Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62018CJ0031
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 17 October 2019.#„Elektrorazpredelenie Yug“ EAD v Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR).#Request for a preliminary ruling from the Administrativen sad Sofia-grad.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2009/72/EC — Internal market in electricity — Article 2(3) to (6) — Concepts of electricity transmission system and electricity distribution system — Distinguishing criteria — Voltage — Ownership of installations — Article 17(1)(a) — Independent transmission operator — Articles 24 and 26 — Distribution system operator — Article 32(1) — Free third-party access — Access to medium-voltage electricity — Interconnection points between transmission and distribution systems — Discretion of the Member States.#Case C-31/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2019.
„Elektrorazpredelenie Yug“ EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Suq intern tal-elettriku – Il-punti 3 sa 6 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku – Kriterji ta’ distinzjoni – Livell ta’ vultaġġ – Proprjetà tal-installazzjonijiet – Artikolu 17(1)(a) – Operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti – Artikoli 24 u 26 – Operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni – Artikolu 32(1) – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess għall-elettriku ta’ vultaġġ medju – Punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
Kawża C-31/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2019.
„Elektrorazpredelenie Yug“ EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Suq intern tal-elettriku – Il-punti 3 sa 6 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku – Kriterji ta’ distinzjoni – Livell ta’ vultaġġ – Proprjetà tal-installazzjonijiet – Artikolu 17(1)(a) – Operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti – Artikoli 24 u 26 – Operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni – Artikolu 32(1) – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess għall-elettriku ta’ vultaġġ medju – Punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
Kawża C-31/18.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:868
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Suq intern tal-elettriku – Il-punti 3 sa 6 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku – Kriterji ta’ distinzjoni – Livell ta’ vultaġġ – Proprjetà tal-installazzjonijiet – Artikolu 17(1)(a) – Operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti – Artikoli 24 u 26 – Operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni – Artikolu 32(1) – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess għall-elettriku ta’ vultaġġ medju – Punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”
Fil-Kawża C‑31/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura
“Elektrorazpredelenie Yug” EAD
vs
Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)
fil-preżenza ta’:
“BMF Port Burgas” EAD
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Jarukaitis, E. Juhász u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Frar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “Elektrorazpredelenie Yug” EAD, minn H. Nihrizov, P. Stanchev, A. Todorov, B. Petrov, M. Baykushev u G. Dimitrov, advokati, assistiti minn S. Radev, konsulent legali, |
– |
għal Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR), minn I. Ivanov, |
– |
għal “BMF Port Burgas” EAD, minn T. Dimitrova, M. Derelieva, M. Peneva u I. Todorov, advokati, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn C. Mosser, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, Y. G. Marinova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Elektrorazpredelenie Yug” EAD (iktar ’il quddiem “ER Yug”), operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fuq parti mit-territorju tal-Bulgarija, u l-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-kummissjoni regolatorja tal-enerġija u tal-ilma, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KEVR”), fir-rigward tal-fatturazzjoni lil “BMF Port Burgas” EAD (iktar ’il quddiem “BMF”) tat-tariffi għall-aċċess għal din in-netwerk u għat-trażmissjoni tal-elettriku f’din in-netwerk. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 1 sa 3, 9, 11, 16, 17, 19 u 44 tad-Direttiva 2009/72 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.” |
5 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva[:] […] (3) ‘trasmissjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista; (4) ‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku; (5) ‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista; (6) ‘operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’ u, jekk ikun meħtieġ, li tiżviluppa s-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħlaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku; (7) ‘klijent’ tfisser klijenti bl-ingrossa jew klijenti finali tal-elettriku; (8) ‘klijent bl-ingrossa’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku bil-għan li terġa’ tbiegħu ġewwa jew barra mis-sistema fejn tkun stabbilita; (9) ‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu; […] (19) ‘provvista’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti; […]” |
6 |
Il-Kapitoli IV u V tad-Direttiva 2009/72, li jinkludu l-Artikoli 9 sa 23 tagħha, jipprevedu d-dispożizzjonijiet applikabbli, rispettivament, għall-operat tan-netwerks ta’ trażmissjoni u għall-operat tan-netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti, filwaqt li l-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, li jinkludi l-Artikoli 24 sa 29 tagħha, jikkonċerna l-operat tan-netwerks ta’ distribuzzjoni. |
7 |
Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2009/72, dwar l-operat tan-netwerks ta’ trażmissjoni, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit‑3 ta’ Marzu 2012:
[…] (8) Fejn, fit‑3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1. F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:
[…]” |
8 |
Fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2009/72, dwar l-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-assi, it-tagħmir, l-istaff u l-identità”, jiddisponi: “1. L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u jwettqu l-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, partikolarment:
[…]” |
9 |
Fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/72, dwar l-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ħatra tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jaħtru jew għandhom jesiġu minn impriżi li jkunu proprjetarji jew responsabbli ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni li jaħtru, għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri wara li dawn ikunu kkunsidraw l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku, operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta’ distribuzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jaġixxu konformement mal-Artikoli 25, 26 u 27.” |
10 |
Fl-istess kapitolu, l-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-separazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi: “1. Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment. 2. Addizzjonalment għar-rekwiżiti tal-Paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin: […]
|
11 |
Fil-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema”, l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, huwa stess intitolat “Aċċess minn parti terza”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. […]” |
Id-dritt Bulgaru
12 |
L-Artikolu 86(1) taż-Zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija) (DV Nru 107, 2003, iktar ’il quddiem iż-“ZE”), jiddisponi: “It-trażmissjoni tal-elettriku jitwettaq mill-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku li kiseb liċenzja għat-trażmissjoni tal-elettriku […]” |
13 |
Skont l-Artikolu 88(1) taż-ZE: “Id-distribuzzjoni ta’ elettriku u l-operazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tiegħu huma rriżervati għall-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li huma proprjetarji ta’ dawn in-netwerks f’territorju partikolari u kisbu liċenzja biex jiddistribwixxu l-elettriku fiż-żona korrispondenti. […]” |
14 |
L-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE (DV Nru 54, 2012) fih id-definizzjonijiet li ġejjin: “20. ‘netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku’: sett ta’ linji tal-elettriku u sistemi elettriċi għat-trażmissjoni, għall-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal medju u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-fluss tal-enerġija; […] 22. ‘netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku’: sett ta’ linji tal-elettriku u sistemi elettriċi ta’ vultaġġ għoli, medju u baxx, li jservu biex jiddistribwixxu l-elettriku; […] 44. ‘trażmissjoni ta’ elettriku […]’: it-trażmissjoni tal-elettriku […] fuq in-netwerk ta’ trażmissjoni […]; […] 49. ‘distribuzzjoni’: it-trażmissjoni tal-elettriku […] fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni”. |
15 |
L-Artikoli 124 u 125 tan-Naredba no 6 za prisaedynyavane na proizvoditeli i klienti na elektricheska energyia kam prenosnata ili kam razpredelitelnite elektricheski mrezhi (ir-Regolament Nru 6 dwar il-konnessjoni tal-produtturi tal-elettriku u l-klijenti man-netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku), tal‑24 ta’ Frar 2014, jistabbilixxu l-limitu tal-proprjetà bejn l-installazzjonijiet tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni u dawk tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
ER Yug għandha liċenzja esklużiva ta’ distribuzzjoni tal-elettriku maħruġa, fit‑13 ta’ Awwissu 2014, mill-KEVR, li abbażi tagħha hija tiżgura, permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni li hija l-operatur tiegħu, id-distribuzzjoni tal-elettriku fit-territorju ddefinit f’din il-liċenzja, jiġifieri x-Xlokk tal-Bulgarija. |
17 |
Dan it-territorju jinkludi ż-żona li fiha jinsabu t-terminal tal-port ta’ “Burgas tal-Punent” u “Burgas tal-Lvant 2”, li minnhom BMF, bħala konċessjonarja, tiżgura l-operat u tipprovdi servizzi konnessi. |
18 |
L-istabbilimenti ta’ BMF relatati mat-terminal tal-port ta’ “Burgas tal-Lvant 2” huma relatati man-netwerk tal-elettriku b’linja ta’ vultaġġ medju (20 kV), magħrufa bħala “Novo pristanishte” (“Port ġdid”), li hija stess hija mqabbda mal-apparat ta’ vultaġġ medju (ukoll ta’ 20 kV) tas-substazzjon tal-elettriku ta’ konverżjoni “Ribari” (“Sajjieda”). Il-linja tal-elettriku “Novo pristanishte”, li hija proprjetà tal-Istat, ingħatat lil BMF bħala parti mill-assi neċessarji għall-funzjonament tat-terminali tal-port konċessi. Is-substazzjon tal-elettriku “Ribari” hija proprjetà tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni fil-Bulgarija “Elektroenergien sistemen operator” EAD (iktar ’il quddiem “ESO”). |
19 |
L-elettriku trażmess fuq in-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli operat minn ESO jiġi kkonvertit fil-livell tal-punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni, fil-proċessuri Nru 1 u Nru 2, b’tali mod li jkun hemm bidla fil-vultaġġ ta’ 110 kV (vultaġġ għoli) lejn il-vultaġġ ta’ 20 kV (vultaġġ medju), sabiex ikun jista’ jiġi użat fl-apparat ta’ vultaġġ medju (20 kV) tas-substazzjon “Ribari”. L-istrumenti tal-kejl kummerċjali tal-elettriku li ġej min-netwerk ta’ trażmissjoni ESO lejn in-netwerk ta’ distribuzzjoni ER Yug, li huma l-proprjetà ta’ din tal-aħħar, huma installati immedjatament wara l-proċessuri Nru 1 u Nru 2, fil-livell tal-konnessjonijiet relattivi għaċ-ċelloli Nru 26 u Nru 39 tal-apparat ta’ vultaġġ medju (20 kV) tas-substazzjon “Ribari”. Il-linja tal-elettriku “Novo Pristanishte” hija mqabbda ma’ dan l-apparat fil-livell taċ-ċellola Nru 44. Din il-linja tintuża biex tittrażmetti u tipprovdi l-elettriku esklużivament lil BMF. |
20 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2013, ER Yug u BMF ikkonkludew kuntratt relatat mas-servizzi tan-netwerk li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel ipprovdiet lit-tieni b’aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u jiżgura t-trażmissjoni ta’ elettriku fuq dak in-netwerk, għall-iskop ta’ provvista ta’ elettriku lill-istabbilimenti ta’ BMF li jinsabu fiż-żona tal-port ta’ Burgas. |
21 |
Peress li qieset li kienet imqabbda direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni, BMF xoljiet unilateralment il-kuntratt konkluż ma’ ER Yug fis‑6 ta’ Ottubru 2016 u kkonkludiet kuntratti ma’ ESO rigward l-aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni, il-provvista ta’ servizzi tan-netwerk u tat-trażmissjoni ta’ elettriku għall-iskop tal-provvista tal-elettriku lill-istabbilimenti ta’ BMF imsemmija iktar ’il fuq. Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, ESO installat l-istrumenti tagħha tal-kejl kummerċjali tal-elettriku trażmess permezz tal-linja tal-elettriku “Novo Pristanishte”. |
22 |
Madankollu, peress li dawn l-istabbilimenti baqgħu mqabbdin man-netwerk ta’ distribuzzjoni, ER Yug kompliet tibgħat lil BMF il-fattura bit-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni u għat-trażmissjoni ta’ elettriku fuq din in-netwerk. |
23 |
Adita minn BMF, il-KEVR qieset, bid-deċiżjoni tagħha Nru Zh‑37 tat‑28 ta’ Frar 2017, li ladarba kien għadda t-terminu ta’ xoljiment tal-kuntratt ma’ BMF, ER Yug ma kienx għad għandha dritt li tibgħat fattura lil din tal-aħħar bit-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u għat-trażmissjoni ta’ dan fuq in-netwerk. Il-KEVR ikkunsidrat li l-istabbilimenti inkwistjoni ta’ BMF kienu direttament imqabbdin man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku ta’ ESO u li għalhekk, BMF seta’ jkollha direttament aċċess għal din in-netwerk. Għaldaqstant, il-KEVR ordnat lil ER Yug, minn naħa, twaqqaf il-fatturazzjoni lil BMF tat-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni kif ukoll għat-trażmissjoni ta’ elettriku fuq din in-netwerk u, min-naħa l-oħra, sabiex tipproċedi b’reviżjoni tat-tariffi ffatturati wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preavviż għax-xoljiment tal-kuntratt konkluż ma’ BMF. |
24 |
ER Yug ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija). |
25 |
Fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem dik il-qorti, ER Yug issostni li, sakemm BMF hija mqabbda man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, hija ma tistax ixxolji l-kuntratt ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni ta’ elettriku permezz ta’ din in-netwerk. Fis-sistema tad-Direttiva 2009/72, l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku huwa l-livell ta’ vultaġġ tal-elettriku mwassal minn din, jiġifieri, minn naħa, vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli għan-netwerk ta’ trażmissjoni, u min-naħa l-oħra, vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx għan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Id-definizzjoni tat-trażmissjoni ta’ elettriku prevista mill-punti 20 sa 44 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE hija inkompatibbli mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, li, bis-saħħa tal-effett dirett tagħha u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi applikata direttament. Dan iwassal sabiex il-provvista ta’ servizzi tan-netwerk fil-livell ta’ vultaġġ medju tikkostitwixxi attività ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. L-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni, ESO, ma għandux id-dritt li jqabbad lill-klijenti tiegħu mal-apparat ta’ vultaġġ medju u lanqas li jipprovdi servizzi ta’ netwerk ta’ vultaġġ medju, peress li dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt is-servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku li għalihom ER Yug għandha liċenzja esklużiva fit-territorju fejn jinsabu l-istabbilimenti inkwistjoni ta’ BMF. |
26 |
BMF issostni, min-naħa tagħha, li l-istabbilimenti tagħha huma mqabbda direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku permezz tas-substazzjon “Ribari”, li ESO hija l-proprjetarju tiegħu. Għalhekk, peress li la dan is-substazzjon u lanqas il-linja tal-elettriku “Novo pristanishte” mqabbda miegħu ma huma proprjetà ta’ ER Yug, ma jikkostitwixxux elementi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. BMF għalhekk temmen li l-liċenzja ta’ ER Yug ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu pprovduti s-servizzi ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, u konsegwentement lanqas li s-servizzi inkwistjoni jkunu ffatturati. Barra minn hekk, iż-ZE ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-klijent milli jiġi direttament imqabbad man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li f’din il-kawża, huwa neċessarju li jiġi stabbilit ma’ liema netwerk tal-elettriku, dak ta’ distribuzzjoni jew dak ta’ trażmissjoni, huma mqabbda l-istabbilimenti inkwistjoni ta’ BMF u, għaldaqstant, lil liema operatur hija għandha tħallas it-tariffi għas-servizzi tan-netwerk. Jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-kriterju ta’ distinzjoni rilevanti bejn l-attivitajiet ta’ “trażmissjoni” u dawk ta’ “distribuzzjoni” tal-elettriku kif ukoll bejn il-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni” u ta’ “netwerk ta’ distribuzzjoni”. Fil-fatt, jekk il-livell tal-vultaġġ għandu jitqies bħala l-uniku kriterju distintiv, peress li l-linja tal-elettriku “Novo pristanishte” hija mqabbda mal-apparat ta’ vultaġġ medju tas-substazzjon “Ribari”, BMF għandha tħallas it-tariffi għas-servizzi tan-netwerk lil ER Yug, li jkollha d-dritt esklużiv li tipprovdi servizzi ta’ netwerk lill-klijenti kollha mqabbdin fil-livell ta’ vultaġġ medju fit-territorju kopert bil-liċenzja tagħha, indipendentement minn jekk hijiex proprjetarja jew le tal-installazzjonijiet relattivi. |
28 |
Din il-qorti tikkunsidra, bħall-maġġoranza tal-qrati Bulgari, li jirriżulta mill-Artikolu 88(1) taż-ZE, mill-Artikoli 124 u 125 tar-Regolament Nru 6 dwar il-konnessjoni tal-produtturi tal-elettriku u l-klijenti man-netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, kif ukoll mil-liċenzja maħruġa lil ER Yug li l-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra bħala kriterju ta’ distinzjoni bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni dak tal-proprjetà tal-installazzjonijiet elettriċi fi ħdan l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni jew dak tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Fir-rigward tal-livell ta’ vultaġġ, il-pożizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali ma hijiex, madankollu, daqstant ċara. Madankollu, mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-livell ta’ vultaġġ tal-elettriku trażmess, u dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298). |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
30 |
BMF issostni li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, huma inammissibbli. Din it-tilwima tirrigwarda esklużivament id-dritt, għal utent, li jtemm kuntratt ta’ konnessjoni tal-elettriku konkluż mingħajr bażi ma’ kumpannija, ER Yug, li ma hijiex il-proprjetarju tan-netwerk li tipprovdi l-elettriku u lanqas ma hija responsabbli għall-operat u l-funzjonament tal-installazzjonijiet tiegħu. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni prinċipali hija dik dwar jekk l-utent għandux id-dritt li jkun imqabbad ma’ installazzjoni li hija l-proprjetà ta’ operatur indipendenti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi li huma mingħajr rilevanza fir-rigward tal-kunċetti ta’ “trażmissjoni” u ta’ “distribuzzjoni” ta’ elettriku. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża ma tqajjem ebda dubju u, barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew trasposti fid-dritt Bulgaru. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika eventwali, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 30). |
32 |
Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi magħmula b’mod preliminari tista’ tiġi eskluża biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex bħala għan il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq id-domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda intiża li tissodisfa l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 31). |
33 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tqajmu fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u utent li jallega li huwa direttament imqabbad man-netwerk ta’ trażmissjoni għall-aċċess għall-elettriku b’vultaġġ medju, jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “distribuzzjoni” u ta’ “trażmissjoni” ta’ elettriku, li jinsabu fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-kunċetti ta’ netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, hijiex konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, ma’ liema minn dawn in-netwerks dan l-utent għandu jiġi kkunsidrat li huwa mqabbad, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u, għaldaqstant, liema minn dawn l-operaturi għandu jħallas it-tariffi għall-aċċess u għat-trażmissjoni tal-elettriku pprovdut. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-domandi preliminari, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, huma manifestament irrilevanti. |
35 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tqajjem ebda dubju jew li dawn kienu ġew implimentati fid-dritt nazzjonali, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw il-mertu tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula u mhux l-ammissibbiltà tagħhom. |
36 |
Konsegwentement, għandu jitqies li dawn id-domandi huma ammissibbli. |
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
37 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tiddefinixxi l-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku billi tibbaża ruħha, mhux biss fuq il-kriterju tal-livell tal-vultaġġ tal-elettriku, iżda wkoll fuq dak tal-proprjetà tal-assi użati għall-eżerċizzju tal-attivitajiet, rispettivament, ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u, min-naħa l-oħra, tipprevedi li l-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju taqa’ taħt l-attività ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
38 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/72 għandha bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni dwar, b’mod partikolari, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku sabiex jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-elettriku fl-Unjoni. |
39 |
Hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2009/72 hija intiża, b’mod partikolari, sabiex toħloq suq kompletament miftuħ li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lill-fornituri kollha li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 36 u 55). |
40 |
F’dan il-kuntest, l-aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni tal-elettriku b’mod mhux diskriminatorju, trasparenti u disponibbli għall-prezz ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u għandu importanza primordjali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 40, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 31). |
41 |
B’mod partikolari, l-aċċess liberu ta’ terzi għan-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, jikkostitwixxi, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet diversi drabi, waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 2009/72 timponi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 9, separazzjoni legali u funzjonali effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni mhux biss fil-ġestjoni tan-netwerk, imma wkoll fl-inċentivi li għandhom l-impriżi integrati vertikalment sabiex jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom. |
43 |
Il-kunċetti ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ netwerk ta’ trażmissjoni ma humiex iddefiniti bħala tali mid-Direttiva 2009/72. Min-naħa l-oħra, il-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “trażmissjoni” bħala li jfisser it-trasport tal-elettriku fuq in-netwerk ta’ vultaġġ għoli ħafna u ta’ vultaġġ għoli li huma interkonnessi bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, bl-esklużjoni tal-“provvista” stess. Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, min-naħa tiegħu, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “distribuzzjoni” bħala li jfisser it-trażmissjoni ta’ elettriku fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, bl-esklużjoni tal-“provvista” stess. Dan il-kunċett ta’ “provvista” għandu jinftiehem, skont il-punt 19 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bħala li jindika l-bejgħ ta’ elettriku lill-klijenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 45, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 28). |
44 |
Peress li dawn id-definizzjonijiet ma jinkludu ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dawn għandhom ikollhom fl-Unjoni kollha interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36). |
45 |
Issa, minn dawn id-definizzjonijiet b’mod ċar jirriżulta, minn naħa, li netwerk ta’ trażmissjoni hija netwerk interkonnessa intiża sabiex twassal l-elettriku ta’ vultaġġ għoli ħafna u ta’ vultaġġ għoli, bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti finali jew lil distributuri u, min-naħa l-oħra, li netwerk ta’ distribuzzjoni hija sistema intiża sabiex twassal elettriku ta’ vultaġġ għoli, ta’ vultaġġ medju u ta’ vultaġġ baxx, bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 46, kif ukoll is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 29). |
46 |
Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tan-natura tan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/72, u l-kwantità ta’ elettriku trażmess fuq dawn in-netwerks, huwa biss il-vultaġġ tal-elettriku mwassal li jikkostitwixxi l-kriterju ta’ distinzjoni rilevanti li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk netwerk jikkostitwixxix netwerk ta’ distribuzzjoni jew netwerk ta’ trażmissjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 48, u s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 30). |
47 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li la d-data li fiha ġiet stabbilita tali netwerk u lanqas il-fatt li dan huwa intiż għal finijiet ta’ awtokonsum u li huwa operat minn entità privata, li magħha huma konnessi numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, u lanqas id-daqs tagħha jew il-livell ta’ konsum tal-elettriku tagħha, ma jikkostitwixxu kriterji rilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi ċerti netwerks ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba tali kriterji (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 49, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 31 u 35). |
48 |
Fit-tieni lok, mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-għan tan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, fis-sens ta’ din id-direttiva, il-kriterju ta’ distinzjoni rilevanti jinsab, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 51 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kategorija ta’ klijenti li fihom l-elettriku mwassal huwa intiż, netwerk ta’ trażmissjoni li jservi sabiex ibiegħ l-elettriku lil klijenti finali jew lil distributuri, filwaqt li netwerk ta’ distribuzzjoni huwa intiż għall-bejgħ tal-elettriku lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali. |
49 |
Minn dan isegwi li netwerks li għandhom il-funzjoni li jwasslu l-elettriku, minn naħa, ta’ vultaġġ għoli ħafna u ta’ vultaġġ għolja, għall-finijiet tal-bejgħ lil klijenti finali jew lil distributuri u, min-naħa l-oħra, ta’ vultaġġ għoli, ta’ vultaġġ medju jew ta’ vultaġġ baxx, sabiex jinbiegħ lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali, għandhom jitqiesu li huma, rispettivament, netwerks ta’ trażmissjoni u netwerks ta’ distribuzzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 37). |
50 |
Ċertament, id-Direttiva 2009/72, peress li hija intiża li timplimenta b’mod progressiv suq intern tal-elettriku kompletament operattiv, ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tar-regoli relatati, b’mod partikolari, mat-trażmissjoni u mad-distribuzzjoni tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 86, u tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS, C‑305/17, EU:C:2018:986, punti 23 sa 25). |
51 |
Barra minn hekk, il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, għalkemm jistabbilixxu l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, madankollu, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, minn sovrappożizzjoni tad-definizzjonijiet li jinsabu fihom dwar il-vultaġġ għoli u l-klijenti kkonċernati, huma jħallu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw dawn il-kriterji. |
52 |
Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni dwar dan il-punt f’din id-direttiva, sakemm l-Istati Membri josservaw id-distinzjoni magħmula fl-imsemmija punti 3 u 5 tal-Artikolu 2, bejn il-vultaġġ għoli ħafna, il-vultaġġ għoli, il-vultaġġ medju u l-vultaġġ baxx, huma jibqgħu kompetenti, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiddeterminaw l-limiti preċiżi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn dawn il-livelli differenti ta’ vultaġġ. |
53 |
Bl-istess mod, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, kemm l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni kif ukoll dak tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jistgħu jkunu responsabbli għall-interkonnessjonijiet korrispondenti bejn in-netwerks, l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw, fl-osservanza tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 3 u 5 ta’ dan l-artikolu, jekk il-punti ta’ interkonnessjoni jagħmlux parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew min-netwerk ta’ distribuzzjoni. |
54 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li t-trasformazzjoni, f’substazzjonijiet tal-elettriku, ta’ vultaġġ elettriku sabiex tippermetti l-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju taqa’ taħt l-attività tan-netwerk ta’ trażmissjoni ma teċċedix il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, peress li tali għażla, miftuħa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, issir skont il-livell ta’ vultaġġ. |
55 |
Min-naħa l-oħra, bir-riskju li tiġi ppreġudikata l-interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri ma jistgħux iżidu kriterji ta’ distinzjoni supplimentari minbarra dawk relatati mal-livell ta’ vultaġġ u mal-kategorija ta’ klijenti li fuqhom l-elettriku jitwassal, sabiex jiddefinixxu l-kunċetti ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni. |
56 |
Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk id-Direttiva 2009/72 ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-oqsma li hija tirregola, il-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, huma ta’ natura fundamentali fl-istruttura tagħha, peress li, sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku, l-imsemmija direttiva, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitoli IV sa VI tagħha, u kif diġà ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, minn naħa, timponi s-separazzjoni legali u funzjonali effettiva ta’ dawn in-netwerks u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta lil dawn tal-aħħar kif ukoll lill-operaturi tagħhom għal regoli distinti. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri huma obbligati, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2009/72 ta’ natura li twettaq l-istabbiliment tas-suq kompetittiv imsemmi f’din id-direttiva, li jiddefinixxu l-kunċetti ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ elettriku, fis-sens ta’ din id-direttiva, billi jagħmlu riferiment biss għaż-żewġ kriterji previsti fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tagħha, relatati, rispettivament, mal-livell ta’ vultaġġ u mal-kategorija ta’ klijenti li lejhom jitwassal l-elettriku. |
58 |
Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jiddistingwu l-kunċetti ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ elettriku, fis-sens tad-Direttiva 2009/72, billi jibbażaw ruħhom fuq kriterju supplimentari meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tagħha. |
59 |
Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkunsidra bħala kriterju ta’ distinzjoni bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni, minbarra dak tal-livell tal-vultaġġ tal-elettriku, dak tal-proprjetà tal-installazzjonijiet elettriċi kkonċernati. |
60 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ipoteżi, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li tali kriterju ta’ distinzjoni jirriżulta, b’mod partikolari, mill-interpretazzjoni mogħtija lil din il-leġiżlazzjoni minn maġġoranza ta’ qrati nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huwa impost fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Minn dan isegwi li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex dan jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u b’hekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, jekk ikun meħtieġ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, meta Stat Membru, bħar-Repubblika tal-Bulgarija, iddeċieda, għall-finijiet tas-separazzjoni bejn il-ġestjoni tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku, li jeżerċita l-għażla prevista fl-Artikolu 9(8)(b) tad-Direttiva 2009/72, li tippermettilu li ma japplikax id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dwar is-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà, sabiex jaħtar operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti, tali għażla timplika, għal dan l-Istat Membru, l-obbligu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 17(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 32, 33 u 41). |
64 |
Issa, din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi espliċitament li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti għandhom ikunu proprjetarji tal-assi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku, b’mod partikolari tan-netwerk ta’ trażmissjoni, u dan, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat, kif jirriżulta mill-premessi 16, 17 u 19 tad-Direttiva 2009/72, l-indipendenza totali u effettiva ta’ dawn l-operaturi meta mqabbla mal-attivitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 34). |
65 |
Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 applikabbli għall-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, li jinsabu fil-Kapitolu VI tagħha li jinkludu l-Artikoli 24 sa 29, ma jimponux tali rekwiżit fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni. |
66 |
Fil-fatt, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2009/72, dwar is-separazzjoni tal-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jipprevedi, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, meta dan jagħmel parti minn impriża integrata vertikalment, għandu jkun indipendenti, għall-inqas f’termini tal-forma legali, tal-organizzazzjoni u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni, mingħajr madankollu ma jkun obbligat li jissepara l-proprjetà tal-assi tiegħu minn din l-impriża. |
67 |
Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 2(c) ta’ dan l-artikolu, l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni għandu, l-iktar l-iktar, “jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi”, indipendentement mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa sabiex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-netwerk. |
68 |
Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni, stabbilita mid-dritt nazzjonali, li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni għandu jkun il-proprjetarju tiegħu, għalkemm ma hijiex imposta mid-Direttiva 2009/72, tista’ tkun ta’ natura, bħal dik prevista għall-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni fl-Artikolu 9(1)(a) u fl-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, sabiex issaħħaħ is-separazzjoni effettiva tal-attivitajiet differenti fis-suq tal-elettriku. |
69 |
Tali kundizzjoni tidher ukoll li tħeġġeġ lill-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni sabiex jinvesti fin-netwerk tiegħu u hekk jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72 li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 9, 11, 19 u 44 tagħha, li jippromwovi l-investimenti fl-infrastrutturi sabiex tiġi żgurata provvista stabbli tal-elettriku. |
70 |
Madankollu, din il-kundizzjoni ma tistax tippreġudika t-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, li jiġi implimentat suq intern tal-elettriku miftuħ li fuqu huwa żgurat il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. |
71 |
B’mod partikolari, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 78 sa 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta, fid-dawl tal-livell ta’ vultaġġ tiegħu u tal-kategorija ta’ klijenti li lejhom huwa jwassal l-elettriku, netwerk għandu jiġi kklassifikat, skont il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, bħala netwerk ta’ distribuzzjoni, peress li l-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ din in-netwerk ta’ distribuzzjoni mill-operatur tiegħu ma jistax ikollu bħala effett li jneħħi din in-netwerk mill-obbligu li jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li japplikaw għalih. |
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-Istati Membri ma jistgħux jqiegħdu netwerks li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’kategorija ta’ netwerks distinta minn dawk stabbiliti espliċitament minn din id-direttiva, b’mod partikolari, sabiex jingħataw eżenzjonijiet mhux previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 48). |
73 |
Konsegwentement, Stat Membru ma jistax jeskludi mill-kunċett ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni netwerk li sservi sabiex twassal l-elettriku ta’ vultaġġ għoli, ta’ vultaġġ medju u ta’ vultaġġ baxx għall-bejgħ lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali, għas-sempliċi raġuni li l-operatur ta’ din in-netwerk ma jkunx proprjetarju tiegħu. |
74 |
Barra minn hekk, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni ta’ proprjetà tan-netwerk ta’ distribuzzjoni mill-operatur tiegħu ma tistax twassal sabiex dan l-operatur jiġi attribwit monopolju għal żmien illimitat għad-distribuzzjoni tal-elettriku f’territorju partikolari, minħabba l-ostakolu għad-dħul li din il-kundizzjoni tista’ tikkostitwixxi għal terzi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjoni inkwistjoni tistax tipproduċi tali konsegwenzi. |
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
76 |
Madankollu, din l-interpretazzjoni hija bla ħsara, minn naħa, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti għandu jkun proprjetarju ta’ din in-netwerk u, min-naħa l-oħra, tad-dritt għall-Istati Membri li jimponu fuq l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni l-obbligu li huwa jkun il-proprjetarju ta’ din in-netwerk, sa fejn, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din il-kundizzjoni ma tippreġudikax it-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din l-istess direttiva, b’mod partikolari, billi teskludi tali netwerk mill-obbligu li jikkonforma mar-regoli li huma applikabbli għalih skont din id-direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
77 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/72 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li utent li huwa mqabbad man-netwerk tal-elettriku fuq livell ta’ apparat ta’ vultaġġ medju għandu neċessarjament jitqies bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li jkollu liċenzja esklużiva għad-distribuzzjoni tal-elettriku fit-territorju kkonċernat, anki jekk dan tal-aħħar ma huwiex proprjetarju ta’ din l-installazzjoni u irrispettivament mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dan l-utent u l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aċċess liberu ta’ terzi għan-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni tal-elettriku, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, jikkostitwixxi, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku. |
79 |
Dan id-dritt ta’ aċċess huwa strettament marbut mad-dritt tal-konsumaturi li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u għal dak tal-fornituri li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, fis-sens li, sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għad-diversi netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jġorru l-elettriku sal-klijenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 43, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punti 33 u 43). |
80 |
Konformement mal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, l-aċċess għan-netwerks għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti, kif ukoll fuq tariffi ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, u li ma jkunux diskrezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 46). |
81 |
Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan, peress li dawn huma kompetenti, konformement mal-Artikolu 288 TFUE, fir-rigward tal-forma u l-mezzi li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ aċċess ta’ terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, sakemm dawn ikunu konformi mal-prinċipju ta’ aċċess liberu għal dawn in-netwerks, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjonijiet jew derogi previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 jikkonċernaw biss l-aċċess għan-netwerks u mhux il-konnessjoni magħhom, jiġifieri l-konnessjoni fiżika man-netwerks (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 42). |
83 |
Issa, id-dritt tal-klijenti li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, huwa ggarantit kemm meta l-fornitur iqabbad lill-klijenti ma’ netwerk ta’ trażmissjoni kif ukoll meta din il-konnessjoni tgħaqqadhom ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 43). |
84 |
Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jorjentaw lill-utenti tan-netwerks lejn tip ta’ netwerk jew ieħor u, għaldaqstant, sabiex jiddeterminaw it-tip ta’ netwerk li ser isir konnessjoni magħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li ssir din il-konnessjoni f’kundizzjonijiet li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu oġġettivi. Għalhekk l-utenti ma għandhomx id-dritt li jagħżlu b’mod diskrezzjonali t-tip ta’ netwerk li miegħu huma jixtiequ jiġu konnessi miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punti 46 sa 49). |
85 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-utent inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitlob il-konnessjoni man-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku minħabba li huwa magħqqad ma’ apparat ta’ vultaġġ medju integrat f’installazzjoni li tittrasforma l-vultaġġ elettriku sabiex tippermetti l-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju, sa fejn, skont id-dritt nazzjonali, tali trasformazzjoni taqa’ taħt l-attività ta’ din in-netwerk ta’ trażmissjoni. |
86 |
F’dan ir-rigward, fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza diġà ġie kkonstatat li mill-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tirrikonoxxilhom din id-direttiva, jekk il-punti ta’ interkonnessjoni bejn netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jagħmlu parti mill-ewwel jew mit-tieni tip ta’ netwerk, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju, taqa’ taħt l-attività ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
87 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-konnessjoni ta’ utent, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, man-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija bbażata fuq raġunijiet oġġettivi u li ma humiex diskriminatorji, peress li dan l-utent huwa marbut ma’ apparat ta’ vultaġġ medju li jaqa’, konformement mad-Direttiva 2009/72 u mad-dritt nazzjonali, taħt l-attività ta’ din in-netwerk ta’ trażmissjoni. |
88 |
Minn dan isegwi li din id-direttiva ma tipprekludix li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali utent jitqies li huwa konness man-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
89 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-apparat inkwistjoni effettivament jagħmel parti, hekk kif jidher li jirriżulta mill-elementi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja u mid-dibattiti li seħħew matul is-seduta, mis-substazzjon tal-elettriku li jaqa’ taħt in-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u għalhekk ma jikkostitwixxix element estern għal dan peress li jagħmel parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. |
90 |
Fi kwalunkwe każ, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel u t-tielet domanda, b’mod partikolari mill-punt 71 ta’ din is-sentenza, li l-operaturi rispettivi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u tan-netwerk ta’ trażmissjoni jkunu jew ma jkunux proprjetarji tan-netwerk ikkonċernat, peress li tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad lil din in-netwerk min-natura tiegħu ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ta’ netwerk ta’ trażmissjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/72. |
91 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-punti 3 sa 6 tal-Artikolu 2 tagħha, u l-Artikolu 32(1) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li utent li huwa mqabbad man-netwerk tal-elettriku fuq livell ta’ apparat ta’ vultaġġ medju mhux neċessarjament għandu jitqies bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li jkollu liċenzja esklużiva għad-distribuzzjoni tal-elettriku fit-territorju kkonċernat, irrispettivament mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dan l-utent u l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku, peress li tali utent jista’ jitqies bħala klijent tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku meta jkun mqabbad ma’ apparat ta’ vultaġġ medju li jagħmel parti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, minn substazzjon tal-elettriku li l-attività tagħha ta’ konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju taqa’ taħt l-attività ta’ din in-netwerk. |
Fuq l-ispejjeż
92 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.