Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CO0841
Order of the Court (Eighth Chamber) of 3 March 2021.#JL v Fondo de Garantía Salarial (Fogasa).#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de lo Social de Madrid.#Reference for a preliminary ruling – Article 99 of the Rules of Procedure of the Court of Justice – Directive 2006/54/EC – Articles 2(1) and 4 – Equal pay for male and female workers – Framework agreement on part-time work – Clause 4 – Part-time workers, primarily female – National guarantee institution for the payment of outstanding claims of relevant workers against their insolvent employers – Ceiling on the payment of those claims – Amount of the ceiling reduced for part-time workers in accordance with the hours worked by the latter in relation to the hours worked by full-time workers – Principle of pro rata temporis.#Case C-841/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ Marzu 2021.
JL vs Fondo de Garantía Salarial (Fogasa).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social n° 41 de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1) u Artikolu 4 – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Ħaddiema part-time, essenzjalment ta’ sess femminili – Istituzzjoni nazzjonali li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkonċernati l-ħlas tal-krediti mhux imħallsa mill-persuni li jimpjegawhom li huma insolventi – Limitu massimu għall-ħlas ta’ dawn il-krediti – Ammont tal-limitu massimu mnaqqas għall-ħaddiema part-time skont il-proporzjon bejn il-ħin tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar u l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema full-time – Prinċipju ta’ pro rata temporis.
Kawża C-841/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ Marzu 2021.
JL vs Fondo de Garantía Salarial (Fogasa).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social n° 41 de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1) u Artikolu 4 – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Ħaddiema part-time, essenzjalment ta’ sess femminili – Istituzzjoni nazzjonali li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkonċernati l-ħlas tal-krediti mhux imħallsa mill-persuni li jimpjegawhom li huma insolventi – Limitu massimu għall-ħlas ta’ dawn il-krediti – Ammont tal-limitu massimu mnaqqas għall-ħaddiema part-time skont il-proporzjon bejn il-ħin tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar u l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema full-time – Prinċipju ta’ pro rata temporis.
Kawża C-841/19.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:159
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
3 ta’ Marzu 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1) u Artikolu 4 – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Ħaddiema part-time, essenzjalment ta’ sess femminili – Istituzzjoni nazzjonali li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkonċernati l-ħlas tal-krediti mhux imħallsa mill-persuni li jimpjegawhom li huma insolventi – Limitu massimu għall-ħlas ta’ dawn il-krediti – Ammont tal-limitu massimu mnaqqas għall-ħaddiema part-time skont il-proporzjon bejn il-ħin tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar u l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema full-time – Prinċipju ta’ pro rata temporis”
Fil-Kawża C‑841/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 41 de Madrid (il-Qorti Industrjali Nru 41 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura
JL
vs
Fondo de Garantia Salarial (Fogasa),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal JL, minn I. J. Tello Limaco, abogada, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u A. Szmytkowska, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215) kif ukoll tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, JL u, min-naħa l-oħra, il-Fondo de Garantía Salarial (iktar ’il quddiem il-“Fogasa) (il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarji, (Fogasa) Spanja) dwar l-ammont tal-kreditu miżmum minn JL fil-konfront tal-persuna li qabel kienet timpjegah relatat mal-impjieg part-time li huwa kellu u li l-Fogasa huwa responsabbli li jiżgura l-ħlas tiegħu wara l-insolvenza ta’ din il-persuna li timpjega. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 79/7
|
3 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tagħha, id-Direttiva 79/7 tapplika għall-iskemi statutorji li jiżguraw protezzjoni kontra r-riskji ta’ mard, ta’ invalidità, ta’ xjuħija, ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol kif ukoll ta’ qgħad. |
|
4 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:
|
Il-Ftehim qafas dwar xogħol part-time
|
5 |
Il-punti 1 u 2 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278), jipprovdu: “1. Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat. 2. Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.” |
Id-Direttiva 2006/54
|
6 |
L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdu: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’: […] b) il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga; […]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.” |
Id-Direttiva 2008/94/KE
|
9 |
Il-premessi 3 u 7 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36) huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).” |
|
11 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg. Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.” |
|
12 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3. 2. Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur. L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien. 3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva. Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu.” |
Id-dritt Spanjol
|
13 |
Ir-real decreto legislativo 2/2015, (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224), approva t-Test Irriformulat tal-Ley del Estatuto de los Trabajadores (il-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”). L-Artikolu 33(1)(2) u (5) ta’ dan l-istatut huwa fformulat kif ġej: “1. Il-[Fogasa], korp awtonomu li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Impjieg u għas-Sigurtà Soċjali, li għandu personalità ġuridika u l-kapaċità li jaġixxi sabiex iwettaq l-għanijiet tiegħu, għandu jħallas lill-impjegati l-ammont tas-salarji li ma setgħux jitħallsu lilhom minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom jew minħabba l-proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri li għaliha hija suġġetta l-persuna li timpjegahom. Għall-finijiet tas-subparagrafu preċedenti, għandu jitqies bħala salarju l-ammont irrikonoxxut bħala tali f’att ta’ konċiljazzjoni jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għat-titoli kollha msemmija fl-Artikolu 26(1), kif ukoll is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija fil-każijiet previsti mil-liġi, mingħajr ma l-[Fogasa] jista’ jħallas, taħt titolu jew ieħor, konġuntament jew separatament, somma ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-doppju tas-salarju minimu interprofessjonali ta’ kuljum, inkluża l-parti proporzjonali tal-bonus, man-numru ta’ ġranet ta’ salarju mhux imħallsa, sa limitu ta’ għoxrin ġurnata. 2. Fil-każijiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti, il-[Fogasa] għandu jħallas il-kumpens rrikonoxxut permezz ta’ deċiżjoni, digriet, att ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni amministrattiva, favur ħaddiema minħabba t-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratti konformement mal-Artikoli 50, 51 u 52 ta’ din il-liġi jew it-terminazzjoni tal-kuntratti konformement mal-Artikolu 64 tal-Liġi 22/2003, tad‑9 ta’ Lulju 2003, fuq il-falliment, kif ukoll il-kumpens minħabba terminazzjoni tal-kuntratti temporanji jew għal żmien determinat fil-każijiet previsti mil-liġi. Fil-każijiet kollha, dan il-ħlas għandu jsir fil-limitu massimu ta’ sena, dejjem sa fejn is-salarju ta’ kuljum, li jservi bħala bażi għall-kalkolu, ma jistax jeċċedi d-doppju tas-salarju minimu interprofessjonali, inkluża l-parti proporzjonali tal-bonus. L-ammont tal-kumpens, għall-finijiet biss tal-ħlas tiegħu mill-[Fogasa] f’każ ta’ tkeċċija jew ta’ waqfien tal-kuntratt skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi, huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ 30 jum għal kull sena ta’ servizz u ma jistax jaqbeż il-limitu indikat fis-subparagrafu preċedenti. […] 5. Il-[Fogasa] huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw kollha […] indipendentement minn jekk ikunux pubbliċi jew privati. Ir-rata ta’ kontribuzzjoni hija stabbilita mill-Gvern fuq is-salarji li jservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni intiża sabiex tkopri r-riskji marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, mal-mard ikkaġunat mix-xogħol u mal-qgħad fis-sistema tas-sigurtà soċjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
JL ħadem, mis‑27 ta’ Settembru 2017, għal Construcción y Obra Pública Toletum SL (iktar ’il quddiem l-“impriża inkwistjoni”) bħala wejter, skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u taħt sistema ta’ xogħol part-time ta’ 50 %, jiġifieri 20 siegħa fil-ġimgħa. Huwa rċieva remunerazzjoni stabbilita mill-ftehim kollettiv applikabbli. |
|
15 |
Fis‑26 ta’ Diċembru 2017, l-impriża inkwistjoni għalqet l-istabbiliment li fih kien jaħdem JL. Hija telqet ukoll mill-bini tagħha kif ukoll mis-sede magħrufa tagħha. |
|
16 |
JL ippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Social no 41 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 41 ta’ Madrid, Spanja), rikors intiż għall-kontestazzjoni tat-tkeċċija tiegħu. Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2018, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors, billi ddikjarat li t-tkeċċija ta’ JL kienet inġusta u li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ dan tal-aħħar kien intemm. Flimkien ma’ din id-dikjarazzjoni ngħata d-dritt għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 433.13 kif ukoll tas-salarji mid-data tat-tkeċċija sad-data ta’ din is-sentenza, għal ammont ta’ EUR 6 170.75. |
|
17 |
Peress li l-impriża inkwistjoni ġiet iddikjarata insolventi fl‑20 ta’ Diċembru 2018, il-Fogasa kellu jwieġeb in solidum għad-djun ta’ din tal-aħħar relattivi għal dan il-kumpens u għal dawn is-salarji, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema. |
|
18 |
JL ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni għall-ħlas kontra l-Fogasa, sabiex jikkontesta l-ammont li dan kien iddeċieda li jħallsu. |
|
19 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-qrati Spanjoli jinterpretaw l-Artikolu 33(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-ħlas lil ħaddiem part-time tas-salarji u tal-kumpens li jitħallsu mill-Fogasa fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża, il-limitu legali previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkorrispondi għad-doppju tas-salarju minimu interprofessjonali (iktar ’il quddiem is-“SMI”) ta’ kuljum, għandu jitnaqqas proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol imwettaq minn dan il-ħaddiem meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol ordinarju ta’ ħaddiem full-time li jagħmel l-istess xogħol. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, għal ħaddiem part-time, din id-dispożizzjoni interpretata b’dan il-mod twassal għal tnaqqis doppju. Minn naħa, il-bażi tas-salarji ta’ dan il-ħaddiem hija diġà mnaqqsa minħabba n-natura parzjali tax-xogħol tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà tal-Fogasa jagħti lok għal tnaqqis ġdid fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont impost fuq dan tal-aħħar. |
|
21 |
Skont il-qorti tar-rinviju, dan it-tnaqqis doppju jikkostitwixxi żvantaġġ partikolari għall-ħaddiema part-time. Sa fejn, fi Spanja, kif jirriżulta mill-istatistiċi msemmija fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, (C‑161/18, EU:C:2019:382), proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma ħaddiema part-time, din il-qorti tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema twassalx għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra d-Direttivi 79/7 u 2006/54. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 41 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 41 ta’ Madrid, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7/KEE u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2006/54] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni [ta’] Stat Membru […], bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-bażi retributtiva tal-ħaddiem impjegat fuq bażi part-time, li hija diġà mnaqqsa minħabba li l-impjieg tiegħu huwa part-time, titnaqqas għat-tieni darba fil-mument tal-kalkolu tal-ammont tar-responsabbiltà tal-FOGASA fil-konfront tal-imsemmi ħaddiem impjegat fuq bażi part-time fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fil-mument li tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija natura ta’ xogħol part-time, meta mqabbel ma’ ħaddiem impjegat fuq bażi full-time li jinsab f’sitwazzjoni analoga, u sa fejn tali leġiżlazzjoni tippreġudika b’mod partikolari lill-ħaddiema ta’ sess femminil meta mqabbla mal-ħaddiema ta’ sess maskil?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
23 |
Il-Gvern Spanjol iqis li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika, b’tali mod li hija inammissibbli. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma stabbilixxietx ir-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-ħaddiema nisa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinvolvi, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ħaddiem raġel. Min-naħa l-oħra, l-istatistiċi msemmija fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, (C‑161/18, EU:C:2019:382), invokati mill-qorti tar-rinviju, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-imsemmija tilwima, li hija differenti għal diversi raġunijiet minn dik li wasslet għal din is-sentenza. |
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni jew l-eżami tal-validità tiegħu ma għandu ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li JL iqis li huwa żvantaġġat, bħala ħaddiem part-time, mill-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema, kif interpretat mill-qrati nazzjonali. Minħabba dan il-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżitu tal-kawża prinċipali huwa affettwat minn deċiżjoni eventwali ta’ dawn tal-aħħar li ma japplikawx din id-dispożizzjoni, fil-każ fejn din tinvolvi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li hija s-suġġett tad-domanda preliminari. |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, il-punt dwar liema huma l-istatistiċi rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni indiretta ma jaffettwax l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula, iżda jaqa’ taħt il-mertu tal-kawża prinċipali. |
|
27 |
Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
28 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda magħmula b’mod preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
29 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għamlitx riferiment għalihom jew le fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan il-każ, għalkemm id-domanda magħmula ssemmi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-ħlas lill-ħaddiem ikkonċernat, mill-Fogasa, ta’ krediti li jirriżultaw minn salarji mhux imħallsa mill-persuna li timpjega minħabba l-insolvenza tagħha, ma jirrigwardax l-iskemi statutorji ta’ protezzjoni kontra r-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-mard, l-invalidità, ix-xjuħija, l-inċident fuq il-post tax-xogħol, il-mard ikkaġunat mix-xogħol u l-qgħad. Konsegwentement, id-Direttiva 79/7 ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
32 |
Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2006/54, imsemmija wkoll fl-imsemmija domanda, hija applikabbli għal tali sitwazzjoni. Fil-fatt, is-salarji li l-Fogasa jiżgura l-ħlas tagħhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1)(e) ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, l-allowance ta’ tkeċċija mogħti lil JL, li l-Fogosa huwa wkoll responsabbli għall-ħlas tiegħu, għandu jitqies li jaqa’ taħt dan il-kunċett, sa fejn mill-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema jirriżulta li l-ammont ta’ tali kumpens għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq għall-persuna li qabel kienet timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Madankollu, għalkemm l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54, li jissemma fid-domanda magħmula, jiddefinixxi b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunċetti ta’ “diskriminazzjoni indiretta” u ta’ “remunerazzjoni”, huwa l-Artikolu 4 tagħha li, għall-istess xogħol jew xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali, jipprevedi l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fl-elementi u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni kollha. |
|
34 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’dak li jirrigwarda l-ħlas, mill-istituzzjoni nazzjonali responsabbli, tas-salarji u tal-kumpens mhux imħallsa lill-ħaddiema minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, tipprevedi limitu massimu għal dan il-ħlas fir-rigward tal-ħaddiema full-time, li, fir-rigward tal-ħaddiema part-time, huwa mnaqqas proporzjonalment għall-ħin ta’ xogħol imwettaq minn dawn tal-aħħar meta mqabbel ma dak imwettaq mill-ħaddiema full-time, meta dan it-tnaqqis jaffettwa b’mod partikolari lill-ħaddiema li huma nisa. |
|
35 |
Għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha tapplika għall-krediti tal-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u eżistenti fil-konfront ta’ persuni li jimpjegaw li huma fi stat ta’ insolvenza. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-premessa 3 u tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu istituzzjoni ta’ garanzija li tiżgura l-ħlas ta’ tali krediti mhux imħallsa, inkluż, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi dan, tal-kumpens għad-dannu għal waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol. F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa l-Fogasa bħala istituzzjoni ta’ garanzija, skont l-istess direttiva. |
|
36 |
Skont il-premessa 7 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri jistgħu jassenjaw limiti massimi għall-ħlasijiet imwettqa mill-istituzzjoni ta’ garanzija, sakemm dawn ma jkunux inqas minn livell soċjalment kompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, bla ħsara għall-osservanza ta’ din il-kundizzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jidher li l-limiti massimi stabbiliti għall-ħlas tal-krediti tal-ħaddiema, bħal dawk previsti fl-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema, huma konformi ma’ din id-direttiva. |
|
37 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ dan id-digriet, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ tali limiti massimi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema part-time, hijiex konformi mad-Direttiva 2006/54 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess hija bbażata fuq il-premessa doppja li l-Artikolu 33 tal-Istatut tal-Ħaddiema, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, jiżvantaġġa l-grupp ta’ ħaddiema part-time, li huwa kkostitwit fil-parti l-kbira minn ħaddiema nisa. |
|
39 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ħaddiem part-time bħal JL huwa s-suġġett ta’ tnaqqis tal-limitu massimu stabbilit għall-ħlas tas-salarji mhux imħallsa, previst fl-Artikolu 33(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Filwaqt li dan il-limitu massimu huwa ekwivalenti, għall-ħaddiema full-time, għad-doppju tas-SMI ta’ kuljum, dan jitnaqqas, fir-rigward tal-ħaddiema part-time, proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema full-time li jagħmlu l-istess xogħol. |
|
40 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-indikazzjonijiet f’dan is-sens li jinsabu fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma jidhirx li ħaddiem part-time, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, ikun suġġett għal tnaqqis “doppju”, li jikkonsisti, minbarra fis-salarju mnaqqas minħabba n-natura parzjali tal-attività tiegħu, fi tnaqqis “ġdid” li jikkonċerna l-limitu massimu ffissat għall-ħlas żgurat mill-Fogasa. Fil-fatt, skont l-Artikolu 33(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, dan l-aħħar tnaqqis ma jitwettaqx abbażi tas-salarju mnaqqas tal-ħaddiem part-time, iżda fuq l-ammont tas-SMI ta’ kuljum, immultiplikat b’tnejn. Għaldaqstant, hija ma tagħtix lok għal tnaqqis supplimentari, iżda hija ddeterminata bl-istess mod bħas-salarju tal-ħaddiem part-time, jiġifieri bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar. |
|
41 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan it-tnaqqis tal-limitu massimu ffissat għall-ħlas f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema part-time għandux jitqies li huwa ta’ żvantaġġ għal dawn tal-aħħar meta mqabbla mal-ħaddiema full-time, u għal dan il-għan, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju msemmija fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, u eventwalment kuntrarju għad-Direttiva 2006/54, hemm lok li jitfakkar li l-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time jipprevedi li, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema part-time ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time kumparabbli sempliċement minħabba l-fatt li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi. |
|
42 |
Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza bejn ħaddiema full-time u ħaddiema part-time fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huwa impost bla ħsara għall-applikazzjoni xierqa, konformement mal-punt 2 tal-imsemmija Klawżola 4, tal-prinċipju ta’ pro rata temporis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329, punt 64). |
|
43 |
Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ta’ xogħol effettivament imwettaq minn ħaddiem part-time, meta mqabbel ma’ dik ta’ ħaddiem full-time, jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens tal-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, li jiġġustifika tnaqqis proporzjonali tad-drittijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ ħaddiem part-time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 65, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 20). |
|
44 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis għal benefiċċji marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol part-time. Hija ddeċidiet ukoll li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix il-kalkolu, skont dan il-prinċipju, la ta’ pensjoni tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punti 90 u 91), u lanqas tal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 33), u lanqas allowance għall-wild dipendenti mogħtija mill-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 25). |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema part-time, ta’ aġġustament għal-limitu massimu tal-ħlas iggarantit mill-Fogasa, previst fl-Artikolu 33(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jikkorrispondi għall-perċentwali tal-ħin tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema part-time meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema full-time li jagħmlu l-istess xogħol, tikkostitwixxi applikazzjoni xierqa tal-prinċipju ta’ pro rata temporis, fis-sens tal-punt 2 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time. |
|
46 |
Fil-fatt, kif irrilevaw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-imsemmi aġġustament huwa ta’ natura li jiggarantixxi l-istess ammont massimu ta’ ħlas, mill-Fogasa, tal-krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema għal kull siegħa maħduma u, minħabba dan il-fatt, jiffavorixxi l-ugwaljanza fit-trattament (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑17 ta’ Novembru 2015, Plaza Bravo, C‑137/15, EU:C:2015:771, punt 28). |
|
47 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont l-Artikolu 33(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-Fogasa hija ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw, li r-rata tagħhom hija applikata fuq is-salarji li jservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni intiża sabiex tiffinanzja r-riskji koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali. |
|
48 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tqiegħed fi żvantaġġ kategorija partikolari ta’ ħaddiema, f’dan il-każ dawk li jaħdmu part-time u, a fortiori, il-ħaddiema nisa. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “diskriminazzjoni indiretta” fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54. |
|
49 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-ħlas, mill-istituzzjoni nazzjonali responsabbli, tas-salarji u tal-kumpens mhux imħallas lill-ħaddiema minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, tipprevedi limitu massimu għal dan il-ħlas f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema full-time, li, fir-rigward tal-ħaddiema part-time, jitnaqqas proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol imwettaq minn dawn tal-aħħar meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema full-time. |
Fuq l-ispejjeż
|
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-ħlas, mill-istituzzjoni nazzjonali responsabbli, tas-salarji u tal-kumpens mhux imħallas lill-ħaddiema minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, tipprevedi limitu massimu għal dan il-ħlas f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema full-time, li, fir-rigward tal-ħaddiema part-time, jitnaqqas proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol imwettaq minn dawn tal-aħħar meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema full-time. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.