SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna marbuta mal-akkwist issussidjat jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żoni naturali – Proċedura ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikkjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Regolament (KE) Nru°659/1999 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Attivitajiet sekondarji – Konnessjoni”
Fil-Kawża C‑817/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018,
Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland, stabbilita f’Graveland (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita f’Haren (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Vereniging It Fryske Gea, stabbilita fi Opsterland (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita fi Assen (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita fi Dalfsen (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita fi Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Flevo-Landschap, stabbilita fi Lelystad (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita f’De Bilt (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Landschap Noord-Holland, stabbilita f’Heiloo (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita fi Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita f’Heinkenszand (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita f’’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Drentse Landschap, stabbilita f’Maastricht (il-Pajjiżi l-Baxxi),
irrappreżentati minn P. H. L. M. Kuypers u M. de Wit, advocaten,
rikorrenti,
sostnuti minn:
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn Mmes K. Bulterman u L. Noort, bħala aġenti,
intervenjent fl-appell,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters, stabbilita f’Hoenderloo (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Exploitatiemaatschappij De Berghaaf BV, stabbilita fi Barneveld (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Het Nationale Park De Hoge Veluwe, stabbilita f’Hoenderloo (il-Pajjiżi l-Baxxi),
BV Landgoed Den Alerdinck II, stabbilita fi Heino (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Ampsen BV, stabbilita fi Lochem (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Pallandt van Keppel Stichting, stabbilita f’Laag-Keppel (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Kasteel Keppel BV, stabbilita f’Laag-Keppel (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Baron van Lynden, residenti f’Zoutelande (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting het Lijndensche Fonds voor Kerk en Zending, stabbilita f’Hemmen (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Welna BV, stabbilita fi Epe (il-Pajjiżi l-Baxxi),
BV Landgoed “Huis te Maarn”, stabbilita fi Maarn (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Vicariestichting De Vijf Capellarijen vs Ambachtsheerlijkheid Kloetinge, stabbilita f’Kloetinge (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Maatschappij tot Exploitatie van het landgoed Tongeren onder Epe BV, stabbilita f’Epe (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Anderstein NV, stabbilita fi Maarsbergen (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed BeCSPring BV, stabbilita fi Oldenzaal (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Nijenhuis en Westerflier BV, stabbilita f’Diepenheim (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Caprera BV, stabbilita fi Bloemendaal (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed Schapenduinen BV, stabbilita fi Bloemendaal (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Schapenduinen, stabbilita fi Bloemendaal (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Landgoed de Noetselenberg BV, stabbilita fi Rijssen (il-Pajjiżi l-Baxxi),
irrappreżentati minn D. Gillet, T. Ruys, P. Wytinck u A. A. Al Khatib advocaten,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ April 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea taL-15 ta’ Ottubru 2018, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il-Kummissjoni (T‑79/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, mhux ippubblikata, EU:T:2018:680), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 5929 finali, tat-2 ta’ Settembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27301 (2015/NN) – Il-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-akkwist issussidjat jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żoni naturali, li sommarju tagħhom ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 9, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
Regolament (KE) Nru 659/1999
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 1999, L 83, p. 1), li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien jiddefinixxi, fl-Artikolu 1 (h) tiegħu, il-kunċett ta’ “partijiet interessati” kif ġej: “[K]ull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”. |
3 |
Skont l-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament: “1. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha teżamina n-notifika malli hija tirċeviha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4. 2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni. 3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […].. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata. 4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajmu dubji dwar il-kompatibbilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond skond l-Artikolu [108 TFUE].” |
Il-qafas CSP
4 |
Il-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolat “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (2011)” (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“qafas CSP”) jirrileva b’mod partikolari li, “sa fejn il-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) [TFUE] huma ssodisfatti, dan il-[kumpens ta’ servizz pubbliku] jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106, 107 u 108 [TFUE].” |
5 |
Il-punt 11 ta’ dawn tal-qafas CSP jipprovdi b’mod partikolari: “[…] l-għajnuna mill-Istat […] tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) [TFUE] jekk din tkun neċessarja għall-funzjonament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kkonċernat u ma taffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. Il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Taqsimiet minn 2.2 sa 2.10 jridu jiġu ssodisfati sabiex jintlaħaq dak il-bilanċ.” |
6 |
Fit-Taqsima 2.2 ta’ dan il-qafas, il-punt 12 jipprevedi li l-“għajnuna mogħtija għandha tikkonċerna servizz ġenwin ta’ interess ekonomiku ġenerali, fit-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE], li għandu jingħata definizzjoni korretta”. |
7 |
Il-punt 13 tal-imsemmi qafas, li jinsab fl-istess taqsima, jipprovdi b’mod partikolari: “[…] B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA ma jistgħux jinkludu obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ servizzi li diġà huma pprovduti jew li jistgħu jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti, bħall-prezz, karatteristiċi oġġettivi ta’ kwalità, kontinwità u l-aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, mill-impriżi li joperaw skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. […]” |
8 |
Il-punt 21 tal-qafas CSP, li jinsab fit-Taqsima 2.8 tiegħu, jipprovdi: “L-ammont ta’ kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-ispiża netta [.] għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli.” |
9 |
Fl-istess taqsima, il-punt 44 ta’ dan il-qafas jippreċiża: “Fejn impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ambitu [tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali,SGEI]il-kontijiet interni jridu juru separatament l-ispejjeż u d-dħul assoċjati mal-SGEI u dawk tas-servizzi l-oħra […]. Fejn impriża tiġi inkarigata bl-operar ta’ numru ta’ SGEIs minħabba li l-awtorità awtorizzanti jew in-natura tal-SGEI jkunu differenti, il-kontijiet interni tal-impriża jridu jagħmlu possibbli li jkun jista’ jiġi verifikat jekk kienx hemm xi kumpens żejjed fil-livell ta’ kull SGEI.” |
10 |
Il-punt 46 tal-qafas, li jinsab fit-Taqsima 2.8 tiegħu, jipprovdi: “L-Istat tal-EFTA jista’ jiddeċiedi li l-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet oħra ’il barra mill-iskop tal-SGEI, partikolarment dawk l-attivitajiet li jiddependu fuq l-infrastruttura neċessarja biex jiġi pprovdut l-SGEI, jridu jiġu allokati kompletament jew parti minnhom għall-iffinanzjar tal-SGEI.” |
11 |
Il-punt 47 tal-istess qafas, li jinsab fit-Taqsima 2.8 tiegħu, jipprevedi: “Il-kumpens eċċessiv huwa meqjus bħala kumpens li l-impriża tirċievi li huwa aktar mill-ammont ta’ għajnuna kif definita fil-paragrafu [21] fuq il-perjodu kollu tal-kuntratt. […]” |
12 |
Fl-imsemmija Taqsima 2.8, il-punt 48 tal-qafas CSP jipprovdi: “Peress li l-kumpens żejjed mhux neċessarju għall-operar tal-SGEI, huwa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
13 |
Fil-kuntest tal-ħolqien ta’ struttura ekoloġika prinċipali u ta’ netwerk Natura 2000 fit-territorju tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stabbilixxa r-Regeling bijdragen particuliere terreinbeherende natuurbeschermingsorganaties (sistema ta’ sussidji ta’ entitajiet privati ta’ protezzjoni tal-ambjent li jamministraw artijiet, iktar ’il quddiem ir-“reġim PNB”) li jippermetti lit-tlettax-il organizzazzjoni ta’ ġestjoni ta’ artijiet (iktar ’il quddiem l-“OGT”) li huma l-appellanti f’dan l-appell li jakkwistaw żoni naturali. |
14 |
L-ispejjeż eliġibbli għas-sussidji f’din l-iskema kienu l-prezz tax-xiri tal-artijiet, l-ispejjeż l-oħra tal-akkwist u l-ispejjeż tax-xoljiment tal-kirjiet agrikoli gravanti l-imsemmija artijiet. Meta d-dħul kien jeċċedi l-ispejjeż ta’ ġestjoni, dan kellu jiġi investit mill-ġdid fil-konservazzjoni tan-natura jew imħallas lill-Istat Olandiż. Tali obbligu, minkejja li ma kienx previst espliċitament mir-reġim PNB, kien impliċitament dedott mill-istatuti tal-OGT, li kellu jiġi suġġett għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex dawn jiksbu s-sussidji inkwistjoni. Barra minn hekk, l-OGT ma kinux awtorizzati jbiddlu d-destinazzjoni tal-artijiet akkwistati taħt l-istess skema jew li jużawhom b’mod li jmur kontra l-għan ta’ konservazzjoni tan-natura mingħajr il-kunsens espress tal-awtoritajiet li jagħtu s-sussidji inkwistjoni. Bl-istess mod, l-artijiet ma setgħux jiġu mikrija jew mibjugħa mill-ġdid mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-awtoritajiet Olandiżi. |
15 |
Fit-23 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment ta’ żewġ fondazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt Olandiż, jiġifieri Stichting het Nationale Park De Hogue Veluwe u Stichting Linschoten, li jamministraw artijiet u jeżerċitaw attivitajiet ta’ konservazzjoni tan-natura u ta’ ġestjoni tal-patrimonju kulturali kif ukoll attivitajiet sekondarji, bħall-kera tal-artijiet, l-agrikultura, il-forestrija u t-turiżmu. Fl-2009, il-lanjanti ġew issostitwiti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni mill-Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters (assoċjazzjoni għall-ugwaljanza tad-drittijiet tal-proprjetarji tal-artijiet privati, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“VGG”) li għandha bħala għan, b’mod partikolari, li tiżgura l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-proprjetarji tal-artijiet kollha privati fil-kuntest tas-sussidju tax-xiri ta’ artijiet. |
16 |
L-iskema inizjalment fis-seħħ mis-sena 1993 sas-sena 2012 ġiet issostitwita minn skema ta’ għajnuna ġdida li l-Kummissjoni approvat b’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011. Sussegwentement, permezz ta’ komunikazzjonijiet tas-26 ta’ Awwissu, tal-14 u tat-28 ta’ Settembru 2011, il-VGG talbet lill-Kummissjoni sabiex tieħu pożizzjoni fuq l-ilment tagħha u sabiex titlob l-irkupru tal-għajnuna illegali. |
17 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddikjarat is-sistema ta’ akkwist ta’ żoni naturali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE. |
18 |
Il-Kummissjoni qabelxejn qieset li l-iskema ta’ sussidji kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Id-deċiżjoni kontenzjuża tenfasizza li l-kompitu prinċipali tal-OGT, bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni tan-natura, ma huwiex ta’ natura ekonomika. Madankollu, dawn l-organizzazzjonijiet jeżerċitaw b’mod parallel ċerti attivitajiet sekondarji bħall-bejgħ ta’ injam u ta’ kanali, il-kiri ta’ drittijiet ta’ kaċċa u ta’ sajd u attivitajiet turistiċi ta’ natura ekonomika. Fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-korpi kellhom jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja li l-oġġetti u s-servizzi offruti minn organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna simili għall-iskema PNB fil-kuntest tal-attivitajiet sekondarji tagħhom kienu jirriżultaw mill-attività prinċipali tagħhom ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn ma kinux saru obbligatorji permezz tal-attività prinċipali tagħhom, peress li tali attivitajiet sekondarji jikkostitwixxu attivitajiet ta’ natura ekonomika. |
19 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-trasferiment mingħajr ħlas ta’ artijiet u s-sussidji għax-xiri u għall-ġestjoni ta’ dawn tal-aħħar kienu jagħtu l-ewwel vantaġġ ekonomiku lill-OGT. Barra minn hekk, hija osservat li ma setax jiġi eskluż li l-OGT jirċievu t-tieni vantaġġ miksub mill-qligħ kapitali li jirriżulta eventwalment mill-bejgħ mill-ġdid tal-artijiet mixtrija. Issa, l-iskema PNB ma kinitx tissodisfa, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), għas-SIEĠ, peress li l-kumpens tal-benefiċjarji tal-iskema PNB ma kienx ġie ddeterminat skont proċedura adegwata. |
20 |
Peress li l-organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tan-natura ġew investiti, skont il-miżura ta’ għajnuna, b’obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ protezzjoni tan-natura, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-iskema ta’ sussidji kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-qafas CSP. Peress li dawn kienu, skont din l-istituzzjoni, issodisfatti, il-Kummissjoni ddikjarat ir-reġim PNB kompatibbli mas-suq intern. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
21 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2016, il-VGG u r-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem “VGG et”) ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
22 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2016, l-OGT talbet sabiex titħalla tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tas-6 ta’ April 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba. |
23 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, VGG et invokaw erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, previsti mill-Artikolu 108(2) TFUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, sussidjarjament, fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-qafas CSP u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
24 |
Il-Kummissjoni u l-intervenjenti fir-rikors għal annullament ikkontestaw il-kwalità ta’ “partijiet interessati” ta’ VGG et kif ukoll l-ammissibbiltà tat-tieni u tar-raba’ motivi ta’ dan ir-rikors. |
25 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors ammissibbli, laqgħet l-ewwel motiv ta’ VGG et u konsegwentement annullat id-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma wettqet l-eżami tal-motivi l-oħra. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26 |
L-OGT jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
27 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
28 |
VGG et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
29 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-OGT isostnu żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn is-sentenza appellata tammetti l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
30 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-OGT isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, permezz tas-sentenza appellata, li VGG et kienu “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet imqajma, l-ewwel waħda prinċipalment u t-tieni waħda, sussidjarjament. |
31 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-OGT isostnu li ma teżisti ebda relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom u bejn il-membri tal-VGG, peress li l-attività prinċipali tal-OGT hija ta’ natura mhux ekonomika u li, sa fejn l-attivitajiet sekondarji tagħhom kellhom jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi”, huma ma humiex attivi fl-istess suq bħall-membri tal-VGG. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-attivitajiet rispettivi tal-OGT u tal-membri tal-VGG, kif tirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza appellata, turi li dawn l-attivitajiet huma differenti u li huma eżerċitati fi swieq distinti. |
32 |
B’mod partikolari, l-użu tat-terminu ġeneriku ta’ “turiżmu”, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, sabiex jiddeskrivi waħda mill-attivitajiet tan-NPDHV ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-attivitajiet tal-membri tal-VGG u dawk tal-OGT. Minn naħa, dan ir-riferiment wisq ġenerali jaħbi d-differenzi effettivi li jeżistu bejn l-attivitajiet turistiċi tal-OGT, li huma offruti mingħajr ħlas, u dawk tal-membri tal-VGG li għandhom l-għan li jagħmlu profitt. Min-naħa l-oħra, tali riferiment ma jiħux inkunsiderazzjoni r-rabta diretta bejn il-missjoni essenzjali ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni tan-natura tal-OGT u tal-attivitajiet turistiċi tagħhom. |
33 |
Fl-aħħar nett, minn naħa, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li s-suq tal-bejgħ tal-injam ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-attivitajiet tal-OGT u dawk tal-membri tal-VGG. Min-naħa l-oħra, l-elementi li jinsabu fis-sentenza appellata ma humiex biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex jistabbilixxu relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-membri tal-VGG f’tali suq. |
34 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħhom, l-OGT isostnu li l-għajnuna inkwistjoni ma kellha ebda effett konkret fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tal-VGG u, fi kwalunkwe każ, ma wasslitx għal distorsjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom. |
35 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali użat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, kriterju żbaljat, jiġifieri dak tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, minflok dak tal-effett konkret fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni mal-membri tal-VGG. It-tieni nett, kien fin-nuqqas ta’ kull element konkret li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm riskju ta’ effett konkret ta’ l-għajnuna fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tal-VGG. Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni, li tgħid li l-membri tal-VGG kienu sistematikament impediti milli jakkwistaw artijiet billi ġew impediti fl-espansjoni tagħhom, mhijiex rilevanti, peress li ma jeżistix suq tal-ġestjoni tal-ispazji naturali. |
36 |
Il-Gvern Olandiż isostni l-argumenti tal-OGT. |
37 |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tallega, l-ewwel nett, li r-raġunament li jinsab fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata huwa inkomprensibbli, peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-attivitajiet ekonomiċi tal-OGT ma jikkorrispondux mal-attivitajiet tal-membri tal-VGG, peress li s-sempliċi sovrapożizzjoni bejn dawn l-attivitajiet tikkonċerna s-settur turistiku. F’dan is-settur, l-attività tal-OGT hija limitata, madankollu, sabiex tippermetti l-aċċess mingħajr ħlas għaż-żoni naturali li huma jamministraw, b’tali mod li din ma hijiex offerta ta’ servizzi f’suq. |
38 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ddeduċiet mill-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-membri tal-VGG, filwaqt li dan il-punt jiddeskrivi biss l-attività tan-NPDHV. |
39 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni l-argument tal-OGT li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ ma’ dak tal-effett konkret fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tal-VGG u naqset milli tivverifika dan it-tieni kriterju. Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fil-fatt sempliċement assumiet li l-kriterju tal-effett konkret fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-VGG kien issodisfatt. Issa, skont il-ġurisprudenza, kellha tkun il-VGG li tipproduċi l-prova tal-effett konkret fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tagħha tal-għajnuna mogħtija lill-OGT. |
40 |
VGG et iwieġbu, prinċipalment, li l-argument tal-OGT, li huwa intiż sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, huwa inammissibbli. Sussidjarjament, VGG et jikkontestaw l-argumenti tal-OGT fuq il-mertu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 |
Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li mill-inqas wieħed mill-membri tal-VGG, jiġifieri n-NPDHV, għandu jiġi kklassifikat bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999. |
42 |
Insostenn ta’ din il-konklużjoni, hija indikat, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li kompetitur indirett tal-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti interessata”, sa fejn isostni li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna u juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu. Fil-punt 54 tal-imsemmija sentenza, hija ppreċiżat li, fir-rigward tal-impriżi kompetituri, ir-rikorrent għandu, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti interessata”, minn naħa, jistabbilixxi li huwa jinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, jipprova li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu, li toħloq distorsjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni inkwistjoni. |
43 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 61 sa 67 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tal-VGG, b’mod partikolari n-NPDHV, u l-OGT, u eżaminat, fil-punti 68 sa 75 tal-imsemmija sentenza, jekk ġiex stabbilit effett konkret tal-għoti tal-għajnuna kkontestata fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-VGG li twassal għal distorsjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. |
44 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-OGT jikkontestaw ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni kkonstatata mill-Qorti Ġenerali billi jsostnu, essenzjalment, li r-riferiment għat-terminu ġeneriku ta’ “turiżmu”, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, huwa ġenerali wisq, li s-suq tal-bejgħ tal-injam ma tteħidx inkunsiderazzjoni u li l-elementi kkunsidrati ma humiex, b’mod ġenerali, suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-OGT u l-membri tal-VGG. |
45 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ tali argument, l-OGT jikkontestaw, essenzjalment, u mingħajr ma jsostnu żnaturament tal-provi, l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 67 tas-sentenza appellata. |
46 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, bla ħsara għal żnaturament tal-provi prodotti quddiemha, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 102, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il-Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 25). |
47 |
Fir-rigward tal-argument ippreżentat mill-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 172 u 176 ta’ dawn ir-regoli, il-partijiet awtorizzati jippreżentaw risposta jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, appell inċidentali li, skont l-Artikolu 178(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tal-imsemmija regoli, għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji u argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta. |
48 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għal motivi distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitqajmu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali (sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 99 sa 101; tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 20, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 57). |
49 |
Għaldaqstant, peress li l-OGT ma qajmux aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tal-VGG u l-OGT, tali argument allegat mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposta tagħha ma jistax ikun ammissibbli. |
50 |
Fit-tieni lok, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna tinsab mingħajr dubju fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59). |
51 |
Minn dan isegwi li, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn mill-inqas wieħed mill-membri tal-VGG u l-OGT, hija ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-VGG kienet fost il- “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. |
52 |
Fit-tielet lok, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li huma ineffettivi l-argumenti ppreżentati mill-OGT kif ukoll mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li huma intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ effett konkret tar-reġim PNB fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-VGG, peress li l-kwalifika bħala partijiet interessati tal-membri tal-VGG tirriżulta direttament mill-kwalità tagħhom bħala kompetituri tal-OGT. |
53 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
54 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-OGT isostnu li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ “diffikultajiet serji” waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-aggravju jinqasam fi tliet partijiet li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, il-klassifikazzjoni ta’ SIEĠ “globali” jew “atipiku” użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiddefinixxi l-attivitajiet tal-OGT, it-tieni waħda, l-indiċi tal-assenza ta’ kontabbiltà separata u, it-tielet parti, l-indiċi tal-assenza ta’ mekkaniżmu li jevita l-kumpens żejjed. |
55 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-ewwel nett, l-OGT isostnu li l-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, allegat argument ta’ VGG et, ibbażat fuq kontradizzjoni fil-klassifikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni bħala SIEĠ “globali” jew “atipiku”, li madankollu ma tressaqx minn dawn tal-aħħar. |
56 |
It-tieni nett, ma teżisti ebda kontradizzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-punt 50 tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna bħala impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, filwaqt li l-punt 93 tagħha jirrigwarda l-kwistjoni dwar sa fejn l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ li kien ġie fdat lilhom. |
57 |
It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 128 tas-sentenza appellata, kemm mid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mit-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li din l-istituzzjoni kellha biżżejjed elementi sabiex tikkonstata li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ li kien ġie fdat lilhom. |
58 |
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali injorat li l-punt 41 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418) ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kinux jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ li kienu inkarigati minnu jew le. |
59 |
Il-ħames nett, l-OGT jallegaw li, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-punt 11 tal-qafas CSP, li jgħid li l-għajnuna mill-Istat mogħtija għandha tkun neċessarja għall-funzjonament tas-SIEĠ. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex elementi li jippermettulha teżamina jekk l-attivitajiet sekondarji kinux neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ. |
60 |
Fl-aħħar nett, fir-replika tagħhom, l-OGT jikkontestaw li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari jikkostitwixxi, f’dan il-każ, indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. |
61 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-OGT isostnu li, min-nuqqas ta’ kontabbiltà separata għall-attivitajiet sekondarji tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li tali kriterju huwa rilevanti biss fil-każ fejn dawn l-attivitajiet ma jaqgħux huma stess taħt is-SIEĠ, fatt li l-Kummissjoni madankollu eskludiet fid-Deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet sekondarji tal-OGT. |
62 |
Bl-istess mod, xejn ma jista’ jiġi dedott mill-istennija mill-Kummissjoni tal-għoti tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418), peress li din is-sentenza tikkonċerna l-punt dwar jekk kinitx teżisti għajnuna mill-Istat u mhux il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din is-sentenza għall-eżami tagħha tas-sistema PNB u għamlet riferiment għaliha biss sabiex tikkonferma li d-dħul mill-imsemmija attivitajiet jista’ jservi ta’ kumpens għas-SIEĠ fdat. |
63 |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-entitajiet Ġermaniżi inkwistjoni żammew kontabbiltà separata għall-attivitajiet ekonomiċi sekondarji tagħhom ma huwiex ta’ natura li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata, f’din il-kawża, li tali kontabbiltà ma kinitx neċessarja minħabba l-fatt li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ. |
64 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-OGT jallegaw li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-assenza ta’ mekkaniżmu stabbilit minn qabel intiż sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv tikkostitwixxi wkoll indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, tirriżulta minn żnaturament tal-fatti li jinkludu sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-punti 94, 95 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata li kien previst mekkaniżmu stabbilit minn qabel li jipprevjeni l-kumpens żejjed. Fil-fatt, skont l-iskema PNB, is-sussidji ta’ investiment u s-sussidji ta’ ġestjoni ma jistgħux jiġu akkumulati sabiex ikopru spejjeż simili, id-dħul mill-artijiet għandu dejjem jitnaqqas mill-kalkolu tas-sussidji ta’ ġestjoni, l-artijiet ma jistgħux jinbiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni formali tal-awtoritajiet li jagħtu s-sussidji u l-OGT huma obbligati jirrimborsaw kull vantaġġ mhux ġustifikat miksub waqt il-bejgħ ta’ art. |
65 |
Il-Gvern Olandiż isostni l-argumenti tal-OGT. |
66 |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni, fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari kien jindika l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Għalkemm din il-proċedura kienet effettivament twila b’mod anormali, it-tul tagħha huwa spjegat mill-fatt li hija stenniet kemm l-eżitu tan-negozjati bejn il-partijiet kif ukoll l-għoti tas-sentenza tal-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418) qabel ma adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
67 |
It-tieni nett, din l-istituzzjoni ssostni li r-raġunament li jinsab fil-punti 126 sa 129 tas-sentenza appellata huwa inkomprensibbli sa fejn jirriżulta minn konfużjoni bejn il-kwistjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet sekondarji tal-OGT u dik tal-appartenenza ta’ dawn l-attivitajiet għas-SIEĠ fdat lil dawn l-organi. |
68 |
It-tielet nett, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti, sa fejn kien preżunt li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li dawn l-attivitajiet sekondarji kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ, filwaqt li, għal din l-istituzzjoni, dawn l-attivitajiet jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ fdat lill-OGT. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta b’mod ċar li s-SIEĠ fdat lill-OGT jikkonċerna kemm il-protezzjoni tan-natura kif ukoll l-attivitajiet sekondarji. |
69 |
Ir-raba’ nett, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’hekk stabbilixxiet kriterju manifestament żbaljat, meta kkunsidrat li, għall-Kummissjoni, l-attivitajiet sekondarji ta’ natura ekonomika kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ, fis-sens tal-punt 11 tal-qafas CSP. |
70 |
Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li VGG et ma qajmux il-kwistjoni tal-eżattezza tad-definizzjoni tas-SIEĠ mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda llimitaw ruħhom li jsostnu li n-natura atipika tas-SIEĠ waħedha kienet toħloq diffikultajiet serji. |
71 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ssostni wkoll li, peress li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT jagħmlu parti integrali mis-SIEĠ li ġie fdat lilhom, in-nuqqas ta’ kontabbiltà separata ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ diffikultajiet serji. |
72 |
Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkunsidra li, għar-raġunijiet mogħtija mill-OGT, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u żiedet li l-attività ta’ ġestjoni tan-natura hija attività ta’ żbilanċ, b’tali mod li jkun impossibbli li d-dħul mill-attivitajiet sekondarji jaqbeż l-ispejjeż ta’ ġestjoni tan-natura. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-assenza ta’ analiżi tal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ prevenzjoni tal-kumpens żejjed, b’tali mod li hija setgħet twettaq biss żball ta’ liġi meta kkonkludiet, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. |
73 |
VGG et jeċċepixxu mill-bidu u prinċipalment in-natura ineffettiva tat-tieni aggravju tal-appell, peress li l-OGT ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li t-tul eċċessivament twil tal-proċedura ta’ eżami preliminari, l-istennija mill-Kummissjoni tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418) u l-klassifikazzjoni mingħajr preċedent tas-SIEĠ fdat lill-OGT bħala “globali” jew “atipika” juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Issa, dawn l-indizji huma biżżejjed, waħedhom, sabiex juru tali diffikultajiet. |
74 |
Sussidjarjament, VGG et jikkontestaw ukoll l-argumenti tal-EGO T imressqa taħt kull waħda mit-tliet partijiet tat-tieni aggravju, filwaqt li jenfasizzaw li, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ xi waħda minn dawn il-partijiet, dan ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tas-serje ta’ indizji kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, sabiex jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji biex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nnifisha għall-fażi preliminari ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun fil-pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem l-ewwel eżami, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ukoll ma ppermettiex li jiġu solvuti d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mingħajr ma għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Għalhekk, il-Kummissjoni għandha, konformement mal-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u mad-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, tadotta l-miżuri u l-verifiki neċessarji sabiex tegħleb, matul l-eżami preliminari, id-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom, b’tali mod li tneħħi d-dubji kollha eżistenti dwar il-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Billi l-kriterju ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fit-tmiem tal-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punti 30 u 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
83 |
F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm jew le diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali vverifikat is-serje ta’ indizji mqajma minn VGG et li hija esponiet fil-punti 107, 130, 132 u 137 tas-sentenza appellata. |
84 |
B’mod partikolari, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, sabiex tiddeċiedi fuq il-motiv invokat minn VGG et dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni matul l-eżami preliminari tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni minħabba l-klassifikazzjoni tagħha bħala SIEĠ “globali” jew “atipika”, hija kellha tanalizza l-grad ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi sekondarji tal-OGT u l-attività prinċipali tagħhom. |
85 |
F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, qabelxejn, fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, li, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet aċċettat li anki jekk l-oġġetti u s-servizzi offruti minn organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent fil-kuntest tal-attivitajiet sekondarji tagħhom kienu jirriżultaw mill-attività prinċipali tagħhom ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn ma kinux reżi vinkolanti minn din l-attività prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat jekk l-attivitajiet sekondarji ta’ natura ekonomika tal-OGT setgħux jiġu żgurati korrettament taħt kundizzjonijiet tas-suq jew kellhomx interess ġenerali. |
86 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 127 tal-imsemmija sentenza, li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari kienet tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. |
87 |
Fil-punt 128 tas-sentenza appellata, hija qieset li, għalkemm id-dħul iġġenerat mill-attivitajiet sekondarji huwa intiż sabiex ikopri parti mill-ispejjeż tal-attività prinċipali ta’ konservazzjoni tan-natura u huwa marbut mill-qrib mal-missjoni ta’ interess ġenerali tal-imsemmija attività prinċipali, l-elementi li kellha l-Kummissjoni ma kinux jippermettulha, fuq din il-bażi biss, li tikkonkludi li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ, fis-sens tal-punt 11 tal-qafas CSP jew li dawn l-attivitajiet kellhom interess ekonomiku ġenerali. |
88 |
Fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, “[f] il-fatt, jekk impriża li tingħata SIEĠ tista’ teżerċita attivitajiet ekonomiċi oħra, anki jekk marbuta mal-missjoni ta’ interess ġenerali fdata lilha, dan ma jimplikax awtomatikament il-possibbiltà li dawn tal-aħħar jitqiesu li jagħmlu parti integrali mill-imsemmi SIEĠ” u li “[d] an jirriżulta, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li tali impriża tosserva l-obbligi ta’ trasparenza finanzjarja u ta’ żamma ta’ kontabbiltà separata sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed”. |
89 |
Fil-punt 130 tal-imsemmija sentenza, hija kkonkludiet li “l-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni bħala SIEĠ “globali” jew “atipiku” tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni turi l-eżistenza ta’ diffikultà serja”. |
90 |
Fl-ewwel lok, minn dawn l-elementi jirriżulta li, anki jekk il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li, fil-fehma tagħha, VGG et enfasizzaw kontradizzjoni bejn il-paragrafi 50 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma bbażatx il-konklużjoni tagħha, dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji rrivelati minn din il-klassifikazzjoni bħala SIEĠ “globali” jew “atipiku” tal-attivitajiet tal-OGT, fuq tali kontradizzjoni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, iktar milli jiffoka fuq kontradizzjoni speċifika li taffettwa l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbaża ruħu fuq in-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-elementi li kellha l-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati mill-OGT. |
91 |
Għaldaqstant, l-argumenti tal-OGT u tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq affermazzjonijiet kontradittorji tal-Kummissjoni ma jistgħux jintlaqgħu. |
92 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-elementi li kellha l-Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura preliminari, l-EGT u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li dawn l-elementi ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-attivitajiet sekondarji tal-EGO kienu jagħmlu parti mis-SIEĠ li kien ġie fdat lilhom. Issa, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tikkonkludi li dawn l-attivitajiet sekondarji kienu jagħmlu parti mis-“SIEĠ globali”, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq iċ-ċirkustanza li l-ispejjeż u d-dħul mill-imsemmija attivitajiet, ta’ natura ekonomika, kienu imputati għall-ispejjeż tal-attività prinċipali tagħhom ta’ protezzjoni tan-natura. |
93 |
B’mod partikolari, fil-punti 120 u 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, b’risposta għad-domandi tagħha dwar il-konnessjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi sekondarji tal-OGT u s-SIEĠ li kien ġie fdat lilhom, il-Kummissjoni llimitat ruħha, essenzjalment, li ssostni, minn naħa, li dawn l-attivitajiet sekondarji kienu marbuta mill-qrib mal-attività prinċipali ta’ protezzjoni tan-natura, billi dawn ikkontribwixxew sabiex jiffinanzjawha, u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li dawn l-istess attivitajiet ma kinux neċessarji sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-protezzjoni tan-natura ma jfissirx li ma setgħux jagħmlu parti minn SIEĠ ikkostitwit mill-attività primarja mhux ekonomika tal-protezzjoni tan-natura. |
94 |
Huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet sekondarji kien intiż sabiex ikopri parti mill-ispejjeż tal-attività prinċipali ta’ konservazzjoni tan-natura u li kien, għalhekk, marbut mill-qrib mal-missjoni ta’ interess ġenerali ta’ din l-attività prinċipali, ma kienx suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-attivitajiet sekondarji kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ, fis-sens tal-punt 11 tal-qafas CSP, jew li l-attivitajiet sekondarji kienu ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira tal-ġurisprudenza. |
95 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, għalkemm l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom u li, f’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest, din is-setgħa ma tistax tkun illimitata u għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummisjoni, C‑91/17 P u C‑92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punti 41 sa 43, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 104). |
96 |
Fil-fatt, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprevedi, minn naħa waħda, li l-impriżi responsabbli għall-ġestjoni tas-SIEĠ huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni partikolari li ngħatat lilhom, mill-oħra, li l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux isir b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. |
97 |
Għalhekk, il-kliem stess tal-Artikolu 106(2) TFUE juri li derogi mir-regoli tat-Trattat huma permessi biss jekk dawn ikunu neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni partikolari mogħtija lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ SIEĠ (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 29). |
98 |
Għaldaqstant, kif tfakkar fil-punt 3 tal-qafas CSP, sa fejn miżura li tibbenefika lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ SIEĠ tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106 sa 108 TFUE. |
99 |
Issa, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, li din l-istituzzjoni tibbenefika, f’dan ir-rigward, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, u li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta qafas sabiex tistabbilixxi l-kriterji li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 68, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 37 sa 39). |
100 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 69, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40). |
101 |
Għaldaqstant, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-qafas li hija tadotta, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tiksirx il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 70). |
102 |
F’dan il-każ, la ġie sostnut quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-qafas CSP jiddevja mir-regoli tat-Trattat FUE jew jikser prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-OGT, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-punt 11 ta’ dan il-qafas meta ddeċidiet, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li l-elementi li kellha l-Kummissjoni ma kinux jippermettulha tikkonkludi li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu neċessarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-funzjonament tas-SIEĠ li ġie fdat lilhom. |
103 |
Il-punt 11 tal-qafas CSP jindika li l-kumpens ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE jekk ikun neċessarju għall-funzjonament tas-SIEĠ ikkonċernat u ma jaffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan il-punt jippreċiża li tali ekwilibriju huwa possibbli biss meta l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsimiet 2.2 sa 2.10 ta’ dawn il-qafas huma ssodisfatti, peress li dawn it-taqsimiet jinkludu l-punti 12 sa 60 tal-imsemmi qafas. |
104 |
Issa, skont il-punti 12 u 13 tal-qafas CSP, l-għajnuna mogħtija intiża sabiex tikkumpensa l-ispejjeż li jirriżultaw mill-assunzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandha tikkonċerna SIEĠ ġenwin, li jeskludi servizzi li huma diġà pprovduti jew li jistgħu jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti u f’kundizzjonijiet kompatibbli mal-interess ġenerali minn impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
105 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset ġustament, meta adottat dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, sabiex tiddefinixxi l-portata ta’ SIEĠ għandha l-limiti mfakkra fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza, u ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkonċepita b’mod daqstant wiesa’ li l-Istati Membri jistgħu jaqgħu taħt SIEĠ ta’ tali servizzi awtonomi li jistgħu jiġu pprovduti minn impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
106 |
Barra minn hekk, skont il-punti 21, 47 u 48 tal-qafas CSP, l-ammont tal-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispiża netta tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li kumpens żejjed, li ma huwiex neċessarju għall-funzjonament tas-SIEĠ, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li t-terminu “kumpens żejjed” huwa ddefinit f’dan il-kuntest bħala kumpens irċevut mill-impriża li jeċċedi l-ammont tal-għajnuna kif iddefinit fit-Taqsima 2.8 tal-imsemmi qafas. |
107 |
Il-punt 44 tal-qafas CSP jipprovdi li, meta impriża teżerċita attivitajiet li jinsabu kemm fil-kuntest tas-SIEĠ kif ukoll barra minnu, il-kontabbiltà interna tagħha għandha tindika separatament l-ispejjeż u d-dħul marbuta mas-SIEĠ u dawk marbuta mas-servizzi l-oħra. Il-punt 46 ta’ dan il-qafas jippreċiża li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-profitti ġġenerati minn attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt is-SIEĠ, b’mod partikolari dawk eżerċitati bis-saħħa tal-infrastrutturi neċessarji sabiex jiġi pprovdut is-SIEĠ, għandhom jiġu allokati totalment jew parzjalment għall-finanzjament ta’ dan tal-aħħar. |
108 |
Issa, minn dawn il-punti kollha jirriżulta, qabel kollox, li attivitajiet sekondarji li ma jaqgħux huma stess taħt is-SIEĠ ma jistgħux jitqiesu bħala neċessarji għas-SIEĠ minħabba s-sempliċi fatt li l-profitti ġġenerati huma allokati għall-finanzjament tas-SIEĠ, sussegwentement, li huma biss l-attivitajiet sekondarji neċessarji għas-SIEĠ li jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jagħmlu parti minnhom u, fl-aħħar nett, li kumpensi mogħtija għal attivitajiet sekondarji mhux neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ jagħtu lok, bħala kumpens żejjed, għal għajnuna mill-Istat. |
109 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta eżiġiet li l-Kummissjoni jkollha elementi supplimentari li juru li l-attivitajiet ekonomiċi sekondarji tal-OGT kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEĠ, fis-sens tal-punt 11 tal-qafas CSP, jew li dawn l-attivitajiet jaqgħu huma stess taħt is-SIEĠ. |
110 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-OGT ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni allegatament żbaljat, mill-Qorti Ġenerali, tal-punt 41 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418), li minnu hija ddeduċiet li l-fatt li l-attivitajiet sekondarji inkwistjoni f’din il-kawża kienu jirriżultaw, skont il-Kummissjoni, mill-attività prinċipali ta’ protezzjoni tal-ambjent ma kienx jimplika li dawn kienu saru obbligatorji permezz tal-attività prinċipali tagħhom, peress li l-attivitajiet tal-OGT ma jifformawx ħaġa waħda inseparabbli. |
111 |
Fil-fatt, wara li rrilevat li l-Kummissjoni rreferiet fid-deċiżjoni kontenzjuża għall-imsemmi punt 41, il-Qorti Ġenerali setgħet, qabel kollox, tibbaża ruħha fuq dan l-element sabiex tifhem l-analiżi mwettqa minn din l-istituzzjoni tar-rabta bejn l-attivitajiet sekondarji tal-OGT u l-attività prinċipali tagħhom, sussegwentement, minn dan tiddeduċi li l-Kummissjoni kienet adottat ir-raġunament espost fl-istess punt 41 u li inkorporatu, b’analoġija, fl-analiżi tagħha ta’ dan il-każ u, fl-aħħar nett, tikkonkludi li din l-analiżi kienet ibbażata fuq elementi insuffiċjenti. |
112 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-attivitajiet tal-OGT bħala SIEĠ “globali” jew “atipika” kienet tikkostitwixxi indizju tad-diffikultajiet serji li din l-istituzzjoni ltaqgħet magħhom matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-iskema PNB. |
113 |
Fit-tielet lok, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq żnaturament tal-fatti f’dak li jikkonċerna n-natura neċessarja tal-attivitajiet sekondarji tal-OGT għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba kunsiderazzjonijiet identiċi għal dawk diġà invokati fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza. |
114 |
Fir-raba’ lok, huwa paċifiku li l-OGT ma kkontestawx fl-appell tagħhom l-indizji użati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata, relatati mat-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u mal-effett tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418). |
115 |
Issa, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
116 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn dawn l-indizji ġew ikkontestati mill-OGT, fir-replika tagħhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, minn din il-proċedura ma jirriżultax li l-argument ippreżentat mill-OGT f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-replika tagħhom huwa bbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li dawn tal-aħħar ma kellhomx fid-data tal-preżentata tal-appell tagħhom. Għaldaqstant, l-argument li permezz tiegħu l-OGT jikkontestaw l-indizji adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
117 |
Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba kunsiderazzjonijiet identiċi għal dawk diġà invokati fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza. |
118 |
Fil-ħames lok, peress li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra diversi indizji ta’ diffikultajiet serji relatati mal-proċedura, mat-tul tagħha u mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti mressqa taħt it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv huma ineffettivi, kif isostnu ġustament VGG et. |
119 |
Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn l-indizji u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tiddeċiedi li VGG et kienu ressqu l-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. |
120 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kif ukoll l-appell fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
121 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
122 |
Peress li l-OGT tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub minn VGG et. |
123 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.