EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0719

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-3 ta’ Settembru 2020.
Vivendi SA vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà u pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 15 u 16 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fuq is-suq f’settur li tieħu ‘dimensjoni ekonomika importanti’ f’settur ieħor – Kalkolu tad-dħul fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fis-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni – Definizzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Limitazzjoni għas-swieq suġġetti għal kontroll ex ante – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-kumpanniji marbuta – Iffissar ta’ limitu ta’ dħul differenti għall-kumpanniji attivi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.
Kawża C-719/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:627

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà u pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 15 u 16 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fuq is-suq f’settur li tieħu ‘dimensjoni ekonomika importanti’ f’settur ieħor – Kalkolu tad-dħul fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fis-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni – Definizzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Limitazzjoni għas-swieq suġġetti għal kontroll ex ante – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-kumpanniji marbuta – Iffissar ta’ limitu ta’ dħul differenti għall-kumpanniji attivi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”

Fil-Kawża C‑719/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

Vivendi SA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

fil-preżenza ta’:

Mediaset SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vivendi SA, minn G. Scassellati Sforzolini, G. Faella, C. F. Emanuele u M. D’Ostuni, avvocati,

għal Mediaset SpA, minn A. Catricalà, D. Lipani, C. E. Cazzato, G. M. Roberti, G. Bellitti u M. Serpone, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati u L. Nicolae kif ukoll minn L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vivendi SA u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Regolatorja fil-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) u Mediaset SpA, dispożizzjoni tad-dritt Taljan li tipprojbixxi lil impriża li tirċievi dħul superjuri għal 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-sistema integrata ta’ komunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem is-“SIK”), meta din l-impriża jkollha parti superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva Qafas

3

Il-premessi 5, 25 u 27 tad-Direttiva Kwadru jistabbilixxu:

“(5)

Il-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, il-media u s-settturi tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta’ trasmissjoni u servizzi għandhom ikunu koperti b’kwadru regolatorju wieħed.[…] Huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut. Dan il-kwadru għalhekk ma jkoprix il-kontenut tas-servizzi mwassla fuq in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet, bħal kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, u hija għalhekk bla preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-[Unjoni] u dak nazzjonali dwar dawk is-servizzi, b’konformità mal-liġi tal-[Unjoni], sabiex jippromwovu diversità kulturali u lingwistika u biex jiżguraw id-difiża tal-pluraliżmu fil-midja.[…] Is-separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut ma tippreġudikax li jingħata kont tar-rabtiet li jeżistu bejniethom, b’mod partikolari biex jiġi garantit il-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur.

[…]

(25)

Hemm il-ħtieġa ta’ obbligazzjonijiet minn qabel f’ċerti ċirkostanzi sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ suq kompetitttiv. It-tifsira ta’ saħħa sinifikanti fis-suq fid-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ servizz universali u interoperabilità permess ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-provista ta’ retikolt miftuħ (ONP) [ĠU 1997, L 199, p. 32)] kienet effiċjenti fl-istadji inizjali tal-ftuħ tas-suq bħala limitu għall-obbligazzjonijiet, iżda issa hija meħtieġa li tiġi adattata biex isservi swieq aktar komplessi u dinamiċi. Għal din ir-raġuni, t-tifsira wżata f’din id-Direttiva hija ekwivalenti għall-konċett ta’ dominanza kif definit fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja […]

[…]

(27)

Huwa essenzjali li obbligazzjonijiet regolatorji minn qabel għandhom jiġu imposti biss fejn ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva, jiġifieri fi swieq fejn ikun hemm impriża waħda jew aktar b’saħħa sinifikanti fis-suq, u fejn ir-rimedji tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali jew [tal-Unjoni] ma jkunux suffiċjenti biex jindirizzaw dik il-problema. Huwa meħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni [Ewropea] tħejji linji gwida fil-livell [tal-Unjoni] kond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni biex l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jsegwu fl-istima jekk il-kompetizzjoni hijiex effettiva f’suq partikolari u fl-istima tas-saħħa sinifikanti fis-suq.[…]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-qasam ta’ applikazzjoni u miri”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-utenti finali b’diżabilità. Tistipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tistabbilixxi settt ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru regolatorju mal-[Unjoni].

2.   Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet iimposti bil-liġi nazzjonali skond il-liġi tal-[Unjoni] jew bil-liġi tal-[Unjoni] fir-rigward tas-servizzi provduti bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi.

3.   Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-[Unjoni] jew nazzjonali, b’konformità mal-liġi tal-[Unjoni], li jfittxu miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari li jirrelataw mar-regolament tal-kontenut u l-politika awdjo-viżwali.

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“[…]

ċ)

‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi […];

[…]”

6

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Proċedura ta’ definizzjoni tas-suq”, jipprovdi:

“1.   Wara konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni dwar is-swieq relevanti tal-prodotti u tas-servizzi (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa ‘ir-rakkomandazzjoni’). Ir-rakkomandazzjoni għandha tidentifika skond Anness I hawn mehmus dwak is-swieq tal-prodotti u servizzi fi ħdan is-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-karatteristiċi li jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw l-imposizzjoni ta’ obbligazzjonijiet regolatorji stipulati fid-Direttivi Speċifiċi, mingħajr preġudizzju għas-swieq li jistgħu jiġu definiti f’każi speċifiċi taħt il-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq skond il-liġi tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni għandha regolarment tirrevedi r-rakkomandazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, sa l-aktar tard id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, linji gwida għall-analiżi tas-suq u l-istima tas-saħħa sinifikanti fis-suq (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa ‘l-linji gwida’) li għandhom ikunu skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom, waqt li jagħtu l-akbar kont tar-rakkomandazzjoni u l-linji gwida, jiddefinixxu s-swieq relevanti adatti għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari is-swieq ġeografiċi relevanti fit-territorju tagħhom, skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom isegwu l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu swieq li jkunu differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni.

4.   Wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni tista’ […] tadotta deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali.”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, jipprovdi:

“1.   Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan l-analiżi jitwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-Direttiva 2002/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Servizz Universali) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367)], jew Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess)] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323)] li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv

3.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tikkonkludi li s-suq huwa effetivament kompetittiv, m’għandhiex timponi jew iżżomm xi waħda mill-obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan Artikolu. Perjodu xieraq ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati b’dak l-irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet.

4.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq rilevanti mhux effettivament kompetittiv, hija għandha tidentifika impriżi li individwalment jew flimkien għandhom saħħa sinifikanti fuq dak is-suq skont l-Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha timponi fuq dawk l-impriżi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn diġa’ jeżistu.

[…]”

Id-Direttiva “Servizzi tal-Media Awdjoviżiva”

8

Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Servizzi tal-Media Awdjoviżiva’”), jipprovdu:

“(5)

Servizzi tal-media awdjoviżiva huma servizzi kulturali daqskemm huma servizzi ekonomiċi. L-importanza li qed tikber tagħhom għas-soċjetajiet, id-demokraziji – partikolarment billi jiżguraw libertà ta’ informazzjoni, diversità ta’ opinjoni u pluraliżmu tal-media - l-edukazzjoni u l-kultura tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għal dawn is-servizzi.”

[…]

(8)

Huwa essenzjali għall-Istati Membri li jassiguraw il-prevenzjoni ta’ kull att li jista’ jkun ta’ detriment għal-libertà tal-moviment u l-kummerċ fi programmi tat-televiżjoni jew li jistgħu jippromwovu l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu u l-libertà tal-informazzjoni bit-televiżjoni u tas-settur tal-informazzjoni kollu kemm hu.”

Id-dritt Taljan

It-TUSMAR

9

Id-decreto legislativo n. 177 – Testo Unico dei Servizi di Media Audiovisivi e Radiofonici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177 li jistabbilixxi t-Test Uniku dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tar-Radju), tal-31 ta’ Lulju 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 208, tas-7 ta’ Settembru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“TUSMAR”), jipprovdu, fl-Artikolu 2(1)(s) tiegħu:

“Is-SIK ikopri l-attivitajiet segwenti: stampa ta’ kuljum u perjodika; edizzjoni ta’ annwarji u edizzjoni elettronika; inkluż fuq l-internet; xandir u servizzi ta’ mezzi ta’ komunkazzjoni awdjoviżivi; ċinema; reklamar estern; attivitajiet ta’ diffużjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi; sponsorizzazzjoni.”

10

L-Artikolu 43 tat-TUSMAR, “Pożizzjonijiet dominanti fis-[SIK]” jipprovdi:

“1.   L-entitajiet attivi fis-[SIK] huma obbligati jinnotifikaw lill-[AGCOM] dwar il-ftehimiet u l-konċentrazzjonijiet sabiex din tkun tista’ tivverifika l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 7, 8, 9, 10, 11 u […], skont il-proċeduri previsti fir-regoli ad hoc li hija stess tkun adottat.

[…]

5.   Filwaqt li tadatta ruħha għall-evoluzzjonijiet tal-karatteristiċi tas-swieq, […] l-AGCOM għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 7, 8, 9, 10, 11 […] jew kwalunkwe pożizzjoni oħra li tikkawża dannu għall-pluraliżmu jew sabiex tipprevjeni l-formazzjoni tagħhom. […]

7.   Fl-implimentazzjoni kompleta tal-pjan nazzjonali ta’ għoti tal-frekwenzi radjofoniċi u televiżivi fil-mod diġitali, l-istess fornitur ta’ kontenuti ma jistax, anki permezz ta’ kumpanniji li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma kkontrollati minnu jew marbuta miegħu, fis-sens tal-paragrafi 13, 14 u 15, ikun detentur ta’ awtorizzazzjonijiet li permezz tagħhom jista’ jittrażmetti iktar minn 20 % tal-programmi televiżivi kollha jew iktar minn 20 % tal-programmi radjofoniċi mxandra b’mod hertz terrestri fl-iskala nazzjonali fuq in-networks previsti f’din l-iskala.

8.   Sal-implimentazzjoni kompleta tal-pjan nazzjonali ta’ għoti tal-frekwenzi televiżivi fil-mod diġitali, il-limitu stabbilit għan-numru totali ta’ programmi għal kull entità huwa ta’ 20 % u huwa kkalkolat f’relazzjoni man-numru totali ta’ programmi televiżivi li, mifhuma fis-sens tal-Artikolu 23(1) tal-legge n. 112 – Norme di principio in materia di assetto del sistema radiotelevisivo e della RAI-Radiotelevisione italiana SpA, nonche’ delega al Governo per l’emanazione del testo unico della radiotelevisione (il-Liġi Nru 112, dwar regoli ta’ prinċipju fil-qasam tal-istruttura tar-radju u tat-televiżjoni u tar-RAI-Radiotelevisione italiana SpA, kif ukoll delega lill-gvern għall-pubblikazzjoni tat-test uniku tas-sistema tar-radju u tat-televiżjoni), tat-3 ta’ Mejju 2004 [(suppliment ordinarju għall-GURI Nru 104, tal-5 ta’ Mejju 2004)], huma konċessi jew imxandra fuq skala nazzjonali fuq radjufrekwenzi hertz, jew fil-mod anoloġiku jew fil-mod diġitali. Il-programmi telelviżivi mxandra b’mod diġitali jistgħu jikkontribwixxu sabiex jifformaw il-bażi tal-kalkolu meta jkopru 50 % tal-popolazzjoni. Sabiex jiġi kkalkolat jekk il-limitu ta’ 20 % huwiex osservat, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni programmi li jikkostitwixxu t-trażmissjoni mill-ġdid fl-istess ħin ta’ dawk imxandra b’mod analoġiku. Dan il-kriterju ta’ kalkolu ma japplikax għall-entitajiet li jxandru b’mod diġitali programmi li jkopru 50 % tal-popolazzjoni nazzjonali.

9.   Mingħajr ħsara għall-projbizzjoni ta’ ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-swieq konkreti li jifformaw is-[SIK], l-operaturi obbligati jirreġistraw ruħhom fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni, stabbilit skont il-punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) tal-legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (il-Liġi Nru 249, li tistabbilixxi l-Awtorità għall-protezzjoni tal-komunikazzjoni u r-regoli relatati mas-sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet u r-radjoteleviżjoni), tal-31 ta’ Lulju 1997 [(suppliment ordinarju għall-GURI no 177, tal-31 ta’ Lulju 1997)], ma jistgħux jiksbu, la direttament u lanqas indirettament, permezz ta’ impriżi kkontrollati jew marbuta fis-sens tal-paragrafi 14 u 15, dħul li jeċċedi 20 % tad-dħul totali tas-[SIK].

10.   Id-dħul imsemmi fil-paragrafu 9 huwa dak li joriġina mill-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ radju u ta’ televiżjoni, wara tnaqqis tad-dazji dovuti lit-Teżor, mir-reklami nazzjonali u lokali, inkluż taħt forma diretta, mit-tele-xiri, mill-isponsorizzazzjoni, mill-attivitajiet ta’ xandir tal-prodott li jsiru fil-punti ta’ bejgħ, bl-eċċezzjoni tal-iskonti fuq il-prezzijiet, tal-ftehim ta’ natura kontinwa konklużi ma’ entitajiet pubbliċi u tal-kuntratti pubbliċi mogħtija direttament lill-entitajiet li jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(s), minn offerti televiżivi bi ħlas, minn abbonamenti u mill-bejgħ ta’ gazzetti ta’ kuljum u perjodiċi, inkluż il-prodotti stampati u fonografiċi mibjugħin bħala anness, kif ukoll minn aġenziji għall-istampa ta’ natura nazzjonali, mill-edizzjoni elettronika u minn dik annwarja, inkluż fuq l-internet, minn reklamar fuq l-internet u fuq pjattaformi varji, inkluż f’forma diretta, u inklużi r-riżorsi miġbura minn muturi ta’ tfittxija, minn pjattaformi soċjali u ta’ qsim, u mill-użu ta’ xogħlijiet ċinematografiċi fid-diversi forom li jista’ jaċċedi għalihom il-pubbliku.

11.   L-impriżi li d-dħul tagħhom imwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ddefinit fl-Artikolu 18 tad-decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-digriet leġiżlattiv Nru 259 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal-1 ta’ Awwissu 2003 [(suppliment ordinarju għall-GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003)], inkluż permezz ta’ kumpanniji kkontrollati jew marbuta, jeċċedi 40 % tad-dħul globali ta’ dan is-settur ma jistgħux jirċievu, fis-[SIK], dħul li jkun jeċċedi 10 % ta’ dak iġġenerat mill-imsemmija sistema.

[…]

13.   Sabiex jiġu ddeterminati l-pożizzjonijiet dominanti pprojbiti minn dan it-test uniku fis-[SIK], għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ishma fil-kapital akkwistati jew, fi kwalunkwe każ, miżmuma permezz ta’ kumpanniji kkontrollati, anki indirettament, u kumpanniji fiduċjarji jew permezz ta’ persuna interposta. Huma kkunsidrati bħala akkwistati l-ishma li l-proprjetà tagħhom tgħaddi minn entità għal oħra, b’mod partikolari wara tranżazzjonijiet ta’ inkorporazzjonijiet, ta’ diviżjonijiet, ta’ trasferimenti, ta’ ċediment ta’ kumpanniji jew oħra li jinteressawhom jew inkella f’relazzjoni ma’ tali tranżazzjonijiet. Sakemm jeżistu bejn id-diversi azzjonisti, tkun xi tkun il-forma li taħtha ġew konklużi, ftehim li jikkonċernaw l-eżerċizzju miftiehem tal-vot jew, fi kwalunkwe każ, il-ġestjoni tal-kumpannija kkonċernata u li huma differenti mis-sempliċi konsultazzjoni reċiproka, kull wieħed minnhom huwa kkunsidrat li għandu t-totalità tal-azzjonijiet jew ishma li għandhom jew jikkontrollaw il-partijiet detenturi.

14.   Għall-finijiet ta’ dan it-test uniku, jeżisti kontroll, speċjalment fir-rigward tal-entitajiet differenti tal-kumpanniji, fil-każijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2359 tal-Codice Civile (il-Kodiċi Ċivili).

15.   Il-kontroll huwa kkunsidrat li jeżisti taħt il-forma tal-eżerċizzju ta’ influwenza dominanti, sakemm ma tkunx teżisti prova tal-kuntrarju, f’waħda mis-sitwazzjonijiet segwenti:

a)

meta tkun teżisti entità li, waħidha jew flimkien ma’ azzjonisti oħra, jkollha l-possibbiltà li teżerċita l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot tal-laqgħa ġenerali jew li taħtar jew li tirrevoka l-maġġoranza tal-amministraturi;

b)

meta jkunu jeżistu, b’mod partikolari bejn is-soċji, rabtiet ta’ natura finanzjarja, ta’ organizzazzjoni jew ekonomika li jistgħu jipproduċu wieħed mill-effetti segwenti:

1)

it-trasferiment tal-profitti u tat-telf;

2)

il-koordinazzjoni tal-ġestjoni ta’ impriża ma’ dik ta’ impriżi oħra, sabiex jintlaħaq għan komuni;

3)

l-għoti ta’ setgħat li jeċċedu dawk inerenti għall-azzjonijiet jew għall-ishma miżmuma;

4)

l-għoti ta’ setgħat, fir-rigward tal-għażla tal-amministraturi u tad-diriġenti tal-impriżi, lil entitajiet differenti minn dawk leġittimament ibbażati fuq l-istruttura ta’ proprjetà;

c)

meta tkun teżisti rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ direzzjoni komuni, li tista’ b’mod partikolari tirriżulta mill-karatteristiċi tal-kompożizzjoni tal-organi amministrattivi jew elementi oħra sinjifikattivi u kwalitattivi.

[…]”

Il-Kodiċi Ċivili

11

L-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili intitolat “Kumpanniji Kkontrollati u Kumpanniji Marbuta” jipprovdi:

“Huma kkunsidrati kumpanniji kkontrollati:

1)

il-kumpanniji li fihom kumpannija oħra għandha l-maġġoranza tad-drittijiet għall-vot eżerċitabbli fil-laqgħa ġenerali;

2)

il-kumpanniji li fihom kumpannija oħra għandha drittijiet għall-vot suffiċjenti sabiex teżerċita influwenza dominanti fil-laqgħa ġenerali;

3)

il-kumpanniji li fihom kumpannija oħra teżerċita influwenza dominanti abbażi ta’ rabtiet kuntrattwali speċifiċi.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punti (1) u (2) tal-ewwel paragrafu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-voti li huma intitolati għalihom kumpanniji kkontrollati, kumpanniji trust u intermedjarji; ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni voti li jistgħu jiġu eżerċitati f’isem terzi.

Huma kkunsidrati kumpanniji kkontrollati dawk li fihom kumpannija waħda teżerċita influwenza kunsiderevoli fuq l-oħrajn. Tali influwenza minn kumpannija oħra hija preżunta meta, fil-laqgħat ġenerali, din il-kumpannija tista’ teżerċita mill-anqas wieħed minn kull ħames voti, jew wieħed minn kull għaxar voti fil-każ li l-azzjonijiet huma kkwotati f’suq irregolat.”

Il-Kodiċi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

12

L-Artikolu 18 tad-digriet leġiżlattiv Nru 259, li jistabbilixxi l-Kodiċi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), huwa intitolat “Proċedura ta’ reċensjoni u ta’ definizzjoni tas-swieq”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.   Filwaqt li jittieħdu fl-ikbar kunsiderazzjoni rakkomandazzjonijiet relatati mas-swieq relevanti ta’ prodotti u ta’ servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem imsejjħa “rakkomandazzjonijiet”, u linji gwida, l-[AGCOM] tiddefinixxi s-swieq rilevanti skont il-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni u abbażi tal-karatteristiċi u tal-istruttura tas-suq nazzjonali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-[AGCOM] għandha ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikoli 11 u 12, qabel ma tiddefinixxi swieq li huma differenti minn dawn identifikati fir-rakkomandazzjonijiet.

Il-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997

13

Il-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997, tindika fil-punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) dan li ġej fost il-kompetenzi tal-AGCOM:

“[L-AGCOM] għandha tiżgura ż-żamma tar-reġistru tal-operaturi ta’ komunikazzjonijiet li huma obbligati jirreġistraw fih, skont din il-liġi, l-operaturi li jingħataw konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet mill-[AGCOM] jew minn amministrazzjonijiet kompetenti oħra abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-impriżi konċessjonarji ta’ riklami mxandra permezz ta’ għamir radjofoniku jew televiżiv jew f’gazzetti ta’ kuljum jew perjodiċi, fuq l-internet u pjattaformi oħra diġitali fissi jew mobbli, l-impriżi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi, l-impriżi ta’ edizzjoni ta’ gazzetti ta’ kuljum, ta’ perjodiċi jew ta’ rivisti u l-aġenziji tal-istampa nazzjonali, kif ukoll l-impriżi li jipprovdu servizzi telematiċi u ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż l-edizzjoni elettronika jew diġitali; l-infrastrutturi ta’ xandir li topera fuq it-territorju nazzjonali huma wkoll repertorjati fir-reġistru. L-[AGCOM] għandha tadotta leġiżlazzjoni ad hoc li tirregola l-ogranizzazzjoni u ż-żamma tar-reġistru kif ukoll l-iffissar tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-entitajiet obbligati li jirreġistraw fih, indipendentement minn dawn diġà inklużi fir-reġistru fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Vivendi, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż irreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ ta’ Pariġi (Franza), hija l-kumpannija omm ta’ grupp li jopera fis-setturi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u tal-ħolqien u d-distribuzzjoni ta’ kontenuti awdjoviżivi.

15

Vivendi għandha sehem ta’ 23.9% fil-kapital ta’ Telecom Italia SpA, kumpannija li hija tikkontrolla minn meta hija, essenzjalment, kisbet il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fil-bord ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija, matul il-vot li nżamm fil-bord tal-azzjonisti tal-4 ta’ Mejju 2017.

16

Fit-8 ta’ April 2016, Vivendi, Mediaset u Reti Televisive Italiane SpA kkonkludew kuntratt ta’ kollaborazzjoni strateġika li permezz tiegħu Vivendi akkwistat 3.5 % tal-kapital azzjonarju ta’ Mediaset u 100 % ta’ dak ta’ Mediaset Premium Spa, filwaqt li bi skambju ttrasferixxiet 3.5 % tal-kapital azzjonarju proprju.

17

Riżultat tal-kwistjonijiet li nqalgħu fir-rigward ta’ dan il-ftehim, f’Diċembru 2016 Vivendi bdiet kampanja ostili għall-akkwist tal-azzjonijiet ta’ Mediaset. Fit-22 ta’ Diċembru 2016, Vivendi waslet b’hekk sabiex iżżomm 28.8 % tal-kapital azzjonarju ta’ Mediaset u 29.94 % tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-bord tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar. Madankollu, dan is-sehem minoritarju kkwalifikat ma kienx jippermettilha teżerċita l-kontroll fuq Mediaset, li baqgħet taħt il-kontroll tal-grupp Fininvest.

18

F’dan il-kuntest, fl-20 ta’ Diċembru 2016, Mediaset ressqet ilment quddiem l-AGCOM, fejn allegat li Vivendi kienet kisret l-Artikolu 43(11) tat-TUSMAR (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjini inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), minħabba li l-ishma li Vivendi għandha f’Telecom Italia u f’Mediaset għandhom bħala riżultat li d-dħul ta’ Vivendi mwettqa fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minn naħa, u fis-SIK, min-naħa l-oħra, jaqbżu, skont hi, il-limiti previsti minn din id-dispożizzjoni, skont liema l-impriżi li d-dħul tagħhom imwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż permezz ta’ kumpanniji kkontrollati jew marbuta, huma superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur ma jistgħux jirċievu, fis-SIK, dħul superjuri għal 10 % ta’ dak imwettaq f’din is-sistema.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-AGCOM”), l-AGCOM ikkunsidrat li Vivendi kienet kisret id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, din l-awtorità rrilevat li Vivendi kienet kumpannija marbuta ma’ Telecom Italia u ma’ Mediaset, peress li kellha iktar minn wieħed minn ħamsa tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-bord tal-azzjonisti ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji, li Vivendi kienet kisbet 59 % tad-dħul imwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, liema huwa magħmula mis-servizzi bl-imnut b’network fiss, mis-servizzi bl-ingrossa b’network fiss jew mobbli u servizzi ta’ radjudiffużjoni televiżiva għat-trażmissjoni ta’ kontenuti lill-utenti finali, u li Mediaset kienet irċeviet 13.3 % tad-dħul imwettaq fil-kuntest tas-SIK. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-AGCOM ordnat ukoll lil Vivendi ttemm dan it-teħid ta’ ishma fil-kapital ta’ Mediaset jew f’dak ta’ Telecom Italia f’terminu ta’ tnax-il xahar.

20

Fl-imsemmija deċiżjoni, l-AGCOM ikkunsidrat b’mod partikolari li huma biss is-swieq li ġew suġġetti għal leġiżlazzjoni, abbażi tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas, li kienu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija ppreċiżat ukoll li din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tipproteġi l-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u li, b’mod partikolari, l-għan ta’ din kien li jiġu evitati, fid-dawl tal-fenomenu dejjem jikber ta’ konverġenza bejn it-telekomunikazzjonijiet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni, effetti ta’ distorsjoni fuq il-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jiġu prodotti meta impriża b’setgħa sinjifikattiva fuq is-suq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tieħu “dimensjoni ekonomika sostanzjali” fis-SIK. F’dan il-kunest, l-AGCOM iżżid li l-limiti stabbiliti mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ta’ natura awtomatika, sa fejn japplikaw indipendentement minn kull analiżi tal-effetti tagħha ta’ distorsjoni u indipendentement minn kull kunsiderazzjoni relatata mad-dritt tal-kompetizzjoni.

21

Fis-6 ta’ April 2018, Vivendi kkonformat ruħha mal-ordni li l-AGCOM kienet tatha, billi ttrasferiet lil kumpannija terza 19.19 % tal-azzjonijiet ta’ Mediaset, li jirrappreżentaw 19.95 % tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-bord tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar. B’dan il-mod, Vivendi żammet sehem dirett fil-kapital ta’ Mediaset ta’ inqas minn 10 % tal-voti eżeċitabbli fil-bord tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar.

22

Madankollu, Vivendi appellat id-deċiżjoni tal-AGCOM quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

23

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, fl-ewwel lok, Vivendi ssostni li l-AGCOM iddefinixxiet b’mod żbaljat is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, sa fejn, sabiex jiġi kkalkolat id-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, l-AGCOM kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-swieq kollha li realment jifformaw is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u mhux biss parti minnhom, jiġifieri dawk li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ analiżi tas-suq intiża sabiex tikxef il-preżenza ta’ operatur f’pożizzjoni dominanti u li teskludi swieq importanti, bħal dak tas-servizzi bl-imnut tat-telefonija mobbli.

24

Fit-tieni lok, Vivendi ssostni li l-AGCOM intepretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kumpannija marbuta”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul imwettaq mill-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Mediaset, meta dawn ma huma la kkontrollati minn Vivendi u lanqas marbuta ma’ din tal-aħħar u li Vivendi ma teżerċita fuqhom ebda “influwenza importanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Fit-tielet lok, Vivendi tinvoka ksur tal-Artikolu 49, 56 u 63 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni tal-AGCOM, skontha, tippreġudika l-possibbiltà għal kumpannija rreġistrata fi Franza li tikseb sehem minoritarju f’kumpannija rreġistrata fl-Italja.

26

Fir-raba’ lok, Vivendi tallega li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja, peress li, għal ċerti operaturi oħra tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-limitu tad-dħul imwettaq fis-SIK għal 20 % minflok għal 10 %.

27

L-AGCOM issostni li l-projbizzjoni li tittieħed “dimensoni ekonomika sostanzjali” fis-SIK, prevista mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha bħala bażi legali l-prinċipju ta’ pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea u l-premessa 8 tad-Direttiva “Servizzi tal-Media Awdjoviżiva”. Barra minn hekk, l-AGCOM tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertajiet fundamentali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ limitazzjonijiet sabiex jiġi ggarantit il-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Istati Membri.

28

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li huwa neċessarju li tiġi evalwata n-natura adegwata u proporzjonata tar-restrizzjonijiet imposti permezz tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta mqabbla, mhux biss mal-libertà ta’ stabbiliment, mal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u mal-libertà ta’ moviment tal-kapital, iżda wkoll tal-prinċipji bħal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk l-impriżi għandhomx pożizzjoni dominanti (u li, bħala konsegwenza, jimponu fuqhom obbligi speċifiċi), [id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali] jikser id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 63 TFUE? Din id-domanda qiegħda ssir għal dak li jirrigwarda l-parti fejn, billi tirreferi għall-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-imsemmija dispożizzjoni tillimita s-settur inkwistjoni għas-swieq li jistgħu jkunu suġġetti għal kontroll ex ante, minkejja l-fatt magħruf li l-informazzjoni (li l-pluraliżmu tagħha jikkostitwixxi l-għan tad-dispożizzjoni kkonċernata) qiegħda tinxtered iktar u iktar permezz tal-użu tal-internet, tal-kompjuters personali u tat-telefonija mobbli, b’mod li jista’ jkun irraġonevoli li jiġu esklużi minn dan is-settur, b’mod partikolari, servizzi bl-imnut tat-telefonija mobbli, għar-raġuni biss li joperaw f’sistema kompletament kompetittiva. Id-domanda qiegħda ssir ukoll fid-dawl tal-fatt li l-[AGCOM] iddelimitat is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-finijiet tal-applikazzjoni [tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali], preċiżament fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni [fil-kawża prinċipali], billi ħadet inkunsiderazzjoni biss is-swieq li kienu s-suġġett ta’ mill-inqas analiżi waħda minn meta daħal fis-seħħ il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, jiġifieri mill‑2003 sal-lum, u billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni dwar id-dħul li tirriżulta mill-aħħar evalwazzjoni utli, li twettqet fl‑2015.

2)

Il-prinċipji fil-qasam tal-protezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 15 u 16 tad-[Direttiva Qafas], li huma intiżi li jipproteġu l-pluraliżmu u l-libertà ta’ espressjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal-Unjoni jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-media awdjoviżiva u tar-radju, bħal dik Taljana li tinsab [fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fl-]Artikolu 43(14) [tat-TUSMAR], li tgħid li d-dħul rilevanti għad-determinazzjoni tat-tieni limitu ta’ 10 % għandu jinkludi dak tal-impriżi li ma humiex ikkontrollati jew suġġetti għal influwenza dominanti, iżda biss “marbuta” fis-sens tal-Artikolu 2359 tal-Codice Civile (li għalih jirreferi l-Artikoli 43(14)), minkejja li l-ebda influwenza fuq l-informazzjoni li għandha tixxandar ma tista’ tiġi eżerċitata fuq dawn tal-aħħar?

3)

Il-prinċipji fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 15 u 16 tad-[Direttiva Qafas], il-prinċipji fil-qasam tal-protezzjoni tal-pluraliżmu tas-sorsi ta’ informazzjoni u tal-kompetizzjoni fis-settur tax-xandir televiżiv imsemmija fid-[Direttiva ‘Servizzi tal-media awdjoviżiva’] u fid-[Direttiva Qafas] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali[bħat-TUSMAR], li jissuġġetta, fl-Artikolu 43(9) u [fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali], għal limiti differenti ħafna (20 % u 10 % rispettivament), minn naħa, ‘l-operaturi obbligati jirreġistraw ruħhom fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni, stabbilit skont il-punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) tal-legge 31 luglio 1997, n. 249 [(il-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997)]’ (jiġifieri, l-operaturi, imsemmija fl-Artikolu 9, li lilhom [l-AGCOM] jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti oħra jagħtu konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, kif ukoll l-impriżi konċessjonarji tar-reklamar imxandar, l-impriżi tal-pubblikazzjoni, eċċ.) u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li joperaw fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iddefinit preċedentement (fil-kuntest tal-paragrafu 11)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

30

Il-Gvern Taljan ikkunsidra li l-ewwel domanda hija ipotetika, minħabba li, anki kieku s-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kien ġie ddelimitat b’mod iktar wiesa’, is-sehem ta’ Vivendi għas-sena ta’ riferiment kien ikun, minħabba l-kontroll li din teżerċita fuq Telecom Italia, ugwali għal 45.9 % tad-dħul imwettaq f’dan is-settur. Il-limitu ta’ 40 % previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet tkun, konsegwentement, fi kwalunkwe każ, inqabżet.

31

Mediaset issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari kollha hija inammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma tiddefinixxix il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali b’mod ċar u koerenti u lanqas ma tispjega r-relevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tirreferi għalihom f’din it-talba.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, f’dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Taljan, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda tirrigwarda preċiżament il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-limitu ta’ 40 % tad-dħul globali mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huwa stabbilit sabiex jiġi llimitat l-aċċess għas-SIK mill-impriżi preżenti f’dan is-settur. Issa, il-fatt li, kif jallega dan il-gvern, Vivendi kienet taqbeż fi kwalunkwe ipoteżi dan il-limitu ma jaffettwax il-punt dwar jekk l-eżistenza stess ta’ tali limitu tistax tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li huwa essenzjalment, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tiddetermina. Għalhekk, din id-domanda ma hijiex ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

35

F’dak li jikkonċerna l-argument invokat minn Mediaset, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tispjega r-relevanza tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, din it-talba tinkludi biżżejjed elementi ta’ evalwazzjoni sabiex tippermetti li jinftiehmu l-punti ta’ dritt imqajjma f’dak li jikkonċerna l-eventwali inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

36

Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

37

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda preliminari magħmula tagħmel riferiment għall-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, filwaqt li t-tieni u t-tielet domanda jirreferu għall-Artikoli 49 u 56, relatati, l-ewwel wieħed mal-libertà ta’ stabbiliment u, it-tieni wieħed, mal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi. Għalhekk, jaqbel li tiġi ddeterminata qabel xejn il-libertà li hija rilevanti f’dan il-każ.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelvat, qabel xejn, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi konkreti li jippermettu li wieħed jaħseb li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-prestazzjoni transkonfinali ta’ servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser teżamina, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari, l-Artikolu 56 TFUE.

39

Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda mil-libertajiet l-oħrajn, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għalhekk, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal teħid ta’ ishma li jsiru bl-unika intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 92).

42

F’dan il-każ, l-għan tal-Artikolu 43 tat-TUSMAR huwa li jikkontrolla l-konċentrazzjonijiet fis-SIK sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ “pożizzjonijiet dominanti”, fis-sens tad-dritt Taljan, fuq kull wieħed mis-swieq li jifformaw is-SIK. Fi kliem ieħor, dan l-artikolu, li tagħmel parti minnu d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, b’mod ġenerali, bħala għan li tistabbilixxi limiti għall-kontroll li jista’ jiġi eżerċitat fuq il-kumpanniji attivi fis-SIK.

43

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi kumpanniji li d-dħul tagħhom imwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkun superjuri għal 40 % mid-dħul globali mwettaq f’dan is-settur tirċievi fis-SIK dħul superjuri għal 10 % ta’ dak imwettaq f’din is-sistema, isservi sabiex jiġu stabbiliti limiti għal tali kontroll.

44

Barra minn hekk, minn naħa, ix-xiri ta’ 23.94 % tal-kapital ta’ Telecom Italia ppermetta lil Vivendi tikseb il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fil-bord tal-azzjonijiet ta’ din u, sussegwentement, li tieħu l-kontroll ta’ din l-impriża, sitwazzjoni li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan intiż minn Vivendi meta akkwistat l-azzjonijiet ta’ Mediaset kien mhux li tagħmel sempliċi investiment finanzjarju, iżda li tintervjeni fil-ġestjoni ta’ Mediaset u li tikseb parti sinjifikattiva tas-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni Taljani.

45

Għalhekk, fid-dawl tal-għan ġenerali tal-Artikolu 43 tat-TUSMAR u tal-għan tat-teħid ta’ ishma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa l-eżerċizzju ta’ influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ Mediaset u d-determinazzjoni tal-attivitajiet ta’ din, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din il-kawża għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

46

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li t-tieni u t-tielet domanda preliminari magħmula jirreferu għall-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas, għall-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll għall-prinċipju ta’ kompetizzjoni fis-settur tax-xandir televiżiv msemmija fid-Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva” u fid-Direttiva Qafas.

47

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li kemm id-Direttiva Qafas kif ukoll id-Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva” iwettqu armonizzazzjoni mhux eżawjrenti tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fl-oqsma rispettivi tagħhom, u jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontenut u politika awdjoviżiva.

48

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax sa fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tmur kontra l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas, il-prinċpju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ kompetizzjoni fis-settur tax-xandir televiżiv msemmi fid-Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva” u fid-Direttiva Qafas. Fil-fatt, dawn l-artikoli u prinċipji huma msemmija minnha mingħajr ma tispjega r-rabta li l-imsemmija artikoli u prinċipji għandhom mad-domandi magħmula.

49

Għalhekk, anki jekk ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-domandi preliminari magħmula, dawn id-domandi ma jirrelatawx, fil-fatt, mal-obbligi li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-istess artikoli u prinċipji. Min-naħa l-oħra, huma jqajmu l-punt dwar sa fejn id-dipożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedi l-marġni ta’ evalwazzjoni mħalli lill-Istati Membri mid-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva”, li jeħtieġ eżami fir-rigward tad-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 49 TFUE.

Fuq id-domandi preliminari

50

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-effett li tipprojbixxi impriża rreġistrata fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tagħha mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif dan huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż permezz ta’ kumpanniji kkontrollati jew marbuta, huwa superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, milli tirċievi fis-SIK dħul superjuri għal 10 % ta’ dak imwettaq f’din is-sistema.

51

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE u li tali effetti restrittivi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari meta, minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali, kumpannija tiġi skoraġġuta milli toħloq entitajiet subordinati, bħal stabbiliment stabbli, fi Stati Membri oħra u li teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali entitajiet (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Dan huwa l-każ tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tipprojbixxi lil kwalunkwe impriża, kemm jekk tkun kif ukoll jekk ma tkunx stabbilita fuq it-territorju nazzjonali, li d-dħul tagħha mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif dan huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jirrappreżenta 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, li jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul imwettaq fis-SIK u, għaldaqstant, li tieħu, jekk ikun il-każ, il-kontroll ta’ impriża oħra stabbilita fuq dan l-istess territorju li teżerċita attivitajiet f’dan tal-aħħar.

53

Għalhekk, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 20 ta’ din is-sentenza, l-AGCOM, adita meta Vivendi akkwistat 28.8 % tal-kapital azzjonarju ta’ Mediaset u 29.94 % tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-bord tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar, ipprojbixxiet lil Vivendi, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, milli żżomm l-ishma li hija kienet akkwistat f’Mediaset jew li kellha f’Telecom Italia u ordnat lil Vivendi li ttemm l-ishma tagħha f’waħda minn dawn l-impriżi sa fejn kienu jeċċedu l-limiti previsti mill-istess dispożizzjoni.

54

Id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’hekk illimitat il-libertà ta’ Vivendi li tistabbilixxi ruħha fl-Italja, billi pprojbitha milli tinfluwenza iżjed il-ġestjoni ta’ Mediaset permezz ta’ teħid ta’ sehem superjuri għal dak li kien stabbilit. Hija tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

55

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju li din tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaqa’ u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu jiġi rrilevat li minn indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll minn osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata sabiex jiġi ggarantit il-pluraliżmu tal-informazzjoni u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. L-Artikolu 43(5) tat-TUSMAR jipprovdi wkoll li l-AGCOM għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex telimina jew tipprevjeni l-formazzjoni tal-pożizzjonijiet imsemmija, b’mod partikolari, fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew ta’ kull pożizzjoni oħra li tippreġudika l-pluraliżmu.

57

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tal-libertajiet protetti fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi għal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, tikkostitwixxi inkontestabbilment għan ta’ interess ġenerali, li għandha tiġi enfasizzata, b’mod partikolari, l-importanza tiegħu f’soċjetà demokratika u pluralista, li hija tali li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Il-protokoll Nru 29 dwar is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattati UE u FUE, jirreferi wkoll għall-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, billi jiddikkjara li “s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media”.

59

F’dan il-każ, ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ konsegwentement, fil-prinċipju, tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tal-pluraliżmu u tal-informazzjoni u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

60

Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura proporzjonata ta’ din ir-restrizzjoni meta mqabbla ma l-għan intiż, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 43(9) tat-TUSMAR jipprevedi li l-operaturi obbligati jirreġistraw ruħhom fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni ma jistgħux iwettqu dħul li jeċċedi 20 % tad-dħul totali tas-SIK, u b’hekk jistabbilixxi regola ġenerali li hija intiża li tapplika biss għall-entitajiet attivi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

61

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintroduċi regola li jerġa’ hija iktar speċifika minn dik prevista fl-Artikolu 43(9) tat-TUSMAR, li tikkonċerna biss l-entitajiet tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, li jwettqu iktar minn 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, u li jipprojbixxi lil tali entitajiet li jwettqu iktar minn 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-SIK.

62

L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk, tipprekludi, essenzjalment, li impriża waħda tikseb, hija stess jew permezz tas-sussidjarji tagħha, sehem importanti fis-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Italja meta jkollha diġà saħħa sinjifikattiva fuq is-suq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi f’dan l-Istat Membru.

63

Issa, peress li projbizzjoni bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li din id-dispożizzjoni tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan intiż, u li dan ma jistax jintlaħaq bi projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet ta’ portata iżgħar jew li jaffettwaw inqas l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 5 tad-Direttiva Qafas jirriżulta li, ċertament, jeżistu rabtiet bejn iż-żewġ setturi fil-mira tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li jikkonverġu s-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

65

Għalhekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-viċinanza bejn is-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u dak tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, jista’, fil-prinċipju, jiġi ammess li ċerti limiti jiġu imposti għall-possibbiltà għall-impriżi li diġà jokkupaw “pożizzjoni dominanti” fl-ewwel wieħed minn dawn is-setturi li japprofitta minn din il-pożizzjoni sabiex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fit-tieni wieħed.

66

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-direttivi li jikkomponu il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fosthom id-Direttiva Qafas, jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenut, li timplika responsabbiltà editorjali, u t-twassil tal-kontenut, mingħajr l-ebda responsabbiltà editorjali, billi l-kontenuti u t-trażmissjoni tagħhom jaqgħu taħt leġiżlazzjonijiet separati li jsegwu għanijiet speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Google, C‑193/18, EU:C:2019:498, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Minħabba din id-distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenut u t-twassil tal-kontenut, l-impriżi attivi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jeżerċitaw kontroll fuq it-twassil u t-trażmissjoni tal-kontenut, ma jeżerċitawx neċessarjament kontroll fuq il-produzzjoni tagħhom li jimplika responsabbiltà editorjali.

68

F’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirreferix għal dawn ir-rabtiet bejn il-produzzjoni tal-kontenut u t-twassil tal-kontenut u lanqas ma hija fformulata b’mod li tapplika speċifikament f’relazzjoni ma’ dawn ir-rabtiet.

69

Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi b’mod assolut lill-entitajiet li d-dħul tagħhom imwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, huma superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur milli jwettqu fis-SIK dħul superjuri għal 10 % ta’ dawn imwettqa f’din is-sistema.

70

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni bħad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan speċifiku, intiż sabiex jiġi prekluż li jinħolqu l-aspetti negattivi ta’ konverġenza bejn is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-SIK, għandu jiġi evalwat liema hija r-rabta bejn, minn naħa, il-limiti li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li jeżisti għall-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

71

F’dak li jikkonċerna, qabel xejn, id-definizzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-AGCOM tiddefinixxi dan is-settur b’mod restrittiv, bħala li jirreferi għas-swieq li jistgħu jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante.

72

Kif jirriżulta mill-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas, moqrija fid-dawl tal-premessi 25 u 27 tagħha, dawn is-swieq huma dawk tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi inġenerali, inkluż is-swieq il-ġodda, li fuqhom ma teżistix kompetizzjoni effettiva, li ġew reċensiti mill-Kummissjoni bħala swieq rilevanti ta’ prodotti jew servizzi bil-ħsieb, jekk ikun il-każ, tal-introduzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ obbligi leġiżlattivi ex ante intiżi sabiex jikkompletaw ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jiġu riżolti d-diffikultajiet li jeżistu fuq dawn is-swieq (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑424/07, EU:C:2009:749, punti 56 u 64).

73

Jidher, għalhekk, li l-mekkaniżmu tal-obbligi leġiżlattivi ex ante huwa intiż sabiex isolvi problemi speċifiċi li jeżistu fuq swieq speċifiċi tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u mhux li jiggarantixxi l-pluraliżmu fis-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni billi jippermetti li jiġu identifikati, fost l-impriżi li għandhom diġà saħħa sinjifikattiva fuq is-suq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, dawk li jistgħu jilħqu “dimensjoni ekonomika importanti” fis-SIK.

74

Kif irreleva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 51, 52, 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tillimita d-definizzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għas-swieq li jistgħu jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif hija interpretata mill-AGCOM, teskludi mis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi s-swieq li għandhom importanza dejjem tikber għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, jiġifieri s-servizzi bl-imnut tat-telefonija mobbli jew inkella servizzi oħra ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi marbuta mal-internet u servizzi ta’ xandir bis-satellita. Issa, dawn saru l-mezz prinċipali ta’ aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, b’tali mod li ma huwiex iġġustifikat li jiġu esklużi minn din id-definizzjoni.

75

F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-SIK, imsemmi mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-fatt jekk jinġabarx jew le d-dħul ekwivalenti għal 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-SIK ma huwiex, minnu nnifsu, indizju ta’ riskju ta’ influwenza fuq il-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1)(s) tat-TUSMAR jirriżulta li s-SIK tiġbor swieq differenti u varjati. Għalhekk, fl-ipoteżi li d-dħul globali mwettaq minn impriża fis-SIK ikun ikkonċentrat f’wieħed biss mis-swieq li jifformaw din is-sistema, b’tali mod li r-rata milħuqa minn dan is-suq tkun nettament superjuri għal 10 %, iżda tibqa’ taħt l-10 % meta jittieħdu inkunsiderazzjoni s-swieq kollha li jifformaw is-SIK, il-fatt li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-SIK ma jintlaħaqx ma jkunx ta’ natura li jiġi eskluż kwalunkwe riskju għall-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. B’mod simili, fil-każ fejn il-limitu ta’ 10 % tad-dħul globali mwettaq fis-SIK jintlaħaq, iżda fejn dawn l-10 % ta’ dħul jinqasmu fuq kull wieħed mis-swieq li jifformaw is-SIK, il-fatt li dan il-limitu ta’ 10 % jintlaħaq jew jinqabeż ma jikxifx neċessarjament l-eżistenza ta’ riskju għall-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

76

F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-fatt li l-AGCOM, sabiex tidentifika d-dħul imwettaq minn impriża fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew fis-SIK, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dħul imwettaq permezz ta’ kumpanniji “kkontrollati” iżda wkoll dawk imwettqa permezz ta’ kumpanni “marbuta”, li fuqhom l-impriża konċernata teżerċita “influwenza importanti”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li tali prassi tista’ twassal għal teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul u b’hekk il-kalkolu tad-dħul mwettaq mis-SIK ikun żbaljat. Fil-fatt, l-istess dħul ta’ kumpannija attiva fis-SIK jista’ għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni kemm għall-kalkolu tad-dħul ta’ impriża li hija l-azzjonista minoritarja tagħha kif ukoll għall-kalkolu tad-dħul ta’ impriża li hija l-azzjonista maġġoritarja tagħha u tikkontrollaha effettivament.

77

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-“kontroll” eżerċitat fuq “kumpannija marbuta” huwa bbażat fuq preżunzjoni wiesgħa, skont liema kumpannija teżerċita “influwenza importanti” fuq kumpannija oħra meta l-ewwel waħda minnhom tista’ teżerċita wieħed minn ħamsa tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-bord tal-azzjonisti tat-tieni waħda, jew wieħed minn għaxra ta’ dawn jekk l-ewwel kumpannija għandha azzjonijiet ikkwotati fuq swieq regolati. Issa, tali ċirkustanzi ma jidhirx li jippermettu li jiġi stabbilit li l-ewwel kumpannija tista’ effettivament teżerċita influwenza fuq it-tieni waħda ta’ natura li tippreġudika l-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u tal-informazzjoni.

78

Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assimilazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ “kumpannija kkontrollata” ma’ dik ta’ “kumpannija marbuta”, fil-kuntest tal-kalkolu tad-dħul imwettaq minn impriża fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew fis-SIK, ma jidhirx konċiljabbli mal-għan intiż mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li hija ta’ natura li tilħaq l-għan li hija għandha, peress li tistabbilixxi limiti li huma mingħajr ebda relazzjoni mar-riskju eżistenzi għall-pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, peress li dawn il-limiti ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk u sa fejn impriża hija effettivament f’pożizzjoni li tinfluwenza l-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-effett li tipprojbixxi impriża rreġistrata fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tagħha mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, milli tirċievi fis-SIK dħul superjuri għal 10 % ta’ dak imwettaq f’din is-sistema.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-effett li tipprojbixxi impriża rreġistrata fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tagħha mwettaq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa superjuri għal 40 % tad-dħul globali mwettaq f’dan is-settur, milli tirċievi fis-SIK dħul superjuri għal 10 % ta’ dak imwettaq f’din is-sistema.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq