Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0025

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
    Brian Andrew Kerr vs Pavlo Postnov u Natalia Postnova.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okrazhen sad - Blagoevgrad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘qasam kuntrattwali’ – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju – Obbligu tal-komproprjetarji li jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà stabbiliti minn din id-deċiżjoni – Azzjoni ġudizzjarja intiża għall-kisba tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 4(1)(b) u (ċ) – Kunċetti ta’ ‘kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi’ u ta’ ‘kuntratt relatat ma’ dritt in rem’ – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju relatata mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan.
    Kawża C-25/18.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:376

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘qasam kuntrattwali’ – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju – Obbligu tal-komproprjetarji li jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà stabbiliti minn din id-deċiżjoni – Azzjoni ġudizzjarja intiża għall-kisba tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 4(1)(b) u (ċ) – Kunċetti ta’ ‘kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi’ u ta’ ‘kuntratt relatat ma’ dritt in rem’ – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju relatata mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan”

    Fil-Kawża C‑25/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Okrazhen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

    Brian Andrew Kerr

    vs

    Pavlo Postnov,

    Natalia Postnova,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn M. Heller u Y. Marinova, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Brian Andrew Kerr u Pavlo Postnov u Natalia Postnova dwar in-nuqqas ta’ ħlas, minn dawn tal-aħħar, ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà relatati ma’ kondominju ta’ appartamenti, li B. A. Kerr, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur, jamministra.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 1215/2012

    3

    Il-premessi 4, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

    “(4)

    Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

    […]

    (15)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    (16)

    Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

    4

    L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    5

    L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

    1)

    a)

    fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

    […]”

    6

    L-Artikolu 24 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

    1)

    fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

    […]”

    Ir-Regolament Nru 593/2008

    7

    Il-premessi 7 u 17 tar-Regolament Nru 593/2008 jistabbilixxu:

    “(7)

    L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (‘Brussell I’) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali [(‘Ruma II’) (ĠU 2007, L 199, p. 40)].

    […]

    (17)

    Sa fejn tkun konċernata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla, il-kunċetti ta’ ‘forniment ta’ servizzi’ u ‘bejgħ ta’ oġġetti’ għandhom jkunu interpretati bl-istess mod meta jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001] sa fejn il-bejgħ ta’ oġġetti u l-forniment ta’ servizzi ikunu koperti minn dak ir-Regolament. Għalkemm kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ distribuzzjoni huma kuntratti għal servizzi, huma s-suġġett ta’ regoli speċifiċi.”

    8

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 593/2008 jistabbilixxi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.

    […]

    2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    f)

    kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, bħall-kostituzzjoni f, permezz ta’ reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, u r-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u membri, bħala tali, għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp;

    […]”

    9

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

    a)

    kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

    b)

    kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

    ċ)

    kuntratt relatat ma’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ proprjetà immobbli għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    P. Postnov u N. Postnova, iddomiċiljati f’Dublin (l-Irlanda), huma proprjetarji ta’ appartament li jagħmel parti minn kondominju f’komproprjetà f’Bansko (il-Bulgarija), li huma kisbu permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fit-30 ta’ Mejju 2008.

    11

    Matul il-laqgħat ġenerali annwali tal-komproprjetarji ta’ dan il-kondominju, li nżammu matul ix-xhur ta’ Jannar 2013, Jannar 2014, Frar 2015, Marzu 2016 u Marzu 2017, ġew adottati deċiżjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà, għall-ispejjeż tal-partijiet komuni.

    12

    Filwaqt li sostna li P. Postnov u N. Postnova ma kinux wettqu għalkollox l-obbligu tagħhom ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet annwali, B. A. Kerr, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur tal-imsemmi kondominju, ippreżenta rikors quddiem ir-Rayonen sad Razlog (il-Qorti Distrettwali ta’ Razlog, il-Bulgarija), intiż sabiex dawn jiġu kkundannati għall-ħlas tal-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, flimkien ma’ interessi moratorji.

    13

    Permezz ta’ digriet dwar dan ir-rikors, ir-Rayonen sad Razlog (il-Qorti Distrettwali ta’ Razlog, il-Bulgarija) ikkunsidrat li, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża bejn B. A. Kerr u P. Postnov u N. Postnova, peress li dawn kienu ddomiċiljati f’Dublin (l-Irlanda) u li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma kinux issoddisfatti.

    14

    B. A. Kerr appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15

    Din tistaqsi dwar in-natura ġuridika tal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ kollettività li ma għandhiex personalità ġuridika, bħal laqgħa ġenerali ta’ komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti.

    16

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Okrazhen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati taħt l-Artikolu 7(1)(a) tar-[Regolament Nru 1215/2012], id-deċiżjonijiet ta’ soċjetajiet [assoċjazzjonijiet] legali li ma għandhomx personalità ġuridika, maħluqa permezz tal-liġi minħabba dritt speċjali ta’ proprjetà fir-rigward ta’ drittijiet partikolari, li jittieħdu permezz ta’ maġġoranza tal-membri ta’ dawn is-soċjetajiet [assoċjazzjonijiet] iżda li jorbtu lill-membri kollha, inklużi dawk li ma jkunux ivvotaw, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu s-sors ta’ ‘obbligu kuntrattwali’?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet għandhom jiġu applikati r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet kuntrattwali previsti fir-[Regolament Nru 593/2008]?

    3)

    Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda jkunu fin-negattiv: fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet għandhom jiġu applikati r-regoli previsti fir-[Regolament Nru 864/2007] u r-regoli ta’ liema wieħed mis-sorsi ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali msemmija fir-Regolament għandhom jiġu applikati?

    4)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun fil-pożittiv: id-deċiżjonijiet ta’ soċjetà [assoċjazzjoni] legali li ma għandhiex personalità ġuridika dwar spejjeż għall-manutenzjoni ta’ bini għandhom jitqiesu li huma ‘kuntratt għall-provvista ta’ servizzi’ fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-[Regolament Nru 593/2008] jew bħala kuntratt relatat ma’ ‘dritt in rem’ jew ma’ ‘kiri’ fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tal-istess regolament?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    17

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti li ma għandhiex personalità ġuridika u li hija speċjalment maħtura mil-liġi sabiex teżerċita ċerti drittijiet, adottata mill-maġġoranza tal-membri tagħha, iżda vinkolanti għall-membri kollha tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    18

    F’dan il-każ, l-obbligu li hija mitluba l-eżekuzzjoni tiegħu jirriżulta minn deċiżjoni adottata mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti, li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan il-kondominju.

    19

    Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jabroga u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Konsegwentement, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika wkoll għall-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 27).

    21

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu d-domiċilju, hija r-regola ġenerali. Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, li l-imsemmi regolament jipprevedi regoli speċjali u esklużivi ta’ ġurisdizzjoni f’każi elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, E.ON Czech Holding, C‑560/16, EU:C:2018:167, punt 26, u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 18).

    22

    Għaldaqstant, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 huma ta’ interpretazzjoni stretta u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżi kkunsidrata b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 31; tas-17 ta’ Ottubru 2013, OTP Bank, C‑519/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:674, punt 23, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 18).

    23

    Fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 38, u tal-21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 34).

    24

    Għalkemm din id-dispożizzjoni ma teħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tagħha, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq. Għalhekk, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, ma jistax jinftiehem fis-sens li jinkludi sitwazzjoni fejn ma jeżisti ebda obbligu meħud liberament minn parti fil-konfront ta’ oħra (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 46; tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39, u tal-21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 35).

    25

    Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fi kwistjonijiet fil-qasam kuntrattwali fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 tippreżumi d-determinazzjoni ta’ obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 47; tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 33, u tal-21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 36).

    26

    Fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li l-formulazzjoni tagħha tikkorrispondi għal dik tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, minkejja li, kif tfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ewwel waħda fost dawn id-dispożizzjonijiet tapplika wkoll għat-tieni waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligi li għandhom bħala suġġett il-ħlas ta’ somma ta’ flus u li huma bbażati fuq rabtiet eżistenti bejn assoċjazzjoni u l-membri tagħha għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt “kwistjonijiet fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li l-adeżjoni għal assoċjazzjoni toħloq bejn il-membri rabtiet stretti tal-istess tip bħal dawk li huma stabbiliti bejn il-partijiet ta’ kuntratt (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung, 34/82, EU:C:1983:87, punti 1315; tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn, C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 15, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 47).

    27

    Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, anki jekk il-parteċipazzjoni f’komproprjetà hija meħtieġa mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li d-dettalji tal-amministrazzjoni tal-partijiet komuni tal-kondominju kkonċernat huma, skont il-każ, irregolati minn kuntratt u li d-dħul f’komproprjetà jsir permezz ta’ akkwist volontarju konġunt ta’ appartament u ta’ partijiet ta’ komproprjetà f’dawn il-partijiet komuni, b’tali mod li obbligu tal-komproprjetarji fir-rigward tal-komproprjetà, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat bħala obbligu ġuridiku li ngħata kunsens liberu għalih, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

    28

    Il-fatt li dan l-obbligu jirriżulta esklużivament minn dan l-att ta’ akkwist jew jirriżulta fl-istess ħin minn dan u minn deċiżjoni adottata mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji tal-imsemmi kondominju huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-kawża relatata mal-imsemmi obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung, 34/82, EU:C:1983:87, punt 18).

    29

    Bl-istess mod, il-fatt li l-komproprjetarji kkonċernati ma pparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew opponewha iżda li, skont il-liġi, l-imsemmija deċiżjoni u l-obbligu li jirriżulta minnha għandhom natura vinkolanti u torbothom, huwa irrilevanti fuq din l-applikazzjoni, peress li, billi sar u baqa’ komproprjetarju ta’ kondominju, kull komproprjetarju jissuġġetta ruħu għad-dispożizzjonijiet kollha tal-att li jirregola l-komproprjetà kkonċernata kif ukoll għad-deċiżjonijiet adottati mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ dan il-kondominju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn, C‑214/89, EU:C:1992:115, punti 1819).

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti li ma għandhiex personalità ġuridika u li hija speċjalment maħtura mil-liġi sabiex teżerċita ċerti drittijiet, adottata mill-maġġoranza tal-membri tagħha, iżda vinkolanti għall-membri kollha tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    31

    Peress li t-tieni u t-tielet domanda saru biss għall-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għalihom.

    Fuq ir-raba’ domanda

    32

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk tilwima dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti, relatata mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan il-kondominju, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008, jew kuntratt li għandu bħala suġġett dritt in rem, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

    33

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 593/2008 tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi, bħall-kostituzzjoni, permezz ta’ reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, il-funzjonament intern u x-xoljiment ta’ kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi, stabbilit fl-Artikolu 1(2)(f) ta’ dan ir-regolament, tikkonċerna mhux talba ta’ komunità ta’ dritt, f’dan il-każ dik magħmula mill-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti rrappreżentati mill-amministratur ta’ dan, intiża għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà ta’ dan il-bini, li taqa’ taħt id-dritt komun tal-obbligi kuntrattwali, iżda esklużivament l-aspetti organiċi ta’ dawn il-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-rapport dwar il-Ftehim dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, redatt minn Mario Giuliano, Professur fl-Università ta’ Milano, u Paul Lagarde, Professur fl-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1), skont liema l-esklużjoni tal-imsemmija kwistjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1), li ġiet issostitwita, bejn l-Istati Membri, mir-Regolament Nru 593/2008, tirreferi għall-atti kollha ta’ natura kumplessa neċessarji għall-ħolqien ta’ kumpannija jew li jirregolaw il-ħajja interna tagħha jew ix-xoljiment tagħha, jiġifieri atti li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji.

    35

    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 593/2008 japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    36

    Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 593/2008, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu koerenti mar-Regolment Nru 44/2001. Sa fejn dan tal-aħħar ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012, dan il-għan ta’ koerenza japplika wkoll għalih.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprevedi ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab il-kondominju fil-qasam ta’ drittijiet in rem u kiri ta’ immobbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-ġurisprudenza ma tkoprix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, iżda tkopri biss dawk li, fl-istess ħin, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni jew rispettivament tal-imsemmi regolament u jkunu fost l-azzjonijiet intiżi, minn naħa, li jiġu ddeterminati l-portata, il-kontenut, it-titolu, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet in rem oħra fuq din il-proprjetà u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, Komu et, C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 30).

    38

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u sa fejn l-azzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn l-azzjonijiet iżda hija bbażata fuq id-drittijiet tal-komproprjetà għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet relatati mal-manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ kondominju, din l-azzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna kuntratt li għandu bħala suġġett dritt in rem fuq immobbli, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 593/2008.

    39

    F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett jimplika, tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività ddeterminata inkambju għal remunerazzjoni (sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punt 29; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 37; tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 57; tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 35, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden, C‑64/17, EU:C:2018:173, punt 38).

    40

    F’dan il-każ, l-azzjoni li hija adita biha l-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni tal-persuni kkonċernati għall-ispejjeż tal-kondominju fejn huma proprjetarji, li l-ammont tagħha huwa stabbilit mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji.

    41

    Għaldaqstant, kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata li għandha bħala suġġett mhux id-dritt in rem fuq immobbli, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 593/2008, iżda provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tiegħu.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti, relatata mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan il-kondominju, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti li ma għandhiex personalità ġuridika u li hija speċjalment maħtura mil-liġi sabiex teżerċita ċerti drittijiet, adottata mill-maġġoranza tal-membri tagħha, iżda vinkolanti għall-membri kollha tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) għandu jiġi interpretat fis-sens li, kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ kondominju ta’ appartamenti, relatata mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ dan il-kondominju, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Fuq