenza appellata.
( 101 ) Lov no 285 om projektering af fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark tal‑15 ta’ April 2009.
( 102 ) Ara ex multis is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs GEA Group (C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 103 ) Punti minn 128 sa 132 tal-ewwel sentenza appellata u minn 103 sa 107 tat-tieni sentenza appellata.